Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0345

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    /* KUMM/2007/0345 finali */

    52007PC0345

    Proposta għal regolament tal-Kunsill li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina /* KUMM/2007/0345 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 21.6.2007

    KUMM(2007) 345 finali

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA |

    110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha- Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendata l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tat-23 ta' Diċembru 2005 ('ir-Regolament bażiku') fil-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (il-PRC). |

    120 | Kuntest ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skond ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku. |

    139 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002, li jimponi dazju definittiv ta' l-antidumping fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina fil-PRC. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2006, tissospendi għal perjodu ta' disa' xhur id-dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 dwar importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mill-PRC. |

    141 | Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

    KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U STIMA TA’ L-IMPATT |

    Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

    219 | Il-partijiet interessati fil-proċediment diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

    Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

    229 | Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern. |

    230 | Valutazzjoni ta' l-Impatt Din il-proposta hi r-riżultat ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ġenerali ta' l-impatt imma l-ħtieġa li l-miżuri ma għandhomx ikunu kontra l-"interess Komunitarju" ifisser li l-istima ta' l-impatt usa' tal-miżuri hija parti integrali ta' l-investigazzjoni. |

    ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

    305 | Taqsira ta’ l-azzjoni proposta Fi Frar 2002, dazju definittiv ta' l-antidumping ta' 22.5% ġie impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina fil-PRC. F'Ottubru 2006, il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2006, issospendiet għal perjodu ta' disa' xhur id-dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mill-PRC. Il-proposta tal-Kummissjoni li hawn mehmuża għal Regolament tal-Kunsill testendi sal-31 ta' Jannar 2008 il-perjodu ta' dazju definittiv ta' l-antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mill-PRC. L-Istati Membri ġew ikkonsultati u ma għamlu ebda oġġezzjoni għall-proposta. Huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta għal Regolament mehmuża li għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mit-21 ta' Lulju 2007. |

    310 | Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tat-23 ta' Diċembru 2005. |

    329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

    Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

    331 | Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament imsemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

    332 | L-indikazzjoni ta’ kif il-piż amministrattiv u finanzjarju li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini hu mminimizzat u pproporzjonat skond l-għan tal-proposta mhix applikabbli, imma r-Regolament bażiku jillimita l-livell tad-dazji li jistgħu jiġu imposti għal dawk neċessarji biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata mid-dumping li nstab. |

    Għażla ta' strumenti |

    341 | Strumenti proposti: Regolament. |

    342 | Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

    IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

    409 | Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

    1. Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jestendi s-sospensjoni tad-dazju definittiv ta' l- antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal-ferro molybdenum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ('ir-Regolament bażiku') u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A. PROĊEDURA

    (1) Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 215/2002[2], impona dazju definittiv ta’ l- antidumping fuq importazzjonijiet tal- ferro molybdenum li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (il-PRC), li jaqa' taħt il-kodiċi NM 7202 70 00 (il-prodott ikkonċernat). Ir-rata tad-dazju ta’ l- antidumping hija ta’ 22.5 %.

    (2) F'Ottubru 2006, il-Kummissjoni, bid-Deċiżjoni (2006/714/EC) tat-23 ta' Ottubru 2006[3], issospendiet għal perjodu ta' disa' xhur id-dazju definittiv ta' l- antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 dwar importazzjonijiet tal- ferro molybdenum li joriġina mill-PRC.

    (3) Id-deċiżjoni li tissospendi d-dazju definittiv ta' l- antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 ittieħdet skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jgħid illi, fl-interess Komunitarju l-miżuri ta’ l- antidumping jistgħu jiġu sospiżi minħabba li l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li l-ħsara li ssir x’aktarx li ma tkunx tista' titranġa minħabba s-sospensjoni, sakemm l-industrija Komunitarja tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u li dawn il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati.

    (4) Il-Kummissjoni kkonkludiet fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2006 li d-dannu marbut ma' l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-PRC x'aktarx ma kienx se jkompli bħala riżultat tas-sospensjoni minħabba l-bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq, u b'mod partikolari l-livell għoli ta' prezzijiet tal-prodott ikkonċernat prattikat fis-suq tal-Komunità, li kien ferm ogħla mill-livell dannuż misjub fl-investigazzjoni oriġinali, flimkien ma' l-allegat żbilanċ ta' domanda-forniment tal-prodott ikkonċernat.

