Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC1325

    Dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija - Sommarju tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {KUMM(2007) 608 final} {SEG(2007) 1322} SEG(2007)1324

    /* SEK/2007/1325 finali */

    52007SC1325

    Dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija - Sommarju tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {KUMM(2007) 608 final} {SEG(2007) 1322} SEG(2007)1324 /* SEK/2007/1325 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.10.2007

    SEG(2007) 1325

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TA’ L-ISTAFF TAL-KUMMISSJONI

    Dokument ta' akkumpanjament mal- KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

    {KUMM(2007) 608 final}{SEG(2007) 1322}SEG(2007)1324

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT

    1. IL-KUNTEST

    1.1. Sehem tas-suq dgħajjef għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija

    It-trasport tal-merkanzija ilu bosta snin jesperjenza tkabbir sinifikanti ta' 2.8% fis-sena bejn l-1995 u l-2005, ogħla minn dak tal-PGD (2.3% fis-sena).

    It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ħa sehem ċkejken minn dan it-tkabbir, billi s-sehem tas-suq tiegħu ma waqafx jonqos sa ma laħaq 10% fl-2005[1] (dan is-sehem jilħaq 16.5% jekk jitqies biss it-trasport fuq l-art), l-aktar livell baxx li qatt kellu mill-1945.

    1.2. Il-ferrovija tadatta ruħha bil-mod wisq għall-mudelli ekonomiċi l-ġodda

    Il-produzzjoni industrijali Ewropea qed tinbidel minn waħda ta' prodotti bażiċi, li t-trasport tagħhom sikwit huwa bil-ferrovija, għal waħda ta' prodotti finali. It-trasport bejn is-siti tal-produzzjoni differenti fil-qafas tal-produzzjoni mal-ħaġra t-tajn jesiġi, partikolarment, affidabilità kbira billi jiġu rispettati termini ta' żmien stretti, li għalihom it-trasport bit-triq joffri soluzzjoni loġistika adattata u effiċjenti bi flessibilità mill-aqwa.

    Attwalment, l-aktar segment dinamiku huwa t-trasport ikkombinat, li t-traffiku tiegħu żdied fl-2004 b'16% fuq livell internazzjonali. Iż-żieda għolja fit-traffiku ta' kontejners[2] lill-ferrovija joffrilha potenzjal importanti ta' tkabbir. It-trejnijiet mimlija jistgħu jirrendu u jkunu kompetittivi fuq distanzi twal, u, f'ċerti kundizzjonijiet, fuq distanzi qosra u medji.

    Min-naħa l-oħra, it-trasport b'vagun wieħed, li rarament jirrendi, jiltaqa' ma' ħafna diffikultajiet fl-Ewropa, filwaqt li jirrappreżenta 50% tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Tnaqqis drastiku taċ-ċirkolazzjoni ta' vaguni weħidhom jista' joħloq tħassib fuq is-sistema tat-trasport ta' l-Unjoni kollu kemm hu, billi l-kompetitur dirett ta' dan is-segment huwa t-trasport bit-triq.

    1.3. Id-diffikultajiet tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija

    L-operaturi ferrovjarji jibqgħu, ġeneralment, ftit li xejn orjentati lejn il-bżonnijiet u l-aspettattivi tal-klijenti tagħhom, li dejjem qed isiru aktar speċifiċi u jirrigwardaw prinċipalment l-affidabilità tat-trasport, il-prezzijiet, il-kapaċitajiet disponibbli, il-ġestjoni ta' l-informazzjoni, iż-żmien li jieħu t-trasport u l-flessibilità. B'hekk, illum il-ġurnata t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija qed iġarrab għadd ta' diffikultajiet li jispjegaw parzjalment l-inkapaċità tiegħu li jżid sehmu fis-suq.

    - Ġeneralment, il-veloċità kummerċjali medja tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tibqa' dgħajfa wisq fil-konfront tat-trasport bit-triq.[3].

    - Id-diffikultajiet tal-ferrovija f'termini ta' kapaċità ġejjin essenzjalment mill-problemi ta' infrastruttura (linji u terminals), kif ukoll id-dgħjufija tas-servizzi (fit-terminals u fl-istazzjonijiet fejn tinġema' l-merkanzija, għall-provvista ta' fjuwil, eċċ.)

