Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0256

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 minn Ċipru

/* KUMM/2007/0256 finali - CNS 2007/0090 */

52007PC0256




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.5.2007

KUMM(2007) 256 finali

2007/0090 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 minn Ċipru

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fit-3 ta' Mejju 1998, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 1999. Id-Danimarka u r-Renju Unit utilizzaw il-klawsoli "opt-out" tagħhom, u għaldaqstant ma ġewx evalwati mill-Kunsill. Il-Kunsill qies il-Greċja u l-Iżvezja bħala Stati Membri b'deroga. Fid-19 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Il-pajjiżi li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004 (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) saru Stati Membri b'deroga skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni rispettiv. Fil-11 ta' Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta' Jannar 2007. Il-Bulgarija u r-Rumanija, li saru membri ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2007, saru Stati Membri b'deroga skond l-Artikolu 5 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni rispettiv.

L-Artikolu 122(2) jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir ta' derogi. Dawn il-proċeduri għandhom jinbdew talanqas darba kull sentejn jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga. Skond dawn il-proċeduri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jeħtiġilhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond l-Artikolu 121(1) dwar il-progress li jkun sar fit-twettiq, min-naħa ta' Stati Membri b'deroga, ta' l-obbligi tagħhom dwar l-ilħiq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja. Abbażi tar-rapport tagħha stess u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni tista' tressaq lill-Kunsill proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tħassar id-deroga lill-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.

Il-pajjiżi kollha b'deroga ġew evalwati mill-Kummissjoni u mill-BĊE fl-2006. Fit-13 ta' Frar 2007, Ċipru ssottometta rikjesta għal assessjar mill-ġdid ta' konverġenza bil-għan li jintroduċi l-euro fl-1 ta' Jannar 2008 f'każ li d-deroga kellha titħassar. B'risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni u l-BĊE ħejjew Rapporti dwar il-Konverġenza għal Ċipru.

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Konverġenza 2007 għal Ċipru ġie adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fis-16 ta' Mejju 2006. Il-BĊE adotta r-rapport tiegħu fl-istess jum. Ir-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Ċipru, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali tiegħu, u l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-BĊE. Ir-rapporti jeżaminaw ukoll l-ilħiq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza min-naħa u jqisu bosta fatturi oħra li jissemmew fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 121(1).

Fir-rapport ta' konverġenza tagħha, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li Ċipru laħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli.

Abbażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni adottat il-proposta annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill biex tħassar id-deroga ta' Ċipru b'effett mill-1 ta' Jannar 2008.

2007/0090 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2008 minn Ċipru

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Ċentrali Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra d-diskussjoni tal-Kunsill, imlaqqa' fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta' Stati jew ta' Gvernijiet,

Billi:

(1) It-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bdiet fl-1 ta' Jannar 1999. Il-Kunsill, imlaqqa' fi Brussell fit-3 ta' Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tiegħu ta' Kapijiet ta' Stati jew ta' Gvernijiet, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 1999[3].

(2) Il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta' Ġunju 2000 li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta' munita unika fl-1 ta' Jannar 2001.[4] Il-Kunsill iddeċieda fil-11 ta' Lulju 2006 li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007.[5]

(3) Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq anness mat-Trattat, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill li ma kienx biħsiebu jgħaddi għat-tielet fażi ta' l-UEM fl-1 ta' Jannar 1999. Din in-notifika ma tbiddlitx. Skond il-paragrafu 1 tal-Protokoll dwar ċerti dispożizzjonijiet rigward id-Danimarka anness mat-Trattat u d-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta' Stat jew Gvernijiet f'Edinburgh f'Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li ma kinitx sejra tieħu sehem fit-tielet fażi ta' l-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 122(2) tat-Trattat.

(4) Permezz tad-Deċiżjoni 1998/317/KE, l-Iżvezja għandha deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni[6], ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja għandhom deroga kif definita fl-Artikolu 122 tat-Trattat. Skond l-Artikolu 5 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni[7], il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom deroga kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(5) Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ġie stabbilit fl-1 ta' Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitiwita b'mekkaniżmu tar-rati tal-kambju li ntlaħaq ftehim għat-twaqqif tiegħu b'riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja fis-16 ta' Ġunju 1997[8]. Il-proċeduri għal mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) kienu stipulati fil-Ftehim ta' l-1 ta' Settembru 1998 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri barra ż-żona ta' l-euro li jistipula l-proċeduri ta' l-operat tal-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi ta' l-unjoni ekonomika u monetarja[9].

(6) L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-proċeduri għat-tħassir tad-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati. Skond dak l-Artikolu, talanqas darba kull sentejn, jew inkella fuq talba ta' Stat Membru b'deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrappurtaw lill-Kunsill skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Fit-13 ta' Frar 2007, Ċipru ressaq talba formali għall-assensjar tal-konverġenza.

(7) Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandhom jiġu adattati skond il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ. Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jassessjaw b'mod dettaljat il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta' Ċipru ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-SEBĊ.

