This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007PC0531
Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council Amending Regulation (EC) No 1228/2003 on conditions for access to the network for cross-border exchanges in electricity {SEC(2007) 1179} {SEC(2007) 1180}
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku {SEG(2007) 1179} {SEG(2007) 1180}
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku {SEG(2007) 1179} {SEG(2007) 1180}
/* KUMM/2007/0531 finali - COD 2007/0198 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 19.9.2007 KUMM(2007) 531 finali 2007/0198 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2007) 1179}{SEG(2007) 1180} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI L-elettriku u l-gass jinsabu fil-qofol tal-benessri ta' l-Ewropa. Mingħajr suq kompetittiv u effiċjenti ta' l-elettriku u tal-gass, iċ-ċittadini ta' l-Ewropa jkollhom iħallsu prezzijiet eċċessivi għal waħda mill-aktar ħtiġijiet fundamentali ta' kuljum tagħhom. Is-suq ta' l-elettriku u l-gass huwa wkoll essenzjali għall-kompetittività ta' l-Ewropa, minħabba li l-enerġija hija fattur importanti fl-industrija Ewropea. Barra minn hekk, suq kompetittiv u effiċjenti ta' l-elettriku u l-gass huwa prerekwiżit biex nittrattaw it-tibdil fil-klima. Ikun biss b'suq li jaħdem sewwa li jkunilna possibbli niżviluppaw mekkaniżmu effikaċi għall-iskambju ta' l-emissjonijiet, kif ukoll industrija ta' l-enerġija li tiġġedded li tilħaq il-mira ambizzjuża maqbula mill-Kunsill Ewropew li jiġi żgurat li, sa l-2020, 20% ta' l-enerġija globali ta' l-UE tkun ġejja minn sorsi li jiġġeddu. Fl-aħħarnett, suq kompetittiv ta' l-elettriku u l-gass fi ħdan l-UE kollha kemm hi huwa kruċjali biex niżguraw is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija ta' l-Ewropa, minħabba li huwa biss suq mifrux ma' l-Ewropa kollha u kompetittiv li joffri aċċess ġust għan-netwerk lill-investituri potenzjali kollha, u jipprovdi inċentivi reali u effikaċi, sew lill-operaturi tan-netwerks kif ukoll lill-produtturi ta' l-enerġija, biex jinvestu l-biljuni ta' euro li se jkunu meħtieġa fl-UE matul iż-żewġ deċennji li ġejjin. Il-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku u l-gass inbeda madwar 10 snin ilu. Matul dawn l-10 snin, bosta miċ-ċittadini ta' l-Ewropa gawdew minn aktar għażla u aktar kompetizzjoni, b'servizz u sigurtà mtejba. Madankollu, il-valutazzjoni li għamlu l-Kummissjoni u r-regolaturi Ewropej ta' l-enerġija wriet li l-proċess ta' l-iżvilupp ta' swieq tassew kompetittivi għad fadallu ħafna biex jitlesta. Fil-prattika, wisq miċ-ċittadini u l-azjendi ta' l-UE għadhom neqsin minn għażla reali ta' fornituri. Il-frammentazzjni tas-suq bil-fruntieri nazzjonali, grad għoli ta' integrazzjoni vertikali u konċentrazzjoni għolja tas-suq jinsabu fil-għerq tan-nuqqas ta' suq intern reali. Mid-dħul fis-seħħ tad-Direttivi preżenti dwar l-elettriku u l-gass f'Lulju 2003, il-Kummissjoni konsistentement issorveljat l-implimentazzjoni u l-effetti tagħhom fis-suq, u baqgħet f'kuntatt regolari mal-partijiet kollha interessati. B'mod partikolari, kull sena l-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tas-suq intern ta' l-elettriku u l-gass. Organizzat il-Forum tar-Regolaturi ta' l-Elettriku f'Firenze u l-Forum tar-Regolaturi tal-Gass f'Madrid, b'tali mod li laqqgħet flimkien, fuq bażi regolari, ministeri, awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-Kummissjoni, operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, fornituri, kummerċjanti, konsumaturi, unjins, utenti tan-netwerks u l-boroż ta' l-enerġija. Fi tmiem l-2005, il-Kunsill Ewropew ta' Hampton Court sejjaħ għal Politika Ewropea tassew dwar il-Politika. B'reazzjoni għal din is-sejħa, fit-8 ta' Marzu 2006 il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar l-iżvilupp ta' Politika Ewropea ta' l-Enerġija komuni u koerenti. Il-konsultazzjoni pubblika ħalliet 1 680 risposta. Diġà fl-2005, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni tas-swieq tal-gass u l-elettriku. L-investigazzjoni dwar l-enerġija kienet risposta għat-tħassib li esprimew il-konsumaturi u azjendi li daħlu ġodda fis-settur dwar l-iżvilupp tas-suq tal-gass bl-ingrossa u dwar l-għażla limitata għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni adottat ir-Rapport Finali ta' l-investigazzjoni, flimkien ma' pakkett komprensiv ta' miżuri, biex tipproponi Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa fl-10 ta' Jannar 2007. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 intitolata "Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa"[1] saħqet fuq l-importanza li jiġi kkompletat s-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass naturali. Jirfdu l-Komunikazzjoni kien hemm rapport komprensiv dwar is-suq intern, ir-riżultati finali ta' l-investigazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur, u analiżijiet fil-fond dwar il-qagħda tas-swieq nazzjonali tal-gass u l-elettriku. B'mod parallel, il-Kumissjoni għamlet valutazzjoni ta' l-impatt biex tiżen alternattivi ta' politika marbuta mal-kompletar tas-suq intern tal-gass u l-elettriku. Il-valutazzjoni ta' l-impatt inkludiet konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Imtlew 339 kwestjonarju minn organizzazzjonijiet b'għeruqhom fi 19-il pajjiż. Barra minn hekk, organizzazzjonijiet mhux konnessi ma' pajjiż partikolari rċevew 73 kwestjonarju. Saru intervisti ma' 56 persuna interessata oħra, l-aktar kumpaniji li jistgħu jintlaqtu jew mis-separazzjoni ta' l-assi tagħhom jew inkella b'aktar rekwiżiti ta' trasparenza. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 lill-Kummissjoni stedinha tipproponi miżuri ulterjuri, bħalma huma: - is-separazzjoni effettiva ta' l-attivitajiet ta' forniment u produzzjoni mill-operazzjonijiet tan-netwerk - aktar armonizzazzjoni tas-setgħat tar-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija u tisħiħ ta' l-indipendenza tagħhom - l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti għall-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali; - il-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni biex jittejbu l-kooordinament ta' l-operat tan-netwerks u s-sigurtà tax-xibka, il-kummerċ transkonfinali u l-operat tax-xibka; kif ukoll - aktar trasparenza fl-operat tas-suq ta' l-enerġija. Il-Kunsill Ewropew saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, fi spirtu ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għal din ir-raġuni, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar Prospetti għas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku li ġiet adottata fl-10 ta’ Lulju 2007, esprima appoġġ politiku qawwi għal politika komuni ta' l-enerġija, bil-fehma li "s-separazzjoni tas-sjieda fil-livell tat-trażmissjoni hija l-aktar għodda effettiva biex tippromwovi l-investiment fl-infrastrutturi b'mod mhux diskriminatorju, l-aċċess ġust għan-netwerk għall-kompetituri ġodda u t-trasparenza fis-suq". Madankollu, il-Parlament saħaq li jeħtieġu miżuri oħra wkoll, u li d-differenzi bejn is-suq ta' l-elettriku u dak tal-gass aktarx jitolbu arranġamenti differenti ta' implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew sejjaħ ukoll għat-titjib tal-"kooperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali fil-livell ta' l-UE, permezz ta' entità ta' l-UE, bħala mezz għall-promozzjoni ta' approċċ aktar Ewropew għar-regolazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali". Il-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej ta' l-Enerġija (CEER) laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar, u approva bil-qawwa s-sejħa għal leġiżlazzjoni ġdida ta' l-UE biex is-suq uniku ta' l-enerġija jerġa' jinġieb fit-triq it-tajba. Fis-6 ta' Ġunju 2007, ir-Regolaturi Ewropej ta' l-Enerġija ppubblikaw sett ta' sitt dokumenti li jadottaw pożizzjoni rigward il-kwistjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-enerġija. Appoġġaw, b'mod partikolari, il-proposti tal-Kummissjoni għal sorveljanza regolatorja indipendenti msaħħa fuq il-livelli nazzjonali u ta' l-UE, kif ukoll għas-separazzjoni fin-netwerks tat-trażmissjoni. Ir-regolaturi rrikkmandaw ċar li s-separazzjoni tas-sjieda tat-trażmissjoni għandu jkun, fil-prinċipju, il-mudell rekwiżit fil-leġiżlazzjoni l-ġdida ta' l-UE, u għandha tapplika sew għall-enerġija kif ukoll għall-gass. Dawn l-elementi tqiesu bis-sħiħ fit-tfassil tal-proposti preżenti, li huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt. 1. IS-SEPARAZZJONI EFFETTIVA TA' L-ATTIVITAJIET TA' FORNIMENT U PRODUZZJONI MILL-OPERAZZJONIJIET TAN-NETWERK 1.1. Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar is-separazzjoni [ unbundling ] mhumiex biżżejjed biex jiżguraw suq li jiffunzjona tajjeb Il-leġiżlazzjoni eżistenti tirrikjedi li l-operazzjonijiet tan-netwerk ikunu separati legalment u funzjonalment mill-attivitajiet ta' forniment, ġenerazzjoni jew produzzjoni. L-Istati Membri kkonformaw ma' dan ir-rekwiżit billi applikaw strutturi differenti ta' organizzazzjoni. Bosta Stati Membri waqqfu kumpanija għal kollox separata għall-operat tan-netwerk, filwaqt li oħrajn ħolqu entità legali fi ħdan kumpanija integrata. Ir-rekwiżiti ta' separazzjoni legali u funzjonali taw kontribut pożittiv għall-emerġenza ta' swieq kompetittivi ta' l-elettriku u tal-gass f'diversi Stati Membri. Min-naħa l-oħra, l-esperjenza turi li, fejn operatur tas-sistema ta' trażmissjoni tkun entità legali fi ħdan kumpanija integrata, jitqajmu tliet tipi ta' problemi. L-ewwelnett, jista' jkun li l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jagħti trattament preferenzjali lill-kumpaniji affiljati tiegħu, għad-detriment ta' partijiet terzi konkorrenti. Fil-fatt, il-kumpaniji integrati jistgħu jużaw assi tan-netwerk biex jagħmluha aktar diffiċli li jidħlu kompetituri ġodda. Ir-raġuni aħħarija hija li s-separazzjoni legali u dik funzjonali ma jsolvux il-kunflitt fundamentali ta' interess fi ħdan il-kumpaniji integrati, għax l-interessi ta' forniment u produzzjoni jimmiraw li jkattru kemm jista' jkun il-bejgħ u s-sehem tas-suq, filwaqt li l-operatur tan-netwerk huwa obbligat li joffri aċċess mhux diskriminatorju lill-kompetituri. Huwa prattikament impossibbli li dan il-kunflitt inerenti ta' interess jiġi kkontrollat b'mezzi regolatorji, għax huwa impossibbli li tiġi ssorveljata l-indipendenza ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fi ħdan kumpanija integrata mingħajr ma jkun hemm regolamentazzjoni qawwija u intrużiva wisq. It-tieninett, bir-regoli attwali ta' separazzjoni, l-aċċess mhux diskriminatorju għall-informazzjoni ma jistax jiġi ggarantit, għax mhemm l-ebda mezz effikaċi biex l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma jitħallewx jikxfu tagħrif sensittiv għas-suq lin-negozji ta' ġenerazzjoni jew ta' forniment tal-kumpanija integrata. It-tieletnett, l-inċentivi ta' investiment fi ħdan kumpanija integrata jiġu mxekkla. Operaturi integrati vertikalment tan-netwerks ma għandhom l-ebda inċentiv biex in-netwerk jiżviluppawh fl-interess tas-suq, u b'hekk li jiffaċilitaw id-dħul ġdid fil-livelli tal-ġenerazzjoni jew tal-forniment; bil-maqlub, għandhom interess inerenti li l-investiment ġdid jillimitawh meta dan ikun ta' benefiċċju għall-kompetituri tagħhom u jġib kompetizzjoni ġdida fis-"suq domestiku" ta' min diġà qiegħed fil-post. Minflok, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-investiment ta' kumpaniji integrati vertikalment għandhom ix-xejra li jxaqilbu wisq lejn il-ħtiġijiet ta' entitajiet affiljati ta' forniment. B'mod partikolari jidher li dawn il-kumpaniji ma tantx ikollhom ħajra li jżidu l-interkonnessjonijiet jew il-kapaċità ta' importazzjoni tal-gass, b'tali mod li jagħtu spinta lill-kompetizzjoni fis-suq domestiku. Dan l-atteġġament huwa ta' ħsara għas-suq intern. Fil-qosor, kumpanija li tibqa' integrata vertikalment għandha inċentiv intrinsiku sew biex ma tinvestix biżżejjed f'netwerks ġodda (bil-biża' li investimenti tat-tip jgħinu lil kompetituri jiffjorixxu fis-suq domestiku "tagħha") u li – kulfejn ikun possibbli – tiffavorixxi l-kumpaniji tal-bejgħ tagħha f'dak li jirrigwarda l-aċċess għan-netwerk. Dan jagħmel il-ħsara għall-kompetittività ta' l-UE u s-sigurtà tal-provvista tagħha u jippreġudika l-ilħiq tal-miri tagħha rigward it-tibdil fil-klima u l-ambjent. Iċ-ċifri ta' l-investiment minn dawn l-aħħar snin juru hekk: kumpaniji integrati vertikalment, pereżempju, reġgħu investew anqas mid-dħul tagħhom mill-kiri transkonfinali ta' konġestjoni f'interkonnessjonjiet ġodda milli għamlu kumpaniji sseparati (unbundled) għal kollox. Is-separazzjoni effettiva tneħħi t-tip ta' tagħwiġ ta' l-inċentivi ta' investiment li huwa tipiku ta' l-operaturi integrati vertikalment tas-sistema ta' trażmissjoni. B'hekk iġġib 'il quddiem is-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni osservat li s-separazzjoni effettiva ta' l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni tippromwovi l-attività ta' investiment tat-TSO. L-Istati Membri kkonċernati sussegwentement attiraw investituri infrastrutturali ġodda li, pereżempju, jibnu terminals għall-gass naturali likwidu (LNG). Barra minn hekk, il-prezz ta' l-elettriku fis-swieq differenti f'dawn l-aħħar snin jixhed il-benefiċċji tas-separazzjoni tas-sjieda: matul l-aħħar 10 snin, il-kumpaniji integrati vertikalment żiedu l-prezzijiet tagħhom aktar, u aktar żammew prezzijiet ogħla, minn oħrajn isseparati għal kollox. 