Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0415

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

/* KUMM/2007/0415 finali */

52007PC0415

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni /* KUMM/2007/0415 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.7.2007

KUMM(2007) 415 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006[1] jippermetti li jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-EGF) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, fi ħdan il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju. Ir-regoli ta' l-eliġġibbiltà applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-Fond huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Is-servizzi tal-Kummissjoni flew bir-reqqa ż-żewġ applikazzjonijiet li ppreżentat Franza skond ir-Regolament (KE) 1927/2006 u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6 tiegħu.

Fil-qosor, l-aktar elementi importanti tal-valutazzjoni huma dawn:

Każ EGF/2007/01/FR Peugeot SA

1. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fid-9 ta' Marzu 2007. Kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiku ta' l-Artikolu 2 (a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u ġiet ippreżentata sa l-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat f'dak ir-Regolament.

2. L-applikazzjoni turi total ta' 1,345 sensja mogħtija, fi 18-il intrapriża li joperaw fi 38 sit differenti fi ħdax-il reġjun fi Franza, fost l-industriji li jissupplixxu partijiet tal-karozzi lil Peugeot SA (PSA) matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur (mill-1 ta' Settembru 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006). L-applikazzjoni, madankollu, tipproponi li għandha tingħata assistenza kkofinanzjata mill-EGF, biss lil 267 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn wieħed fost dawn il-fornituri, l- Ateliers de Thomé Génot f'Nouzonville (Département des Ardennes), li beda l-proċess ta' stralċ u li m'għadux fil-pożizzjoni li joffri assistenza effettiva lill-ħaddiema tiegħu.

3. Analiżi tar-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja hija bbażata fuq l-informazzjoni li ġejja. Għall-perjodu bejn l-2001 u l-2005 il-produzzjoni annwali tal-karozzi madwar id-dinja żdiedet b'14% minn 58.3 miljun għal 66.5 miljun waħda, filwaqt li ż-żieda fil-produzzjoni fl-UE kienet ta' biss 5%. Meta wieħed iqis is-sehem fis-suq dinji tal-karozzi, is-sehem ta' l-Ażja fis-suq żdied bi 8 punti minn 30.7% fl-2001 għal 38.8% fl-2005, dak tal-kontinent Amerikan naqas b'1.7 punt minn 30.7% fl-2001 għal 29.0% fl-2005 u dak ta' l-UE-27 naqas bi 3.7 punti minn 33.7% fl-2001 għal 29.9% fl-2005. Fl-istess ħin, manifatturi Koreani u Ġappuniżi tejbu l-kompetittività tagħhom fis-suq Ewropew. L-għadd ta' karozzi magħmula fil-Ġappun u fil-Korea, u importati lejn l-UE żdied b'27% matul il-perjodu bejn l-2001 u l-2005. Dawn l-importazzjonijiet żejda kienu qegħdin jikkompetu l-aktar mal-produzzjoni tal-karozzi żgħar fl-UE.

4. Iż-żieda ta' l-importazzjonijiet lejn l-UE hija kkonfermata mid- data statistika li għandha l-Kummissjoni. Fl-2002 l-importazzjonijiet lejn l-UE ta' karozzi manifatturati barra l-UE kienu jirrappreżentaw 9.3% tal-bejgħ ta' karozzi fl-UE. Fl-2006 dan is-sehem tela' għal 13.9%. Dan il-fenomenu huwa kkonfermat għas-sezzjoni fis-suq ta' karozzi li jqumu l-anqas, fejn is-sehem ta' l-importazzjoni lejn l-UE ta' karozzi manifatturati barra l-UE f'bejgħ totali ta' karozzi fl-UE kien ta' 5.2% fl-2002 u 9.2% fl-2006.

Għalkemm ir-reġistrazzjonijiet ġodda fis-sezzjoni fis-suq ta' karozzi li jqumu l-anqas naqsu xi ftit bejn l-2002 u l-2006, reġistrazzjonijiet ġodda ta' karozzi importati f'din is-sezzjoni żdied b'madwar 70%.

