Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0798

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - "It-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 2007-2013"

    /* KUMM/2007/0798 finali */

    52007DC0798




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 11.12.2007

    KUMM(2007) 798 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    "It-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 2007-2013"

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    "It-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 2007-2013"

    1. INTRODUZZJONI

    Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi ħarsa ġenerali inizjali tar-riżultati tan-negozjati tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' l-istrateġiji u programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013[1]. Fiha nfisha, hija tifforma parti mill-pakkett ta' Liżbona li jipprovdi evalwazzjoni dettaljata tal-progress mill-qasam ta' politika kopert matul l-ewwel tliet snin ta' l-istrateġija ta' Liżbona mġedda għax-xogħol u t-tkabbir ta' l-2005. B'mod partikolari, hija turi kif l-istrateġija ta' Liżbona mġedda għax-xogħol u t-tkabbir kienet ċentrali għall-istrateġiji u l-programmi ta' koeżjoni ġodda. B'żieda ma' dan, fid-dawl tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008, il-komunikazzjoni tirrifletti wkoll dwar ir-rwol potenzjali tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni biex titmexxa 'l quddiem l-istrateġija ta' Liżbona matul iċ-ċiklu li jmiss ta' tliet snin.

    2. IL-POLITIKA TA' KOEżJONI FIL-QALBA TAL-PROċESS TA' LIżBONA

    Bir-riforma proposta mill-Kummissjoni fl-2004 u approvata mill-Parlament u l-Istati Membri fl-2006, il-politika Ewropea ta' koeżjoni saret waħda mill-politiki prinċipali tal-Komunità għat-twassil ta' l-aġenda ta' l-Unjoni għall-impjiegi u t-tkabbir. Filwaqt li jinżammu l-prinċipji tradizzjonali[2] ta' politika ta' koeżjoni, ir-riforma introduċiet għadd ta' elementi ġodda b'rikonoxximent tal-bżonn ta' aktar iffokar tar-riżorsi limitati disponibbli fuq il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, il-kompetittività u x-xogħol, b'mod partikolari:

    - Il-politika qed tiffoka b'mod aktar strateġiku u trasparenti, u għall-ewwel darba, qed taħdem permezz tal-qafas magħruf bħala l-Linjigwida Strateġiċi tal-Komunità dwar il-Koeżjoni (CSGs) adottati mill-Kunsill fis-6 ta' Ottubru 2006[3] u, konsistenti mal-Linjigwida Integrati ta' Liżbona[4]. Dan il-qafas jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jiffukaw fuq dawk l-oqsma ta' investiment li jgħin għall-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (NRPs) filwaqt li jieħu kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali u reġjonali. Huwa jżomm l-istess tliet prijoritajiet li huma fil-qalba ta' l-istrateġija għall-impjiegi u t-tkabbir, jiġifieri:

    - li l-Ewropa u r-reġjuni tagħha jsiru post aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol;

    - jiġu mħeġġa l-innovazzjoni, l-imprenditorjat u t-tkabbir ta' l-ekonomija ta' l-għerf;

    - il-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar

    - L-Istati Membri ġew mitluba biex jimmarkaw il-parti ewlenija ta' l-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom għal investimenti bil-potenzjal li ssir kontribuzzjoni sinifikanti għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' Liżbona[5]. Dawn l-interventi ġew identifikati mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2005 bħala dawk li jistgħu jwasslu l-akbar impatt.Filwaqt li d-dispożizzjonijiet immarkati huma obbligatorji għall-UE-15, il-Kummissjoni inkoraġġiet lill-Istati Membri kollha u r-reġjuni biex jiffokaw in-nefqiet fuq l-interventi li jistgħu jgħinu fir-riformi strutturali previsti fl-NRPs. L-immarkar jipprovdi standard li jgħin għal monitoraġġ tal-progress fi sforz biex jiġi żgurat li l-programmi jibqgħu ffokati fuq iż-żieda tat-tkabbir u l-investimenti li joħolqu l-impjiegi matul l-2007-2013.

    - Ir-rabtiet bejn il-governanza ta' l-NRPs u l-programmi ta' politika ta' koeżjoni ġew rinfurzati b'mekkaniżmi ta' rappurtar ġodda introdotti kemm taħt l-istrateġija ta' Liżbona kif ukoll taħt il-politika ta' koeżjoni. Dawn il-proċeduri paralleli jinvolvu rappurtar regolari dwar il-kontribuzzjoni tal-politika ta' koeżjoni fit-twassil tat-tkabbir u l-impjiegi u li jiġi permess kontro-ċċekkjar bejn iż-żewġ oqsma ta' politika sabiex tiġi żgurata l-konsistenza. Din is-sena, l-Istati Membri pprovdew għall-ewwel darba sezzjoni dwar ir-rwol ta' politika ta' koeżjoni fir-rapporti ta' implimentazzjoni tagħhom ta' Liżbona li minn issa 'l quddiem se jsiru prattika regolari.