1.2. Sepearazzjoni aktar effikaċi ta' l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni għalhekk hija meħtieġa biċ-ċar Il-proposta konkreta f'dan ir-rigward tagħmilha ċara li l-għażla preferuta tal-Kummissjoni tibqa' s-separazzjoni tas-sjieda. Fil-prattika, dan ifisser li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-istess persuna jew persuni ma jkollhomx id-dritt li jeżerċitaw il-kontroll fuq impriża ta' forniment fl-istess waqt li jkollhom interess fi, jew jeżerċitaw kwalunkwe dritt fuq, operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jew sistema ta' trażmissjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll bil-maqlub, jiġifieri li l-kontroll fuq operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jeskludi l-possibbiltà ta' kwalunkwe interess fi jew l-eżerċizzju ta' kwalunkwe dritt fuq impriża ta' forniment. Din l-għażla tippermetti sitwazzjoni fejn l-istess persuna, pereżempju fond ta' pensjoni, ikollha interessi ta' minoranza u mingħajr kontroll kemm f'operatur tas-sistema ta' trażmissjoni kif ukoll f'impriża ta' forniment. Madankollu, azzjonista ta' minoranza bħal dan la jista' jkollu drittijiet ta' blukkar fiż-żewġ impriżi, la jista' jaħtar il-membri tal-bordijiet tagħhom, u lanqas ma jista' jkun membru tal-bordijiet taż-żewġ impriżi. Din l-għażla, li tissepara s-sjieda biċ-ċar bejn l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni u kwalunkwe impriża ta' forniment, hija l-aktar għażla effikaċi u stabbli biex tintlaħaq is-separazzjoni effettiva tan-netwerk tat-trażmissjoni, u b'hekk biex issolvi l-kunflitt inerenti ta' interess. Sabiex jimplimentaw din l-għażla, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-arranġament li ġej, li jista' jgħin biex jitħarsu għal kollox l-interessi ta' l-azzjonisti ta' kumpaniji integrati vertikalment. L-ishma tal-kumpanija integrata vertikalment jistgħu jiġu diviżi f'ishma tal-kumpanija li jkollha s-sjieda tas-sistema ta' trażmissjoni, fuq naħa, u f'ishma tal-kumpanija ta' forniment fuq in-naħa l-oħra. Wara dan, dawn l-ishma jistgħu jiġu attribwiti lill-azzjonisti tal-kumpanija li qabel kienet integrata vertikalment. Waqt li l-Kumissjoni tqis li s-separazzjoni tas-sjieda tibqa' l-għażla preferuta, madankollu tipprovdi għażla alternattiva għal Stati Membri li jagħżlu li din it-triq ma jeħduhiex. Din l-għażla, madankollu, jeħtiġilha tipprovdi l-istess garanziji rigward l-indipendenza ta' l-azzjoni tan-netwerk ikkonċernat, u l-istess livell ta' inċentivi għan-netwerk biex jinvesti f'infrastruttura ġdida li tista' tibbenefika l-kompetituri. Din l-għażla, deroga mill-approċċ bażiku tas-separazzjoni tas-sjieda, hija magħrufa bħala "Operatur Indipendenti ta' Sistema". Din l-għażla lill-kumpaniji integrati vertikalment tippermettilhom iżommu s-sjieda ta' l-assi tan-netwerk tagħhom, iżda tirrikjedi li n-netwerk innifsu jitmexxa minn operatur indipendenti tas-sistema – impriża jew entità għal kollox separata mill-kumpanija integrata vertikalment – li taqdi l-funzjonijiet kollha ta' operatur ta' netwerk. Barra min hekk, biex jiġi żgurat li l-operatur tassew jibqa' indipendenti u jaġixxi indipendentement mill-kumpanija integrata vertikalment, jeħtieġ li jiġu implimentati regolazzjoni u monitoraġġ permanenti. F'xi każijiet, kumpaniji integrati vertikalment jistgħu jiġu mġiegħla jiddisponu minn xi assi tagħhom, partikolarment in-netwerks tat-trażmissjoni tagħhom, jew l-operat ta' dawn l-assi lil parti terza, biex jikkonformaw mar-rekwiżit proposti tas-separazzjoni effettiva. Iżda ma jidhirx li hemm xi alternattiva għall-għażliet proposti, jekk irridu niżguraw l-indipendenza sħiħa ta' l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni (TSOs). Iż-żewġ għażliet japplikaw bl-istess mod għas-settur ta' l-elettriku u tal-gass. Minkejja li l-Kummissjoni tagħraf li l-progress lejn is-separazzjoni tas-sjieda, b'mod ġenerali, huwa aktar avvanzat fis-settur ta' l-elettriku fl-UE, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda argument konvinċenti biex tiġġustifika trattament differenti taż-żewġ setturi. B'mod partikolari, il-kunflitt fundamentali ta' interess bejn l-attivitajiet ta' forniment u produzzjoni fuq naħa, u l-operat u l-iżvilupp tan-netwerk fuq in-naħa l-oħra, japplika għaż-żewġ setturi bl-istess mod. Barra minn hekk, biex jiġu konklużi ftehimiet ta' forniment fit-tul ma' produtturi tal-gass lejn il-bidu tal-katina, l-importanti mhuwiex il-proprjetà tan-netwerk iżda l-eżistenza ta' bażi soda ta' klijentela. Għaldaqstant, l-UE tibqa' mingħajr dubju suq attraenti ħafna tal-forniment tal-gass, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda tal-kumpaniji akkwirenti, li, ladarba jiġu sseparati b'mod effettiv, jkunu jistgħu jikkompetu għall-gass b'kundizzjonijiet indaqs. Il-Kummissjoni tagħraf, barra minn hekk, li t-trasport tal-gass, kontra t-trażmissjoni ta' l-elettriku, tinvolvi l-moviment fiżiku ta' molekuli tal-gass ġewwa pipelines . It-TSO għaldaqstant għandu grad ogħla ta' kontroll biex jiddefinixxi d-direzzjoni tal-flussi u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tas-sistema. Dan ifisser li s-separazzjoni effettiva tan-netwerks tal-gass hija importanti talanqas daqs dik fin-netwerks ta' l-elettriku. Madankollu, bil-għan li jitħeġġeġ l-investiment f'infrastrutturi ġodda ta' l-enerġija minn kumpaniji ta' forniment u produzzjoni, din il-proposta tinkludi l-possibbiltà ta' deroga temporanja mir-regoli ta' separazzjoni tas-sjieda għall-bini ta' infrastruttura ġodda. Din l-eżenzjoni se tkun applikata fuq bażi ta' każ b'każ, b'qies għall-aspetti ekonomiċi ta' l-investiment ġdid, għall-għanijiet tas-suq intern kif ukoll l-ilħiq tal-mira tas-sigurtà tal-provvista. F'konformità ma' l-Artikolu 295 KE, il-proposta tapplika bl-istess mod għall-kumpaniji pubbliċi u għal dawk privati. Dan ifisser li, irrispettivament min-natura pubblika jew privata tagħhom, l-ebda persuna jew grupp ta' persuni ma jista' jkun kapaċi li jinfluwenza, waħedhom jew b'mod konġunt, il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-bordijiet, la ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u lanqas tal-kumpaniji ta' forniment jew produzzjoni. Dan jiżgura li, meta l-attivitajiet tal-forniment jew tal-produzzjoni jkunu fis-sjieda pubblika, l-indipendenza ta' operatur tas-sistema ta' trażmissjoni fis-settur pubbliku tibqa' ggarantita, iżda dawn il-proposti ma jirrikjedux li l-kumpaniji ta' l-istat ibigħu n-netwerk tagħhom lil kumpanija ta' sjieda privata. Pereżempju, biex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit, kwalunkwe entità pubblika jew l-Istat jista' jittrasferixxi d-drittijiet (li jikkonferixxu "l-influwenza") lil persuna ġuridika oħra ta' sjieda pubblika jew privata. L-importanti jkun li, fil-każijiet kollha fejn isseħħ is-separazzjoni, l-Istat Membru kkonċernat ikun jeħtieġlu juri li, fil-prattika, ir-riżultati jkunu tassew effikaċi, u li l-kumpaniji joperaw għal kollox separatament minn xulxin, u b'hekk joffru kundizzjonijiet tassew ekwi fi ħdan l-UE kollha kemm hi. Fl-aħħarnett, għall-Istati Membri fejn ma hemmx netwerks ta' trażmissjoni tal-gass jew ta' l-elettriku iżda biss netwerk ta' distribuzzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni tas-sjieda ta' netwerks ta' trażmissjoni ma japplikawx. 1.3. Aspetti relatati ma' pajjiżi terzi Din il-proposta titlob is-separazzjoni effettiva ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni mill-attivitajiet ta' forniment u produzzjoni mhux biss fuq il-livell nazzjonali iżda fl-UE kollha hemm hi. Dan ifisser, b'mod partikolari, li l-ebda kumpanija ta' forniment jew produzzjoni li tkun attiva fi kwalunkwe post ta' l-UE ma tista' topera jew tkun is-sid ta' sistema ta' trażmissjoni fl-ebda Stat Membru ta' l-UE. Dan ir-rekwiżit japplika b'mod ugwali għall-kumpaniji kemm ta' l-UE kif ukoll ta' barra mill-UE. Il-pakkett fih salvagwardji biex jizguraw li, kemmildarba kumpaniji minn pajjiżi terzi jkunu jixtiequ jakkwistaw interess sinifikanti jew saħansitra l-kontroll fuq netwerk ta' l-UE, ikollhom jikkonformaw fid-dieher u bla ekwivoki ma' l-istess rekwiżiti ta' separazzjoni bħal kumpaniji ta' l-UE. Il-Kummissjoni tista' tintervjeni kulfjen akkwirent ma jkunx jista' jagħti prova ta' l-indipendenza tiegħu, sew diretta kif ukoll indiretta, minn attivitajiet ta' forniment u ġenerazzjoni. Barra minn hekk, swieq u netwerks li jaħdmu sewwa huma essenzjali għall-kompetittività ta' l-ekonomija u l-benessri taċ-ċittadini. L-għan ta' din il-proposta huwa li ġġib 'il quddiem il-kompetizzjoni fis-swieq ta' l-enerġija ta' l-Ewropa, kif ukoll il-funzjonament tajjeb ta' dawn is-swieq. Fid-dawl ta' dan, huwa essenzjali – bla ħsara għall-obbligi internazzjonali tal-Komunità – li niżguraw li l-operaturi ekonomiċi kollha li huma attivi fis-swieq Ewropej ta' l-enerġija jirrispettaw il-prinċipji ta' l-investituri fis-swieq u jaġixxu skond dawn il-prinċipji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li pajjiżi terzi u individwi minn pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jakkwistaw kontroll fuq sistema ta' trażmissjoni jew fuq operatur ta' sistema ta' trażmissjoni tal-Komunità sakemm dan ma jkunx permess bi ftehim bejn l-UE u l-pajjiż terz. L-għan huwa li niggarantixxu li kumpaniji minn pajjiżi terzi jobdu l-istess regoli li japplikaw għal impriżi bbażati fl-UE, sew fl-itrra kif ukoll fl-ispirtu – mhux li niddiskriminaw kontrihom. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni sejra tagħmel eżami rapidu u fil-fond ta' l-aspetti usa' tal-politika esterna ta' l-UE dwar l-enerġija, u sejra tippubbika r-riżultati ta' dak l-eżami. Biex nikkonkludu dwar il-kwistjoni importanti tas-separazzjoni, dawn il-proposti għal separazzjoni effettiva huma pass neċessarju u deċiżiv lejn l-ilħiq ta' integrazzjoni tas-swieq ma' l-UE kollha. Din is-separazzjoni fl-aħħar mill-aħħar tista' tgħin biex jinħolqu operaturi supranazzjonali ta' sistemi tat-trażmissjoni, hekk kif l-operaturi ma jibqgħux imxekkla mis-suspett reċiproku. Iżda min-naħa l-oħra, jekk jinħolqu operaturi supranazzjonali ta' trażmissjoni mingħajr ma tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tagħhom, x'aktarx li, minħabba r-riskju ta' akkordji, tiddgħajjef il-kompetizzjoni bejn kumpaniji affiljati tal-forniment u l-produzzoni. Fin-nuqqas ta' separazzjoni effettiva, kooperazzjoni ta' dan it-tip għaldaqstant tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni. Dawn il-proposti notevolment jinkludu għadd ta' miżuri addizzjonali għall-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tas-swieq ta' l-UE, partikolarment rigward kooperazzjoni aħjar fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. 2. SETGħAT U INDIPENDENZA MSAħħA TAR-REGOLATURI NAZZONALI 2.1. Regolaturi nazzjonali b'saħħithom biex jissorveljaw l-operat tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass Id-Direttivi eżistenti dwar l-elettriku u l-gass lill-Istati Membri jobbligawhom jistabbilixxu awtoritajiet regolatorji. F'bosta Stati Membri, l-awtoritajiet regolatorji huma entitajiet stabbiliti sew, b'setgħat u riżorsi importanti, li jippermettulhom jiżguraw regolamentazzjoni tajba tas-suq. Fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet regolatorji m'ilhomx li ġew stabbiliti, u s-setgħat tagħhom huma aktar dgħajfa jew inkella mferrxin fost korpi differenti. L-evalwazzjonijiet komprensivi tal-pajjiżi mill-Kummissjoni kixfet dan in-nuqqas ta' uniformità, u f'ħafna każijiet indikat ukoll id-dgħjufija ta' l-awtorità regolatorja. L-esperjenza ta' l-Istati Membri li s-swieq tagħhom ilhom miftuħa għal bosta snin, u tas-setturi l-oħra ta' l-utilitajiet li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, turi ċar li regolaturi b'saħħithom huma meħtieġa għal suq li jaħdem sewwa, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-użu ta' l-infrastrutturi tan-netwerk. Għal dawn ir-raġunijiet, l-għan ta' din il-proposta huwa li ssaħħaħ is-setgħat ta' l-awtoritajiet regolatorji. L-ewwelnett, għandu jingħatalhom mandat ċar biex jikkooperaw fil-livell Ewropew, f'kollaborazzjoni fil-qrib ma' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija u mal-Kummissjoni, sabiex jiżguraw suq intern ta' l-elettriku u l-gass li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll ftuħ effettiv fis-suq għall-konsumaturi u għall-fornituri kollha. It-tieninett, huwa propost li jissaħħu s-setgħat tagħhom li jirregolaw is-suq, partikolarment fl-oqsma li ġejjin: - is-sorveljanza tal-konformità ta' l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni u ta' distribuzzjoni ma' regoli dwar l-aċċess għal partijiet terzi, dwar l-obbligi ta' separazzjoni [ unbundling ], dwar mekkaniżmi ta' bbilanċjar, u dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni u l-interkonnessjoni; - ir-reviżjoni tal-pjanijiet ta’ investiment ta’ l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, u l-provvediment fir-rapport annwali tagħhom ta' valutazzjoni tal-pjan ta’ investiment ta’ l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fir-rigward tal-konsistenza tiegħu mal-pjan ta’ żvilupp tan-netwerk madwar l-Ewropa fuq firxa ta’ għaxar snin; il-monitoraġġ tas-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk, u r-reviżjoni tar-regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà tan-netwerk; - il-monitoraġġ ta' l-obbligi ta' trasparenza; - is-sorveljanza tal-livell ta' ftuħ u kompetizzjoni fis-suq, u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva, f'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; kif ukoll - l-iżgurar li l-miżuri għall-ħarsien tal-konsumatur ikunu effikaċi. L-elettriku u l-gass huma fondamentalment differenti minn kommoditajiet oħrajn, għax huma prodotti bbażati fuq netwerk, li l-ħżin tagħhom huwa impossibbli jew jitlob wisq spejjeż. Dan jagħmilhom sensittivi għall-abbuż tas-suq, u jeħtieġ li titqawwa s-sorveljanza fuq l-impriżi li huma attivi fis-suq ta' l-elettriku u l-gass. Ir-regolaturi għaldaqstant jeħtieġ i jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet operattivi tal-kumpaniji. Huwa propost li l-kumpaniji jkollhom l-obbligu li jżommu reġsitru tad- data relatata ma' deċiżjoni operattiva tagħhom għal ħames snin, għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji kif ukoll ta' l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni, b'tali mod li dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw kontroll effikaċi fuq allegazzjonijiet ta' abbuż tas-suq. Dan jillimita l-ambitu ta' l-abbuż tas-suq, iqawwi l-fiduċja fis-suq, u b'hekk jistimola l-kummerċ u l-kompetizzzjoni. Xi tipi ta' kummerċanti (pereżempju l-banek) diġà għandhom obbligi bħal dawn skond id-Direttiva dwar is-Swieq ta' l-Istrumenti Finanzjarji, u ma għandux ikollhom obbligi doppji. Għalhekk l-obbligi tar-reġistru għandhom ikunu bla ħsara għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Komunità dwar is-swieq finanzjarji, u kompatibbli magħha. Ir-regolaturi tas-swieq ta' l-enerġija u tal-finanzi jeħtiġilhom jikkooperaw biex jgħinu lil xulxin ikollhom stampa komprensiva tas-swieq ikkonċernati. Qabel l-adozzjoni tal-linji gwida li jiddefinixxu r-rekwiżiti taż-żamma ta' reġistru, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija u l-Kumitat Ewropew tar-Regolaturi tat-Titoli (CESR) huma mistiedna jikkooperaw u jagħtu lill-Kummissjoni l-parir tagħhom dwar il-kontenut tal-linji gwida. Sabiex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirjiet tagħhom, l-awtoritajiet regolatorji għandha tingħatalhom is-setgħa li jistħarrġu, jitolbu t-tagħrif kollu neċessarju, u jimponu sanzjonijiet diswassivi. Jintalbu wkoll li jqisu bis-sħiħ l-għanijiet ta' l-effiċjenza fl-enerġija huma u jaqdu l-funzjonijiet regolatorji tagħhom. 