    - It-trasport tal-merkanzija mhuwiex prijoritarju f'każ ta' saturazzjoni ta' l-infrastruttura, li jikkomprometti il-prestazzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, trejn tal-merkanzija jista' jkun imġiegħel inaqqas konsiderevolment il-veloċità tiegħu minħabba trejnijiet tal-passiġġieri li jkunu tard jew weqfin fl-istazzjon.

    - Is-sistemi ta' informazzjoni ma jippermettux li l-post fejn tinsab il-merkanzija trasportata u l-vetturi ferrovjarji (rolling stock) jiġu lokalizzati f'ħin reali.

    - Il-konsegwenza ta' dan kollu hija puntwalità baxxa, li hi 53%[4] għat-trasport ferrovjarju kkombinat u saħansitra anqas għat-trasport ferrovjarju klassiku tal-merkanzija.

    - Parti mdaqqsa ħafna ta' l-ispejjeż hija marbuta ma' l-ammortizzament tal-vetturi (li għadu jiswa wisq), u l-wisq frekwenti immobilizzazzjoni tiegħu.

    - Diffikultà oħra hija ċerta kumplikazzjoni ta' l-operazzjonijiet transkonfinali. L-awtoritajiet nazzjonali u l-amministraturi differenti ta' l-infrastruttura mhumiex dejjem ikkoordinati biżżejjed billi ċ-ċirkolazzjoni tat-trejnijiet internazzjonali sikwit tiltaqa' ma' "ostakli" amministrattivi.

    2. L-AZZJONIJIET DIġÀ MEħUDA U L-BILANċ TAGħHOM

    Il-Komunità Ewropea adottat, minn madwar ħmistax-il sena 'l hawn, politika ferrovjarja bil-għan li toħloq dinamika ġdida fis-settur u tbiddel ir-rotta ta' dekadenza tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-konfront ta' dak bit-triq biex tibni suq uniku sod imsejjes fuq sistema ta' trasport sostenibbli. Din il-politika tikkonsisti fil-ftuħ tas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, totali sa minn Jannar 2007, u tal-linji gwida dwar l-interoperabilità u s-sigurtà. Fil-qafas tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), il-Kummissjoni identifikat xi assi prijoritarji, fil-maġġoranza tagħhom ferrovjarji, li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuniet Komunitarji, kemm f'termini finanzjarji[5] kif ukoll f'termini ta' koordinament ta' l-Istati Membri differenti li minnhom jgħaddi kull assi.

    Fil-qafas tal-politika tal-Kummissjoni favur ta' t-twettiq tas-sistema Ewropea ERTMS ġew definiti 6 kurituri importanti għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u f'bosta minnhom il-gvernijiet u l-amministraturi ta' l-infrastrutturi kkonċernati ħolqu strutturi komuni ta' koordinament. Iżda baqa' ħafna xi jsir qabel ma naslu għal suq ferrovjarju Ewropew integrat.

    3. L-GħANIJIET TA' NETWERK BI PRIJORITÀ GħALL-MERKANZIJA

    Għaldaqstant, quddiem dawn id-diffikultajiet, jeħtieġ li jitniedu inizjattivi ġodda li jimmiraw għall-ħolqien ta' netwerk orjentat lejn il-merkanzija, li huwa strument ta' titjib tar-rendiment tal-ferrovija fl-Ewropa u meħtieġ għall-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Ewropa.

    3.1. L-għanijiet speċifiċi

    Biex jintlaħaq l-għan ġenerali, se jiġu segwiti tliet għanijiet maħsuba biex itejbu r-rendiment tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fin-netwerk: żieda fil-veloċità kummerċjali, titjib ta' l-affidabilità u żieda tal-kapaċità, li se tippermetti lill-ferrovija tikkompeti aħjar mat-trasport bit-triq.

    Barra minn hekk, veloċità kummerċjali ogħla u żieda tal-kapaċitajiet se jippermettu tnaqqis ta' l-ispejjeż u b'hekk tiżdied il-kompetittività. Min-naħa l-oħra, mhumiex se jiġu proposti miżuri għat-titjib tal-flessibilità tal-ferrovija, billi fir-rigward ta' din il-kwistjoni ma nħolqux kurituri u lanqas il-ġestjoni ta' l-informazzjoni, punt li diġà huwa ttrattat f'inizjattivi Komunitarji oħra kurrenti.

