Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0383

    Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri li għandha twettaq il-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament żviluppati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

    /* KUMM/2007/0383 finali - CNS 2007/0132 */

    52007PC0383




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 5.7.2007

    KUMM(2007) 383 finali

    2007/0132 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-miżuri li għandha twettaq il-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament żviluppati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2066/2003/KE tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-proġett pilota li japplika tekniċi ta' telerilevament ( remote sensing ) għall-monitoraġġ tas-swieq agrikoli għall-perjodu 2003-2007. Permezz ta' l-esperjenza miksuba matul dan il-perjodu, saret operazzjonali s-sistema agrometeoroloġika għat-tbassir tal-ħsad u għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta' l-artijiet u ta' l-uċuħ tar-raba'. Barra minn hekk, it-telerilevament wera li joffri risposta adattata għall-ħtiġijiet tat-tmexxija tal-politika agrikola komuni, kif ukoll li l-ħtiġijiet identifikati ma setgħux jintlaħqu permezz tas-sistemi tradizzjonali ta' l-istatistika u t-tbassir agrikoli.

    Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni għat-tkomplija tal-miżuri operazzjonali b'finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (il-FAEG).

    2007/0132 (CNS)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    dwar il-miżuri li għandha twettaq il-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament żviluppati fil-qafas tal-politika agrikola komuni

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

    Billi:

    (1) Skond l-Artikolu 33 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-politika agrikola komuni (PAK) għandha tqis il-karattru partikolari ta' l-attività agrikola, li titnissel mill-istruttura soċjali ta' l-agrikoltura u mid-disparità strutturali u naturali ta' bejn id-diversi reġjuni agrikoli. F'dan il-kuntest hemm ħtieġa sinifikanti ta' informazzjoni dwar il-kundizzjoni ta' l-artijiet u ta' l-uċuħ tar-raba', partikolarment għat-tmexxija ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS). L-applikazzjonijiet ta' telerilevament jistgħu jipprovdu parti mill-informazzjoni meħtieġa għal dan il-għan, dejjem jekk jistgħu jkopru ż-żoni kollha ta' interess għat-tmexxija tas-swieq agrikoli.

    (2) Permezz ta' l-esperjenza miksuba matul il-perjodu 2004-2007 fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1445/2000/KE tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-applikazzjoni ta' stħarriġ mill-ajru u metodi ta' teknika ta' remote sensing għall-istatistiċi agrikoli għal 1999 sa 2003[3] kif emendata, kif ukoll tad-Deċiżjonijiet li ġew qabilha[4], is-sistema agrometeoroloġika għat-tbassir tal-ħsad u għall-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta' l-artijiet u ta' l-uċuħ tar-raba' saret operazzjonali, laħqet livell avvanzat ta' żvilupp u wriet l-effiċjenza tagħha.

    (3) Barra minn hekk, it-telerilevament wera li joffri risposta adattata għall-ħtiġijiet tat-tmexxija tal-PAK, kif ukoll li l-ħtiġijiet identifikati ma setgħux jintlaħqu permezz tas-sistemi tradizzjonali ta' l-istatistika u t-tbassir agrikoli. It-telerilevament wassal ukoll għal aktar preċiżjoni, oġġettività, veloċità u frekwenza fl-osservazzjonijiet li jsiru, filwaqt li kompla jorqom il-mudelli tat-tbassir agrikolu, b'mod partikulari billi daħħal mudelli msejsa fuq ir-reġjuni. Fl-aħħar nett, it-telerilevament ikkontribwixxa għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet speċifiċi jew komplimentari għall-istabbilment u għall-ġbir ta' statistiċi agrikoli, u ġab miegħu tnaqqis fl-ispejjeż marbutin mal-monitoraġġ u mal-kontroll tan-nefqa agrikola. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ li jsir provvediment għat-tkomplija ta' dawn l-applikazzjonijiet b'finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (il-FAEG) għall-perjodu 2008-13, skond l-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunji 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni[5].

    (4) B'danakollu, jeħtieġ li jkunu addattati u organizzati mill-ġdid ir-regoli ddettaljati ta' implimentazzjoni għall-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni fil-qafas tal-politika agrikola komuni, bl-użu tat-telerilevament. Barra minn hekk, il-miżuri operazzjonali li jsiru fil-kuntest ta' din is-sistema għandhom ikunu sseparati minn dawk li jeħtieġu aktar riċerka u żvilupp. Għaldaqstant, għandu jsir provvediment separat għal dawn il-miżuri fil-programm ta' qafas għar-riċerka u l-iżvilupp.

