Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0484

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)

    /* KUMM/2007/0484 finali - CNS 2007/0177 */

    52007PC0484

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) /* KUMM/2007/0484 finali - CNS 2007/0177 */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 29.8.2007

    KUMM(2007) 484 finali

    2007/0177 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    - Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

    Fl-2003, il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar ir-riforma tal-PAK, li witta t-triq għal rijorganizzazzjoni radikali fil-mod kif l-UE tagħti appoġġ għad-dħul lill-bdiewa tagħha filwaqt li ddaħħal dmirjiet mandatorji ta' kundizzjonalità.

    - Il-kuntest ġenerali

    Fir-rapport tagħha lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, il-Kummissjoni identifikat ċerti aspetti speċifiċi li jistgħu jittejbu f’termini ta’ effiċjenza u/jew simplifikazzjoni.

    - Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003.

    - Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni

    Mhux applikabbli.

    2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT

    - Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Il-partijiet li diġà ġew ikkonsultati u urġenza.

    - Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

    Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern.

    - Il-valutazzjoni ta' l-impatt

    Mhux applikabbli.

    3. L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

    - Sommarju ta' l-azzjoni proposta

    L-għan ta' din il-proposta huwa li, mill-2008 'il quddiem, isir it-titjib speċifiku li ġej:

    - jiġi konkluż ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar id-dħul progressiv tar-rekwiżiti legali ta' tmexxija li jagħmlu parti mill-obbligi ta' kundizzjonalità f'dawk l-Istati Membri l-ġodda li għażlu l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona (SAPS, single area payment scheme );

    - jiġu ssimplifikati r-regoli ta' l-eliġibbiltà fl-ambitu kemm ta’ l-iskema ta' ħlas uniku u l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona, f'dak li jirrigwarda l-perjodu li matulu l-artijiet għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa; tiġi kkjarifikata r-responsabbiltà tal-bidwi vis-à-vis il-kundizzjonalità fil-każ ta’ trasferiment ta’ art tul is-sena kalendarja;

    - l-introduzzjoni tal-bażi ġuridika għall-implimentazzjoni fl-ambitu tal-konformità mar-regola de minimis għall-applikazzjoni tat-tnaqqisiet u eżenzjonijiet mit-tnaqqisiet għal infrazzjonijiet minuri.

    Barra minn hekk, qiegħed jiġi propost li, għall-Istati Membri l-ġodda kollha li jagħżlu li jiffissaw valuri differenti skond l-unità għall-intitolamenti allokati għal ettari ta' art għall-mergħa temporanja jew permanenti, kif ukoll għal ettari eliġibbli oħrajn fil-qafas ta’ l-iskema ta' ħlas uniku, id-data għall-identifikazzjoni tal-ħbula ta’ art tkun stabbilita għat-30 ta' Ġunju 2006 minflok it-30 ta' Ġunju 2003.

    Din il-proposta tinkludi wkoll emenda għad-dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-pagamenti diretti nazzjonali komplimentari f'Ċipru, li saret meħtieġa minħabba t-twessigħ tal-perjodu għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona, adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Diċembru 2006.

    - Il-bażi ġuridika

    L-Artikolu 37(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

    - Il-prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: it-tneħħija tar-regola ta' l-10 xhur, in-nuqqas minuri ta’ konformità u r-regola de minimis fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 se tissimplifika l-ħtiġijiet amministrattiv.

    - L-għażla ta' l-istrumenti

    L-istrument propost: Regolament.Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja: Regolament għandu jkun emendat permezz ta' regolament ieħor.

    4. IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT

    Il-kost addizzjonali għall-baġit Komunitarju se jkun jikkonsisti mill-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-tnaqqisiet skond il-kundizzjonalità fil-każ ta’ l-applikazzjoni tar-regola tad- de minimis u l-eżenzjonijiet għall-infrazzjonijiet minuri.

    5. INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI

    - Simplifikazzjoni

    Il-proposta tipprovdi għal simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet pubbliċi (ta' l-UE jew nazzjonali).

    Is-simplifikazzjoni tar-regoli ta' l-eliġibbiltà fl-ambitu ta’ l-iskema ta' ħlas uniku u l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona, f'dak li jirrigwarda l-perjodu li matulu l-art għandha tkunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa;

    Il-proposta hi inkluża fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni bir-referenza 2007/AGRI/040.

    2007/0177 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta' appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għall-bdiewa, u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[1],

    Billi:

    (1) L-esperjenza wriet il-ħtieġa ta’ l-introduzzjoni ta’ miżura ta’ tolleranza għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, li s-severità, l-firxa u l-permanenza tagħhom ma jiġġustifikawx tnaqqis immedjat mill-pagament uniku li jingħata. Tali miżura ta’ tolleranza għandu jinkludi partikolarment segwiment speċifiku mill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tat-tnaqqisiet mill-ammonti inizjali tassew baxxi jistgħu jkunu ta’ piż għall-amministrazzjoni filwaqt il-valur miżjud fir-rigward ta’ l-aspett deterrenti huwa dubjuż. Bħala konsegwenza, għandu jiġi defenit limitu adegwat, li taħtu l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikaw l-ebda tnaqqis, sakemm ikun previst segwiment speċifiku.