    - Taħt il-politika ta' koeżjoni, u fuq bażi annwali, l-Istati Membri huma meħtieġa li jirrappurtaw fuq l-investimenti mmarkati appoġġjati minn kull programm operazzjonali. Barra minn hekk, fl-2009 u fl-2012, kull pajjiż se jissottometti rapport strateġiku li jkun fih informazzjoni dwar il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-aġenda ta' Liżbona. Dan se jiġi segwit fl-2010 u fl-2013 minn rapport mill-Kummissjoni li jiġbor il-kontribuzzjonijiet nazzjonali u li jirrifletti fuq l-opportunità, u l-bżonn, li jiġu aġġustati l-programmi għall-isfidi l-ġodda.

    - Ir-riforma tal-politika ta' koeżjoni provdiet għal aktar deċentralizzazzjoni tar-responsabbiltajiet għas-sieħba lokali u reġjonali. Billi jinġiebu flimkien it-tagħrif lokali u reġjonali, il-perizja u r-riżorsi kif ukoll jitfasslu strateġiji lokali u reġjonali integrati, il-politika ta' koeżjoni tista' tikseb iffokar aħjar fuq l-investimenti bl-ogħla impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Id-deċentralizzazzjoni fiha nfisha tista' tikkontribwixxi għal governanza aħjar fil-livelli kollha billi titjieb ir-responsabbiltà u sjieda fil-prattika, ta' l-istrateġija ta' Liżbona.

    Il-kisba ta' l-istrateġija ta' Liżbona teħtieġ sforzi kontinwi u magħquda u l-impenn politiku ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u r-reġjuni. Matul l-2007, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ħadmu flimkien mill-qrib biex iħejju strateġiji nazzjonali u reġjonali bil-għan li jappoġġaw il-prijoritajiet ta' investiment identifikati fl-NRPs u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiż adottati mill-Kunsill[6]. Fl-istess ħin, minħabba li l-pożizzjonijiet tal-bidu huma differenti madwar il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej, l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet ta' Liżbona jeħtieġ li tieħu kont ta' kuntest u sfidi individwali. Dawn l-istrateġiji bħalissa huma fis-seħħ għas-27 Stat Membru imma x-xogħol proprju għadu qed jibda biex jiġi żgurat li matul il-programmi, ikun hemm sforz doppju reali favur it-tkabbir u l-impjiegi. Huwa importanti li dan l-isforz jinżamm matul il-perjodu 2007-2013 kollu u li r-riżorsi ma jgħaddux għal oqsma ta' prijorità aktar baxxi.

    3. FATTURI EWLENIN TAL-PROGRAMMI EWLENIN TA' POLITIKA 2007-2013

    3.1. L-iżgurar ta' konsistenza mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma

    Matul in-negozjati mal-parti l-kbira ta' l-Istati Membri, kien hemm grad għoli ta' kooperazzjoni bejn, fuq naħa, dawk responsabbli għall-koordinazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' l-NRPs u, fuq in-naħa l-oħra, dawk responsabbli għat-tħejjija ta' l-istrateġiji u programmi ta' koeżjoni politika (Oqfsa Strateġiċi Nazzjonali ta' Referenza – NSRF). Għadd konsiderevoli ta' NSRFs jipprovdu deskrizzjoni ta' kif din il-kooperazzjoni hija organizzata, li hija fattur ta' importanza għolja, minħabba li huwa biss fi ftit pajjiżi, li l-istess Ministeri huma responsabbli għaż-żewġ proċessi ta' politika. F'xi pajjiżi, l-awtoritajiet iddeċidew li koordinazzjoni effettiva teħtieġ bidla amministrattiva. Madankollu, aktar sforzi ta' koordinazzjoni jeħtieġ li jsiru mill-Istati Membri fejn din il-kooperazzjoni għadha mhix effettiva b'mod sħiħ.

    3.2. L-Iffokar fuq il-prijoritajiet ta' Liżbona

    Għall-perjodu 2007-2013, il-baġit totali disponibbli għall-politika Ewropea ta' koeżjoni jammonta għal EUR 347 biljun (fi prezzijiet kurrenti). Dan se jkun kumplimentat b'ko-finanzjar nazzjonali pubbliku u privat ta' xi EUR 160 biljun. Fi kliem ieħor, bis-saħħa tar-riżorsi nazzjonali pubbliċi u privati, il-programmi ta' koeżjoni politika se jimmobilizzaw annwalment aktar minn EUR 70 biljun bejn l-2007 u l-2013.

