Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0991

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid u li jemenda r-Regolament (KE) Nru XXX/XXXX [proċedura komuni] COM(2007) 872 finali — 2008/0002 (COD)

    ĠU C 224, 30.8.2008, p. 81–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 224/81


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid u li jemenda r-Regolament (KE) Nru XXX/XXXX [proċedura komuni]

    COM(2007) 872 finali — 2008/0002 (COD)

    (2008/C 224/18)

    Nhar it-30 ta' Jannar 2008, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid u li jemenda r-Regolament (KE) Nru XXX/XXXX [proċedura komuni]

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Ambjent, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta' April 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Espuny Moyano.

    Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (sessjoni tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'71 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.

    1.1

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn li tiġi aġġornata l-leġislazzjoni dwar l-ikel ġdid sabiex tittejjeb is-sigurtà alimentari u legali. Għaldaqstant jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm jemmen li għandhom jiġu kkunsidrati ċerti suġġerimenti.

    1.2

    Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' paġna ta' l-Internet b'lista ta' l-ikel awtorizzat li tkun tista' tintuża mill-konsumaturi u mill-industrija, iżda jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li din il-paġna għandha tkun tista' tiġi lokalizzata faċilment fost il-paġni l-oħra tal-Kummissjoni u għandu jkollha spjegazzjonjiet ċari sabiex ikollha użu reali.

    1.3

    Billi r-Regolament jagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta' ikel ġdid (skond jekk dawn il-prodotti jiġux minn Stat Membru ta' l-UE jew le), il-KESE jissuġġerixxi li l-lista ta' ikel awtorizzat tkun maqsuma f'żewġ partijiet sabiex il-konsumaturi u l-operaturi jkunu jistgħu jsibuha u jużawha faċilment.

    1.4

    Il-KESE jqis li l-isforzi mwettqa mill-kumpaniji fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (R+D+I) għandhom ikunu protetti mill-awtoritajiet permezz ta' ħarsien adegwat tad-data u b'konformità mal-proprjetà intellettwali ta' din.

    1.5

    Il-KESE jemmen li l-iskadenza għall-evalwazzjoni (qabel l-1 ta' Jannar 2015) hija 'l bogħod wisq.

    1.6

    Il-KESE jemmen li l-frażi “in-nuqqas ta' użu għall-konsum mill-bniedem sa ċertu grad …” hija ambigwa wisq u tista' twassal għal żbalji, konfużjoni u prattiki ħżiena.

    1.7

    Il-KESE jinnota li ma ġiet prevista l-ebda sistema jew skadenza għar-reviżjoni tal-lista u għalhekk jipproponi li jiġi inkluż mekkaniżmu fir-Regolament stess sabiex il-lista tkun tista' tiġi riveduta meta jkun hemm bżonn.

    1.8

    Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk l-iskadenza stabbilita mill-EFSA għall-evalwazzjoni — meta din l-evalwazzjoni tkun neċessarja — hijiex ser tkun adegwata.

    2.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

    2.1

    Ir-Regolament Ewropew oriġinali dwar l-ikel ġdid huwa Regolament ta' l-1997. Minn dik id-data lil hawn, inħass il-bżonn li ċerti aspetti tar-Regolament jiġu aġġornati u mmodifikati.

    2.2

    L-għan huwa li tittejjeb l-effiċjenza u t-trasparenza u li tiġi implimentata sistema ta' awtorizzazzjoni li tiggarantixxi s-sigurtà ta' l-ikel ġdid u li tinkludi proċedura ta' evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-EFSA (l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel) li tnaqqas il-piż amministrattiv u ttejjeb il-kompetittività ta' l-intrapriżi.

    2.3

    Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi ċerti standards armonizzati għat-tqegħid fis-suq ta' l-UE ta' ikel ġdid, bil-għan li tiżgura livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bnedmin u ta' protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll sabiex tiggarantixxi l-effikaċja tas-suq intern.