    3.2. L-alternattivi ppjanati

    Huma previsti erba' alternattivi possibbli biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq:

    3.2.1. Alternattiva A: status quo, mingħajr ebda inizjattiva fuq livell Komunitarju.

    3.2.2. Alternattivi B1 u B2: sostenn politiku Komunitarju għal kurituri orjentati lejn il-merkanzija. Il-possibilità ta' sostenn finanzjarju għall-aktar operazzjonijiet effikaċi se tiġi analizzata u proposta, jew fil-qafas tal-programm TEN-T, inkella fil-prospettivi finanzjarji tal-ġejjieni. Dan is-sostenn se jikkonsisti minn finanzjamenti maħsuba għall-ħolqien ta' kurituri orjentati lejn it-trasport tal-merkanzija. Il-firxa ta' l-azzjoni leġiżlattiva u finanzjarja tiddistingwi bejn dawn iż-żewġ alternattivi.

    3.2.3. Alternattiva Ċ: impenn politiku Komunitarju b'saħħtu għall-ħolqien ta' netwerk esklussivament maħsub għat-trasport tal-merkanzija. Se jiġi ffinanzjat il-ħolqien tal-kurituri maħsuba għat-trasport tal-merkanzija fil-qafas ta' programm Komunitarju speċifiku. Qed jiġi propost regolament dwar in-netwerk maħsub għat-trasport tal-merkanzija.

    3.3. L-assi ferrovjarji prinċipali tat-trasport tal-merkanzija: il-kurituri

    L-istruttura tal-ferrovija tobbligaha tikkonċentra bi prijorità fuq il-komunikazzjoni bejn ċentri ekonomiċi (bejn il-portijiet u t-terminals) fejn il-produttività tagħha tirbaħ meta mqabbla ma' dik tat-trasport tat-triq. Din l-istrateġija għandha l-għan tal-konsolidament tal-flussi u t-tnaqqis ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni tul l-assi prinċipali tan-netwerk ferrovjarju Ewropew, li huma l-kurituri.

    Il-kurituri kkonċernati minn din l-azzjoni se jifformaw parti min-netwerk li jidher fuq il-mappa ta' hawn taħt li sservi ta' eżempju. Din ġiet stabbilita abbażi tan-netwerks Ewropej eżistenti, jiġifieri, in-netwerk TEN-T, stabbilit fid-Deċiżjoni 884/2004/KE, u n-netwerk tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, deskritt fid-Direttiva 2001/12/KE. Dan jikkorrispondi jew jinkludi n-netwerks stabbiliti fil-qafas tal-proġetti Ewropej ta' riċerka Trend, Reorient u New Opera u n-netwerk ta' twettiq tas-sistema ERTMS-ETCS.

    [pic]

    4. EVALWAZZJONI TA' L-ALTERNATTIVI

    4.1. L-alternattivi bħala tweġiba għall-għanijiet ta' din l-inizjattiva

    Iċ-ċirkolazzjoni b'veloċità mnaqqsa tat-traffiku fil-punti ta' djieq (ġeneralment madwar agglomerazzjonijiet), mal-qsim tal-fruntieri, fejn ħafna ħin jista' jinħela minħabba ostakli amministrattivi jew tekniċi, u ż-żmien għall-aċċess għas-servizzi ferrovjarji (terminals, stazzjonijiet fejn tinġema' l-merkanzija) huma tliet diffikultajiet ewlenin li magħhom irid iħabbat wiċċu t-trasport ferrovjarju internazzjonali tal-merkanzija. Dawn id-diffikultajiet għandhom impatt sinifikanti fuq il-veloċità kummerċjali medja u jistgħu jitqiesu l-istess ostakli li, waqt li jolqtu l-infrastuttura, jillimitaw il-kapaċità u l-affidabilità tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija.

    Fid-dawl ta' l-inizjattivi kurrenti, maħsuba partikolarment għas-simplifikazzjoni tal-qsim tal-fruntieri għat-traffiku ferrovjarju, l-alternattiva A għandha twassal għal titjib, iżda mhux omoġenju u xi kultant saħansitra insuffiċjenti, għan-netwerk kollu bi prijorità għall-merkanzija.