    L-Istrateġiji mfassla mill-Istati Membri għall-perjodu ta' programmar 2007-2013 jissuġġerixxu li għaddejja bidla qawwija fl-enfażi, favur il-prijoritajiet ewlenin ta' Liżbona. Taħt id-dispożizzjonijiet immarkati, l-Istati Membri ta' l-UE-15 huma meħtieġa li jinvestu parti ewlenija mill-allokazzjonijiet finanzjarji tagħhom[7], jiġifieri 60% tal-Fondi għall-Konverġenza tar-reġjuni u 75% għal dawk ir-reġjuni tal-kompetittività Reġjonali u l-Impjegar, f'kategoriji li huma ċentrali biex jiżdied it-tkabbir u investimenti li joħolqu x-xogħol. Għall-pajjiżi ta' l-UE-12, il-miri huma voluntarji imma l-Istati Membri kollha l-ġodda daħlu għal eżerċizzju ta' mmarkar, għalkemm fi gradi differenti.

    Globalment, ir-riżultati kienu inkoraġġanti. Għar-reġjuni anqas żviluppati taħt l- għan ta' Konverġenza fl-UE-27, li flimkien jakkontaw għal aktar minn 80% tar-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni, 65% tal-fondi għandhom jiġu investiti f'għanijiet relatati ma' Liżbona. Dan jirrappreżenta żieda ta' 11-il punt perċentwali meta mqabbel mal-perjodu ta' programmar preċedenti. Reġjuni bi programmi li jaqgħu taħt l- Għan Reġjonali ta' Kompetittività u Impjegar , li jagħmlu tajjeb għal 16 % tar-riżorsi ta' politika ta' koeżjoni, u li tradizzjonalment kellhom jikkonċentraw l-allokazzjonijiet aktar limitati tagħhom fuq l-investimenti aktar produttivi, jippjanaw li jkomplu jinvestu proporzjon għoli tal-fondi, 82% tat-total għall-2007-2013 , fuq prijoritajiet relatati ma' Liżbona.

    Naturalment, iċ-ċirkostanzi jiddettaw li hemm differenza bejn l-UE-15 u l-UE-12. Għall-Istati Membri ta' l-UE-15, li għalihom l-immarkar huwa obbligatorju, iċ-ċifri korrispondenti, kif mistenni, huma xi 74% ogħla għall-Għanijiet ta' Konverġenza u 83% għall-Għan ta' Kompetittività Reġjonali u Impjegar , għalkemm dawn il-perċentwali jvarjaw b'mod sinifikanti kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn ir-reġjuni differenti.

    Għall-Istati Membri ta' l-UE-12 (li għalihom l-immarkar tad-dispożizzjonijiet m'huwiex obbligatorju), il-figura hija xi 59% taħt l-Għan tal-Konverġenza, li hija l-istess ċifra miksuba fil-għadd ta' programmi ferm limitati f'dawn l-Istati Membri li m'humiex appoġġjati mill-Għan ta' Kompetittività Reġjonali u Impjegar.

    [pic]

    Kif indikat, iċ-ċifri għall-Istati Membri individwali għandhom tendenza li jvarjaw b'mod konsiderevoli. L-aħjar grupp, reġjuni ta’ Konverġenza fil-Portugall u Spanja għandhom investimenti mmarkati b’medja ta’ 80% tat-total, filwaqt li għall-kompetittività l-ogħla valur huwa għad-Danimarka b'92% tat-total[8]. Fl-UE-12, iċ-ċifri huma kemmxejn modesti, imma huwa importanti li wieħed ifakkar li f’bosta reġjuni għad hemm bżonn għal investiment f’firxa ta’ setturi fundamentali għall-progress ekonomiku. Madankollu, il-Bulgarija, il-Polonja u r-Rumanija qed juru riżultati inkoraġġanti; minkejja bżonnijiet estensivi ta' investiment fl-infrastruttura bażika, huma ddeċidew li jikkonċentraw proporzjon sinifikanti tar-riżorsi għal prijoritajiet relatati ma’ Liżbona.

    Ir-riżorsi allokati għall-promozzjoni ta’ l-impjegabbiltà u l-kapital uman huma ġeneralment assenjati taħt kategoriji relatati ma' Liżbona li jirriżultaw f'miri għoljin ta' mmarkar. Minkejja kollox, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jridu jiżguraw li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni jikkonċentraw b’mod ġenwin fuq azzjonijiet li jiġġeneraw l-akbar impatt f’termini ta’ tkabbir u impjiegi. Il-mekkaniżmi l-ġodda ta’ kontro-rappurtar flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar l-immarkar għandhom jgħinu dan il-proċess.