(8) Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet li jissemma fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, li tkun ġiet osservata matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma jkunx jaqbeż b'iktar minn punt perċentwali u nofs dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjonijiet f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-iskop tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezz, l-inflazzjoni se tkun imkejla permezz ta' l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICPs) definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95[10]. Sabiex ikun assessjat il-kriterju ta' stabbiltà tal-prezz, l-inflazzjoni ta' Stat Membru ġiet imkejla bil-bidla fil-perċentwal fil-medja aritmetika ta' l-indiċijiet matul tnax-il xahar imqabbla mal-medja aritmetika ta' l-indiċijiet matul it-12-il xahar tal-perjodu preċedenti. Fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2007, it-tliet Stati Membri li laħqu l-aqwa riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet kienu l-Finlandja, il-Polonja u l-Iżvezja, b'rati ta' inflazzjoni rispettivi ta' 1.3%, 1.5% u 1.6%. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' 1.5 punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2007 kien ta' 3.0%.

(9) Skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern li jissemma fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat għandu jfisser li fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) tat-Trattat dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv.

(10) Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li jissemma fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li Stat Membru jkun irrispetta l-marġni għall-varjazzjonijiet normali li dwarhom jiddisponi l-mekkaniżmu għar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea mingħajr tensjonjiet gravi għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-munita ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess, matul l-istess perjodu. Mill-1 ta' Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-evalwazzjoni tas-sodisfar tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta' dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perjodu ta' sentejn li ntemm fis-26 ta' April 2007.

(11) Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħaxxijiet li jissemma fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat ifisser li, fuq osservazzjoni matul perjodu ta' sena qabel l-eżami, Stat Membru jkun kellu medja nominali fit-tul tar-rati ta' l-imgħaxxijiet li ma jaqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik ta', l-aktar nett, it-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'termini ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterji dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħaxxijiet, intużaw rati komparabbli ta' l-interess fuq bonds ta' riferiment ta' 10 snin maħruġa mill-gvern. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, sabiex jiġi evalwat is-sodisfar tal-kriterju tar-rati ta' interess, tqies valur ta' referenza kkalkulat bħala l-medja artimetika sempliċi tar-rati ta' imgħaxxijiet tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f'dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta' żewġ punti perċentwali. Abbażi ta' dan, il-valur ta' referenza fil-perjodu ta' sena li ntemm f'Marzu 2007 kien ta' 6.4%.

(12) Skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza li jissemmew fl-Artikolu 121 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-data użata fl-assessjar tal-preżent tas-sodisfar tal-kriterji ta' konverġenza tiġu pprovduta mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni pprovdiet data għat-tħejija ta' din il-proposta. Id-data finanzjarji ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni wara li l-Istati Membri rrappurtaw sa l-1 ta' April 2007, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura rigward id-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[11].

(13) Abbażi tar-rapporti mressqa mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar fis-sodisfar min-naħa ta' Ċipru ta' l-obbligi tiegħu rigward l-ilħiq ta' l-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li:

F'Ċipru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ.

Rigward is-sodisfar min-naħa ta' Ċipru tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-erba' inċiżi ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat:

- ir-rata medja ta' l-inflazzjoni f'Ċipru, fis-sena li ntemmet f'Marzu 2007, kienet ta' 2.0%, li hija aktar baxxa mill-valur ta' referenza, u x'aktarx tibqa' taħt il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin;

- Ċipru mhuwiex is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv tal-gvern;

- Ċipru ilu membru ta' l-ERM II mit-2 ta' Mejju 2005; fil-perjodu ta' sentejn li ntemm fis-26 ta' April 2007, il- pound Ċiprijott (CYP) ma kienx suġġett għal tensjonijiet gravi, u Ċipru ma żvalutax, b'inizjattiva tiegħu stess, ir-rata ċentrali bilaterali tas-CYP kontra l-euro;

- fis-sena li ntemmet f'Marzu 2007, ir-rata ta' l-imgħaxxijiet fit-tul f'Ċipru kienet, fil-medja, 4.2%, li jiġi taħt il-valur ta' referenza.

Ċipru laħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għal dawn il-kriterji, u jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta' l-euro.

(14) Il-Kunsill, permezz ta' maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema Stati Membri b'deroga jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika, u jħassar id-derogi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ċipru jissodisfa l-kundizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Id-deroga favur Ċipru msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni qiegħed jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2008.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmula fi

Għall-Kunsill

Il-President[pic][pic][pic]

[1] Rapport adottat fis-16 ta' Mejju 2007- [KUMM(2007) 255].

[2] Rapport adottat fit-16 ta' Mejju 2007.

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1998/317/KE tat-3 ta' Mejju 1998 (ĠU L 139, 11.5.1998, p.30).

[4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/427/KE tad-19 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 167, 7.7.2000, p.19).

[5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/495/KE tal-11 ta' Lulju 2006 (ĠU L 195, 15.7.2006, p.25).

[6] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.

[7] ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203.

[8] ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.

[9] ĠU C 345, 13.11.1998, p.6 , kif emendat mill-Ftehim ta' l-14 ta' Settembru 2000 (ĠU C 362, 16.12.2000, p. 11).

[10] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta' Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[11] ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2103/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 1).

Top