    2.4

    Huma esklużi mill-applikazzjoni tagħha l-addittivi, il-ħwawar, is-solventi ta' estrazzjoni, l-enżimi, il-vitamini u l-minerali, kif ukoll l-ikel u l-għalf immodifikat ġenetikament, għax dawn huma diġà soġġetti għal proċedura speċifika.

    2.5

    Il-proposta tikkunsidra bħala ikel ġdid:

    ikel li ma ntużax fi proporzjon kbir għall-konsum uman fil-Komunità qabel il-15 ta' Mejju 1997;

    ikel li ġej mill-pjanti jew mill-annimali meta tkun ġiet applikata teknika ta' tkabbir jew riproduzzjoni mhux tradizzjonali u mhux użata qabel il-15 ta' Mejju 1997;

    ikel li ġie soġġett għal proċess ta' produzzjoni ġdid li ma ntużax qabel il-15 ta' Mejju 1997, li jwassal għal bidliet sinifikattivi fil-valur nutrittiv jew fil-metaboliżmu tiegħu jew fis-sustanzi mhux mixtieqa li jinsabu fih.

    2.6

    Barra minn hekk, il-proposta tinkludi definizzjonijiet oħrajn ta' kunċetti bażiċi bħal “ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi” u “storja ta' użu sikur ta' l-ikel”.

    2.7

    Il-proposta tistabbilixxi li fl-UE ser ikunu jistgħu jinbiegħu biss prodotti ta' l-ikel ġodda li jidhru fuq il-lista Komunitarja u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ma joħolqux problemi għas-sigurtà fuq il-bażi tax-xjenza disponibbli;

    ma jqarrqux bil-konsumatur;

    ma jkunux ta' żvantaġġ mill-perspettiva tan-nutrizzjoni meta mqabbla ma' prodott tradizzjonali, jekk l-għan huwa li jintużaw minfloku.

    2.8

    Dawn il-kundizzjonijiet jgħoddu għall-inklużjoni fil-lista Komunitarja kemm għall-ikel prodott permezz ta' metodi ta' tkabbir jew riproduzzjoni u proċessi ta' produzzjoni ġodda kif ukoll għall-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi li huwa kkunsidrat bħala ikel ġdid. Fiż-żewġ każijiet huwa indispensabbli li l-prodotti jissodisfaw ir-regoli korrispondenti u jimxu ma' proċedura stabbilita (li fiha jieħdu sehem il-Kummissjoni, l-EFSA u l-Istati Membri).

    2.9

    Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni ser tipprovdi (bil-kollaborazzjoni ta' l-EFSA) għodda u evalwazzjoni teknika biex tgħin lill-operaturi kummerċjali — b'mod speċjali l-SMEs — li jixtiequ japplikaw għall-awtorizzazzjoni.

    2.9.1

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' timponi, għal raġunijiet ta' sikurezza ta' l-ikel u fuq l-opinjoni ta' l-Awtorità, rekwiżit għal sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq (Artikolu 11).

    2.10

    Il-proposta għandha l-għan li tirrispetta d-dritt għall-ħarsien tad-data (Artikolu 12) u tistipula li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiddeterminaw il-qafas tas-sanzjonijiet għall-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet Komunitarji ma jiġux irrispettati (Artikolu 13).

    2.11

    Il-Kummissjoni ser ikollha l-għajnuna tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali. Ġiet stabbilita skadenza għall-evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni prattika tar-Regolament (2015) bil-għan li jsiru l-modifiki kollha li huma neċessarji.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1   Ċentralizzazzjoni tal-proċeduri ta' evalwazzjoni u awtorizzazzjoni

    3.1.1

    Il-proposta tistabbilixxi qafas ċentralizzat għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' l-ikel ġdid, li ser jitħejja mill-EFSA (evalwazzjoni xjentifika) u mill-Kummissjoni Ewropea (awtorizzazzjoni). Dan il-mudell ta' evalwazzjoni mħejji mill-EFSA (Artikolu 10) għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi ggarantita, b'mod uniformi, is-sigurtà ta' l-ikel ġdid, u sabiex jiġu ssemplifikati l-proċeduri li għandhom isegwu l-intrapriżi. B'dan il-mod għandha titħaffef l-awtorizzazzjoni ta' l-ikel ġdid fl-Ewropa. Fi ftit kliem, il-proposta indirettament tħeġġeġ l-investiment u l-interess tal-kumpaniji fl-iżvilupp ta' ikel ġdid.