2.2. L-indipendenza dimostrabbli tar-regolaturi twassal għall-fiduċja fis-suq L-indipendenza ta' l-awtoritajiet Regolatorji hija prinċipju ewlieni ta' governanza tajba, u kundizzjoni fundamentali għall-fiduċja fis-suq. Il-leġiżlazzjoni ezistenti tirrikjedi li l-awtoritajiet regolatorji jkunu għal kollox indipendenti mill-interessi ta' l-industrija tal-gass u ta' l-elettriku. Madankollu, il-leġiżlazzjoni ma tispeċifikax kif din l-indipendenza għandha tiġi żgurata b'mod dimostrabbli, u ma tiggarantix l-indipendenza minn interessi politiċi ta' qasir żmien. Kif jisħqu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2007, kif ukoll il-Parlament Ewropew, it-tisħiħ ta' l-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija hija għaldaqstant prijorità. Huwa propost li l-awtorità regolatorja tkun ġuridikament distinta u funzjonalment indipendenti minn kull entità oħra pubblika jew privata, u li l-persunal tagħha u kwalunkwe membru tal-korpi tagħha għat-teħid tad-deċiżjonijiet jaġixxu indipendentement minn kull interess tas-suq, u la jieħdu u lanqas ifittxu struzzjonijiet minn ebda gvern jew entità oħra pubblika jew privata. Għal dan il-għan, huwa propost li l-awtoritajiet regolatorji jkollhom personalità ġuridika, awtonomija tal-baġit, riżorsi umani u finanzjarji adegwati, u tmexxija indipendenti. 3. MEKKANIżMU INDIPENDENTI BIEX IR-REGOLATURI NAZZJONALI JIKKOOPERAW U JIEħDU D-DEċIżJONIJIET: L-AġENZIJA GħALL-KOOPERAZZJONI TAR-REGOLATURI TA' L-ENERġIJA 3.1. L-esperjenza pożittiva ta' l-ERGEG għandha twassal għal struttura formali ta' kooperazzjoni Minkejja li s-suq intern ta' l-enerġija żviluppa konsiderevolment, għad hemm lakuna regolatorja dwar kwistjonijiet transkonfinali. Biex tittratta din il-kwistjoni, il-Kummissjoni nediet fora awtoregolanti bħall-forum ta' Firenza (l-elettriku) u dak ta' Madrid (il-gass). Dawn il-fora jlaqqgħu flimkien partijiet interessati biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni. Fl-2003, il-Kummissjoni waqqfet grupp konsultattiv indipendenti għall-elettriku u l-gass, il-"Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass" (ERGEG), bil-għan li jiffaċilita l-konsultazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-entitajiet regolatorji ta' l-Istati Membri, kif ukoll bejn dawn l-entitajiet u l-Kummissjoni, għat-tisħiħ tas-suq intern ta' l-elettriku u tal-gass naturali. l-ERGEG huwa magħmul minn rappreżentanti ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. F'dawn l-aħħar snin, l-attivitajiet ta' l-ERGEG taw kontribut pożittiv ħafna lejn l-ikkompletar tas-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku, billi ħareġ linji gwida mhux vinkolanti u billi ta lill-Kummissjoni rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet. Madankollu, it-tnedija ta' fora awtoregolanti u l-istabbiliment ta' l-ERGEG ma rriżultatx fi spinta reali lejn l-iżvilupp ta' standards u approċċi komuni li huma meħtieġa biex iseħħu l-kummerċ transkonfinali u l-iżvilupp ta' l-ewwel swieq reġjonali, u fl-aħħar mill-aħħar, suq Ewropew ta' l-enerġija. Mal-mogħdija taż-żmien, is-settur ta' l-enerġija sar iktar kumpless u ddettaljat, u aktar minn qabel jinvolvi l-interessi finanzjarji. L-approċċ attwali fi ħdan l-ERGEG, li fil-prattika s-soltu jeħtieġlu l-kunsens ta' 27 regolatur u aktar minn 30 TSO biex jilħaq qbil, mhuwiex iħalli riżultati suffiċjenti. Wassal għal għadd ta' kodiċijiet mhux vinkolanti u sforzi biex jintlaħaq qbil dwar approċċi komuni permezz ta' "konverġenza gradwali", imma mhux għal deċiżjonijiet reali fuq il-kwistjonijiet diffiċli li jeħtieġ li jittieħdu llum. Fil-preżent, ir-regoli tekniċi li l-kumpaniji ta' l-elettriku jeħtiġilhom jaħdmu bihom, "kodiċijiet tax-xibka", ivarjaw enormement bejn l-Istati Membri, u ta' spiss ukoll fi ħdan Stat Membru nnifsu. Jekk irridu nintegraw is-swieq ta' l-enerġija fl-UE, dawn issa jeħtiġilhom jgħaddu minn proċess ta' konverġenza u mbagħad ta' armonizzazzjoni. . Il-Kummissjoni vvalutat l-alternattivi differenti għall-organizzazzjoni tal-ħidmiet meħtieġa, inkluża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tkunx tista' tieħu ħsiebhom hija stess. l-armonizzazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll il-progress fuq l-infrastrutturi l-ġodda, mhijiex biċċa xogħol li tipikament taqa' fl-isfera ta' l-attività tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni fil-fatt qatt ma wettqet attività ta' dan it-tip. Tirrikjedi li l-għarfien espert fis-27 aġenzija regolatorja nazzjonali (NRAs) jaħdem flimkien; huma l-NRAs li jeħtiġilhom jaqblu dwar l-emendi tal-kodiċijiet nazzjonali tax-xibka tagħhom. Fil-prattika, huwa biss korp li jkun ħiereġ mir-regolaturi nazzjonali li jista' jikkatalizza r-riżorsi tar-regolaturi nazzjonali, u dan huwa fundamentali għall-ilħiq ta' suċċess fuq dawn il-kwistjonijiet. L-Aġenzija, permezz tal-Bord Regolatorju tagħha – li jikkonsisti mill-NRAs – tista' tħaddem il-persunal ta' dawn l-NRAs. Il-Kummissjoni ma tinsabx f'dik il-qagħda. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kompiti rikjesti jkunu jistgħu jitwettqu minn entità separata, indipendenti mill-Kummissjoni u barra minnha. Sew il-Kunsill Ewropew, fir-Rebbiegħa 2007, kif ukoll il-Parlament Ewropew, approvaw din il-konklużjoni[2]. Għaldaqstant ġie kkunsidrat il-ħolqien ta' netwerk aktar b'saħħtu ta' regolaturi nazzjonali ta' l-enerġija. In-netwerk ta' awtoritajiet tal-kompetizzjoni li nħoloq fl-2004 skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 joffri mudell. Madankollu, dan ikun jirrikjedi l-ħolqien ta' setgħat awtonomi għall-Kummissjoni fis-settur ta' l-enerġija (attwalment, dawn is-setgħat jeżistu biss fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni). Fi kwalunkwe każ, is-setgħat ta' l-NRAs għandhom jissaħħu u jiġu armonizzati. Barra minn hekk, il-mudell tas-sistema tal-Banek Ċentrali Ewropej jista' jkun applikabbli, imma ma għandux bażi ġuridika fit-Trattat. Mudell bħal dan ikun jirrikjedi emenda tat-Trattat. Il-Kummissjoni għaldaqstant waslet għall-konklużjoni li, jekk għandu jiġi stabbilit korp indipendenti li jista' jagħmel rakkomandazzjonjiet lill-Kummissjoni rigward deċiżjonijiet li jinvolvu deċiżjonijiet sostantivi u jieħu deċiżjonijiet regolatorji individwali li jkunu vinkolanti fuq partijiet terzi rigward kwistjonjiet tekniċi dettaljati li jkunu delegati għalih, l-unika soluzzjoni tkun l-istabbiliment ta' Aġenzija. Il-ħidmiet ewlenin proposti jikkomplementaw, fuq il-livell Ewropew, il-ħidmiet regolatorji li jwettquhom ir-regolaturi nazzjonali. L-istruttura għandha tipprovdi qafas li fih ir-regolaturi nazzjonali jistgħu jikkooperaw, eżami regolatorju tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi tat-trażmissjoni u ambitu għat-teħid ta' deċiżjonijiet individwali rigward l-infrastruttura fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed. Din l-analiżi tirrifletti l-prinċipji ddefiniti mill-Kummissjoni fl-Abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv ta' l-aġenziji regolatorji Ewropej[3], b'mod partikolari fejn tidħol il-possibbiltà li jiġu adottati deċiżjonijiet individwali vinkolanti għal partijiet terzi. Il-proposta li ġejja tibni wkoll fuq l-alternattiva "ERGEG+" imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Jannar 2007 "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa"[4]. 3.2. Il-kompiti ewlenin ta' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija proposta Il-ħidmiet ewlenin proposti jikkomplementaw, fuq il-livell Ewropew, il-ħidmiet regolatorji li jwettquhom ir-regolaturi nazzjonali. - Il-provvediment ta' qafas għall-kooperazzjoni tar-regolaturi nazzjonali. Huwa propost li jittejjeb it-trattament tas-sitwazzjonijiet transkonfinali. L-Aġenzija għandha tistabbilixxi proċeduri għall-kooperazzjoni fost ir-regolaturi nazzjonali, b'mod partikolari fejn jidħol l-iskambju ta' informazzjoni u t-tqassim tal-kompetenzi f'każijiet fejn ikun hemm aktar minn Stat Membru wieħed involut. Dan il-qafas għandu jrawwem ukoll il-kooperazzjoni reġjonali fost ir-regolaturi nazzjonali. - Monitoraġġ regolatorju tal-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. L-Aġenzija se jkollha d-dmir li tissorvelja u teżamina l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' l-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku kif ukoll l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' l-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass. B'mod partikolari, se tkun involuta fl-istabbiliment ta' prijoritajiet permezz tal-programm ta' ħidma tan-Netwerks, fl-eżami tal-pjan tagħhom ta' investiment fuq medda ta' 10 snin, kif ukoll fit-tfassil ta' kodiċijiet tekniċi u tas-suq. L-eżami tal-pjan ta' investiment huwa bla ħsara għar-responsabbiltà ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għal nuqqasijiet tekniċi, kif definita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F'dak li għandu x'jaqsam ma' dawn il-kodiċijiet tekniċi u tas-suq, l-Aġenzija se jkollha l-possibbiltà li titlob lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni li jemendaw l-abbozzi tagħhom jew li jindirizzaw kwistjonijiet aktar speċifiċi f'aktar dettall. Barra minn hekk, se jkollha l-possibbiltà li tirrakkomanda lill-Kummissjoni li dawn il-kodiċijiet isiru vinkolanti, fejn implimentazzjoni volontarja mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għal ċerti kwistjonijiet ma tkunx biżżejjed jew ma tkunx f'lokha. L-Aġenzija tista' tirrakkomanda li l-abbozz imfassal mill-operaturi ta' trażmissjoni jiġi emendat, jew tirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi dispożizzjonijiet addizzjonali. Fil-prattika, dan il-mekkaniżmu se jieħu s-sura ta' djalogu kostruttiv u kontinwu bejn l-Aġenzija, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-Kummissjoni. L-involviment ta' l-Aġenzija se jkun ta' l-akbar importanza biex jiżgura li l-kooperazzjoni ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ssir b'mod effiċjenti u trasparenti, għall-ġid tas-suq intern. - Setgħat ta' deċiżjoni f'każijiet konkreti. Bil-għan li jiġu ttrattati kwistjonijiet speċifiċi transkonfinali, huwa propost li l-Aġenzija tingħata setgħat li tieħu deċiżjonijiet individwali dwal l-eżenzjoni[5], dwar talbiet rigward assi ta' l-infrastruttura ta' interess Ewropew, kif ukoll dwar is-sistema regolatorja applikabbli għall-infrastruttura fi ħdan it-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed. Barra minn hekk, l-Aġenzija tkun tista' tieħu deċiżjoniijiet speċifiċi fuq kwistjonjiet tekniċi individwali meta dawn jiġu assenjati lil-Aġenzija skond Linji ta' Gwida speċifiċi adottati f'konformità mad-Direttivi ta' l-Elettriku u l-Gass, bi proċedura ta' komitoloġija. - Rwol ta' konsulenza ġenerali. L-Aġenzija jkollha wkoll rwol ta' konsulenza fil-konfront tal-Kummissjoni rigward kwistjonijiet ta' regolazzjoni tas-suq, u tista' toħroġ linji gwida mhux vinkolanti bil-għan li tippubbliċizza prassi tajba fost ir-regolaturi nazzjonali. Fuq bażi ta' każ b'każ, ikollha wkoll is-setgħa li teżamina kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali li tolqot direttament is-suq intern, u tagħti opinjoni lill-Kummissjoni, dejjem fid-dawl tal-miżuri ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur tal-gass u ta' l-elettriku. Minkejja li s-setgħat tagħha ma jistgħux jiġu estiżi biex ikopru d-deċiżjonijiet normattivi (bħalma hija l-adozzjoni formali ta' linji ta' gwida obbligatorji), l-Aġenzija l-ġdida globalment sejra jkollha rwol kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regoli Ewropej tas-suq tal-gass u l-elettriku. 