5. Hekk kif il-produzzjoni ta' karozzi minn PSA hija f'ħafna każi kkonċentrata f'dawn l-iskali l-baxxi, Franza tressaq l-argument li dan it-tibdil fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja effettwa lil dan il-manifattur u wassal għal taqlib ekonomiku serju. L-effett taż-żieda fl-importazzjoni ta' karozzi żgħar, speċjalment mill-Ażja, u ż-żieda fil-kompetizzjoni fis-suq dinji, kien sa ċertu punt ta' kontribut għal tnaqqis fil-produzzjoni bħala volum (ammont totali ta' karozzi u vetturi żgħar użati għal skopijiet partikolari) fi Franza ta' 14.3% fl-2006. Dan ma kkaġunax sensji kbar ħafna f'PSA, iżda wassal għat-tmiem ta' ħafna eluf ta' impjiegi li qabel kienu okkupati minn ħaddiema temporanji jew fuq kuntratt. Madankollu, fil-kumpaniji li jissupplixxu lil PSA bl- ispare-parts , it-tnaqqis ta' attivitajiet u l-pressjoni fuq il-prezzijiet ta' l- ispare-parts wassal biex jingħataw ħafna sensji, ħaġa li wasslet għal din l-applikazzjoni.

6. Fejn jidħol it-twettiq tal-kriterji kif imfissra fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, Franza ikkonfermat fost affarijiet oħra li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post miżuri li, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji. Franza indikat li jekk impriża tkun daħlet fil-proċess ta' stralċ, bħal fil-każ ta' Ateliers de Thom Génot , l-impriża m'għadhiex soġġetta għall-obbligu tagħha li tieħu miżuri ta' klassifikar mill-ġdid (" mesures de reclassement "). Fi Franza, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali m'għandhom l-ebda obbligu legali jew konvenzjonali biex jintervjenu fl-ispejjeż ta' miżuri ta' impjieg mill-ġdid. Skond l-awtoritajiet Franċiżi, l-intervent ta' l-Istat favur il-ħaddiema ta' kumpanija li tkun daħlet fil-proċess ta' stralċ, u li jkunu ngħataw is-sensja, huwa inevitabbli. L-assistenza ta' l-EGF tkun qiegħda tikkumplementa l-isforzi finanzjarji li qed tagħmel Franza. Franza kkonfermat li l-azzjonijiet maħsuba jagħtu appoġġ lil ħaddiema individwali u mhumiex użati għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi. Franza kkonfermat li l-azzjonijiet iffinanzjati skond l-EGF mhux se jieħdu assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet imfissra hawn fuq, qed ikun propost li tiġi aċċettata l-applikazzjoni EGF/2007/01/FR/PSA, ippreżentata minn Franza, dwar is-sensji fost fornituri ta' Peugeot SA, peress li ġew ippreżentati provi li dawn is-sensji huma kkawżati minn tibdil strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali fid-dinja li wasslu għal taqlib ekonomiku serju, li fil-każ ta' Ateliers de Thomé Génot , il-kumpanija li għall-ħaddiema tagħha qed tintalab l-assistenza, teffettwa lill-ekonomija lokali. Ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati eliġibbli li jilħaq is-somma ta' EUR 5,116,500 li minnu l-kontribuzzjoni ta' l-EGF tkun ta' EUR 2,558,250.

Każ EGF/2007/02/FR Renault SA

1. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni fit-23 ta' Marzu 2007. Kienet ibbażata fuq il-kriterji ta' intervent speċifiċi ta' l-Artikolu 2 (a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 u ġiet ippreżentata sa l-iskadenza ta' 10 ġimgħat kif stipulat fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

2. Skond id-dettalji mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi, kien hemm 1,057 sensja fost 10 fornituri differenti ta' Renault SA, fil-perjodu ta' erba' xhur bejn l-01/12/2006 u l-31/03/2007. L-appoġġ mill-EGF qed jintalab biss għal 628 ħaddiem ta' Cadence Innovation , li għandha impjanti ta' produzzjoni f'Burhaupt-le-Haut (l-Alsazja), Vernon (Haute Normandie), Noeux-les-Mines (Nord-Pas-de-Calais) u Pouané (Pays de la Loire). Din l-impriża qed tiġi xolta b'ordni tal-Qorti u bħala tali m'għadhiex fil-pożizzjoni li tipprovdi assistenza effettiva lill-ħaddiema tagħha.