    L-alternattivi B1 u B2 għandhom jippermettu titjib konsiderevoli taż-żmien għall-qsim tal-fruntieri għall-kurituri kollha kemm huma. Għandhom ukoll jinvolvu użu kkoordinat (bejn l-amministraturi ta' l-infrastruttura taż-żewġ naħat tal-fruntiera) u aktar strutturat ta' l-infrastruttura, li jippermetti żieda fil-veloċità kummerċjali medja tul il-kurituri. Għal dan il-għan, jidher li l-alternattiva B2, iżjed ambizzjuża fil-qasam tal-koordinament transkonfinali mill-alternattiva B1, hija aktar effikaċi biex tnaqqas l-impatt tal-qsim tal-fruntieri għall-ħin tal-vjaġġi.

    Il-miżuri proposti għat-titjib ta' l-aċċess għas-servizzi ferrovjarji (aktar trasparenza u aktar kapaċità ta' dawn is-servizzi) għandhom jippermettu tnaqqis fil-ħin ta' stennija marbut ma' dawn is-servizzi.

    Ovvjament, l-alternattiva Ċ tkun twieġeb b'mod aktar komplut għall-għanijiet deċiżi. In-nuqqas ta' taħlita tat-tip ta' traffiku fuq ir-rotot se jkun jista' jottimizza b'mod ħafna aktar sempliċi l-użu tiegħu, b'hekk ikunu disponibbli kurituri maħsuba totalment għat-trasport tal-merkanzija. Madankollu, dan in-netwerk totalment speċjalizzat ikun ikollu wisq dimensjonijiet (overdesigned) fir-rigward tal-bżonnijiet ta' infrastrutturi li l-Unjoni se jkollha tissodisfa fil-15-il sena li ġejjin, ftit sezzjonijiet Ewropej żgħar biss ikunu jistgħu jilqgħu traffiku bħal dan fl-2020, filwaqt li se teżisti linja b'żewġ direzzjonijiet maħsuba totalment għat-trasport tal-merkanzija.

    4.2. L-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-alternattivi

    Bl-alternattiva A ftit li xejn se jinbidlu x-xejriet ta' l-iżvilupp tal-partijiet modali tal-ferrovija u tat-triq, filwaqt li l-ispejjeż esterni relatati mat-trasport (tniġġis ta' l-ajru u tisħin tal-klima) se jkomplu jiżdiedu b'ritmu mgħaġġel. Min-naħa l-oħra, it-tniġġis akustiku, punt sensittiv tat-trasport ferrovjarju, bilkemm jiżdied.

    L-impatt ta' l-alternattivi B1 u B2 fuq it-trasport tal-passiġġieri jirrappreżenta wieħed mill-impatti soċjali u ekonomiċi prinċipali. Billi l-biċċa l-kbira tal-linji li minnhom huwa magħmul in-netwerk Ewropew bi prijorità għall-merkanzija mhumiex saturati, it-titjib fl-affidabilità tal-mogħdijiet tal-ferrovija għandhom jikkawżaw ftit devjazzjonijiet għat-traffiku tal-passiġġieri. Dan ta' l-aħħar għandu jiżdied fl-affidabilità (l-ottimizzazzjoni ta' l-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija jaffettwah daqs it-trasport tal-merkanzija), iżda jonqos xi ftit fir-rendiment (fil-maġġoranza tal-każijiet it-tul ta' żmien tal-vjaġġi għandu jiżdied b'madwar 10%).

    F'dak li huma l-aspetti ambjentali, l-alternattivi B1 u B2 juru l-aktar bilanċ pożittiv, billi l-ispejjeż esterni ambjentali li jiġu ffrankati huma għoljin biżżejjed meta mqabbla ma' l-ispejjeż evitati bl-alternattiva A.

    Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspetti ekonomiċi, l-alternattivi B1 u B2 jidhru l-aktar ibbilanċjati, meta titqies partikolarment l-ispiża ċkejkna għas-soċjetà għal dawn l-alternattivi meta mqabbla ma' l-alternattiva Ċ.

    L-impatt ambjentali ta' l-alternattiva Ċ jidher li għandu bilanċ kuntradittorju, billi l-ispiża għall-bini ta' linji ġodda tnaqqas il-vantaġġ li għandha din l-alternattiva fuq l-alternattivi B1 u B2 f'dak li huma spejjeż esterni evitati.