3.3. Il-governanza ta' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija proposta Il-qafas istituzzjonali u l-prinċipji ta' governanza ta' l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija fil-prinċipju huma msejsa fuq regoli u prattiċi standard għall-aġenziji regolatorji Komunitarji. Madankollu, għandha titqies l-indipendenza neċessarja tal-funzjonijiet regolatorji tagħha. Għal dan il-għan, minbarra l-bord tat-tmexxija responsabbli għall-kwistjonijiet kollha ta' amministrazzjoni u baġitarji, huwa propost li jinħoloq bord ta' regolaturi, li jkun responsabbli għall-kwistjonijiet u d-deċiżjonijiet regolatorji kollha. Id-Direttur, maħtur minn Bord Amministrattiv, wara konsultazzjoni mal-Bord Regolatorju, jintagħżel minn fost lista selettiva ( shortlist ) adottata mill-Kummissjoni. Id-Direttur jirrappreżenta lill-Aġenzija, u għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tagħha ta' kuljum. Barra minn hekk, l-istruttura ta' l-Aġenzija tipprevedi li jkun hemm Bord ta' l-Appell, li jkun kompetenti biex jittratta appelli kontra deċiżjonijiet adottati mill-Aġenzija. 3.4. Aspetti finanzjarji Huwa propost li l-Aġenzija, fid-dawl tal-kompiti tagħha, għandu jkollha persunal limitat ta' 40-50 ruħ. Din l-evalwazzjoni tibbaża fuq analiżi estensiva tal-ħtiġijiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f'dak li jirrigwarda l-persunal, kif ukoll analiżi bir-reqqa tar-riżorsi minimi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti proposti, partikolarment fid-dawl tal-possibbiltà ta' sinerġiji fit-tħaddim tar-riżorsi ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jgħinu fil-ħidma ta' l-aġenzija. Il-persunal propost huwa konformi mal-ħtiġijiet ta' dawn l-awtoritajiet[6]. Kif intqal aktar 'il fuq, li kieku l-Kummissjoni kellha tipprova twettaq il-kompiti ta' l-Aġenzija, l-għadd tal-persunal ikun wisq akbar. l-ispejjeż annwali totali ta' l-Aġenzija huma stmati għal madwar EUR 6-7 miljun fis-sena, li minnhom EUR 5 miljun ikunu għall-infiq fuq il-persunal (bil-medja kull persuna ta' l-ispiża tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri EUR 0.117 miljun fis-sena, somma li tinkludi l-infiq assoċjat mal-binjiet u l-ispejjeż amministrattivi assoċjati), EUR 1 miljun spejjeż operattivi (laqgħat, studji, kif ukoll l-ispejjeż tat-traduzzjoni, il-pubblikazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi), u l-bqija għall-ispejjeż kapitali (li jirrigwardaw l-akkwist ta' proprjetà immobbli u nfiq assoċjat) u l-ispejjeż tal-missjonijiet. L-ispejjeż annwali ta' l-Aġenzija se jkunu koperti mill-għotjiet Komunitarji. l-Aħenzija għandha dħul limitat ġej minn ħlasijiet li jagħmluhom partijiet terzi li jkunu dovuti meta l-Aġenzija tieħu ċerti deċiżjonijiet. 3.5. Ir-rwol tal-Kummissjoni Fil-prinċipju, hemm tliet salvagwardji differenti biex jiżguraw il-pożizzoni u r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattat. Qabel xejn, jekk l-Aġenzija tieħu deċiżjoni, din tkun torbot biss għal sitwazzonijiet tekniċi speċifiċi li huma espliċitament previsti fir-Regolament u fid-Direttivi, jew provduti bil-Linji Gwida vinkolanti fuq bażi ta' każ b'każ. L-Aġenzija ma jkollha l-ebda diskrezzjoni politika lil hinn inn dan il-qafas. It-tieni, jekk il-kooperazzjoni tat-TSOs jew deċiżjonijiet mieħuda mill-NRAs jheddu l-kompetittività effikaċi u l-funzjonament effiċjenti tas-suq, l-Aġenzija għandha minnufih tavża lill-Kummissjoni b'dan, u mbagħad din ta' l-aħħar tkun tista' tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirranġa l-qagħda. Il-Kummissjoni tista' wkoll taġixxi b'inizjattiva tagħha. It-tielet, kulfejn ikun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni sostantiva, dan tkun tista' tagħmlu biss il-Kummissjoni. F'dawn il-każijiet, l-Aġenzija għandha biss rwol ta' tħejija u konsulenza. Is-Servizz Ġuridiku tal-Kummisjsoni eżamina t-test bir-reqqa f'dan ir-rigward, biex jiżgura li l-Aġenzija ma jkollha l-ebda setgħa sostantiva diskrezzjonarja. Barra minn hekk, ikun kompitu tal-Kummisjsoni li, permezz ta' l-adozzjoni ta' Linji ta' Gwida vinkolanti, tispeċifika aktar u tistipula r-rwol ta' l-Aġenzija. 4. KOOPERAZZJONI EFFIċJENTI BEJN L-OPERATURI TAS-SISTEMA TA' TRAżMISSJONI 4.1. Kooperazzjoni qawwija bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni hija meħtieġa għall-integrazzjoni tas-suq ta' l-enerġija u tal-gass Sabiex isseħħ l-integrazzjoni tas-suq, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni effikaċi fost l-opearturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) u qafas regolatorju ċar u stabbli, inkluż il-koordinament regolatorju. Jeħtieġ li r-regoli ta' l-aċċess għan-netwerk u r-regoli ta' l-operat ikunu kompatibbli, kif ukoll li jkun hemm skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u koordinament tajjeb ta' investimenti ġodda biex tiżdied il-kapaċità ta' interkonnessjoni. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass u l-elettriku diġà jikkooperaw b'mod volontarju fi strutturi eżistenti bħall-Operaturi Ewropej tas-Sistemi ta' Trażmissjoni (ETSO, ) u t-Trażmissjoni tal-Gass fl-Ewropa (GTE, ). Jikkooperaw fuq kwistjonijiet operattivi fuq il-livell reġjonali, u jieħdu sehem f'korpi tekniċi bħall-Unjoni għall-Koordinament tat-Trażmissjoni ta' l-Elettriku (UCTE, Union for the Co-ordination of Transmission of Electricity) u l-Assoċjazzjoni Ewropea għat-Tħaffif ta' l-Iskambju ta' l-Enerġija (EASEE-Gas, European Association for the Streamlining of Energy Exchange). Dawn l-inizjattivi ta' kooperazzjoni fuq ħafna livelli taw kontribut sinifikanti għas-suq intern, u taw spinta sew lill-effiċjenza u lis-sikurezza tan-netwerks. Madankollu, il-kooperazzjoni volontarja wriet il-limiti tagħha, pereżempju fis-sura ta' inċidenti tan-netwerks u qtugħ ta' l-elettriku minħabba koordinament fqir fl-operat tan-netwerk jew inkella ħolqiet neqsin fin-netwerks tal-gass u l-elettriku, kif ukoll f'diffikultà biex jintlaħqu jew jinqablu standards tekniċi komuni. Għaldaqstant, huwa propost li l-operaturi tat-trażmissjoni jingħatalhom il-kompitu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'għadd ta' oqsma ċentrali, b'enfasi fuq il-kwistjonijiet li ġejjin. - L-iżvilupp ta' "kodiċijiet" tas-suq u tekniċi : Għall-integrazzjoni tas-swieq ta' l-elettriku u tal-gass, huwa meħtieġ sett koerenti ta' kodiċijiet tas-suq u tekniċi. Illum, dawn il-kodiċijiet jeżistu biss fuq bażi nazzjonali, jew inkella permezz tar-rakkomandazzjonijiet bħalma huma l-UCTE jew l-EASEE-gas. Il-problema bil-qagħda attwali għandha tliet aspetti: l-ewwelnett, ir-regoli eżistenti ma jkoprux l-oqsma kollha li jeħtiġilhom jiġu armonizzati biex ikun jista jiffunzjona suq integrat, it-tieni, il-kodiċijiet nazzjonali spiss ma jkunux kompatibbli bejniethom, u t-tielet spiss ma jkunux vinkolanti u inforzabbli. Eżempji ta' dawn il-kodiċijiet huma l-ktejjeb operattiv ta' l-UCTE dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà ta' netwerks tat-trażmissjoni ta' l-elettriku u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-EASEE-gas dwar il-kwalitajiet tal-gass. - Il-proposta żżomm il-proċess volontarju ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni bħala mezz prammatku għall-iżvilupp ta' kodiċijiet tekniċi u tas-suq. Dawn il-kodiċijiet spiss ikunu teknikament kumplessi, u jeħtieġ li jkun hemm proċess effiċjenti biex jiġu emendati fejn meħtieġ. Il-proposta żżid sorveljanza regolatorja qawwija fuq il-kontenut u l-monitoraġġ tal-konformità, u l-infurzar ta' dawn ir-regoli min-naħa ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-Aġenzija, u/jew il-Kummissjoni, skond in-natura tal-proposta kkonċernata. Fil-każ li l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni ma jkunux jistgħu jaqblu fuq kodiċijiet tekniċi u tas-suq neċessarji, jew ma jimplimentawhomx, dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu proposti u adottati permezz tal-proċedura tal-komitoloġija, fuq proposta tal-Kummissjoni. - B'kollox, din il-proposta tidentifika ħdax-il qasam ewlieni ta' kooperazzjoni. Il-programmi ta' ħidma annwali tan-Netwerk Ewropew ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (ara l-kapitolu 1.2), li għandhom jitħejjew b'konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati u ma' l-Aġenzija l-ġdida għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija (ara l-kapitolu 3), sejrin jistabbilixxu l-prijoritajiet u jispeċifikaw f'aktar dettall il-kodiċijiet tekniċi u tas-suq meħtieġa. Il-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandha tinkludi wkoll il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tekniċi u tas-suq. - Attivitajiet ta' interess komuni dwar it-riċerka u l-innovazzjoni: Il-kooperazzjoni bejn it-TSOs għandha tistabbilixxi qafas għall-identifikazzjoni, il-finanzjament u l-ġestjoni ta' attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jmexxu 'l quddiem l-iżvilupp tekniku tajjeb u l-evoluzzoni ta-netwerks Ewropej ta' l-elettriku u l-gass, partikolarment għall-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista u ta' l-effiċjenza fl-enerġija, u biex issir possibbli l-penetrazzjoni ta' teknoloġiji b'użu baxx tal-karbon. - Il-koordinazzjoni ta' l-operat tax-xibka : Il-kooperazzjoni fost it-TSOs tinkludi l-operat komuni tan-netwerks, skond kodiċijiet tekniċi u tas-suq maqbula. Tirreferi wkoll għall-iskambju ta' tagħrif operattiv dwar in-netwerks u l-pubblikazzjoni kkoordinata dwar l-aċess għan-netwerks, pereżempju permezz ta' pjattaforma komuni ta' trasparenza. - L-ippjanar ta' l-investiment : Sabiex kapaċità suffiċjenti ta' trażmissjoni tkun disponibbli biex tilqa' d-domanda u tintegra swieq nazzjonali, l-operaturi tan-netwerks se jkollhom bżonn pjanifikar koordinat fit-tul ta' l-iżvilupp tas-sistema, biex ikunu jistgħu jippjanaw investimenti fis-suq u jissorveljaw l-iżviluppi tal-kapaċitajiet tan-netwerks ta' trażmissjoni. Il-ħsieb huwa li n-Netwerks Ewropej ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jippubblikaw pjanijiet għall-iżvilupp tan-netwerk, inkluż l-immudellar tan-netwerk integrat, l-iżvilupp tax-xenarju u evalwazzjoni tal-flessibbiltà tas-sistema integrata u l-kapaċità tagħha li twassal. Dan il-pjan ta' żvilupp għandu jkun orjentat lejn il-ġejjieni biżżejjed (eż. talanqas 10 snin 'il quddiem) sabiex jippermetti l-identifikazzjoni bikrija ta' nuqqasijiet ta' investiment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali. B'mod partikolari għall-aħħar żewġ kompiti msemmija, l-inizjattivi reġjonali għandhom rwol pożittiv fl-integrazzjoni tas-suq. Il-kooperazzjoni fost l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni fuq il-livell Ewropew għandha, bla dubju, tiġi kkomplementata fuq il-livell reġjonali, bil-għan li jiġi żgurat progress prattiku reali, ġestjoni ottima tan-netwerk[7], kif ukoll l-ippjanar ta' investiment xieraq u t-twettiq tiegħu. Il-qafas regolatorju għandu jippromwovi, jikkoordina u jiżviluppa inizjattivi reġjonali bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u l-awtoritajiet regolatorji, kif jiġri fl-Inizjattivi Reġjonali mmexxija mill-ERGEG u inizjattivi bħall-Forum Pentalaterali fil-Majjistral ta' l-Ewropa, u kif jirrakkomandaw partijiet interessati kbar bħall- Eurelectric. 4.2. Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni mtejjeb Huwa importanti li l-istrutturi ta' kooperazzjoni ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu rikonoxxuti għal kollox fil-livell Ewropew, bħala korpi i jkollhom l-awtorità jwettqu l-kompiti msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra taħtar formalment in-Netwerks Ewropej ta' operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (ta' l-elettriku u l-gass) li jkunu responsabbli għal dawn il-kompiti. Bħala kumpaniji, l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni jeħtiġilhom ikunu trasparenti fil-mod li bih jikkooperaw. Jistgħu jibnu fuq strutturi eżistenti bħall-GTE u l-ETSO. Madankollu, il-kompiti u r-responsabbiltajiet rikjesti mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni sejrin ifissru li jkun hemm ħtieġa għal struttura ċentrali u permanenti ta' kooperazzjoni sew f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni kid ukoll għdod prattiċi għall-ippjanar u l-operat tan-netwerks. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija sejra tissorvelja t-twettiq tal-ħidmiet fdati f'idejn in-Netwerk Ewropew ta' operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni. L-involviment u l-konsultazzjoni bikrija tal-partijiet interessati, bħalma huma l-produtturi, il-fornituri, il-klijenti u l-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni sejrin jiżviluppawhom bħala prattika standard sa mill-bidu ta' ħidmithom fuq suġġett partikolari. Għaldaqstant, il-partijiet interessati sejrin jiġu kkonsultati fuq kwalunkwe abbozz ta' kodiċi tas-suq u tekniku mfassal mill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, u se jkunu jistgħu jikkummentaw dwar il-programm ta' ħidma annwali ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. L-Aġenzija sejra tissorvelja t-twettiq tajjeb tal-konsultazzjoni. 5. IT-TITJIB TAL-FUNZJONAMENT TAS-SUQ Il-proposta preżenti għandha wkoll l-għan li ttejjeb il-qafas leġiżlattiv sabiex jiffaċilita l-aċċess ta' partijiet terzi għal infrastrutturi ewlenin, biex iżżid it-trasparenza fis-suq, biex isseddaq l-integrazzjoni tas-suq u ttejjeb l-aċċess għall-klijenti bl-imnut. 