    (2) L-Artikolu 44(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003[2] jipprovdi li bdiewa għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tagħhom għal perjodu ta' talanqas 10 xhur il-ħbula ta’ art li jikkorrispondu għall-ettari eliġibbli. L-esperjenza turi li din il-kundizzjoni tista' tillimita ħafna l-funzjonament tas-suq ta' l-artijiet, u toħloq piż amministrattiv sinifikanti għall-bdiewa u għas-servizzi amministrattivi. Tnaqqis tal-perjodu msemmi ma jqegħidx fil-periklu t-tmexxija ta' l-obbligi ta' kundizzjonalità. Min-naħa l-oħra, huwa wkoll neċessarju li tiġi stabbilita data meta l-ħbula ta’ art għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bdiewa biex jiġu evitati talbiet doppji fuq l-istess art. Għaldaqstant ikun xieraq li jiġi stabbilit li l-bdiewa għandu jkollhom l-ħbula ta’ art għad-dispożizzjoni tagħhom fil-15 ta’ Ġunju tas-sena tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna. L-istess regola għandha tapplika fl-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona. Jixraq ukoll li jiġu stabbiliti regoli rigward ir-responsabbiltajiet fil-kundizzjonalità fil-każ ta' trasferiment ta' artijiet.

    (3) L-Artikolu 71h tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jistipula li, fil-qafas ta’ l-iskema ta' ħlas uniku, l-Istati Membri fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(g) ta' l-istess Regolament jistgħu jiffissaw valuri differenti skond l-unità għall-intitolamenti allokati għal ettari ta' art għall-mergħa temporanja jew permanenti, kif ukoll għal ettari eliġibbli oħrajn, kif identifikati fit-30 ta' Ġunju 2003, jew fit-30 ta' Ġunju 2005 fil-każ tal-Bulgarija u r-Rumanija. L-Istati Membri l-ġodda stabbilew sistema ta' identifikazzjoni għall-ħbula ta’ art agrikoli, skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Fit-trasferiment mis-sistema ta' identifikazzjoni l-qadima għal dik ġdida, jista' jkun li l-karatteristiċi ta' ċerti ħbula ta’ art kif kienu fl-2003 ma ġewx riflessi b'mod preċiż fis-sistema ta' identifikazzjoni l-ġdida minħabba diffikultajiet tekniċi. Sabiex ikun hemm implimentazzjoni bla xkiel ta' dan l-iffissar opzjonali fl-Istati Membri kollha, id-data għall-identifikazzjoni tal-ħbula ta’ art għandha tkun stabbilita għat-30 ta' Ġunju 2006. L-Artikolu 71h tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu jkun emendat skond dan.

    (4) L-esperjenza turi li l-ħolqien tan-netwerk amministrattiv li huwa meħtieġ għall-ġestjoni tar-rekwiżiti legali ta' tmexxija koperti mill-obbligi ta' kundizzjonalità jimplika ħidma amministrattiva sinifikattiva. Dħul progressiv mifrux fuq tliet snin fl-Istati Membri l-ġodda li qed jużaw l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona, simili għal dak li kien isir fil-Komunità kif kienet ikkostitwita fit-30 ta' April 2004, skond l-iskeda ta' żmien deskritt fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandu jħaffef il-proċess ta' l-introduzzjoni tar-rekwiżiti legali ta' tmexxija u l-implimentazzjoni bla xkiel tagħhom. Dan id-dħul progressiv għandu jkun possibli anki jekk l-Istat Membru l-ġdid jiddeċiedi li japplika bis-sħiħ il-pagamenti diretti qabel l-aħħar data possibbli biex tiġi applikata l-iskema ta' pagament uniku għaż-żona. L-Artikolu 143(b) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u l-Artikolu 51(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[3], għandhom ikunu emendati skond dan.

    (5) L-Artikolu 143b(10) u (11) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jistipula r-regoli li jirregolaw il-bidla ta’ l-Istati l-Membri l-ġodda li jużaw l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona għall-applikazzjoni ta’ l-iskema ta' ħlas uniku. Skond dawn ir-regoli l-Kummissjoni għandha tawtorizza d-deċiżjoni ta' Stat Membru ġdid sabiex jimplimenta l-iskema ta' ħlas uniku wara li jivvaluta l-preparatezza ta’ l-Istat Membru ġdid ikkonċernat. Din l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni ma tidhirx li hi neċessarja f’kuntest preżenti meta kważi l-pagamenti diretti kollha jkunu diżakkopjati u meta jitqies li kemm l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona u l-iskema ta' ħlas uniku huma diżakkoppjati u l-pagamenti abbażi taż-żona li għandhom komuni bosta mill-elementi tas-sistema integrata, partikolarment is-sistema ta’ l-identifikazzjoni tal-ħbula ta’ art. Għaldaqstant, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jitħassru.