    4.3. Kriterja ta' evalwazzjoni oħrajn

    L-istatus quo ta' l-alternattiva A ma joħloq l-ebda spiża addizzjonali meta mqabbla mal-miżuri u l-programmi diġà adottati, iżda l-azzjoni ta' koordinament ta' l-amministraturi ta' infrastrutturi li għadu qed jibda jista' jieħu aktar żmien u għandu għalhekk jaċċelera.

    Fuq medda ta' żmien qasir u medju, jistgħu jkunu fattibbli xi interventi operattivi, previsti minn miżuri leġiżlattivi proposti fl-alternattivi B1 u B2, bħalma huma l-miżuri u l-istrumenti ta' ottimizzazzjoni ta' l-użu tal-kuritur u t-twettiq ta' l-ERTMS. Dawn l-interventi jistgħu jkollhom relazzjoni aħjar bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji mill-interventi fuq l-infrastruttura li huma fattibbli biss fit-tul u b'mezzi finanzjarji ħafna aktar sostanzjali. Madankollu, il-benefiċċji ta' l-interventi operattivi għandhom limitu li mbagħad għandhom isegwu interventi strutturali.

    L-interventi stutturali fuq l-infrastruttura jistgħu jkunu evalwati daqs madwar EUR 80 biljun. Jeħtieġ li niddistingwu l-interventi stutturali ta' l-ewwel livell, bil-għan li jarmonizzaw u jtejbu l-kapaċità tal-kuritur f'termini ta' tul massimu tat-trejn, li jkunu jiswew EUR 20 biljun. Min-naħa l-oħra, l-interventi strutturali tqal għat-tneħħija tal-punti ta' djieq jirrappreżentaw spiża ta' EUR 60 biljun.

    L-oppożizzjoni ta' ċerti awtoritajiet lokali marbuta mal-ħtieġa ta' organizzazzjoni mill-ġdid tat-trasport tal-passiġġieri f'ċerti żoni tista' tirrappreżenta wieħed mir-riskji l-aktar importanti għal dawn l-alternattivi. Iżda żieda fit-trejnijiet tal-merkanzija li jiċċirkolaw madwar agglomerazzjonijiet sikwit tfisser anqas trakkijiet li jgħaddu maġenb dawn l-istess agglomerazzjonijiet.

    In-nefqa għat-twettiq tan-netwerk kollu, jiġifieri, l-alternattiva Ċ, hekk kif inhi stabbilita fil-mappa, b'tul totali ta' madwar 25 000 km, tammonta għal EUR 170 biljun.

    F'perspettiva globali ta' l-ispejjeż, jirriżulta aktar ta' vantaġġ l-użu ta' linja sa l-ogħla kapaċità tagħha. Anki jekk il-vjaġġ idum 33% aktar, din l-alternattiva tiswa anqas flus minn estensjoni tal-kapaċità. Meta din tirriżulta neċessarja, jeħtieġ li jiġi ppruvat jekk soluzzjoni alternattiva (attivazzjoni mill-ġdid ta' ċerti linji, by-passes) hijiex aktar ta' vantaġġ.

    Il-ħtieġa li jsiru dawn l-investimenti kbar għall-bini ta' netwerk speċjalizzat u, għal żmien twil biss, tirrappreżenta riskju sinifikanti. Ir-riżorsi finanzjarji li jistgħu jiġu mobilitati mill-Istati Membri, l-amministraturi ta' l-infrastruttura u mill-Komunità huma fil-fatt limitati.

    4.4. Konklużjoni ta' l-evalwazzjoni ta' l-alternattivi

    B'kollox, jidher li l-alternattivi B1 u B2 jagħtu tweġibiet aktar ibbilanċjati lill-għanijiet msemmija fil-Kapitolu 4. Fil-fatt, dawn jikkonsistu f'li jagħtu impetu politiku, finanzjarju u leġiżlattiv ġdid, billi jikkompletaw u jsaħħu l-inizjattivi diġà kurrenti. L-alternattiva A tidher li mhijiex biżżejjed , u l-alternattiva Ċ fiha wisq dimensjonijiet meta mqabbla ma' l-effetti fuq perjodu ta' żmien qasir u medju studjati f'din il-valutazzjoni ta' l-impatt.