    3.2   Il-bżonn ta' proċedura ċentralizzata għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel ġodda li tiggarantixxi s-sigurtà tagħhom u tissemplifika l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni ta' l-ikel ġdid

    3.2.1

    Meta fl-1997 ġie ppubblikat ir-Regolament dwar prodotti ta' l-ikel u ingredjenti alimentari ġodda, ġie integrat strument ġdid fil-liġi Komunitarja għall-moviment ħieles tal-prodotti ta' l-ikel sikuri.

    3.2.2

    Iż-żmien u l-applikazzjoni tar-Regolament urew li huwa essenzjali li ċerti aspetti jittejbu sabiex jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa u tal-benesseri taċ-ċittadini u moviment ħieles tal-merkanzija, kif ukoll biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi għall-awtorizzazzjoni li jippermettu li l-intrapriżi jagħmlu żviluppi ġodda.

    3.2.3

    Il-proposta tistabbilixxi żewġ proċeduri ta' awtorizzazzjoni skond it-tip ta' ikel ġdid: il-proċedura għall-prodotti tradizzjonali minn pajjiżi terzi li ser jitqiegħdu fis-suq ta' l-UE għall-ewwel darba, u l-proċedura għall-ikel ġdid li ġie prodott permezz ta' tekniki mhux tradizzjonali ta' tkabbir jew riproduzzjoni jew proċessi ta' produzzjoni ġodda.

    3.2.4

    Għall-ewwel kategorija ta' prodotti (Artikolu 8), hemm bżonn li tiġi ssemplifikata l-proċedura ta' awtorizzazzjoni eżistenti, li tqis bħala sikur kull prodott li għandu storja ta' konsum sikur għal perijodu stabbilit (ġenerazzjoni) f'pajjiż terz u li ġie ppruvat li ma kienx hemm konsum uman sinifikanti tiegħu fl-UE qabel il-15 ta' Mejju 1997. Din il-proċedura ta' notifika tissemplifika r-rekwiżiti li s'issa kellhom jissodisfaw il-prodotti ta' l-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq ta' l-Unjoni Ewropea.

    3.2.5

    Għat-tieni kategorija ta' prodotti (ikel prodott permezz ta' tekniki ta' tkabbir jew riproduzzjoni mhux tradizzjonali jew permezz ta' proċessi ta' produzzjoni ġodda), li huma dawk li jinvolvu l-iktar ir-riċerka u l-iżvilupp ta' l-industrija alimentari ta' l-UE, huwa essenzjali li ssir evalwazzjoni ta' sigurtà unika mill-EFSA u li jkun hemm proċedura (Artikolu 19) ċara, sempliċi u effikaċi li tippermetti li jitħaffu l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni li s'issa kienu twal. Madankollu, minkejja l-importanza ta' dan l-aspett, il-proċedura li għandha tintuża f'każijiet bħal dawn ma ġietx żviluppata għal kollox fil-proposta. Din tirreferi għall-proċedura ta' awtorizzazzjoni armonizzata għall-addittivi, l-enżimi u l-ħwawar. Ir-referenza għal din il-proċedura (li għadha ma ġietx adottata fl-UE) tista' tkun proposta interessanti iżda jidher li l-ambitu ta' applikazzjoni tagħha għadu ma ġiex eżaminat bir-reqqa.

