This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0539
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on a new Animal Health Strategy for the European Union (2007-2013) where “Prevention is better than cure” {SEC(2007) 1189} {SEC(2007) 1190}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” {SEG(2007) 1189} {SEG(2007) 1190}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” {SEG(2007) 1189} {SEG(2007) 1190}
/* KUMM/2007/0539 finali */
MT Brussel 19.9.2007 KUMM(2007) 539 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” {SEG(2007) 1189} {SEG(2007) 1190} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar Strateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali għall-Unjoni Ewropea (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” Preambolu F'Diċembru 2004, il-Kummissjoni nidiet valutazzjoni esterna sabiex tirrevedi fid-dettall ir-riżultati ta' l-azzjoni ta' l-UE dwar is-saħħa ta' l-annimali u d-direzzjoni li nixtiequ nieħdu fil-ġejjieni. Taħlita ta' ċirkustanzi għamlitha ħaġa imperattiva li nivvalutaw mill-ġdid il-politika tagħna: L-elementi ewlenin tal-politika attwali tfasslu fil-biċċa l-kbira bejn l-1986 u l-1995 meta konna għadna Komunità ta' tnax-il Stat Membru; Issa tfaċċjaw sfidi ġodda. Mard li ma kienx magħruf għaxar snin ilu issa deher - Is-SARS huwa eżempju - filwaqt li mard ieħor, bħalma hija l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, il-bluetongue u l-influwenza tat-tjur, dan l-aħħar offrew sfidi ġodda, u fakkruna li għadhom riskji serji; Il-kondizzjonijiet tat-taħriġ ukoll inbidlu radikalment bil-volum tal-kummerċ fil-prodotti ta' l-annimali jiżdiedu bi kwantità kbira ħafna, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll ma' pajjiżi terzi. kif ukoll Ix-xjenza, it-teknoloġija u l-qafas istituzzjonali tagħna evolvew sostanzjalment. Strateġija ta’ sfida ta' l-UE għas-Saħħa ta' l-Annimali (2007-2013) Fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni u l-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni bi pjaċir tippreżenta l-proposta tagħha għal Strateġija ta' l-UE għas-Saħħa ta' l-Annimali (2007-2013). Din il-preżentazzjoni għandha tippermetti dibattitu ulterjuri fil-fora interistituzzjonali ta' l-UE, bil-Kunsill u l-Parlament mistennija li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tagħhom sa l-aħħar ta' din is-sena. B'mod globali, l-istrateġija tinkludi programm ta’ sfida ta' ħidma ta' 6 snin immirat lejn riżultati ċari: Il-prijoritizzazzjoni ta' l-intervent ta' l-UE Qafas modern u xieraq tas-saħħa ta' l-annimali Prevenzjoni, sorveljanza u tħejjija għall-kriżi aqwa Xjenza, Innovazzjoni u Riċerka L-iskeda għall-forniment ta' l-azzjonijiet speċifiċ kollha inklużi f'din l-istrateġija għandha tiddependi fuq il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-Parlament, kif ukoll fuq il-volum tar-riżorsi umani tagħna. 1. Il-viżjoni Il-viżjoni tagħna hija li naħdmu bi sħab sabiex inżidu l-prevenzjoni ta' problemi relatati mas-saħħa ta' l-annimali qabel ma jseħħu. “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura”. 