Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0238

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)

/* KUMM/2007/0238 finali */

52007PC0238




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.5.2007

KUMM(2007) 238 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Il-verżjoni Taljana biss hija awtentika)

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Skond l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kunsill, bi qbil unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali ta' deroga mid-Direttiva msemmija biex iħaffef il-proċedura ta' ħlas tat-taxxa jew biex iwaqqaf milli jsiru ċerti tipi ta' evażjoni tat-taxxa. Permezz ta' ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex iddaħħal miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE. B'konformità ma' l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba mressqa mill-Italja fit-28 ta' Frar 2007. Fl-21 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kienet irċeviet l-informazzjoni kollha li kienet tqisha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba tagħha. |

120 | Il-kuntest ġenerali L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT dovuta mix-xiri ta' merkanziji jew servizzi għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli. Skond l-Artikolu 26(1)(a) ta' l-istess Direttiva, sabiex tkun deduċibbli l-VAT fuq merkanzija li tifforma parti mill-assi ta' negozju, l-użu tal-merkanzija għal skopijiet privati għandu jitqies bħala provvista ta' servizzi. Din is-sistema tippermetti l-ħlas lura tal-VAT fuq ix-xiri inizjali ta' assi li jintużaw sew fin-negozju sew għal skopijiet privati, iżda biex ikun żgurat li l-konsum finali jiġi intaxxat, l-użu privat jitqies bħala provvista ta' servizzi, u l-VAT rispettiva ma tistax tittieħed lura minn persuni mhux taxxabbli. Fil-każ ta' vetturi bil-mutur, għal raġunijiet varji l-applikazzjoni ta' din is-sistema hija diffiċli, fuq kollox għax mhux faċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu professjonali u dak privat. Fejn jinżamm kont ta' l-użi tal-vetturi, is-segwiment u l-verifika jikkostitwixxu piż żejjed kemm fuq in-negozju kif ukoll fuq l-amministrazzjoni. Minħabba l-għadd kbir ta' vetturi kkonċernati, saħansitra l-evitar individwali tat-taxxa fuq skala żgħira huwa kapaċi jilħaq somom sinifikanti. Bħala alternattiva għas-sistema stipulata mid-Direttiva, l-awtoritajiet tat-taxxa Taljani talbu awtorizzazzjoni biex sempliċement jillimitaw perċentwal stabbilit tat-tnaqqis inizjali, u biex bħala kumpens ineħħu l-obbligu li n-negozji jiddikjaraw it-taxxa marbuta ma' l-użu privat. Il-vantaġġ ta' dan huwa li s-sistema titħaffef għal kull parti kkonċernata, filwaqt li jiġi żgurat il-ġbir ta' perċentwal tat-taxxa li mingħajr din il-miżura seta' ġie evitat. Il-perċentwal ta' limitu mitlub mill-Italja huwa 60%. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq ir-riċerka li għamlet l-Italja stess, u, fit-termini tal-proposta, tkun irreveduta wara sentejn flimkien ma' l-andament tad-deroga stess. Is-sistema l-ġdida se tkun applikabbli għan-negozji kollha fejn il-vetturi ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali. Li kieku n-negozji kienu jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din is-sistema, il-vantaġġ ta' rata fissa waħdanija u sempliċi jintilef. Madankollu, ċerti vetturi kieku jiġu esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt tat-tnaqqis, u għaldaqstant ikunu ttrattati skond ir-regoli normali. Bħala l-ewwel pass, tiġi eskluża kull vettura b'aktar minn 9 postijiet (inkluż dak tas-sewwieq) u li taqbeż ċertu piż. Dan jillimita l-applikazzjoni ġeneralment għall-karozzi, vannijiet, trakkijiet, muturi u mowpeds. Barra minn hekk, huma esklużi wkoll mir-restrizzjoni dawn li ġejjin, jidħlux jew le fil-kuntest ta' l-applikazzjoni u irrispettivament jekk ikunx hemm użu privat: il-vetturi li huma l-proprjetà ta' negozji li l-attività kummerċjali tagħhom hija x-xiri u l-bejgħ ta' vetturi; il-vetturi mixtrijin għall-kiri, bl-opzjoni ta' xiri jew mingħajrha; it-taxis, il-vetturi użati għat-tagħlim minn skejjel tas-sewqan, u l-vetturi użati minn rappreżentanti kummerċjali. |