    (6) Fit-tabella 2 ta' l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jingħataw l-ammonti totali tal-Pagamenti Diretti Nazzjonali Komplimentari li għandhom jitħallsu f'Ċipru fil-każ li l-Iskema ta' Ħlas Uniku għaż-Żona (SAPS) tiġi applikata sa l-2008. Minbarra t-twessigħ tal-perjodu ta' applikazzjoni tas-SAPS bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2006, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-ammonti totali fil-każ li s-SAPS tiġi applikata fl-2009 u fl-2010.

    (7) L-Istati Membri l-ġodda li ddeċidew li japplikaw l-iskema ta' ħlas uniku għażlu li jdaħħluha mill-2007 'il quddiem. Jixraq li l-emenda għall-Artikolu 71h tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 tiġi applikata minn dik id-data 'l quddiem.

    (8) Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 huwa emendat kif ġej:

    (1) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu (1) jitbiddel b'li ġej:

    "1. Meta r-rekwiżiti statutorji tal-ġestjoni jew il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin ma jkunux rispettati f'sena kalendarja partikolari , (hawn taħt imsejħa “is-sena kalendarja kkonċernata”), it-total ta’ l-ammont tal-pagamenti diretti li għandu jingħata, wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10 u 11 lill-bdiewa li ssottomettew applikazzjoni tul is-sena kalendarja kkonċernata, għandu jitnaqqas jew ikkanċellat skond ir-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 7.

    Bla ħsara għall-paragrafu 2, il-bidwi li jkun issottometta applikazzjoni għall-għajnuna għandu jinżamm responsabbli sakemm ma jirnexxilux juri li n-nuqqas ta’ konformità rilevanti ma hija la rriżultat ta’ att u lanqas ta’ nuqqas li jkun ħtija:

    (a) tiegħu, jew

    (b) fil-każ fejn l-art agrikola tkun ittrasferita tul is-sena kalendarja kkonċernata,

    - ta’ dak li lilu ġiet trasferita l-art, fil-każ meta t-trasferiment ikun seħħ bejn id-data msemmija fl-Artikolu 44(3) u l-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja sussegwenti;

    - tat-trasferitur, fil-każ meta t-trasferiment ikun seħħ bejn l-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja kkonċernata u d-data msemmija fl-Artikolu 44(3).”

    (b) Jiżdied il-paragrafu li ġej:

    "3. Minkejja l-paragrafu 1 u skond il-kundizzjonjiet stipulati fir-regoli dettaljati msemmija fl-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx tnaqqis ta’ EUR 50 jew anqas kull bidwi u kull sena kalendarja.

    Kwalunkwe sejba ta’ nuqqas ta’ konformità xorta waħda għandha tkun suġġetta għal azzjoni ta' segwitu speċifika mill-awtorità kompetenti. Kwalunkwe sejba bħal din, il-miżuri ta’ segwitu u l-azzjoni ta’ rimedju li għandha tittieħed għandhom jiġu notifikati lill-bidwi.”

    (2) “Fl-Artikolu 7(2), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Skond il-kundizzjonijiet stipulati fir-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jiġi applikat l-ebda tnaqqis fejn każ ta’ nuqqas ta’ konformità, skond iċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu u skond il-gravità, il-firxa u l-permanenza tiegħu, jitqies minuri. Każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jikkostitwixxu riskju dirett għall-pubbliku jew għas-saħħa ta’ l-annimali madankollu m’għandhomx jitqiesu bħala minuri.

    Kwalunkwe sejba ta’ nuqqas minuri ta’ konformità għandha xorta wahda tkun suġġetta għal azzjoni ta' segwitu speċifika mill-awtorità kompetenti. Għal kwalunkwe sejba bħal din, il-miżuri ta’ segwitu u l-azzjoni ta’ rimedju li għandha tittieħed għandhom jiġu notifikati lill-bidwi. Dan is-subparagrafu m’għandux japplika fejn il-bidwi jkun ħa azzjoni ta’ rimedju minnufih u jwaqqaf in-nuqqas ta’ konformità misjuba.”

    (3) Fl-Artikolu 44(3), it-tieni sentenza tinbidel b'li ġej:

    “Ħlief fil-każ ta' force majeure jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn il-ħbula ta’ art għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi sal-15 ta’ Ġunju tas-sena tas-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għall-għajnuna.”