    (5) Għandu jkun provdut ukoll li l-informazzjoni u l-istimi li joħorġu minn dawn il-miżuri, miżmuma mill-Kummissjoni, ikunu disponibbli għall-Istat Membri, kif ukoll li jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport proviżjonali u rapport finali dwar il-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzoni tal-miżuri ta' telerilevament li jkunu saru, u dwar l-użu tar-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport finali għandu jkun akkumpanjat bi proposta biex jitkomplew dawn il-miżuri wara l-perjodu stipulat f'dan ir-Regolament,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Mill-1 ta' Jannar 2008 'l quddiem, għal perjodu ta' sitt snin, il-miżuri li twettaq il-Kummissjoni bl-użu ta' applikazzjonijiet ta' telerilevament fil-qafas tal-politika agrikoli komuni jistgħu jkunu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija, skond l-Artikolu 3(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, fejn ikollhom l-għan li jipprovdu lill-Kummissjoni bil-mezzi biex:

    a) tmexxi s-swieq agrikoli;

    b) tiżgura l-monitoraġġ agroekonomiku ta' l-artijiet agrikoli u tal-kundizzjoni ta' l-uċuħ tar-raba', b'mod li jistgħu jsiru stimi, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħsad u mal-produzzjoni agrikola;

    c) tħeġġeġ l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punt b);

    d) tiżgura s-segwitu teknoloġiku tas-sistema agrometeoroloġika.

    2. B'mod partikolari, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

    a) il-ġbir jew ix-xiri ta' l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, partikolarment id-dejta miksuba permezz tas-satellita u d-dejta meteoroloġika;

    b) il-ħolqien ta' infrastruttura ta' dejta spazjali u websajt;

    c) studji speċifiċi fuq il-kundizzjonijiet tal-klima;

    d) l-aġġornament tal-mudelli agrometeoroloġiċi u ekonometriċi.

    Fejn meħtieġ, dawn il-miżuri għandhom isiru f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-laboratorji u l-korpi nazzjonali.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni u l-istimi li jirriżultaw mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) elettronikament disponibbli għall-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Għandhom jiġu adottati regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 41(3) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, partikularment f'dak li jirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' l-informazzjoni u l-istimi msemmija f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju 2010 u l-31 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' telerilevament li jkunu saru, u dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni skond dan ir-Regolament. Jekk meħtieġ, it-tieni rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex jitkomplew dawn il-miżuri fil-qafas tal-politika agrikola komuni.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2013.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    DIKJARAZZJONI FINANZJARJA |

    1. | IL-LINJA TAL-BAĠIT: 05 08 03 – L-irristrutturar tas-sistemi ta' stħarriġ agrikolu | APPROPRJAZZJONIJIET (2007): EUR 1.78 miljun f'AI EUR 4.03 miljun f'AĦ |

    2. | L-INTESTATURA TAL-MIŻURA: Ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-miżuri li għandha twettaq il-Kummissjoni, għall-perjodu 2008-2013, bl-użu ta' l-applikazzjonijiet ta' telerilevament żviluppati fil-qafas tal-politika agrikola komuni. |

    3. | BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 37 tat-Trattat tal-KE. |

    4. | GĦANIJIET: Li jinkisbu mezzi għat-tmexxija tas-swieq agrikoli, li jiġi żgurat il-monitoraġġ agroekonomiku ta' l-artijiet agrikoli u tal-kundizzjoni ta' l-uċuħ tar-raba', b'mod li jistgħu jsiru stimi, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħsad u mal-produzzjoni agrikola, u li jiġi żgurat is-segwitu teknoloġiku tas-sistema agrometeoroloġika. |

    5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | IS-SENA FINANZJARJA KURRENTI 2007 (miljun EUR) | IS-SENA FINANZJARJA SUSSEGWENTI 2008 (APB) (miljun EUR) | IS-SENA FINANZJARJA 2009 (miljun EUR) |

    5.0 | SPEJJEŻ LI JITĦALLSU – MILL-BAĠIT TAL-KE (RIFUŻJONIJIET / INTERVENTI) – MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI – MINN OĦRAJN | – | AI 1.90 AĦ 1.14 | AI 1.46 AĦ 1.64 |

    5.1 | DĦUL – RIŻORSI PROPRJI TAL-KE (IMPOSTI/ĦLASIJIET DOGANALI) – NAZZJONALI | – | – | – |

    2010 | 2011 | 2012 | 2013 |

    5.0.1 | PREVIŻJONIJIET TA' L-INFIQ | AI 1.46 AĦ 1.46 | AI 1.46 AĦ 1.46 | AI 1.46 AĦ 1.46 | AI 1.46 AĦ 2.04 |

    5.1.1 | PREVIŻJONIJIET TAD-DĦUL | – | – | – | – |

    5.2 | METODU TA' KALKOLU: – |

    6.0 | IL-FINANZJAMENT LI JISTA' JSIR SKOND KREDITI MNIŻŻLA FIL-KAPITOLU KKONĊERNAT TAL-BAĠIT LI QED JIĠI ESEGWIT | IVA LE |

    6.1 | IL-FINANZJAMENT LI JISTA' JSIR PERMEZZ TA' TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT LI QED JIĠI ESEGWIT | IVA LE |

    6.2 | JEĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI | IVA LE |

    6.3 | KREDITI LI GĦANDHOM JITNIŻŻLU FIL-BAĠITS TAL-FUTUR | IVA LE |

    OSSERVAZZJONIJIET: Ma hemm l-ebda spiża amministrattiva addizzjonali ma' dawk tas-sitwazzjoni attwali. |

    [1] ĠU C ..., ta' ... , p. ….

    [2] ĠU C ..., ta' ... , p. ….

    [3] ĠU L 163, 4.7.2000, p. 1. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 786/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 7).

    [4] B'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/503/KEE (ĠU L 273, 5.10.1988, p. 12) .

    [5] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 378/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1).

    Top