    (5) Il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2006 obbligat ruħha li tissorvelja l–iżvilupp ta' l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott konċernat u li tirrevoka s-sospensjoni fil-każ ta' żieda fil-volumi ta' prezzijiet iddampjati tal-prodott ikkonċernat mill-PRC u konsegwentement id-dannu ikkawżat lill-Industrija tal-Komunità.

    (6) Fil-31 ta' Ottubru 2006 reviżjoni interim ex ufficcio inbdiet permezz ta' notifika ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea [4] minħabba li l- corpus ta' evidenza li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Kummissjoni indika li ċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom kienu stabbiliti l-miżuri eżistenti inbidlu sal-grad li l-miżuri eżistenti jistgħu ma jkunux aktar adegwati u li ċerti bidliet jidhru li huma ta' natura dejjiema.

    B. Il-BAŻI

    (7) L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, fl-interess tal-Komunità, miżuri ta' l- antidumping jistgħu jiġu sospiżi għal perjodu ta' disa' xhur imma s-sospensjoni tista' tiġi sospiża għal perjodu itwal, li ma jaqbiżx sena, jekk il-Kunsill jiddeċiedi dan, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni.

    (8) Minn mindu ġiet sospiża l-miżura ma kienx hemm bidla fis-sitwazzjoni stabbilita fil-premessi (5) sa (10) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2006 fir-rigward ta' l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Kienu biss volumi insinifikanti ta' ferro molybdenum li joriġinaw mill-PRC li ġew importati fil-KE.

    (9) Fir-rigward tar-reviżjoni interim sħiħa ex ufficio qed jiġi mfakkar li din għandha tiġi konkluża fi żmien 15-il xahar mill-bidu, i.e. mill-31 ta' Jannar 2008.

    C. KONKLUŻJONI

    (10) Minħabba li s-sitwazzjoni fis-suq tal-KE baqgħet ma nbidlitx wara s-sospensjoni tad-dazju ta' l- antidumping f'Ottubru 2006 u minħabba li r-reviżjoni interim għadha ma ġietx konkluża, hija kkunsidrata adatta s-sospensjoni tal-miżuri fis-seħħ skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Fuq il-bażi tal-prinċipju ġenerali tat-tbassir tal-flussi tal-kummerċ u b'antiċipazzjoni tar-riżultati finali tar-reviżjoni interim imwettqa bħalissa qed jiġi konkluż li s-sospensjoni tal-miżuri fis-seħħ għandha tiġi estiża sal-31 ta' Jannar 2008, i.e. sal-limitu finali taż-żmien għall-konklużjoni tar-reviżjoni interim. Ma nstabet l-ebda indikazzjoni għalfejn l-estensjoni tas-sospensjoni ma tkunx fl-interess Komunitarju.

    (11) Skond l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija Komunitarja dwar l-intenzjoni tagħha li testendi s-sospensjoni tal-miżuri fis-seħħ ta’ l- antidumping . L-industrija tal-Komunità ingħatat l-opportunità li tikkummenta imma l-kummenti tagħha ma bidlux il-konklużjoni li s-sitwazzjoni baqgħet kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottuburu 2006.

    (12) Il-Kummissjoni għalhekk tqis li r-rekwiżiti kollha għall-estensjoni tas-sospensjoni tad-dazju ta’ l- antidumping impost fuq il-prodott ikkonċernat intlaħqu, bi qbil ma' l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, id-dazju ta’ l- antidumping li kien impost mir-Regolament (KE) Nru 215/2002 għandu jiġi estiż sal-31 ta' Jannar 2008.

    (13) Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-iżvilupp ta' l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Jekk f'xi ħin tinħoloq sitwazzjoni fejn jerġa' jkun hemm żieda ta' volumi fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat mill-PRC mixtrija taħt il-prezz u konsegwentement jikkawżaw ħsara fl-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni terġa' tipproponi li ddaħħal id-dazju ta' l- antidumping billi tħassar is-sospensjoni attwali,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Is-sospensjoni tad-dazju definittiv ta’ l- antidumping impost, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 fuq importazzjonijiet tal- ferro-molibdenum , li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7202 70 00, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ) hija b’dan estiża sal-31 ta' Jannar 2008.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill

    Il-President

    [1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    [2] ĠU L 35, 6.2.2002, p. 1.

    [3] ĠU L 293, 24.10.2006, p. 15.

    [4] ĠU C 262,31.10.2006, p. 28.

    Top