    Level of earmarking by Member State

    2007-2013

    (in % of total funds)

    [pic]

    [pic]

    3.3. Appoġġ għall-erba’ azzjonijiet ta’ prijorità tal-Kunsill tar-Rebbiegħa 2006 u 2007

    Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 identifika erba’ oqsma ta’ prijorità taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda li fuqha l-UE u l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom, inkluż taħt il-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni: investiment aktar fit-tagħrif u l-innovazzjoni, sfruttar tal-potenzjal tan-negozju, partikolarment l-IŻM; titjib ta' l-impjegar permezz tal-flessigurtà; u mmaniġġjar aħjar tar-riżorsi ta' enerġija. Il-Kummissjoni inkoraġġiet lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari biex imexxu 'l quddiem dawn il-prijoritajiet u jiġu integrati fl-istrateġiji nazzjonali u reġjonali tagħhom.

    Il-programmi l-ġodda ta’ koeżjoni jqiegħdu enfażi partikolari fuq aktar investiment fit-tagħrif u l-innovazzjoni. Aktar minn EUR 85 biljun ġew allokati għal investimenti f’dawn l-oqsma[9]. Aktar minn nofs dan l-ammont – EUR 49.5 biljun - se jiġu investiti fit-titjib tal-kapaċità innovattiva fin-negozji, b’appoġġ għal trasferimenti teknoloġiċi u netwerks ta’ kooperazzjoni, kif ukoll R&D u eko-innovazzjoni (teknoloġiji u prodotti). Il-bqija jinqasmu bejn appoġġ għat-tixrid u l-użu ta’ l-ICTs min-negozji u miċ-ċittadini u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ l-ICT; appoġġ għal bidu ta' negozji u min jixtieq jibda jaħdem għal rasu; l-iżvilupp tal-ħiliet; u l-promozzjoni ta' forza tax-xogħol aktar adattabbli u flessibbli. Il-politika ta’ koeżjoni se tinvesti wkoll f’azzjonijiet li jiżguraw li l-insegwiment ta’ l-eċċellenza u l-innovazzjoni jsir element kruċjali fil-livelli kollha ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. Meta mqabbel ma’ l-2000-2006, ir-riżultat globali għall-programmi kollha huwa mistenni li jiżdied għar-R&D u l-innovazzjoni li jissarraf, rispettivament, f’aktar minn irduppjar ta’ l-isforz relattiv u triplikar tar-riżorsi finanzjarji disponibbli[10]. Fl-Istati l-Membri l-ġodda, is-sehem tar-R&D u n-nefqa fl-innovazzjoni fuq il-baġit totali disponibbli jkun erba' darbiet aktar milli fil-perjodu preċedenti. Għall-Istati l-Membri l-oħra, l-allokazzjoni ġenerali għar-R&D u l-innovazzjoni żdiedet sostanzjalment. Per eżempju, għalkemm fi Spanja l-appoġġ mill-Fondi Strutturali naqas b'madwar 40% meta mqabbel ma' l-2000-2006, in-nefqa fir-R&D se tiġi rduppjata għal aktar minn EUR 7.5 biljun.

    Se jkun importanti għall-investiment fir-R&D u l-investiment fl-innovazzjoni li jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ livelli eżistenti ta’ eċċellenza u li jinġieb investiment privat addizzjonali fejn possibbli. Madankollu, modi ġodda biex jiżdiedu r-R&D u l-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni nazzjonali u reġjonali u biex isir użu aħjar tal-potenzjal eżistenti tar-RTD għad iridu jinstabu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi li tniedi ġenerazzjoni ġdida ta’ laboratorji, strumenti u infrastrutturi ta’ l-aqwa livell fid-dinja għar-riċerka fundamentali li tkun teħtieġ azzjoni konġunta madwar l-UE u biex jippermettu lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex ikunu fuq quddiem fir-riċerka fis-snin li ġejjin. Parti mill-investimenti meħtieġa jistgħu jiġu appoġġjati mill-programmi ta’ koeżjoni skond l-għanijiet speċifiċi tagħhom.

    Il-promozzjoni ta’ l-intraprenditorjat taħt il-programmi l-ġodda hija direttament marbuta mal-prijorità tal-Kunsill biex jiġi massimizzat il-potenzjal tan-negozji, partikolarment l-IŻM u din toħroġ bħala tema oħra partikolari għall-2007-2013. L-Istati Membri u r-reġjuni taw enfażi partikolari għall-provvediment ta’ servizzi ta’ appoġġ lill-intrapriżi, b'mod partikolari l-IŻM, biex iżidu l-kompetittività tagħhom u jidħlu fi swieq internazzjonali. Is-servizzi ta’ appoġġ għan-negozji, li jimmiraw lejn IŻM, huma ppjanati li jirċievu madwar EUR 19-il biljun fis-seba’ snin li ġejjin, ekwivalenti għal 5% tar-riżorsi ta’ l-UE disponibbli. Il-politika ta’ koeżjoni se tappoġġa l-IŻM biex jinvestu b’mod effettiv fil-kapital uman tagħhom, jistabbilixxu strutturi ta’ mmaniġġjar kompetenti u jantiċipaw ahar bidliet fl-ekonomija. L-appoġġ ta’ l-UE lill-IŻM se jinkludi wkoll investimenti biex jgħinu jrawmu ambjent aktar tajjeb għan-negozju u biex titnaqqas il-burokrazija. Huwa mistenni li sforzi simili se jgħinu lill-Istati Membri biex jimxu pass 'il quddiem għal ‘strateġija biex tinqeda' f’post wieħed' fl-appoġġ għan-negozji.