    L-alternattivi B1 u B2 għandhom l-għan li, permezz ta' strateġiji differenti, ineħħu ċertu numru ta' ostakli għat-titjib tal-kompetittività tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Għalhekk, ikun jaqbel li nikkonċentraw, kemm fuq livell finanzjarju kif ukoll fuq dak politiku u leġiżlattiv, fuq l-aktar azzjonijiet effikaċi u l-aktar fattibbli mill-aktar fis possibbli (interventi strutturali).

    B'hekk, il-prijorità għandha tingħata lit-tneħħija tal-punti ta' djieq operattivi u amministrattivi, li tista' ssir f'perjodu ta' żmien qasir u medju u li ma tinħtieġx riżorsi kbar iżżejjed, talanqas mil-lat finanzjarju. It-tneħħija tal-punti ta' djieq strutturali għandha tkun is-suġġett ta' azzjonijiet meħuda u finanzjati mill-partijiet interessati (Stati Membri u amministraturi ta' l-infrastruttura), b'għajnuna mill-Komunità, hekk kif inhu previst illum fil-qafas tan-netwerk TEN-T u tal-Fondi ta' Koeżjoni.

    Madankollu, mhuwiex neċessarju li l-idea ta' netwerk maħsub għat-trasport tal-merkanzija tiġi totalment eskluża. Fil-fatt, is-soluzzjoni rakkomandata hawnhekk hija li tiġi adottata strateġija gradwali, li tqis il-vijabilità temporali u finanzjarja tal-miżuri. B'hekk, l-implimentazzjoni ta' l-alternattivi B1 u B2 għandha tibni l-ewwel stadju qabel ma naslu, fi żmien aktar fit-tul, għall-ħolqien ta' kurituri totalment maħsuba għat-trasport tal-merkanzija.

    5. IMPLIMENTAZZJONI TA' L-ALTERNATTIVI MAGħżULA: KALENDARJU U MONITORAĠĠ

    5.1. Kalendarju provviżorju

    Ottubru 2007 | Approvazzjoni tal-Komunikazzjoni |

    l-ewwel semestru 2008 | Riflessjoni strutturata fuq l-alternattivi proposti mill-Komunikazzjoni Valutazzjoni ta' l-impatt għall-miżuri magħżula Proposta għal miżuri leġiżlattivi |

    2009/2010 | Adozzjoni tal-miżuri leġiżlattivi |

    5.2. Monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni

    Il-monitoraġġ se jikkonsisti essenzjalment f'analiżi aktar fil-fond tal-miżuri proposti hawnhekk, l-għażla ta' dawk l-aktar rilevanti, l-implimentazzjoni tagħhom u garanzija ta' l-applikazzjoni tagħhom mill-partijiet interessati. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin, kif ukoll is-servizzi tal-Kummissjoni kollha involuti f'dan il-każ, se jiġu kkonsultati u assoċjati ma' kull wieħed minn dawn l-istadji.

    Barra minn hekk, se jiġi ppubbikat rapport ta' monitoraġġ dwar l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju (Rail Market Monitoring Scheme) fl-istess żmien tat-tnedija ta' din l-inizjattiva. Dan se jippermetti li jiġi osservat, f'intervalli regolari, sa liema punt l-iżvilupp ta' netwerk orjentat lejn it-trasport tal-merkanzija jiffavorixxi ż-żieda tat-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija.

    [1] Eurostat

    [2] It-traffiku ta' kontejners tal-port ta' Rotterdam għandu jgħaddi minn 9.2 miljun TEU fl-2005 għal 22 miljun TEU fl-2020.

    [3] Illum, il-merkanzija hija ttasportata bit-triq b'veloċità medja ta' 50 km/h

    [4] Skond l-istatistika ta' l-Unjoni Internazzjonali tal-Kumpaniji tat-Trasport Ikkombinat ferrovija/triq (UIRR), fl-2006, 53% biss tat-trejnijiet ta' trasport ikkombinat waslu għad-destinazzjoni tagħhom f'inqas wara 30 minuta mill-ħin stabbilit.

    [5] (inħoloq baġit TEN-T, li jammonta għal EUR 8 biljun għall-perjodu 2007-2013, parti kbira ta' din is-somma hija maħsuba għall-infrastrutturi ferrovjarji)

    Top