    (4) L-Artikolu 71h jiġi mibdul b'li ġej:

    "Artikolu 71h L-art tal-ħaxix

    L-Istati Membri l-ġodda jistgħu wkoll, skond kriterji oġġettivi, jiffissaw, ġewwa l-limitu reġjonali jew parti minnu, valuri differenti skond l-unità għall-intitolamenti allokati lill-bdiewa msemmija fl-Artikolu 71f(1), għal ettari ta' art għall-mergħa kif identifikati fit-30 ta' Ġunju 2006, u għal kull ettaru ieħor eliġibbli jew inkella għal ettari ta' art għall-mergħa permanenti kif identifikata fit-30 ta' Ġunju 2006 u għal kull ettaru ieħor eliġibbli."

    (5) L-Artikolu 143b huwa emendat kif ġej:

    (a) Fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Ħlief fil-każ ta' force majeure jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali, dawn il-ħbula ta’ art għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi sal-15 ta’ Ġunju tas-sena tas-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għall-għajnuna.”

    (b) Fil-paragrafu 6, it-tielet subparagrafu jinbidel hekk:

    "Mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2008, l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4, 6, 7 u 9 għandha tkun fakultattiva għall-Istati Membri l-ġodda, safejn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ir-rekwiżiti legali ta' tmexxija. Mill-1 ta' Jannar 2009 'l quddiem, bidwi li jirċievi pagamenti fil-qafas ta’ l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona għandu jirrispetta r-rekwiżiti legali ta' tmexxija msemmija fl-Anness III, skond l-iskeda ta' żmien li ġejja:

    (a) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt A għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2009;

    (b) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt B għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010;

    (c) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt C għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2011.

    Madankollu, għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4, 6, 7 u 9 għandha tkun fakultattiva sal-31 ta' Diċembru 2011, safejn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ir-rekwiżiti legali ta' tmexxija. Mill-1 ta' Jannar 2012 'il quddiem, bidwi li jirċievi pagamenti fil-qafas ta' l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona għandu jirrispetta r-rekwiżiti legali ta' tmexxija msemmija fl-Anness III, skond l-iskeda ta' żmien li ġejja:

    (a) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt A għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2012;

    (b) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt B għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2013;

    (c) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt C għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014.

    L-Istati l-Membri l-ġodda jistgħu japplikaw għal din l-alternattiva fil-każ meta jiddeċiedu li jwaqqfu l-applikazzjoni ta’ l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona qabel tmiem il-perjodu ta’ l-applikazzjoni previst fil-paragrafu 9.”

    (c) Fil-paragrafu 9, l-ewwel sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

    “Għal kwalunkwe Stat Membru l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona għandha tkun disponibbli għal perjodu ta’ applikazzjoni sa tmiem l-2010.”

    (d) Il-paragrafi 10 u 11 jitħassru.

    (6) L-Anness XII huwa emendat skond l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, it-tieni subparagrafu jinbidel b'li ġej:

    "Id-deroga pprovduta fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2008. Mill-1 ta' Jannar 2009 'l quddiem, bidwi li jirċievi pagamenti fil-qafas ta’ l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona għandu jirrispetta r-rekwiżiti legali ta' tmexxija msemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, skond l-iskeda ta' żmien li ġejja:

    (a) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt A għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2009;

    (b) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt B għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010;

    (c) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt C għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2011.

    Madankollu, għall-Bulgarija u r-Rumanija, l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 3, 4, 6, 7 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandha tkun fakultattiva sal-31 ta' Diċembru 2011, safejn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw ir-rekwiżiti legali ta' tmexxija. Mill-1 ta' Jannar 2012 'il quddiem, bidwi li jirċievi pagamenti fil-qafas ta’ l-iskema ta' ħlas uniku għaż-żona għandu jirrispetta r-rekwiżiti legali ta' tmexxija msemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, skond l-iskeda ta' żmien li ġejja:

    (a) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt A għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2012;

    (b) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt B għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2013;

    (c) ir-rekwiżiti msemmija fil-punt C għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014."

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2008. Madankollu, l-Artikolu 1(4) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2007.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    ANNESS

    Fit-tabella 2 ta' l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jiżdiedu ż-żewġ kolonni li ġejjin:

    "

    2009 | 2010 |

    0 | 0 |

    1 795 543 | 1 572 955 |

    0 | 0 |

    3 456 448 | 3 438 488 |

    4 608 945 | 4 608 945 |

    10 724 282 | 10 670 282 |

    5 547 000 | 5 115 000 |

    156 332 | 149 600 |

    4 323 820 | 4 312 300 |

    1 038 575 | 1 035 875 |

    31 650 945 | 30 903 405 |

    "

    [1] ĠU C …, …, p. ….

    [2] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).

    [3] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).

    Top