    Azzjoni relatata f’dan il-qasam kienet qed ittejjeb l-aċċess għall-iffinanzjar għan-negozji minn sorsi mhux għotjiet bħal self u kapital ta' riskju. Ta’ importanza partikolari huma l-inizjattivi ġodda ta’ inġinerija finanzjarja miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Grupp BEI: dawk l-hekk imsejħa l-inizjattivi JEREMIE[11] u JESSICA[12] li jfittxu li jtejbu d-disponibbiltà tal-prodotti innovattivi ta’ l-inġinerija finanzjarja fir-reġjuni. Ir-riżorsi mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni li jridu jiġu investiti taħt il-faċilità JEREMIE fil-perjodu 2007-2013 huma stmati f’dan l-istadju bikri li jaqbżu EUR 2.5 biljun. Aktar riċentement, il-Kummissjoni adottat inizjattiva fil-qasam ta’ l-appoġġ għall-mikro-kreditu, li huwa importanti għall-iżvilupp ta’ l-impjiegi u titjib ta' l-inklużjoni soċjali[13].

    Il-Kummissjoni riċentement adottat komunikazzjoni li toffri gwida lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali dwar is-sinerġiji bejn l-interventi fil-politika ta' koeżjoni ta’ l-UE, il-Programmi ta' Qafas tar-Riċerka u l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni[14]. Din tipproponi wkoll għadd ta’ metodi li bihom il-Kummissjoni se taħdem biex tippermetti sorsi varji ta’ fondi biex jintużaw bl-aktar mod effettiv filwaqt li jiġi enfażizzat li l-Istati Membri u r-reġjuni jridu huma nfushom jieħdu rwol ewlieni biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi Ewropej disponibbli għalihom.

    Il-programmi l-ġodda se jfittxu wkoll li jtejbu l-impjegabbiltà permezz tal-flessigurtà permezz ta’ ħaddiema assistenti, intrapriżi u imprendituri fl-isforzi tagħhom biex b’mod kostanti jtejbu l-isfidi l-ġodda tas-swieq globali. Madwar EUR 13.5 biljun ġew allokati biex jgħinu lill-intrapriżi jiżviluppaw strateġiji ta’ riżorsi umani li jħarsu 'l quddiem, biex jintroduċu forom u organizzazzjonijiet ta' xogħol innovattivi u aktar produttivi u biex jitħaffef il-proċess ta’ tranżizzjoni li jirriżulta minn ristrutturar. B’mod parallel, il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u l-azzjonijiet għat-tagħlim tul il-ħajja jgħinu biex jagħtu liċ-ċittadini l-opportunità li jiksbu l-kompetenzi u l-kwalifiki li jeħtieġu f’dinja li qed tinbidel. Dan jinkludi appoġġ dirett għal azzjonijiet individwali u sistematiċi għal titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol. Flimkien dawn il-programmi l-ġodda jipprevedu madwar EUR 32 biljun għal titjib ta' l-aċċess għax-xogħol li jvarjaw mill-għajnuna personali għall-modernizzazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-impjegar. Kif konkluż mill-Kunsill, l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi tas-suq tax-xogħol hija effettiva biss bil-parteċipazzjoni attiva tas-sieħba soċjali li se tkun appoġġjata b'madwar EUR 50 miljun mill-baġit tal-koeżjoni. L-ewwel estimi jindikaw politika ta’ koeżjoni li tappoġġja komponenti varji tal-flessigurtà b’riżorsi ta’ madwar EUR 50 biljun matul is-seba’ snin li ġejjin.

    L-għarfien ta’ rendiment ekonomiku importanti mill-investiment fl-edukazzjoni fl-istadji bikrija tal-ħajja, riżorsi dedikati għat-titjib tal-kapital uman, ifissru żieda f’dan il-perjodu ġdid ta’ programmar meta mqabbel mal-perjodu ta' l-imgħoddi. Madwar EUR 25.3 biljun huma previsti biex jappoġġaw ir-riforma fis-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. F’dan ir-rigward, ġenerazzjonijiet iżgħar fl-età se jingħataw attenzjoni partikolari minħabba li huma sors sinifikanti tal-potenzjal fix-xogħol bil-kwalifiki. Din l-istrateġija rriżultat f’impenn qawwi fil-programmi ta’ koeżjoni biex jgħin jinkisbu l-miri relatati mat-tluq kmieni mill-iskola u biex jiġu megħjuna żgħażagħ qiegħda, kif miftiehem mill-Kunsill.