3. Analiżi tar-rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja hija bbażata fuq l-informazzjoni li ġejja. Għall-perjodu bejn l-2001 u l-2005 il-produzzjoni annwali tal-karozzi madwar id-dinja żdiedet b'14% minn 58.3 miljun għal 66.5 miljun waħda, filwaqt li ż-żieda fil-produzzjoni fl-UE kienet ta' biss 5%. Meta wieħed iqis is-sehem fis-suq dinji tal-karozzi, is-sehem ta' l-Ażja fis-suq żdied bi 8 punti minn 30.7% fl-2001 għal 38.8% fl-2005, dak tal-kontinent Amerikan naqas b'1.7 punt minn 30.7% fl-2001 għal 29.0% fl-2005 u dak ta' l-UE-27 naqas bi 3.7 punti minn 33.7% fl-2001 għal 29.9% fl-2005. Fl-istess ħin, manifatturi Koreani u Ġappuniżi tejbu l-kompetittività tagħhom fis-suq Ewropew. L-għadd ta' karozzi magħmula fil-Ġappun u fil-Korea, u importati lejn l-UE żdied b'27% matul il-perjodu bejn l-2001 u l-2005. Dawn l-importazzjonijiet żejda kienu qegħdin jikkompetu l-aktar mal-produzzjoni tal-karozzi żgħar fl-UE.

4. Iż-żieda ta' l-importazzjoni lejn l-UE hija kkonfermata mid- data statistika li għandha l-Kummissjoni. Fl-2002 l-importazzjoni lejn l-UE ta' karozzi manifatturati barra l-UE kienet tirrappreżenta 9.3% tal-bejgħ ta' karozzi fl-UE. Fl-2006 dan is-sehem tela' għal 13.9%. Dan il-fenomenu huwa kkonfermat għas-sezzjoni tas-suq ta' karozzi li jqumu l-anqas, fejn is-sehem ta' l-importazzjoni lejn l-UE ta' karozzi manifatturati barra l-UE f'bejgħ totali ta' karozzi fl-UE kien ta' 5.2% fl-2002 u 9.2% fl-2006.

Għalkemm ir-reġistrazzjonijiet ġodda fis-sezzjoni tas-suq ta' karozzi li jqumu l-anqas naqsu xi ftit bejn l-2002 u l-2006, reġistrazzjonijiet ġodda ta' karozzi importati f'dawn is-sezzjonijiet żdiedu b'madwar 70%.

5. Hekk kif il-produzzjoni ta' karozzi minn RSA hija f'ħafna każi kkonċentrata f'dawn l-iskali l-baxxi, Franza tressaq l-argument li dan it-tibdil fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja effettwa lil dan il-manifattur u wassal għal taqlib ekonomiku serju. L-effett taż-żieda fl-importazzjoni ta' karozzi żgħar, speċjalment mill-Ażja, u ż-żieda fil-kompetizzjoni fis-suq dinji, kien sa ċertu punt ta' kontribut għal tnaqqis fil-produzzjoni bħala volum (ammont totali ta' karozzi privati manifatturati) fi Franza ta' 3.8 % fl-2005 u ta' 14.7% fl-2006. Dan ma kkaġunax sensji kbar ħafna f'RSA, iżda wassal għat-tmiem ta' ħafna eluf ta' impjiegi li qabel kienu okkupati minn ħaddiema temporanji jew fuq kuntratt. Madankollu, fil-kumpaniji li jissupplixxu lil RSA bl- ispare-parts , it-tnaqqis ta' attivitajiet u l-pressjoni fuq il-prezzijiet ta' l- ispare-parts wassal biex jingħataw ħafna sensji, ħaġa li wasslet għal din l-applikazzjoni.

6. Fejn jidħol it-twettiq tal-kriterji kif imfissra fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, Franza kkonfermat fost affarijiet oħra li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji bis-saħħa tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi. Fil-każ speċifiku ta' "Cadence Innovation", li qed tiġi xolta fuq ordni tal-Qorti, Franza indikat li f'każ bħal dan l-impriża m'għadhiex suġġetta għall-obbligi tagħha li twettaq miżuri ta' kklassifikar mill-ġdid (" mesures de reclassement "). Fi Franza, l-awtoritajiet nazzjonali u lokali m'għandhom l-ebda obbligu legali jew konvenzjonali biex jintervjenu fl-ispejjeż ta' miżuri ta' impjieg mill-ġdid. Skond l-awtoritajiet Franċiżi, l-intervent ta' l-Istat favur il-ħaddiema ta' kumpanija li tkun daħlet fil-proċess ta' stralċ, u li jkunu ngħataw is-sensja, huwa inevitabbli. L-assistenza ta' l-EGF qiegħda tikkumplimenta l-isforzi finanzjarji li qed tagħmel Franza. Franza kkonfermat li l-azzjonijiet maħsuba jagħtu appoġġ lil ħaddiema individwali u mhumiex użati għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi. Franza kkonfermat li l-azzjonijiet iffinanzjati skond l-EGF mhux se jieħdu assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Komunità.

Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet imfissra hawn fuq, qed ikun propost li tiġi aċċettata l-applikazzjoni EGF/2007/02/FR/Renault, ippreżentata minn Franza, dwar is-sensji fost fornituri ta' Renault Société Anonyme (RSA), peress li ġew ippreżentati provi li dawn is-sensji huma kkawżati minn tibdil strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali fid-dinja li wasslu għal taqlib ekonomiku serju, li fil-każ ta' Cadence Innovation , il-kumpanija li għall-ħaddiema tagħha qed tintalab l-assistenza, teffettwa lill-ekonomija lokali. Ġie propost pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati eliġibbli li jilħaq is-somma ta' EUR 2,516,060 li minnu l-kontribuzzjoni ta' l-EGF hija ta' EUR 1,258,030.

Finanzjar

L-ammont totali annwali disponibbli għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa ta' EUR 500 miljun. Fl-2007, ma ġew allokati l-ebda riżorsi għal applikazzjonijiet aktar bikrija, biex b'hekk huwa disponibbli l-ammont sħiħ.

L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-applikant.

Fuq il-bażi tal-mod kif iż-żewġ applikazzjonijiet għal għajnuna mill-Fond ippreżentati minn Franza, fejn l-industrija tal-karozzi ġiet effettwata minn sensji mogħtija minn fornituri ta' Peugeot SA (PSA) u fil-fornituri ta' Renault SA (RSA), inkluż żewġ każi ta' falliment, l-istimi totali tal-pakketti koordinati ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati huma kif ġej:

Servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjarji (f'EUR) |

Franza: PSA 01/2007 | 2 558 250 |

Franza: RSA 02/2007 | 1 258 030 |

Total | 3 816 280 |

Wara li fliet bir-reqqa dawn l-applikazzjonijiet[3], u wara li qieset l-għotja massima possibli mill-Fond stabbilita skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għas-somma totali ta' EUR 3,816,280, li għandha tkun allokata skond l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju 2007-2013.

L-ammont mitlub ta' għajnuna jippermetti li aktar minn 25% ta' l-ammont annwali massimu mħolli għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif mitlub mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-Kummissjoni se tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2007 approporjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba[4], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[6],

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea ħolqot il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"Fond") biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema mogħtija s-sensja li jkunu qed isofru mill-konsegwenzi ta' tibdil strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali madwar id-dinja u biex ikunilhom ta' assistenza fl-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3) F'Marzu ta' l-2007, Franza ssottomettiet applikazzjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-Fond, fil-każ ta' żewġ każijiet li għandhom x'jaqsmu ma' sensji fis-settur tal-karozzi, b'mod speċifiku fornituri lil Peugeot SA u Renault SA. Il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ applikazzjonijiet huma konformi mal-kriterji ta' intervent u rekwiżiti oħra stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

(4) L-ammont propost ta' EUR 3 816 280, stabbilit skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 għandu għaldaqstant jiġi mobilizzat.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 3,816,280 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 139, 14.06.2006, p. 1.

[2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1

[3] Il-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar applikazzjoni biex jiġi mmobilzzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ippreżentata minn Franza fil-każ ta' Peugeot (SEC(2007) 882) u l-Komunikazzjoni lill-Kummissjoni dwar applikazzjoni biex jiġi mmobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, ippreżentata minn Franza fil-każ ta' Renault (SEC(2007) 881), li jippreżentaw l-analiżi mill-Kummissjoni tat-talbiet.

[4] ĠU C 139, 14.06.2006, p. 1.

[5] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[6] ĠU C […], […], p. […]

Top