130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Jeżistu jew kienu jeżistu derogi oħrajn li jillimitaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT marbuta mal-vetturi. Bħalissa r-Renju Unit għandu deroga li tippermetti limitazzjoni ta' 50% tad-dritt ta' kerrej taxxabbli (bl-opzjoni ta' xiri jew mingħajrha) li jnaqqas it-taxxa fuq il-kiri ta' vetturi ta' passiġġieri għall-użu kummerċjali fejn il-karozza tintuża wkoll għal skopijiet privati. Ir-Renju Unit għandu wkoll l-awtorizzazzjoni biex ma jqisx l-użu privat ta' tali vetturi bħala provvista taxxabbli. L-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina l-infiq li minnu tkunx deduċibbli l-VAT. Sakemm il-Kunsill ma jagħmilx dan, jawtorizza lill-Istati Membri li jkomplu japplikaw l-eżenzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta' dispożizzjonijiet ta' "status quo" li jillimitaw id-dritt tat-tnaqqis marbut mal-vetturi bil-mutur. |

141 | Il-konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni Mhux applikabbli. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EVALWAZZJONI TA' L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

219 | Mhux rilevanti. |

Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert |

229 | Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. |

230 | L-evalwazzjoni ta' l-impatt L-għan ta' din il-proposta huwa li jindirizza l-evitar tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħaffef il-proċedura ta' l-intaxxar, u għaldaqstant għandu impatt potenzjonali pożittiv. Is-soluzzjoni tqieset mill-Italja bħala miżura xierqa, u hija simili għal derogi oħrajn ta' l-imgħoddi u tal-lum. Il-miżura mitluba tixbah ukoll il-proposta tal-Kummissjoni li tinsab fil–Komunikazzjoni COM(2004)728, li tinkludi regoli dwar liema forom ta' nfiq jistgħu jkunu soġġetti għal limitazzjoni fuq id-dritt għat-tnaqqis. |

L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Sinteżi ta' l-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni biex l-Italja tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, sabiex tillimita d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT fuq l-infiq marbut ma' vetturi bil-mutur fejn il-vettura ma tintużax esklussivament għal skopijiet kummerċjali. Fejn id-dritt għat-tnaqqis ikun ġie limitat, permezz ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a), il-persuna taxxabbli ma jkollhiex tiddikjara t-taxxa fuq l-użu privat tal-vettura. Din il-miżura hija ristretta għall-vetturi li jkollhom inqas minn ċertu għadd ta' postijiet u li jkunu ta' inqas minn ċertu piż, filwaqt li huwa pprovdut għadd limitat ta' eċċezzjonijiet speċifikati. Ir-restrizzjoni hija stabbilita f'rata fissa ta' 60%, u r-rata u l-ħtieġa tal-miżura ta' deroga għandhom ikunu rriveduti u rappurtati mill-Italja wara sentejn esperjenza ta' l-applikazzjoni tad-deroga. Id-Deċiżjoni tiskadi fl-iktar data kmieni speċifikata minnha, jew fid-data meta jidħlu fis-seħħ regoli Komunitarji dwar limitazzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis f'dan il-qasam. |

310 | Il-bażi legali L-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud. |

329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

331 | Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu. |

332 | Minħabba l-ambitu ristrett tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata ma' l-għan li għandu jinkiseb. |

L-għażla ta' l-istrumenti |

341 | L-istrumenti proposti: oħrajn. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux tajbin għar-raġunijiet li ġejjin: Skond l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorità tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-uniku strument xieraq għax tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali. |

L-IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT |

409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI |

Klawżola ta' analiżi/reviżjoni/estinzjoni awtomatika |

531 | Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi. |

533 | Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni. |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Billi:

(1) F'ittra datata d-9 ta' Ottubru 2006 u li ġiet irreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni l-11 ta' Ottubru 2006, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex iddaħħal miżuri ta' deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE (issa d-Direttiva 2006/112/KE) li jirregolaw id-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet li jistipulaw li tkun iddikjarata t-taxxa fuq assi kummerċjali użati għal skopijiet privati.

(2) B’konformità ma' l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KEE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba magħmula mill-Italja permezz ta' ittra datata t-28 ta' Frar 2007. B'ittra datata l-21 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3) L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT intaxxata fuq provvisti ta' merkanzija u servizzi rċevuti minnha għall-użu fit-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1)(a) ta' l-istess Direttiva tistipula li tiġi ddikjarata l-VAT meta assi kummerċjali jintuża b'mod privat.