    Il-programmi l-ġodda jirriflettu wkoll enfażi qawwija fuq it-titjib ta’ l-immaniġġjar tar-riżorsi ta’ enerġija u l-mixja lejn politika ta’ l-UE dwar l-enerġija integrata u effiċjenti. Il-parti l-kbira ta’ l-isforzi f’dan is-settur jaqgħu fuq is-settur privat u livelli assoluti ta’ nefqa taħt il-programmi għalhekk jidhru modesti meta mqabbla ma’ oqsma oħra. Mqabbla mal-perjodu 2000-2006, l-investimenti fl-enerġiji rinovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, madankollu, se jkunu ħames darbiet ogħla taħt l-għan ta’ Konverġenza u seba’ darbiet ogħla taħt l-għan ta’ Kompetittività Reġjonali u Impjiegi.

    3.4. Indirizzar ta’ rakkomandazzjonijiet oħra ewlenin tal-Kunsill u ta’ prijoritajiet tal-Komunità

    L-investimenti fil-kategoriji relatati ma’ Liżbona se jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet biex jgħinu lill-Istati Membri jegħlbu l-isfidi speċifiċi ta’ pajjiżhom fl-insegwiment ta’ l-għanijiet stabbiliti mil-Linjigwida Integrati u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    Il-programmi l-ġodda ta’ politika ta’ koeżjoni għandhom l-għan li joħolqu sitwazzjonijiet bi gwadann għal kulħadd billi jsaħħu s-sinerġiji potenzjali bejn il-ħarsien għall-ambjent, il-prevenzjoni tar-riskju u t-tkabbir. Fost il-prijoritajiet f’dan il-qasam hemm id-dispożizzjoni tas-servizzi ambjentali bħal forniment ta’ ilma nadif, infrastrutturi għat-trattament ta’ l-ilma u d-dranaġġ, immaniġġjar aħjar tar-riżorsi naturali, dekontaminazzjoni ta’ l-art biex titħejja għal attivitajiet ekonomiċi ġodda, u ħarsien kontra riskji ambjentali. B’mod ġenerali, madwar EUR 51 biljun huma mistennija li jiġu investiti f’dawk l-oqsma.

    Netwerk adegwat tat- trasport huwa pre-kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku f’kull pajjiż jew reġjun. Għalhekk, l-Istati Membri u r-reġjuni eliġibbli għall-iffinanzjar taħt l-għan ta’ Konverġenza jew il-Fond ta’ Koeżjoni, taw prijorità ċara lill-iżvilupp tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T). Madwar nofs l-allokazzjoni sħiħa prevista għat-trasport (EUR 76 biljun) se tkun allokata għall-proġetti TEN-T (EUR 38 biljun[15]). Dawn jinkludu proġetti ewlenin bħall-iżvilupp tar-“Rail Baltica” li tmur minn Ħelsinki sa Varsavja, “Il-Kuridur Lvant-Punent”, triq li tgħaqqad flimkien il-portijiet tal-baħar Latvjani u Riga mar-Russja, l-assi multi-modali li jgħaqqdu lil Spanja u l-Portugall mal-bqija ta’ l-Ewropa u ħafna oħra. Investimenti oħra fit-trasport li jiġu ffinanzjati mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni jinkludu l-konnessjonijiet sekondarji biex titjieb l-aċċessibbiltà għat-TEN-Ts kif ukoll il-promozzjoni ta’ sistemi tat-trasport aktar sostenibbli ambjentalment, li jammontaw għal kważi 45% ta’ l-allokazzjoni sħiħa prevista għat-trasport, ekwivalenti għal madwar EUR 34 biljun.

    Il-Kunsill irrakkomanda lil xi Stati Membri[16] biex jiżviluppaw strateġija taċ-ċiklu tal-ħajja għall-impjiegi u biex jippromwovu suq tax-xogħol inklusiv għal dawk il-gruppi f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Per eżempju l-Kunsill inkoraġġixxa lill-awtoritajiet fil-Polonja biex iwettqu r-riforma tas-servizzi ta’ l-impjegar pubbliku biex iwessgħu l-azzjonijiet li jimmiraw lil gruppi żvantaġġi bl-allokazjoni ta’ EUR 1.5 biljun. Ir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni ta’ l-Istati Membri jissottolineaw ukoll ir-rwol importanti tal-programmi tal-politika biex jilħqu 25% ta’ dawk qiegħda għal żmien twil b’miżuri ta’ impjegar attiv kif ukoll biex jgħinu jiżguraw li kull persuna qiegħda tiġi offruta bidu ġdid.