5.1. Reġim ta' eżenzjoni Il-leġiżlazzjoni attwali tippermetti li infrastruttura ġdida ewlenija tiġi eżentata minn regoli dwar l-aċċess regolat għal partijiet terzi għal perjodu ddeterminat minn qabel. Bosta infrastrutturi tlestew jew inkella għadhom qed jitlestew, inklużi interkonnetturi tal-gass u l-elettriku u faċilitajiet ta' l-LNG li utlizzaw din il-possibbiltà. Dan għen biex jinġiebu 'l quddiem proġetti li jibbenefikaw is-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni. Fl-istess waqt, l-esperjenza sa llum uriet li l-iżviluppaturi tal-proġetti, ir-regolaturi u l-Kummissjoni lkoll jistgħu jibbenefikaw minn proċedura mħaffa għall-applikazzjonijet u l-għoti ta' eżenzjonijiet, kif ukoll minn kjarifikar ta' wħud mill-kundizzjonijiet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jitfasslu linji gwida biex lill-applikanti u r-regolaturi jgħinuhom japplikaw il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni. Biex jiġi żgurat li l-infrastruttura eżenti, madankollu, tkun tista' tintuża bl-aħjar mod mis-suq, huwa propost li jiġu ġġeneralizzati r-rekwiżiti minimi għall-allokazzjoni tal-kapaċità u d-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni għal infrastrutturi ġodda, li sallum ġew applikati fuq bażi ta' każ b'każ. 5.2. It-trasparenza Is-suq intern ta' l-elettriku u l-gass qed ibati minn nuqqas ta' likwidità u trasparneza, li qiegħed itellef l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, jillimita l-possibbiltajiet għal miżuri tat-taffija tar-riskji u jibblokka d-dħul il-ġdid fis-suq. Il-fiduċja fis-suq, il-likwidità tiegħu u l-għadd ta' parteċipanti fih ilkoll jeħtiġilhom jiżdiedu, billi jitkabbar it-tagħrif disponibbli għas-suq. Ir-rekwiżiti attwali dwar it-trasparenza jiffukaw fuq il-pubblikazzjoni tal-kapaċità tan-netwerk, biex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jaraw jekk hemmx kapaċità disponibbli, u jekk il-kapaċità disponibbli kollha hijiex offerta lis-suq. Madankollu, il-parteċipanti fis-suq jeħtieġ ikollhom aċċess indaqs għall-informazzjoni li tiddetermina ċaqliq fil-prezzijiet bl-ingrossa. Bħalissa, l-operaturi li huma responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-flussi tal-gass u ta' l-elettriku, u li għandhom is-sjieda tal-maġġoranza ta' l-assi fis-suq, għandhom aċċess għall-informazzjoni aktar u aħjar minn operaturi ġodda. Fil-qasam ta' l-elettriku, jeżistu rekwiżiti fil-forma ta' linji gwida annessi mar-regolamentazzjoni, li jiddefinixxu r-rekwiżiti ta' trasparenza fil-ġenerazzjoni ta' l-elettriku, biss mhumiex biżżejjed, u fil-qasam tal-gass għalissa ma hemm l-ebda rekwiżit ta' din ix-xorti. Huwa għalhekk propost li jiġu estiżi r-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li jirrigwarda l-ħażniet tal-gass, it-tbassir tad-domanda u l-provvista, l-ispejjeż ta' l-ibbilanċjar tan-netwerk, u l-kummerċ. L-applikazzjoni korretta u sħiħa ta' dawn ir-rekwiżiti jeħtiġilha tiġi kkontrollata u ssorveljata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u s-setgħat tagħhom għandhom jissaħħu skond dan. Dwar il-kwistjoni tat-trasparenzarigward id-derivattivi u l-istrumenti finanzjarji, u li dwarhom dawn il-proposti ma jipprovdux rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-kumpaniji kkonċernati, il-Kummissjoni sejra teżamina din il-kwistjoni fid-dettall u tilħaq konklużjoni lejn nofs l-2008. L-Aġenzija għall-kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli Finanzjarji huma mistiedna jikkooperaw biex jinvestigaw aktar u jagħtu l-pariri dwar il-kwistjoni jekk it-tranżazzjonijiet fil-kuntratti ta' forniment tal-gass u l-elettriku, u d-derivatttivi ta' l-elettriku, għandhomx ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta' trasparenza ta' qabel u/jew wara t-tranżazzjoni. 5.3. Aċċess għall-ħażna Id-Direttiva eżistenti dwar is-suq intern tal-gass tipprovdi li, meta l-ħżin ikun faċilità essenzjali biex il-klijenti jkunu jistgħu jingħataw provvista, l-operaturi tal-ħżin għandhom jagħtu aċċess lil partijiet terzi. L-Istati Membri għandhom l-għażla li dan l-aċċess għall-faċilitajiet tal-ħżin jiżgurawh jew permezz ta' kundizzjonijiet definiti mir-regolatur jew billi jobligaw lill-operaturi tas-sistemi tal-ħżin jinnegozjaw il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess mal-klijenti. Ir-rekwiżiti tad-Direttiva jillimitaw irwieħhom għall-prinċipji, u lill-Istati Membri jħallulhom ħafna libertà biex jiddefinixxu l-qafas regolatorju tagħhom. Dawn il-prinċipji tlaħħmu permezz tal-Forum ta' Madrid, fejn il-partijiet kollha involuti qablu li jkun hemm 'Linji gwida' volontarji għall-Prassi Tajba ta' Aċċess ta' Partijiet Terzi għal Operaturi tas-Sistema tal-Ħażna' (GGPSSO). Madankollu, l-EGREG ikkonkluda li l-implimentazzjoni globali ta' dawn il-linji gwida hija batuta. Biex dawn ikunu applikati b'mod effettiv, il-Kummissjoni tipproponi erba' miżuri: - Li l-prinċipji tal-linji gwida tagħmilhom vinkolanti u tħalli għall-implimentazzjoni dettaljata tal-linji gwida permezz tal-komitoloġija; - Li tistabbilixxi s-separazzjoni legali u funzjonali ta' l-operaturi tas-sistema ta' ħżin li jagħmlu parti mill-impriżi ta' forniment; - Li ssaħħaħ is-setgħat ta' l-awtoritajiet regolatorji biex jissorveljaw l-aċċess għall-ħżin; - Li tesiġi ċ-ċarezza fis-sistema regolatorja li tiġi applikata għall-faċilitajiet ta' ħżin. Biex il-linji gwida jsiru vinkolanti, ir-Regolament se jkun estiż sabiex jiddefinixxi kif l-operaturi tas-sistema ta' ħżin jeħtiġilhom joffru servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi, u kif għandhom jallokaw il-kapaċità jmexxu l-konġestjoni. Ir-Regolament se jiddefinixxi wkoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza, u kif għandu jitħalla jiżviluppa suq sekondarju tal-kapaċità ta' ħżin. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li l-ħżin kollu disponibbli għal partijiet terzi jkun offrut lis-suq b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, kif ukoll li l-akkapparrar ta' kapaċità jiġi skoraġġut bil-qawwi. Dawn ir-regoli jservu wkoll biex jiżguraw il-konsistenza mar-rekwiżiti minimi proposti fuq l-infrastruttura eżenta. Bir-rekwiżit tas-separazzjoni legali u funzjonali ta' l-operaturi tas-sistema ta' ħżin, l-aċċess effettiv għall-ħażna se jittejjeb ħafna. Attwalment, meta l-fornituri jkunu jkollhom bżonn il-ħżin, jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-kompetituri tagħhom biex jidħlu f'kuntratti dwar il-ħtieġa tagħhom ta' ħżin. Dan il-fatt ma jtejjibx il-kunfidenza fis-suq u huwa ostaklu serju għal min irid jidħol ġdid fis-suq. Ir-rekwiżit ta' separazzjoni ta' l-operaturi tas-sistemi ta' ħżin din il-qagħda sejjer itejjibha, u se jħalli l-kompetituri u r-regolaturi jiċċekkjaw li l-kapaċità kollha disponibbli ta' ħżin tkun offruta lis-suq. Il-Kummissjoni tipproponi litħassar l-ambigità li teżisti dwar il-proporzjon tal-kapaċità ta' ħżin offruta lis-suq, billi tesiġi li l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jiddefinixxu kriterji dwar meta u kif japplika l-aċċess ta' partijiet terzi għall-ħżin, u dawn iridu jiġu ppublikati. Ir-regolatur konsegwentement għandu r-responsabbiltà li jara li dawn il-kriterji jkunu applikati sewwa fil-faċilitajiet kollha tal-ħżin. 5.4. Aċċess għat-terminali ta' l-LNG Ir-rwol ta' l-LNG (gass naturali likwidu) fil-provvista tal-gass għall-Unjoni Ewropea kulma jmur qed isir aktar importanti, u bħalissa għaddejjin jew jinsabu ppjanifikati ħafna investimenti fit-terminali ta' l-LNG. Għaldaqstant, jinħtieġu regoli ta' aċċess trasparenti għat-terminali ta' l-LNG. Ir-regolaturi identifikaw il-ħtieġa, u l-ERGEG ipprepara l-linji ta' gwida bil-għan li jinħoloq approċċ komuni għall-aċċess ta' partijiet terzi għat-terminali ta' l-LNG. Minkejja li ħafna terminali ta' l-LNG li nbnew utilizzaw il-possibbiltajiet li jkunu eżenti mill-aċċess ta' partijiet terzi u mill-interventi regolatroji skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva, hemm ukoll terminali ta' l-LNG li għalihom japplikaw regoli għall-aċċess ta' partijiet terzi. Minħabba li d-Direttiva attwali timponi biss rekwiżit ġenerali dwar il-ħtieġa li l-aċċess ikun regolat, dan iħalli spazju għal interpretazzjonijiet diverġenti fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, eżenzjoni skond l-Artikolu 22 tkun dejjem temporanja, u meta jkun skada l-perjodu ta' eżenzjoni, it-terminali ta' l-LNG jsiru rregolati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li timponi regoli definiti aktar ċar dwar l-aċċess ta' partijiet terzi għat-terminali ta' l-LNG. Biex il-linji gwida jsiru vinkolanti, ir-Regolament se jkun estiż sabiex jiddefinixxi kif l-operaturi tas-sistema ta' ħżin jeħtiġilhom joffru servizzi ta' aċċess għal partijiet terzi, u kif għandhom jallokaw il-kapaċità jmexxu l-konġestjoni. Ir-Regolament se jiddefinixxi wkoll ir-rekwiżiti ta' trasparenza u jipproponi miżuri biex jitħalla jiżviluppa suq sekondarju tal-kapaċità ta' ħżin. Dawn ir-regoli jservu wkoll biex jiżguraw il-konsistenza mar-rekwiżiti minimi proposti fuq l-infrastruttura eżenti. 5.5. Ftehimiet ta' forniment fit-tul Ftehimiet bilaterali ta' forniment 'l isfel fil-katina tal-provvista (downstream) joffru opportunità biex l-industriji li jiddependu ħafna mill-enerġija jiksbu prezzijiet aktar previdibbli. Madankollu, ftehimiet bħal dawn jippreżentaw ir-riskju li jillimitaw is-suq 'l isfel fil-katina tal-provvista, billi lill-konsumaturi ma jħalluhomx jaqilbu, u b'hekk jillimitaw il-kompetizzjoni. Biex l-inċertezza fis-suq titnaqqas, il-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin sejra tipprovdi gwida, f'sura f'lokha, dwar il-konformità tal-ftehimiet bilaterali fit-tul ta' forniment 'l isfel fil-katina tal-provvista mal-leġiżlazzjoni tal-KE dwar il-kompetizzjoni. 5.6. Qafas għall-istabbiliment progressiv ta' suq Ewropew bl-imnut S'issa la s-suq ta' l-elettriku u lanqas dak tal-gass ma tista' ssejħilhom swieq Ewropej bl-imnut (djar privati u intrapriżi żgħar), għax il-klijenti, anki f'dawk il-każijiet fejn għandhom għażla, għadhom obbligati jagħżlu fornitur stabbilit fl-istess pajjiż. L-istabbiliment ta' suq tassew Ewropew tal-konsumaturi aħħarin huwa l-mira finali tas-swieq interni ta' l-elettriku u l-gass: huwa meħtieġ biex jinħolqu swieq kompetittivi u biex jintlaħaq il-massimu ta' l-effiċjenza. Il-liberalizzazzjoni fis-suq bl-imnut hija importanti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta' l-UE jkunu jistgħu jgawdu mill-kompetizzjoni. Li kieku l-liberalizzazzjoni kellha tapplika biss għall-klijenti l-kbar, id-djar Ewropej jispiċċaw billi jissussidjaw l-industriji tagħhom, u s-sinjali ta' l-investiment għall-ġenerazzjoni u l-forniment il-ġodda jispiċċaw mgħawġa. Mill-1 ta' Lulju 2007 'l quddiem, is-swieq bl-imnut kollha ta' l-UE nfetħu għall-kompetizzjoni, iżda fil-prattika, ħafna konsumaturi huma marbutin mal-fornituri tagħhom ta' dejjem, għax għadu ma ġiex implimentat qafas legali xieraq kif kien meħtieġ. Suq bl-imnut Ewropew jista' jinħoloq biss b'mod progressiv. Biex tħeġġeġ dan il-proċess, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra t-twaqqif ta' forum tal-kummerċ bl-imnut, b'analoġija ma' l-esperjenza pożittiva tal-Fora ta' Firenze u Madrid. Dan il-forum iħallina niffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi tal-kummerċ bl-imnut, u għandu jaqdi ta' pjattaforma għall-persuni interessati kollha biex jippromwovu l-istabbiliment ta' suq bl-imnut mifrux ma' l-UE kollha kemm hi. Il-forum jipprovdi gwida dwar l-obbligi proposti għall-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji biex jistabbilixxu regoli ċari li jiddefinixxu l-kompetizzjoni fis-suq bl-imnut, bil-għan li progressivament jarmonizzaw ir-regoli tas-suq sabiex jippermettu swieq bl-imnut transkonfinali. Swieq bl-imnut li jaħdmu sewwa se jkollhom rwol importanti ħafna f'li jżidu l-kuxjenza tan-nies dwar il-konsum domestiku ta' l-enerġija u dwar l-ispejjeż ta' l-enerġija, għax il-miżuri kollha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u biex tiżdied l-effiċjenza ta' l-enerġija jeħtieġu kontribut mingħand id-djar privati. Il-kompetizzjoni fuq il-provvista lid-djar privati għandha ttejjeb il-kuxjenza tagħhom dwar l-enerġija. Madankollu, prattiċi attwali li skondhom il-konsumaturi jirċievu l-kont finali tal-konsum tagħhom biss wara sena din il-kuxjenza ma joħolquhiex, u lanqas ma jippermettu li l-fornituri jiżviluppaw servizzi kompetittivi li jiddistingwu bejn id-djar skond il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Il-fornituri għaldaqstant jeħtiġilhom jagħtu aktar informazzjoni biex jiżguraw li l-klijenti jingħataw informazzjoni aktar frekwenti dwar il-konsum u l-ispiża ta' l-enerġija tagħhom. Huwa ovvju li l-libertà ta' l-għażla għall-konsumaturi jeħtieġ li tkun akkumpanjata minn garanziji qawwija dwar id-drittijiet tal-klijenti. Bid-Direttiva attwali, il-klijenti vulnerabbli diġà għandhom grad għoli ta' ħarsien, biex jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-enerġija li jeħtieġu biex jgħixu ħajja normali. Dawn il-miżuri, madankollu, f'xi pajjiżi ma ġewx applikati sewwa, u l-Kummissjoni, biex tiċċara l-qafas, qed tipproponi li tiddefinixxi linji gwida vinkolanti. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tipproponi li sseddaq id-drittijiet tal-klijenti kollha, fost l-oħrajn billi tagħtihom id-dritt li jibdlu l-fornitur fi kwalunkwe waqt, u billi tobbliga lill-kumpaniji ta' l-enerġija li l-kontijiet ikunu magħluqa fi żmien xahar minn meta konsumatur jaqleb minn fornitur għall-ieħor. Fl-aħħarnett il-Kummisjsoni waslet għall-konklużjoni li għad-DSOs huma biżżejjed ir-regoli attwali dwar is-separazzjoni legali u funzjonali. Għaldaqstant ma tipproponix li testendi għad-DSOs ir-regoli dwar is-separazzjoni tas-sjieda deskritti fil-kapitlu 4 aktar 'il fuq. 6. IL-KOOPERAZZJI GħAT-TISħIħ TAS-SIGURTÀ TAL-PROVVISTA 6.1. Il-monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista min-naħa ta' l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni Huwa importanti li jiġi żgurat li s-sistemi tal-gass u l-elettriku jkunu jistgħu jlaħħqu mad-domanda, anki fi żminijiet meta din tkun fl-eqqel tagħha. Fil-każ ta' l-elettriku, dan huwa possibbli biss meta jkun hemm biżżejjed kapaċità ta' ġenerazzjoni (l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni) u n-netwerk ikun jista' jittrasporta l-enerġija mingħand il-ġeneraturi għal għand il-konsumaturi aħħarija (l-adegwatezza tan-netwerk). Fil-każ tal-gass, jeħtieġ li jkun hemm biżżejjed kapaċità sew ta' importazzjoni kif ukoll ta' ħżin. Id-Direttiva 2005/89/KE tesiġi li r-regolaturi nazzjonali, bil-għajnuna ta' l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni, jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull sena dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-elettriku. Id-Direttiva 2004/67/KE tesiġi li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar il-qagħda tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u dwar il-qafas regolatorju biex itejbu l-investiment fl-infrastruttura. L-emendi proposti għar-Regolamenti (KE) Nru 1228/2003 u (KE) Nru 1775/2005 lin-Netwerk ta' l-Operaturi Ewropej tas-Sistemi ta' Trażmissjoni jagħtuh il-kompitu li jagħmel previżjonijiet dwar l-adegwatezza tas-sistema kull Sajf, kull Xitwa u wkoll fit-tul. Perspettiva Ewropea hija meħtieġa biex jitqiesu l-possibbiltajiet għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' l-elettriku u l-gass f'kundizzjonijiet ta' l-ogħla talba. Minħabba flussi transkonfinali ta' l-elettriku u l-gass fis-suq intern, l-istampa jeħtiġilha titfassal fuq il-livell Ewropew. 6.2. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE għandha żewġ strumenti li jittrattaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass. L-ewwelnett, id-Direttiva 2003/55/KE daħħlet obbligi ġenerali ta' monitoraġġ għall-Istati Membri. It-tieni, id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tikkonċerna speċifikament miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali. Din l-aħħar Direttiva stabbiliet il-Grupp ta' Koordinament għal-Gass, u tiddefinixxi "mekkaniżmu Komunitarju" fil-każ ta' interruzzjoni tal-forniment. Dawn l-istrumenti jipprovdu għal pjattaforma ta' koordinazzjoni. La jistipulaw għanijiet kwantitattivi fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista, u lanqas ma jimponu xi obbligu rigward il-ħażniet tal-gass. Fl-aħħarnett, ma jipprovdux qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fil-każ li jseħħu interruzzjonijiet gravi tal-provvista. Kien biss dan l-aħħar li d-Direttiva 2004/67/KE ġiet trasposta mill-Istati Membri. L-Artikolu 10 tagħha jistipula li l-Kummissjoni għandha tirrapporta sad-19 ta' Mejju 2008 dwar l-implimentazzjoni tagħha, u b'mod partikolari dwar l-effikaċja ta' l-istrumenti tagħha, u li l-Kummissjoni tista' toħroġ aktar proposti rigward is-sigurtà tal-provvista. B'mod partikolari, dan ir-rapport se jindirizza miżuri rigward is-sigurtà tal-provvista b'rabta mal-ħażniet tal-gass. Għaldaqstant, bħala l-ewwel pass, dawn il-proposti ma jemendawx id-Direttiva 2004/67/KE, u jittrattaw biss żewġ kwistjonijiet: - Aktar obbligi ta' trasparenza fil-livell tal-ħażniet kummerċjali . Kull operatur ta' ħżin ikollu l-obbligu li jippubblika kuljum l-ammont ta' gass disponibbli li għandu fil-faċilitajiet tiegħu. B'dan l-obbligu titqawwa bil-wisq il-kunfidenza reċiproka għall-assistenza reġjonali u bilaterali fil-każ ta' interruzzjonijiet gravi tal-provvista. - Is-Solidarjetà: Huwa propost li l-Istati Membri jikkooperaw biex iġibu 'l quddiem is-solidarjetà reġjonali u bilaterali. Din il-kooperazzjoni hija maħsuba biex tkopri sitwazzjonijiet li x'aktarx li jwasslu għal interruzzjonijiet gravi tal-provvista tal-gass li jaffettwaw Stat Membru. Eżempji ta' dan il-koordinament huma t-tħaffif tal-miżuri nazzjonali għat-trattament ta' l-emerġenzi u l-elaborazzjoni ta' modalitajiet prattiċi għall-għajnuna reċiproka. Il-Kummissjoni sejra tadotta linji ta' gwida għall-kooperazzjoni fis-solidarjetà reġjnali, jekk ikunu meħtieġa. 2007/0198 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[8], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[9], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[10], Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[11], Billi: 1. Is-suq intern ta' l-elettriku, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha tal-Komunità, kemm jekk huma ċittadini kemm negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta' negozju u aktar kummerċ transkonfinali sabiex jiġu żgurati gwadanji f'termini ta' effiċjenza, prezzijiet kompetittivi, standards ogħla ta' servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostennibbiltà. 2. Id-Direttiva Nru 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE[12] u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1228/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerk għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku għamlu kontributi sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ suq intern ta' l-elettriku[13]. 3. Madankollu, bħalissa, l-Unjoni Ewropea ma tistax tiggarantixxi lill-ebda kumpanija fil-Komunità d-dritt li tbigħ l-elettriku fl-ebda Stat Membru fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġ. B’mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk, u livell ugwalment effettiv ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, għad ma jeżistux. 4. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata "Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa"[14] saħqet fuq l-importanza li s-suq intern ta' l-elettriku jitkompla kif ukoll li jkun hemm ambjent ekwu għall-kumpaniji kollha ta' l-elettriku fil-Komunità. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar prospetti għas-suq intern tal-gass u l-elettriku[15] u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Inkjesta skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-setturi Ewropej tal-gass u l-elettriku (Rapport Finali)"[16] urew li r-regoli u l-miżuri ta' bħalissa ma jipprovdux il-qafas meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ suq intern li jaħdem tajjeb. 5. Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 jeħtieġ li jiġi addattat f'konformità ma' dawn il-komunikazzjonijiet sabiex jittejjeb il-qafas regolatorju għas-suq intern ta' l-elettriku. 6. B’mod partikolari, jenħtieġu aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni biex jiżguraw kompatibbiltà progressiva tal-kodiċi tekniċi u kummerċjali għal forniment u tmexxija ta’ aċċess effettiv għan netwerks transkonfinali ta’ trażmissjoni, u biex jiżguraw ippjanar koordinat u li jħares biżżejjed ’il quddiem għall-ġejjieni u evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta’ trażmissjoni fil-Komunità. Dan kollu billi jagħtu kas adegwat ta’ l-ambjent u l-promozzjoni ta’ effiċjenza fl-enerġija u riċerka u innovazzjoni speċjalment fl-iżgurar ta’ żieda fl-enerġija mġedda u t-tixrid ta’ teknoloġija b’livell baxx ta’ karbonju. Operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jħaddmu n-netwerks tagħhom skond dawn il-kodiċi kompatibbli tekniċi u tas-suq. 7. Jeħtieġ li jitwaqqaf netwerk Ewropea ta’ operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni sabiex tiżgura tmexxija tajba tan-netwerk tat-trażmissjoni ta' l-elettriku u tippermetti kummerċ u forniment ta’ elettriku lil klijenti transkonfinali li jixtru bl-imnut fil-Komunità. Il-kompiti tagħha jridu jitwettqu b’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet dwar in-netwerk Ewropea ta’ l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni. Il-kompiti tagħhom għandhom jiġu definiti tajjeb u l-metodu ta' ħidma tagħhom għandu jiżgura l-effiċjenza, ir-rappreżentanza u t-trasparenza. Minħabba l-fatt li strateġija fil-livell reġjonali tkun tista' tikseb progress aktar effettiv, l-operaturi ta’ sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta' kooperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma' kodiċijiet u pjanijiet ta' investiment fil-livell Komunitarju. Kooperazzjoni fi ħdan oqfsa reġjonali bħal dawn tassumi separazzjoni effettiva ta' attivitajiet ta' netwerk minn attivitajiet ta' produzzjoni u forniment li mingħajrhom kooperazzjoni reġjonali bejn operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni tagħti lok għal riskju ta' mġiba kontra l-kompetizzjoni. 8. Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom interess fil-ħidma li għad trid tiġi elaborata min-netwerk Ewropew ta' operaturi ta’ sistema ta' trażmissjoni. Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa għalhekk essenzjali u l-oqsfa eżistenti li jitwaqqfu biex jiffaċilitaw u jagħtu konformità lill-proċess ta’ konsultazzjoni, bħall- Union for the Coordination of Transmission of Electricity (UCTE), għandu jkollhom rwol importanti. 9. Is-sorveljanza tas-suq li ilha titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni dawn l-aħħar snin uriet li r-rekwiżiti ta' trasparenza u r-regoli attwali dwar l-aċċess għall-infrastrutturi mhumiex biżżejjed. 10. Jeħtieġ aċċess indaqs għall-informazzjoni dwar l-istatus fiżiku tas-sistema, sabiex il-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jivvalutaw is-sitwazzjoni globali ta' domanda u ta' provvista u jidentifikaw ir-raġunijiet għaċ-ċaqliq fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan jinkludi tagħrif aktar preċiż dwar il-ġenerazzjoni, il-provvista u d-domanda ta' l-elettriku, il-kapaċità tan-netwerk, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar kif ukoll il-kapaċità ta' riżerva. 11. Sabiex tiżdied il-kunfidenza fis-suq, il-parteċipanti tas-suq jeħtieġu li jkunu ċerti li jistgħu jittieħdu sanzjonijiet kontra prassi abbużiva. Awtoritajiet kompetenti għandha tingħatalhom is-setgħa li jinvestigaw b’mod effettiv allegazzjonijiet ta’ abbuż tas-suq. Għalhekk l-aċċess għad-dejta mill-awtoritajiet kompetenti hija meħtieġa. Din tipprovdi informazzjoni dwar deċiżjonijiet operattivi li jittieħdu minn impriżi fornituri. Fis-suq ta’ l-elettriku bosta deċiżjonijiet rilevanti jittieħdu mill-ġeneraturi, li għandhom iżommu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għal perjodu stipulat. Ġeneraturi żgħar mingħajr possibbiltà reali li jgħawġu s-suq għandhom jkunu eżenti minn dan l-obbligu. 12. Il-kompetizzjoni fis-settur domestiku tirrikjedi li l-fornituri ma jiġux imblukkati meta jiġu biex jidħlu fis-swieq ġodda tal-bejgħ bl-imnut. Għaldaqstant jeħtieġ li r-regoli u r-responsabbiltajiet li jiddefinixxu l-katina ta' forniment isiru magħrufin mill-atturi kollha fis-suq, u jeħtieġ li jiġu armonizzati sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tas-suq Komunitarju. 13. Għandna nippromwovu bis-sħiħ investimenti f’infrastrutturi ewlenin ġodda filwaqt li niżguraw il-funzjoni xierqa tas-suq intern ta’ l-elettriku. Sabiex intejbu l-effett pożittiv ta’ interkonnetturi tal-kurrent dirett eżentati fuq kompetizzjoni u sigurtà tal-provvista, irid jiġi ttestjat l-interess fis-suq matul il-fażi ta’ ppjanar tal-proġett u jridu jiġu implimentati regoli tat-tmexxija ta’ konġestjoni. Meta interkonetturi tal-kurrent dirett jinstabu fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta’ Regolaturi ta’ l-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru ...[17] jridu jipproċessaw it-talba għall-eżenzjoni sabiex jitqiesu aħjar l-implikazzjonijiet transkonfinali tagħha u jiffaċilitaw l-ipproċessar amministrattiv tagħha. Barra minn hekk, minħabba l-profil eċċezzjonali ta’ riskju fil-bini ta’ dawn il-proġetti kbar ta’ infrastruttura eżentati, huwa possibbli li jkun hemm deroga temporanja għall-impriżi ta’ forniment u ta’ produzzjoni mir-regoli kollha ta’ separazzjoni għall-proġetti kkonċernati. 14. Ir-Regolament (KE) 1228/2003 jipprovdi li għandhom jiġu adottati ċerti miżuri skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[18]. 15. Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inkluż billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplimentat biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali. 16. Skond id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni[19] dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, biex din il-proċedura l-ġdida tkun applikabbli għall-istrumenti adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat u li diġà huma fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu emendati skond il-proċeduri applikabbli. 17. Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, il-Kummissjoni għandha tingħatalha s-setgħa b’mod partikolari biex tistabbilixxi jew tadotta l-linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-Regolament. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 u biex jissupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 biż-żieda ta' elementi ġodda mhux esssenzjali, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. 18. Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 huwa emendat kif ġej: 19. fl-Artikolu 1, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: "Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jiffaċilita l-iżvilupp ta' suq bl-imnut transkonfinali li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti, kif ukoll ta' suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti. Jipprovdi mekkaniżmi biex jarmonizza dawn ir-regoli.” 20. Fl-Artikolu 2(2), għandha tiżdied id-definizzjoni li ġejja: (h) ‘Aġenzija’ tfisser l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni ta’ Regolaturi ta’ l-Enerġija stabbilita bir-Regolament (KE) Nru ...[20] ” 21. Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 2a sa 2h li ġejjin: "Artikolu 2a Netwerk Ewropea ta' Operaturi ta’ Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku L-operaturi kollha ta’ Sistema ta' Trażmissjoni għandhom jikkooperaw fil-livell Komunitarju billi jistabbilixxu n-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta’ Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku sabiex tiġi żgurata tmexxija ottima u evoluzzjoni teknika soda tan-netwerk Ewropew tat-trażmissjoni ta' l-elettriku. Artikolu 2b Twaqqif ta’ Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta’ Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku 1. Sa mhux aktar tard mill […] l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni ta’ l-elettriku għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbożż ta’ statuti, lista ta’ membri futuri u abbozz ta’ regoli ta’ proċedura, inklużi r-regoli ta’ proċedura fuq il-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati tan-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku li għandu jitwaqqaf. 2. Fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievihom, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni lill-Kumissjoni dwar l-abbozz ta’ statuti, lista ta’ membri u abboż ta’ regoli ta’ proċedura. 3. Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz ta' statuti, lista ta’ membri u abbozz ta’ regoli ta’ proċedura fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi l-opinjoni ta’ l-Aġenzija. 4. Fi żmien 3 xhur minn meta jirċievu l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku, jadottaw l-istatuti u r-regoli ta’ proċedura tiegħu u jippubblikahom. Artikolu 2c Kompiti ta’ Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku 1. In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku għandu jadotta: (a) kodiċijiet tekniċi u tas-suq fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 3; (b) għodod operattivi ta’ netwerk komuni u pjanijiet ta’ riċerka; (c) pjan ta’ investiment għal 10 snin, inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni kull sentejn; (d) programm ta' ħidma annwali; (e) rapport annwali; (f) prospetti annwali dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni għas-sajf u għax-xitwa. 2. Il-programm ta’ ħidma annwali msemmi fil-paragrafu 1(d) għandu jkun fih lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tekniċi u tas-suq, pjan fuq operat komuni tan-netwerk u attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp, li jridu jitfasslu t-tnejn matul dik is-sena u kalendarju indikattiv. 3. Il-kodiċijiet dettaljati tekniċi u tas-suq għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, skond il-prijoritajiet definiti fil-programm ta’ ħidma annwali: (a) regoli dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà; (b) regoli dwar il-konnessjoni max-xibka u l-aċċess; (c) regoli dwar l-iskambju ta' dejta u dwar l-issetiljar; (d) regoli dwar l-interoperabbiltà; (e) proċeduri operattivi f’emerġenza; (f) allokazzjoni ta' kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta' konġestjoni; (g) regoli dwar il-kummerċ; (h) regoli dwar it-trasparenza; (i) regoli dwar l-ibbilanċjar, inklużi regoli dwar r-riżerva ta’ l-enerġija; (j) regoli dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tariffarji għat-trasportazzjoni, inklużi sinjali ta' lokalità u regoli dwar il-kumpens bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. (k) effiċjenza fl-enerġija tan-netwerks ta’ l-elettriku. 4. In-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tekniċi u tas-suq u jinkludu r-riżultati ta' l-attivitajiet ta' sorveljanza tagħhom fir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1(e). 5. In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi ta’ Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment għal 10 snin għall-Komunità kollha kull sentejn. Dan il-pjan ta' żvilupp għandu jinkludi t-tfassil tan-netwerk integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, rapport dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni, u valutazzjoni tas-saħħa tas-sistema. Il-pjan ta' investiment għandu, b'mod partikolari, jibni fuq pjanijiet nazzjonali ta' investiment u fuq il-Linji gwida għal netwerks ta' l-Enerġija Trans-Ewropej skond id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[21]. Il-pjan ta’ investiment għandu jidentifika n-nuqqasijiet ta' investiment, notevolment fir-rigward ta' kapaċitajiet transkonfinali. 6. Fuq talba tal-Kummissjoni in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta’ Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku għandu javża lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta' Linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 8. Artikolu 2d Sorveljanza mill-Aġenzija 1. L-Aġenzija trid tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 2c(1) tan-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku. 2. In-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku għandu jissottemetti l-abbozz ta’ kodiċijiet tekniċi u tas-suq, l-abbozz ta’ pjan ta’ investiment għal 10 snin u l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali, inkluż l-informazzjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni, lill-Aġenzija. L-Aġenzija tista’ tipprovdi opinjoni lin-Netwerks Ewropej ta' Operaturi ta’ Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku fi żmien 3 xhur. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni ġustifikata kif jixraq lill-Kummissjoni meta tikkunsidra li l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali jew l-abbozz ta’ pjan ta’ investiment għal 10 snin ma jassigurawx nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq. Artikolu 2e Twaqqif u evalwazzjoni ta’ kodiċijiet tekniċi u tas-suq 1. Wara konsultazzjoni ma' l-Aġenzija, il-Kummissjoni tkun tista' tistieden in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku, fi żmien raġonevoli, biex iħejji kodiċijiet fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 2c(3) meta tqies li kodiċijiet bħal dawn huma meħtieġa għall-funzjonament effiċjenti tas-suq. 2. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni ġustifikata kif xieraw lill-Kummissjoni meta tikkonsidra li: (a) kodiċi tekniku jew tas-suq adottat min-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku fl-oqmsa elenkati fl-Artikolu 2c(3) ma jiżgurax nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq; (b) in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku ma jaqbilx fi żmien raġonevoli dwar kodici tekniku jew tas-suq fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 2c(3); (c) operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni ma jimplimentawx kodiċi tekniku jew tas-suq adottat min-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 2c(3). 3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta, fuq inizzjattiva tagħha stess jew fuq rakkomandazzjoni ta’ l-Aġenzija, linji gwida fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 2c(3) meta tikkunsidra li: (a) kodiċi tekniku jew tas-suq adottat min-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku fl-oqmsa elenkati fl-Artikolu 2c(3) ma jiżgurax nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva u t-tħaddim effiċjenti tas-suq; (b) in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku ma jaqbilx fi żmien raġonevoli dwar kodici tekniku jew tas-suq fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 2c(3); (c) operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni ma jimplimentawx kodiċi tekniku jew tas-suq adottat min-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 2c(3). Dawk il-miżuri ddisinnjati biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2). 4. Il-Paragrafu 3 għandu jkun bla ħsara għad-dritt tal-Kummissjoni biex tadotta u temenda linji gwida kif stipulat fl-Artikolu 8. Artikolu 2f Konsultazzjonijiet 1. Waqt il-qadi tal-kompiti tiegħu, in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku għandu jikkonsulta b'mod estensiv, fi stadju bikri u b'mod wiesa' u trasparenti, b'mod partikolari waqt il-preparazzjoni ta' kodiċijiet tekniċi u tas-suq u fil-programm ta’ ħidma annwali tiegħu msemmi fl-Artikolu 2c(1) u (3), mal-parteċipanti tas-suq adattati kollha. Il-konsultazzjoni għandha tinkludi impriżi ta’ forniment u ġenerazzjoni, klijenti, utenti tas-sistemi, operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, inklużi assoċjazzjonijiet (ta’ l-industrija) rilevanti, korpi tekniċi u pjattaformi ta’ partijiet interessati. 2. Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat relatati ma' dawn il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi. 3. Qabel ma jiġu adottati l-programm ta' ħidma annwali u l-kodiċijiet tekniċi u tas-suq msemmija fl-Artikolu 2c(1) u (3), in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku għandu jindika l-osservazzjonijiet li jkunu daħlu waqt il-konsultazzjoni u kif dawn l-osservazzjonijiet tqiesu. Għandu jagħti r-raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma tqisux. Artikolu 2g Infiq L-infiq relatat ma' l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku msemmi f'dan l-Artikoli 2a sa 2h għandhom jitħallsu mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni u għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi. Artikolu 2h Kooperazzjoni reġjonali ta’ l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni 1. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni reġjonali fi ħdan in-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta' Trażmissjoni ta' l-Elettriku sabiex din tikkontribwixxi għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 2c(1). B'mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta' investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment ibbażati fuq il-pjan ta' investiment reġjonali. Il-pjan ta’ investiment reġjonali ma jistax jikkontradixxi l-pjan ta’ investiment ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 2c(1)(c). 2. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw tmexxija ottima tan-netwerk, jippromwovu l-iżvilupp ta' boroż ta’ l-enerġija, l-allokazzjoni ta' kapaċità transkonfinali permezz ta' bejgħ bl-irkant impliċitu u l-integrazzjoni ta' mekkaniżmi għal bilanċ u r-riserva ta’ mekkaniżmi ta’ l-enerġija. 3. Iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta’ kooperazzjoni reġjonali tista’ tkun definita mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri ddisinnjati biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 13(2). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta n-Netwerk Ewropew ta' Operaturi ta' Sistema ta’ Trażmissjoni ta’ l-Elettriku u l-Aġenzija.” 22. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej: 23. It-titolu għandu jinbidel b’dan li ġej: "L-għoti ta' tagħrif"; 24. għandhom jiżdiedu l-paragrafi 4, 5 u 6 li ġejjin: "4. Operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw id-dejta rilevanti fuq domanda mbassra u attwali, fuq disponabbiltà u użu attwali ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u tagħbija, fuq disponibbiltà u użu tan-netwerk u interkonneturi, u fuq bilanċ ta’ kapaċita ta’ enerġija u ta’ riserva. 5. Il-parteċipanti fis-suq ikkonċernati għandhom jagħtu lill-operaturi ta’ sistema ta' trażmissjoni d-dejta rilevanti. 6. Kumpaniji ta’ ġenerazzjoni li huma proprjetarji jew joperaw assi ta’ ġenerazzjoni, li wieħed minnhom għandu kapaċità stallata ta’ għall-anqas 250 MW, għandhom iħallu għad-disponibbiltà ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, l-awtorità nazzjonali ta' kompetizzjoni u l-Kummissjoni, għal ħames snin kull dejta ta' kull siegħa ta' kull impjant li hu meħtieġ biex jivverifika kull deċiżjoni operattiva ta’ trażmissjoni u l-aġir ta’ offerti f’boroż ta’ l-elettriku, irkanti ta’ interkonnessjonijiet, swieq ta’ riserva u ta’ OTC. L-informazzjoni għal kull impjantu u kull siegħa li trid tiġi miżmuma tinkludi, iżda mhux limitata biss għal, dejta fuq kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli u riservi mwarrba, inkluż allokazzjoni ta’ dawn ir-riservi mwarrba fuq livell ta’ kull impjant, fil-waqt ta’ meta jsiru l-offerti u meta sseħħ il-produzzjoni.” 25. Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej: "6. Kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni ta' interkonnessjoni għandu jintuża għall-iskopijiet li ġejjin f'ordni ta' prijorità: 26. biex jiggarantixxi d-disponibbilità attwali tal-kapaċità allokata; 27. għall-manutenzjoni ta' investimenti fin-netwerk jew għaż-żieda ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni; Fil-każ li d-dħul ma jkunx jista' jintuża għall-iskopijiet stipulati fil punti (a) jew (b) ta’ l-ewwel subparagrafu, id-dħul għandu jitqiegħed f'kont separat sakemm ikun jista' jintefaq fuq dawk l-għanijiet. Fil-każ ta' operatur indipendenti ta’ sistema, kwalunkwe dħul li jkun fadal wara l-applikazzjoni ta' (a) u (b) għandu jinżamm mill-Operatur tas-Sistema Indipendenti f’kont separat sakemm ikun jista’ jintafaq fuq l-għaijiet stipulati fil-punti (a) u (b) ta’ l-ewwel subparagrafu.” 28. L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 7 Interkonnetturi ġodda 1. Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett bejn l-Istati Membri, jistgħu fuq talba, jiġu eżentati, għal perjodu limitat, mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6(6) tar-Regolament u l-Artikoli 8, 20, u 23(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2003/54/KE taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin: 29. l-investiment għandu jkabbar il-kompetizzjoni fil-provvista ta' l-elettriku; 30. il-livell ta' riskju assoċjat ma' l-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni; 31. l-interkonnettur għandu jkun propjetà ta' persuna naturali jew ġuridika li hija separata għall inqas fil-forma ġuridika tagħha mill-operaturi tas-sistema li fis-sistemi tagħhom ser jinbena dak l-interkonnettur; 32. ħlasijiet huma imposti fuq utenti ta' dak l-interkonnettur; 33. minħabba il-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE, l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operazzjonali ta' l-interkonnettur ma kienu rkuprati minn xi komponent ta' ħlasijiet imposti għall-użu ta' sistemi ta' trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati ma' l-interkonnettur; 34. l-eżenzjoni mhijiex għad-detriment tal-kompetizzjoni jew il-funzjonament effettiv tas-suq intern ta' l-elettriku, jew il-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll, f'każijiet eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta' kurrent li jalterna, sakemm l-ispejjeż u r-riskji ta' l-investiment partikolari involuti huma partikolarment għoljin meta mqabbla ma' l-ispejjeż u riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu mqabbda żewġ sistemi nazzjonali ġara ta' trażmissjoni minn interkonnettur ta' kurrent li jalterna. 