(4) Huwa diffiċli li jiġi identifikat preċiżament l-użu privat ta' vetturi, u anki fejn dan huwa possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ spiss joħloq xkiel kbir. Taħt il-miżuri mitluba, l-ammont ta' VAT fuq l-infiq eliġibbli għat-tnaqqis marbut mal-vetturi li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali għandu jkun stabbilit f'rata perċentwali fissa, b'ċerti eċċezzjonijiet. Abbażi ta' l-informazzjoni disponibbli bħalissa, l-awtoritajiet Taljani jidhrilhom li rata ta' 40% tkun ġustifikabbli. Fl-istess ħin, biex ikun evitat l-intaxxar doppju, għandu jkun sospiż l-obbligu li jittieħed kont tal-VAT fuq l-użu privat ta' vettura, fejn din tkun soġġetta għal din ir-restrizzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li titħaffef il-proċedura ta' ħlas tal-VAT u li jitwaqqaf l-evażjoni tat-taxxa li ssir permezz ta' kontabilizzar ħażin.

(5) Dawn il-miżuri ta' deroga għandu jkollhom limitu ta' żmien, sabiex tkun permessa evalwazzjoni ta' l-effettività tagħhom u tal-perċentwal xieraq, billi l-perċentwal propost huwa bbażat fuq tagħrif inizjali dwar l-użu kummerċjali.

(6) Id-29 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa 2006/112/KE, rigward id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT[3]. Il-miżura ta' deroga għandha tintemm mad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva proposta, jekk dan isir qabel id-data speċifikata fid-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja b'dan tingħatalha awtorizzazzjoni biex tillimita għal 40% id-dritt tat-tnaqqas tal-VAT imposta fuq l-infiq marbut mal-vetturi bil-mutur li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja obbligata li ma tqisx bħala provvista intaxxabbli ta' servizzi l-użu ta' vetturi inklużi fl-assi ta' negozju ta' persuna taxxabbli, fejn il-vettura kkonċernata tkun soġġetta għar-restrizzjoni tad-dritt tat-tnaqqis skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-infiq marbut ma' vetturi huwa eskluż mir-restrizzjoni tad-dritt tat-tnaqqis kif awtorizzata minn din id-Deċiżjoni jekk il-vettura kkonċernata taqa' fi kwalunkwe waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

2. il-vettura tifforma parti mill-istokk ta' merkanzija tal-persuna taxxabbli fl-attività tagħha;

3. il-vettura tintuża bħala taxi;

4. il-vettura tintuża għat-tagħlim minn skola tas-sewqan;

5. il-vettura tintuża għall-kiri, bl-opzjoni ta' xiri jew mingħajrha;

6. il-vettura tintuża minn rappreżentanti kummerċjali.

Artikolu 4

L-infiq irrelatat għandu jkopri x-xiri ta' vettura, inklużi kuntratti ta' assemblaġġ u simili, il-manifattura, l-akkwist intrakomunitarju, l-importazzjoni, il-kiri (bl-opzjoni ta' xiri jew mingħajrha), it-tiswija jew il-manutenzjoni, u l-infiq fuq provvisti jew servizzi li jsiru b'rabta mal-vetturi u ma' l-użu tagħhom, inklużi l-lubrikanti u l-fjuwil.

Artikolu 5

L-Artikolu 1 u 2 għandhom japplikaw għal kull vettura bil-mutur (minbarra t-tratturi li jintużaw fl-agrikoltura jew fil-forestrija) li tintuża normalment biex twassal persuni jew merkanzija permezz tat-toroq, b'massa massima awtorizzata ta' mhux aktar minn 3 500 kilogramm u li jkollha mhux aktar minn tmien postijiet minbarra dak tas-sewwieq.

Artikolu 6

Evalwazzjoni ta' l-ewwel sentejn applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, inkluża reviżjoni tal-perċentwal ta' limitu applikat, għandha tiġi ssottomessa lill-Kummissjoni sentejn wara l-addozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u f'kull każ qabel l-31 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' regoli Komunitarji li jiddeterminaw l-infiq marbut mal-vetturi bil-mutur li m'għandux ikun eliġibbli għal tnaqqis totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jew l-iktar tard sal-31 ta' Diċembru 2010.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

[2] ĠU C […], […], p. […].

[3] ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10. COM(2004)728.

Top