    It-twassil ta' l-aġenda ta' Liżbona jiddependi fuq amministrazzjonijiet u servizzi pubbliċi effettivi. Madwar EUR 3.6 biljun se jintużaw biex jgħinu l-immodernizzar ta' l-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġu żviluppati u implimentati politiki u programmi effettivi. L-azzjonijiet se jinkludu t-titjib tal-kwalità u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, it-twettiq tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt u l-ħolqien ta' servizzi aċċessibbli u ta' kwalità għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Apparti li jappoġġaw regolamentazzjoni aħjar, l-interventi se jindirizzaw ukoll il-bżonnijiet ewlenin tal-proċeduri amministrattivi u ż-żieda fil-kapaċità tal-persunal. Per eżempju, l-interventi tal-politika ta' koeżjoni se jappoġġjaw lill-Greċja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet għall-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni pubblika u għall-infurzar tal-kapaċitajiet regolatorji, ta' kontroll u ta' infurzar. B'mod simili, il-Bulgarija u r-Rumanija fasslu programmi speċifiċi biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' kapaċità amministrattiva minħabba li din hija rikonoxxuta bħala pre-rekwiżit għall-implimentazzjoni effettiva tar-riformi strutturali l-oħra kollha.

    Finalment, JASPERS[17] li hija faċilità ta' għajnuna teknika li hija mmaniġġjata fi sħubija ġdida mal-BEI u l-EBRD se tgħin lill-Istati Membri l-ġodda biex jiżviluppaw kapaċitajiet għat-tħejjija ta' proġetti ta' kwalità għolja, inkluż dawk organizzati bħala PPP, għal appoġġ mingħand l-Unjoni.

    3.5. Promozzjoni tas-sħubiji

    Wieħed mill-fatturi ewlenin li jsaħħaħ il-valur miżjud u l-effettività tal-politika ta' koeżjoni hija l-kwalità tas-sħubiji bejn il-partijiet interessati kollha, inkluż dawk f'livell reġjonali u lokali, fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni. Il-politika ta' koeżjoni żviluppat sistema unika ta' governanza fuq bosta livelli li jinvolvu kemm is-sieħba 'vertikali' (l-awtoritajiet tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali u lokali) u l-partijiet interessati 'orizzontali' (rappreżentanti tan-negozji, trejdjunjins, NGOs, eċċ). Eżaminar inizjali ta' l-ipprogrammar tad-dokumenti tissuġġerixxi li l-istrateġiji għas-sħubija jvarjaw bejn il-pajjiżi[18], li jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi istituzzjonali tagħhom. Filwaqt li f'bosta Stati Membri l-istrutturi għall-involviment tas-sieħba fl-ipprogrammar tjiebu meta mqabbla ma' l-imgħoddi, kooperazzjoni intensiva bejn il-partijiet interessati ewlenin dwar l-aġenda ta' riforma trid tiġi żviluppata aktar matul il-programm ta' implimentazzjoni biex tiġi żgurata konċentrazzjoni tar-riżorsi dwar l-istrateġija ta' tkabbir u impjiegi.

    4. KONKLUŻJONIJIET

    L-analiżi tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' l-istrateġiji u programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 tissuġġerixxi li l-parti l-kbira tar-riżorsi disponibbli jintużaw biex titmexxa 'l quddiem il-prijorità ewlenija ta' politika ta' l-Unjoni: l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi Dan huwa primarjament dovut għal riforma ewlenija ta' politika ta' koeżjoni 2007-2013 li ħolqot il-bażi għal metodu aktar strateġiku ta' ppjanar fl-investiment ibbażat fuq l-istrateġija ta' Liżbona u għal aktar sjieda ta' l-istrateġija fil-prattika permezz ta' deċentralizzazzjoni mtejba ta' l-immaniġġjar u rwol akbar għas-sieħba.

    Filwaqt li ġiet imħeġġa mid-dispożizzjonijiet il-ġodda ta' mmarkar, ir-riforma fil-politika ta' koeżjoni tidher li bidlet in-natura tad-diskors bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, li sar aktar minn qabel iffukat fuq il-metodi għall-iżvilupp tal-fatturi tal-kompetittività ekonomika u l-ħolqien ta' l-impjiegi. Il-Kummissjoni riċentement ġibdet l-attenzjoni dwar l-importanza ta' dawn l-elementi bħala prinċipji ewlenin għall-effiċjenza u l-effettività tal-politika tal-Komunità b'mod ġenerali bi tħejjija għad-dibattitu għall-baġit ta' l-UE għal wara l-2013[19].

    Fi ħdan il-qafas ġenerali ridistributtiv tal-Fondi, l-aċċent qed jaqa' dejjem aktar fuq kwistjonijiet ta' kif isir l-aħjar użu tar-riżorsi.