3. Il-paragrafu 1 għandu jgħodd ukoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta' interkonnetturi eżistenti. 4. L-Aġenzija tista, fuq bażi ta' każ b'każ, tiddeċiedi fuq l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha, ta' l-interkonnettur il-ġdid, jew ta' l-interkonnettur eżistenti b'kapaċita miżjuda sinifikament. Meta tittieħed deċiżjoni li tingħata eżenzjoni, għandha titqies, fuq bażi ta’ kull każ individwalment, il-ħtieġa li jiġu imposti l-kondizzjonijiet rigward id-dewmien ta’ l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta tittieħed deċiżjoni rigward il-kundizzjonijiet f’dan is-subparagrafu, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità addizzjonali li ser tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, l-oriżżont ta’ ħin tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Qabel ma tingħata eżenzjoni l-Aġenzija għandha tiddeċiedi fuq ir-regoli u l-mekkaniżmi għat-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità. L-Aġenzija għandha tirrekjedi regoli ta' tmexxija ta' konġestjoni biex tinkludi l-obbligu li toffri kapaċità mhux użata fis-suq, u għandha titlob l-utenti tal-faċilità li jkunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitjiet kuntrattwali tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (f) ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tqis ir-riżultati tal-proċedura ta’ l-allokazzjoni ta’ kapaċità. Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe kondizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, għandha tkun debitament raġonata u ppubblikata. L-Aġenzija trid tikkonsulta ma’ l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati. 5. L-Aġenzija għandha titrassmetti lill-Kummissjoni mingħajr dewmien kopja ta’ kull talba għal eżenzjoni hekk kif tirċeviha. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata mingħajr dewmien, mill-Aġenzija lill-Kummissjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tingħata lill-Kummissjoni f’forma aggregata, li tippermetti lill-Kumissjoni tasal għal deċiżjoni fuq bażi tajba. B'mod partikolari, l-informazzjoni għandu jkun fiha: (a) ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom l-Aġenzija tat l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni; (b) l-analiżi li tkun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern ta' l-elettriku li jirriżultaw mill-għoti ta' l-eżenzjoni; (c) ir-raġunijiet għall-perjodu taż-żmien u għas-sehem tal-kapaċità totali ta' l-interkonnettur ikkonċernat li għalihom ingħatat l-eżenzjoni; (d) ir-riżultat tal-konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet regolatorji kkonċernati; 6. Fi żmien xahrejn wara li tkun rċeviet notifika, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni li titlob lill-Aġenzija temenda jew tirtira d-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tal-wasla tan-notifika. Il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra fejn il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni addizzjonali. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tal-wasla ta’ l-informazzjoni addizzjonali kollha. Dan il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ l-Aġenzija. In-notifika għandha titqies li ġiet irtirata jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet ipprovvduta fil-perjodu stipulat fit-talba, sakemm qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, dan ma jkunx ġie estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ l-Aġenzija, jew ta’ l-Aġenzija, fi stqarrija motivata kif xieraq, tkun informat lill-Kummissjoni li tikkunsidra li n-notifika hija kompluta. L-Aġenzija għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex temenda jew tħassar id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien erba’ ġimgħat, u għandha tinforma lill-Kummissjoni skond dan. Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva. L-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar eżenzjoni ma għandhiex tibqa' fis-seħħ sentejn wara l-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, il-bini ta’ l-interkonnettur ma jkunx għadu beda, u wara ħames snin, jekk, sa dak iż-żmien, l-interkonnettur ma jkunx ġie operazzjonali. 7. Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u biex tistipula l-proċedura li trid tissegwa għall-applikazzjoni tal-paragrafi 4 u 5. Din il-miżura ddisinnjata li temenda elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi tissupplimentah għandha tiġi adottat skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2). 35. għandu jiddaħħal l-Artikolu 7 li ġej: "Artikolu 7a Swieq bl-imnut Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' swieq bl-imnut transkonfinali li jiffunzjonaw tajjeb u li jkunu trasparenti fuq skala reġjonali kif ukoll Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu definiti r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta' l-operaturi ta’ sistema ta' trażmissjoni, ta' l-operaturi ta’ sistema ta' distribuzzjoni, tal-fornituri u l-klijenti kif ukoll, jekk meħtieġ, ta’ parteċipanti oħrajn fis-suq, fir-rigward ta' arranġamenti kuntrattwali, impenn lejn il-klijenti, regoli dwar l-iskambju tad-dejta u l-issettiljar, il-proprjetà tad-dejta u r-responsabbiltà dwar il-metraġġ. Dawn ir-regoli għandhom isiru pubbliċi, għandhom jiġu mfassla bil-għan li jiġi armonizzat l-aċċess għal klijenti bejn il-fruntieri u għandhom jiġu soġġetti għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji." 36. L-Artikolu 8 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Artikolu 8 Linji gwida 1. Fejn xieraq, linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta’ kumpens għal operatur ta’ sistema ta’intertrażmissjoni, jistgħu jispeċifikaw, skond il-prinċipji stipulat fl-Artikoli 3 u 4: (a) dettalji tal-proċedura biex tistabbilixxi liema operaturi ta' sistema ta' trażmissjoni huma soġġetti għal ħlas ta' kumpens għal fornimenti li jaqsmu l-fruntieri fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi ta' sistemi ta' trażmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw flussi li jaqsmu l-fruntieri u s-sistemi fejn il-flussi jaslu, skond l-Artikolu 3(2); (b) dettalji tal-proċedura ta' ħlas li għandhom ikunu obduti, inkluża d-determinazzjoni ta' l-ewwel perjodu ta' żmien li għalih jkollu jitħallas kumpens skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(3); (ċ) dettalji ta' metodoloġiji biex jistabbilixxu l-flussi li jaqsmu l-fruntieri miżmuma li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 3, f'termini kemm ta' kwantità u ta' tipi ta' flussi, u d-deskrizzjoni tal-kobor ta' dawn il-flussi kif joriġinaw u/jew jaslu sa sistemi ta' trażmissjoni ta' Stati Membri individwali, skond l-Artikolu 3(5); (d) dettalji tal-metodoloġija biex tistabbilixxi l-ispejjeż u l-benefiċċji għax ikunu miżmuma flussi li jaqsmu l-fruntieri, skond l-Artikolu 3(6); (e) dettalji tat-trattament fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' kumpens ta' l-inter-TSO għal flussi ta' l-elettriku li joriġinaw jew jaslu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea; (f) il-parteċipazzjoni ta' sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta' linji ta' kurrent dirett, skond l-Artikolu 3. 2. Il-linji gwida għandhom jistabbilixxu wkoll regoli xierqa li jwasslu għall-armonizzazzjoni progressiva tal-prinċipji li huma l-bażi li fuqhom jiġu stabbiliti ħlasijiet applikati għall-produtturi u l-konsumaturi (tagħbija) taħt sistemi nazzjonali ta' tariffi, inkluż ir-riflessjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens inter-TSO fi ħlasijiet ta' networks nazzjonali u d-disposizzjoni għal sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 4. Il-linji gwida għandhom jipprovdu għal sinjali tal-lokalità armonizzati xierqa u effiċjenti f'livell Ewropew. Kull armonizzazzjoni f'dan is-sens ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw mekkaniżmi biex jiżguraw li ħlasijiett għal aċċess għan-networks mill-konsumaturi (tagħbija) jkunu mqabbla fit-territorju kollu tagħhom. 3. Fejn adattat, linji gwida li jipprovdu livell minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġa għalll-ilħiq ta’ l-għan ta’ dan ir-Regolament ser jispeċifikaw ukoll: (a) dettalji dwar l-għoti ta' informazzjoni, skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5; (b) dettalji dwar il-kwistjonijiet tas-suq tal-bejgħ bl-imnut koperti bl-Artikolu 7a; (c) dettalji dwar ir-regoli ta' konnessjoni li jiggvernaw ir-relazzjoni bejn l-operaturi ta’ sistema ta' trażmissjoni u l-klijenti li jiġu kkunettjati; (d) dettalji dwar ir-regoli ta' interoperabbiltà; (e) dettalji dwar regoli tal-kummerċ fl-elettriku; (f) dettalji dwar ir-regoli ta' enerġija ta' bilanċ u ta' riżerva li għandhom l-għan ta' aktar integrazzjoni tas-swieq ta' l-enerġija ta' bilanċ u ta' riżerva; (g) dettalji dwar regoli ta' inċentiv għall-investiment inklużi s-sinjali ta' lokazzjoni; (h) dettalji fuq is-suġġetti elenkati fl-Artikolu 2c(3). 4. Linji gwida dwar it-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' trasferiment disponibbli ta' interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali huma stipulati fl-Anness. 5. Il-Kummissjoni tista tadotta linji gwida fuq il-kwistjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 sa 3. Tista’ temenda l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 4, skond il-prinċipji stipulati fl-Artikoli 5 u 6, b’mod partikolari biex tinkludi linji gwida dettaljati fuq il-metodoloġiji ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità applikati fil-prattika u biex tiżgura li mekkaniżmi ta’ tmexxija ta’ konġestjoni jevolvu b’manjieri kompatibbli ma’ l-għanijiet tas-suq intern. Meta xieraq, waqt li jkunu qegħdin isiru dawn l-emendi għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni dwar is-sigurtà minima u standards operazzjonali għall-użu u t-tħaddim tan-network, li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2). Dawk il-miżuri ddisinnjati biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi inter alia jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 13(2). Meta tkun qiegħda tadotta jew temenda linji gwida, il-Kummissjoni għandha tiżgura li huma jipprovdu lanqas grad ta' armonizzazzjoni meħtieġa biex jintlaħqu l-għanjiet ta' dan ir-Regolament u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan. Meta tkun qiegħda tadotta jew temenda linji gwida, il-Kummissjoni għandha tindika x'azzjonijiet tkun ħadet dwar il-konformità ta' regoli f'pajjiżi terzi, li jifformaw parti mis-sistema Ewropea ta' l-elettriku, mal-linji gwida kkonċernati. Meta tadotta dawn il-linji gwida għall-ewwel darba, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkopru f'miżura waħda abbozzata għall-inqas il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (d), u fil-paragrafu 2." 37. Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej: "2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea . Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, […] Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] KUMM (2007) 1. [2] Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew jaqbel dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu indipendenti biex ir-regolaturi nazzjonali jikkooperaw u jiieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonjiet transkonfinali importanti, filwaqt li r-Rapport adottat ta' Vidal Quadras jistqarr li l-PE "jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tittejjeb il-koperazzjoni bejn regolaturi nazzjonali fil-livell ta’ l-UE, permezz ta' entità ta' l-UE, bħala mezz għall-promozzjoni ta’ approċċ aktar Ewropew għar-regolazzjoni dwar kwistjonijiet transkonfinali; iqis li aktar konverġenza u armonizzazzjoni tal-kompetenzi tagħhom huma essenzjali biex jingħelbu differenzi tekniċi u regolatorji li jimponu ostakoli kbar għall-kummerċ u għall-interkonnessjonijiet transkonfinali; jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol ewlieni, filwaqt li ma ddgħajjifx l-indipendenza tar-regolaturi; jemmen li d-deċiżjonijiet meħuda mir-regolaturi għandhom ikunu bbażati fuq kwistjonijiet tekniċi u ta' kummerċ iddefiniti b'mod speċifiku u fuq bażi infurmata filwaqt li jitqiesu, meta xieraq, il-fehmiet tat-TSOs u ta' partijiet interessati rilevanti oħra, u għandhom jorbtu legalment;". [3] KUMM(2005) 59. [4] ĠU C […], […], p. […]. [5] Kif iddefiniti fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003. [6] Jinhemeż organigramm mal-Memorandum ta' Spjegazzjoni. [7] Pereżempju, fil-qasam ta' l-elettriku, għal ċerti kwistjonijiet huwa ċar li l-istabbiliment ta' kodiċijiet tekniċi għandu jiġi deċiż għal kull qasam sinkroniku. [8] ĠU C […], […], p. […]. [9] ĠU C […], […], p. […]. [10] ĠU C […], […], p. […]. [11] ĠU C […], […], p. […]. [12] ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. [13] ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1. [14] KUMM(2007) 1. [15] KUMM(2006) 841. 16 SEG(2006) 1724. 17 ĠU L ... 18 ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11). 19 ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1. 20 ĠU L ... 21 ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1.