    3.2.6

    Huwa importanti ferm li l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tal-prodotti ta' l-ikel ġodda jiġu ċentralizzati (EFSA u Kummissjoni Ewropea), iżda għandha wkoll tiġi stabbilita proċedura sempliċi, ċara, effikaċi, dettaljata u bi skadenzi (hekk kif sar għall-proċedura ta' notifika ta' l-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi) għall-awtorizzazzjoni ta' l-ikel ġdid prodott permezz ta' tekniki mhux tradizzjonail ta' tkabbir jew riproduzzjoni jew permezz ta' proċessi ta' produzzjoni li jikkostitwixxu l-essenza ta' l-innovazzjoni ta' l-industrija ta' l-ikel.

    3.2.7

    Din il-proċedura tista' tiġi inkluża fil-proposta jew tirreferi għal Regolament ieħor; iżda fiż-żewġ każijiet il-proposta għandha tiġbor fiha d-dettalji kollha li huma neċessarji biex l-operatur ikun jaf liema proċeduri għandu juża biex jikseb l-awtorizzazzjoni korrispondenti.

    3.2.8

    Il-proposta għandha tkun ċara u kompleta biżżejjed biex tippermetti li l-operaturi japplikawha; dan m'għandux iwaqqaf lill-Kummissjoni milli tfassal linji gwida iktar tard (Artikolu 9).

    3.3   Listi Komunitarji

    3.3.1

    L-inizjattiva li jitfasslu listi (Artikoli 5, 6 u 7) li fihom jiġu inklużi l-prodotti ta' l-ikel ġodda għandha tikkontribwixxi għat-titjib ta' l-informazzjoni tal-konsumaturi u biex tagħti sigurtà legali ikbar lill-operaturi. Il-mudell ibbażat fuq il-listi m'huwa xejn ġdid, billi l-użu tal-listi qiegħed isir dejjem iktar komuni (wieħed jista' jara r-Regolament dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa u r-Regolament dwar iż-żieda fl-ikel ta' vitamini u minerali, fost oħrajn). Fil-każ ta' l-ikel tradizzjonali minn pajjiżi terzi, il-mudell jidher li ġie żviluppat sewwa fil-proposta (kontenut tal-lista, pubblikazzjoni fuq is-sit ta' l-Internet tad-DĠ SANCO), iżda wieħed ma jistax jgħid l-istess ħaġa dwar il-prodotti l-ġodda l-oħrajn (ma nafux jekk il-lista hijiex ser tiġi ppubblikata fuq is-sit ta' l-Internet tad-DĠ SANCO, eċċ.). Għaldaqstant dan ta' l-aħħar għandu jiġi żviluppat.

    3.4   Ħarsien tal-proprjetà intellettwali

    3.4.1

    L-iżvilupp ta' prodotti ta' l-ikel ġodda jitlob impenn u investiment min-naħa ta' l-intrapriżi fl-ambitu tar-riċerka u l-iżvilupp u għalhekk dawn għandhom jiġu pprovduti bi proċeduri sempliċi, effikaċi u ekonomikament vijabbli. L-għarfien u l-iżviluppi għandhom jitħarsu b'mod li ma jxekkilx il-kompetittività. L-ambitu ta' applikazzjoni tal-ħarsien tad-data ta' l-intrapriżi m'huwiex definit b'mod ċar fil-proposta (din tirreferi esklużivament għall-awtorizzazzjonijiet, dak li jiġri f'każ fejn applikazzjoni ma tiġix aċċettata, eċċ.).

    3.4.2

    Jekk ir-Regolament il-ġdid jiġi pprovdut bi strument bħall-ħarsien tad-data, l-intrapriżi jkunu jistgħu jħossuhom iktar sikuri fir-rigward tar-riżorsi ekonomiċi u umani li jinvestu fl-iżviluppi l-ġodda. Għalihom il-ħarsien tad-data jsir strument li jagħtihom il-protezzjoni li jeħtieġu sabiex ikomplu jinnovaw u jkunu dejjem iktar kompetittivi f'kuntest fejn is-suq u l-konsumaturi huma dejjem iktar eżiġenti.

    Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    Top