    F'dan l-istadju, id-dokumenti ta' programmar stabbilew l-intenzjonijiet ta' l-Istati Membri u r-reġjuni għall-perjodu li jmiss u l-fażi ta' implimentazzjoni għadha qed tibda. Huwa biss bit-twassil tar-riżultati tul is-snin li ġejjin li jintlaħqu l-aspetattivi ogħla għall-programmi l-ġodda. Ikun għalhekk essenzjali li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u fil-ħin ta' l-azzjonijiet pjanati u, jekk meħtieġ, li jiġu msaħħa d-dispożizzjonijiet maqbula biex jiġi żgurat li r-rabta qawwija bejn il-politika ta' koeżjoni u l-prijoritajiet ta' Liżbona jistgħu jinżammu matul il-perjodu ta' programmar.

    Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib ma' l-Istati Membri li jużaw is-sistemi u l-proċeduri li tqiegħdu fis-seħħ għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u, fejn meħtieġ, l-aġġustament tal-programmi għal ċirkostanzi u prijoritajiet li qed jinbidlu. Il-Kummissjoni se tkompli tirrapporta dwar l-implimentazzjoni hekk kif aktar informazzjoni ssir disponibbli u fir-Rebbiegħa ta' l-2008, il-Kummissjoni se tipprovdi rapport aktar dettaljat wara l-konklużjonijiet tan-negozjati kollha fuq il-programmi għall-2007-2013. Il-Kummissjoni se tuża wkoll l-opportunità provduta miċ-ċiklu ta' governanza ta' Liżbona biex tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għal kull titjib li jista' jkun meħtieġ fl-implimentazzjoni tal-programm, inkluż rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kif adatt. L-evalwazzjoni tar-riżultati se tkun importanti biex wieħed jifhem aħjar l-effetti li kellu l-eżerċizzju ta' mmarkar fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

    Fil-qosor, is-suċċess tal-programmi l-ġodda ta' koeżjoni huwa kritiku biex jitwettqu l-ambizzjonijiet ġenerali ta' l-Unjoni għal tkabbir ekonomiku qawwi, aktar impjiegi u impjiegi aħjar u standard ogħla tal-ħajja għaċ-ċittadini.

    [1] Id-data hija bażata fuq l-aħħar informazzjoni reġistrata mill-Istati Membri dwar il-Programmi l-ġodda mis-27 ta' Novembru 2007.

    [2] Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 jindika li l-prinċipji ta' għajnuna tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE (kumplimentarjetà, konsistenza, koordinazzjoni, konformità, programmar, sħubija, livell territorjali ta' implimentazzjoni, intervent proporzjonali, immaniġġjar maqsum, addizzjonalità, ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u ambjent sostenibbli u mhux diskriminatorju).

    [3] http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/2007/osc/index_en.htm

    [4] http://ec.europa.eu/growthandjobs/pdf/integrated_guidelines_en.pdf.

    [5] L-Artikolu 9.3. u l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1083/2006, (ĠU L 210/25 tal-31.7.2006).

    [6] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007.

    [7] L-Artikolu 9.3. u l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1083/2006, (ĠU L 210/25 tal-31.7.2006).

    [8] Dawn il-valuri jistgħu jinbidlu minħabba l-verżjoni finali tal-programmi operazzjonali.

    [9] Analiżi aktar dettaljata tal-kontenut RTDI tal-programmi adottati u dawk abbozz fl-aħħar ta' Ottubru 2007 hija provduta fid-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEG(2007) 1547 ta’ l-14.112007.

    [10] Is-sehem relattiv tan-nefqa RTDI tiżdied minn madwar 11% għal 25% filwaqt li l-volum finanzjarju jiżdied minn EUR 25.5 biljun għal EUR 85.2 biljun.

    [11] JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi Żgħar sa dawk Medji).

    [12] JESSICA (Appoġġ Ewropew Konġunt għall-Investiment Sostenibbli fiż-Żoni ta’ l-Ibliet).

    [13] “Inizjattiva Ewropea ġdida għall-iżvilupp tal-mikro-kreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi” KUMM(2007) 708 tat-13 ta’ Novembru 2007.

    [14] KUMM(2007) 474 tas-16 ta’ Awissu 2007 “Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Kontribut għal aktar tkabbir u aktar impjiegi u impjiegi aħjar”.

    [15] L-ammont jiżdied għal sa EUR 44.2 biljun meta jiġi inkluż l-investiment f'sistemi intelliġenti tat-trasport, ajruport u portijiet li jikkontribwixxu wkoll għal netwerks TEN-T.

    [16] HU, SK, PL, EE.

    [17] Għajnuna Konġunta b'appoġġ għall-Proġetti fir-Reġjuni Ewropej.

    [18] F'dan ir-rigward, ix-xogħol tal-Pjattaforma ta' Liżbona ta' Monitoraġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni kienet utli ħafna. http://lisbon.cor.europa.eu/

    [19] Il-Kummissjoni Ewropea (2007) Nirriformaw il-baġit, nibdlu l-Ewropa - SEG(2007) 1188.

    Top