2. L-għan L-istrateġija tipprovdi direzzjoni għall-iżvilupp ta' politika tas-saħħa ta' l-annimali, ibbażata fuq konsultazzjoni estensiva tal-partijiet interessati u impenn sod għal standards għoljin tas-saħħa ta' l-annimali. Hija għandha tiffaċilita l-ħolqien ta' prijoritajiet li huma konsistenti ma' miri strateġiċi miftiehma u r-reviżjoni ta' standards aċċettabbli u xierqa, u qbil dwarhom. 3. L-ambitu ta' l-Istrateġija Il-kunċett ta' saħħa ta' l-annimali tkopri mhux biss in-nuqqas ta' mard fl-annimali, iżda wkoll ir-relazzjoni kritika bejn is-saħħa ta' l-annimali u l-benesseru tagħhom. Hija wkoll pilastru tal-politika tal-Kummissjoni dwar is-saħħa pubblika u s-sikurezza ta' l-ikel. L-istrateġija tkopri s-saħħa ta' l-annimali kollha fl-UE miżmuma għall-ikel, il-biedja, l-isport, il-kumpanija, id-divertiment u fil-ġonna żooloġiċi. Hija tkopri wkoll annimali selvaġġi u annimali li jintużaw fir-riċerka fejn hemm riskju li jitrażmettu marda lil annimali oħra jew lil umani. L-istrateġija tkopri wkoll is-saħħa ta' l-annimali ttrasportati lejn l-UE, minnha u fi ħdanha. L-istrateġija hija mmirata lejn l-UE sħiħa, inklużi s-sidien ta' l-annimali, il-professjoni veterinarja, in-negozju tal-katina ta' l-ikel, l-industriji tas-saħħa ta' l-annimali, il-gruppi ta' pressjoni favur l-annimali, ir-riċerkaturi u l-għalliema, il-korpi governattivi ta' l-isport u l-organizzazzjonijiet rikreattivi, il-faċilitajiet edukattivi, il-konsumaturi, il-vjaġġaturi, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta' l-UE. L-istrateġija tibni fuq il-qafas legali attwali tas-saħħa ta' l-annimali [1] fl-UE u l-istandards u l-linjigwida ta' l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali (Office international des Epizooties – OIE). Hija se timmira li tiżgura l-konsistenza ma' politiki oħra ta' l-UE u l-impenji internazzjonali ta' l-UE. Hija se tiggwida l-iżvilupp ta' politiki jew linjigwida ġodda u se ssaħħaħ l-arranġamenti eżistenti tas-saħħa ta' l-annimali fil-Komunità skond valutazzjonijiet xjentifiċi tar-riskju u tqis il-konsiderazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u etiċi. Se tappoġġja l-kisba ta' livell għoli ta' ħarsien ambjentali billi tqis l-impatti fuq l-ambjent fl-iżvilupp tal-qafas tal-politika. 4. Il-miri L-istrateġija tistipula għadd ta' miri ta’ sfida, mhux biss għall-istituzzjonijiet u l-Gvernijiet ta' l-UE, iżda wkoll għaċ-ċittadini l-oħra kollha, sabiex ittejjeb is-saħħa ta' l-annimali. L-għanijiet ta' l-istrateġija huma: L-għan nru 1: garanzija ta' livell għoli ta' saħħa pubblika u ta' sikurezza ta' l-ikel permezz tat-tnaqqis ta' l-inċidenza ta' riskji bijoloġiċi [2] u kimiċi lill-umani; L-għan nru 2: il-promozzjoni tas-saħħa ta' l-annimali permezz tal-prevenzjoni/tat-tnaqqis ta' l-inċidenza tal-mard ta' l-annimali, u b'dan il-mod l-appoġġ ta' l-agrikoltura u l-ekonomija rurali; L-għan nru 3: it-titjib ta' tkabbir/koeżjoni/kompetittività ekonomika li tiżgura ċirkolazzjoni ħielsa ta' oġġetti u movimenti proporzjonali ta' l-annimali [3]; L-għan nru 4: il-promozzjoni ta' prattiċi agrikoli u tal-benesseru ta' l-annimali [4] li jipprevenu t-theddid relatat mas-saħħa ta' l-annimali u jimminimizzaw l-impatti ambjentali b'appoġġ ta' l-Istrateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ l-UE [5]. Indikaturi sempliċi u attendibbli tal-prestazzjoni għandhom jgħinu sabiex ikejlu progress lejn l-għanijiet ta' l-istrateġija, il-politika ta' gwida, il-prijoritajiet ta' tagħrif, ir-riżorsi ta' mira u d-diskussjoni ta' konċentrazzjoni. Huma għandhom jiġu żviluppati b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati u jittejbu biż-żmien hekk kif issir disponibbli data aqwa veterinarja u ta' tip ieħor. Huma se jkopru kemm indikaturi solidi tas-saħħa ta' l-annimali (eż. prevalenza tal-marda, numru ta' annimali eliminati) u indikaturi aktar sottili li jittraċċaw il-kunfidenza, l-istennija u l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej. Għandu jiġi rikonoxxut li inċertezzi u ċirkostanzi li mhumiex previsti jistgħu jaffetwaw il-kisba ta' l-indikaturi tal-prestazzjoni. 5. Pjan ta' Azzjoni Il-pjan ta' azzjoni se jimmira li jispjega l-wisgħa sinifikanti ta' attività li qed titwettaq jew li se titwettaq fil-livell ta' l-UE permezz ta' proposta leġiżlattiva jew mekkaniżmi oħra sabiex iwassal l-għanijiet differenti ta' strateġija matul is-sitt snin li ġejjin. Il-pjan ta' azzjoni għat-twettiq ta' l-għanijiet strateġċi (it-taqsima 4) għandu jiffoka fuq erba' pilastri, jew żoni ta' attività ewlenini: 1. Il-prijoritizzazzjoni ta' l-intervent ta' l-UE, 2. Il-qafas ta' l-UE tas-saħħa ta' l-annimali, 3. Il-prevenzjoni, is-sorveljanza u l-viġilanza, u 4. Ix-xjenza, l-Innovazzjoni u r-Riċerka. Żewġ prinċipji essenzjali ta' qofol għandhom japplikaw għax-xogħol kollu tal-Kummissjoni: il-kollaborazzjoni bi sħab u l-komunikazzjoni: Ħidma bi sħab Metodoloġija ta' kollaborazzjoni bi sħab mibnija fuq il-fiduċja, l-onestà u rieda li jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli hija essenzjali għas-suċċess. L-istrateġija tista' twassal għall-bidla vera biss jekk kull min huwa involut fis-saħħa ta' l-annimali jaħdem flimkien maċ-ċittadini kollha interessati. Hemm ħafna eżempji eċċellenti ta' kollaborazzjoni attiva bi sħab fil-Politika attwali tas-Saħħa ta' l-Annimali tal-Komunità. Irridu nieħdu vantaġġ minn kollaborazzjonijiet eżistenti, inħeġġu inizjattivi ġodda u nagħmlu aktar użu mill-alternattivi mhux leġiżlattivi għal regolazzjoni. "Kumitat Konsultattiv tas-Saħħa ta' l-Annimali" [6] se jinkludi rappreżentanti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi minn madwar is-settur sħiħ tas-saħħa ta' l-annimali, il-konsumaturi u l-gvernijiet. Il-"Kumitat Konsultattiv tas-Saħħa ta' l-Annimali" se jipprovdi gwida strateġika dwar il-livell xieraq/aċċettabbli tal-ħarsien tas-saħħa ta' l-annimali jew tas-saħħa pubblika, u dwar prijoritajiet għal azzjoni u komunikazzjoni. Huwa se jsegwi wkoll il-progress ta' l-istrateġija: huwa se jiġi kkonsultat dwar l-istimi kollha ta' l-impatt u se jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-aqwa mezz li jiġu pprovduti rriżultati miftiehma. B'kollaborazzjoni mal-Kunsill, il-Kummisjoni se torganizza konferenza sabiex tippreżenta l-progress ta' l-istrateġija (reviżjoni ta' nofs it-terminu - 2010). Il-komunikazzjoniIs-saħħa ta’ l-annimali hi tħassib għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Dan it-tħassib jitnissel mis-saħħa pubblika u l-aspetti tas-sigurtà ta’ l-ikel tas-saħħa ta’ l-annimali iżda wkoll mill-ispejjeż ekonomiċi li t-tifqigħat tal-mard ta’ l-annimali jista’ jipprovokaw u l-kunsiderazzjonijiet tal-benessri ta’ l-annimali, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-kontroll tal-marda. Il-Kummissjoni għandha l-impenn li ssegwi l-għanijiet ta’ ċarezza u trasparenza tagħha meta tikkomunika mal-konsumaturi u l-partijiet interessati u l-konsumaturi dwar x'qiegħda tagħmel l-UE u għalfejn.L-entitajiet Ewropej u nazzjonali jeħtieġu li jikkooperaw sabiex jiżguraw messaġġ koerenti u jsaħħu l-kunfidenza pubblika. Il-komunikazzjoni ta' l-istrateġijaSe jkun hemm rappurtar annwali dwar il-progress ta' l-istrateġija u komunikazzjoni usa' ta' politiki u inizjattivi. Il-komunikazzjoni se tieħu forom differenti skond il-messaġġ li qed jitwassal u skond l-udjenza mmirata. Hija se tinkludi parteċipazzjoni f'okkażjonijiet internazzjonali jew nazzjonali, tiżviluppa relazzjonijiet mal-mezzi tax-xandir u organizzazzjonijiet mhux governattivi, ittejjeb is-siti ta' l-internet sabiex jinkludu tagħrif komprensiv u rilevanti għall-partijiet interessati kollha, listi ta' verifika, manwali u forum għal Mistoqsija u Tweġiba. Il-komunikazzjoni fil-każ ta' kriżi Komunikazzjoni tajba dwar riskju lill-partijiet interessati/konsumaturi hija wkoll ta' l-akbar importanza, minħabba li perċezzjoni inkorretta pubblika ta' riskju tista' ġġiegħel lir-regolatur jieħu miżuri mhux ġustifikabbli jew sproporzjonati fil-każ ta' kriżi. Il-Kumitat Konsultattiv tas-Saħħa ta' l-Annimali se tissuġerixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli ttejjeb il-komunikazzjoni tul qagħda ta’ kriżi. Il-Pilastru 1 | Il-prijoritizzazzjoni ta' l-intervent ta' l-UE | L-istrateġija ġdida tas-Saħħa ta' l-Annimali trid tidher bħala valutazzjoni integrata tar-riskju u strateġija ta' ġestjoni li tiffoka fuq riskji bijoloġiċi u kimiċi ta' rilevanza għall-UE. 1.1. Il-kategorizzazzjoni ta' theddid relatat ma' l-annimali L-elaborazzjoni tal-profil u l-kategorizzazzjoni ta' riskji bijoloġiċi u kimiċi għandhom jipprovdu l-bażi għal deċiżjonijiet dwar fejn taqa' r-responsabilità ta' l-azzjoni. Theddid identifikat għas-saħħa ta' l-annimali għandu jiġi vvalutat sabiex issir determinazzjoni ta': ir-rilevanza tiegħu għall-erba' għanijiet ta' livell għoli ta' l-istrateġija ta' l-UE; il-“livell aċċettabbli ta' riskju” għall-Komunità; il-prijorità relattiva għal azzjoni sabiex ir-riskju jitnaqqas. Għal theddid serju għas-saħħa ta' l-annimali u l-ekonomija rurali, irridu nirsistu sabiex innaqsu r-riskju għal livell negliġibbli. Iżda l-qagħda ta' riskju żero ma tistax tintlaħaq. Għalhekk fit-trattament ta' theddid ta' prijorità għolja fejn wieħed jirsisti sabiex jintlaħaq livell ta' riskju negliġibbli, irridu nanalizzaw il-benefiċċju ta' l-ispiża u l-effettività ta' l-ispiża ta' interventi possibbli sabiex niżguraw l-aqwa użu tar-riżorsi limitati, kemm f'termini ta' finanzjament ta' l-UE kif ukoll ta' spiża għal produtturi. Dan huwa kritiku għas-sors tagħna ta' l-ikel u huwa l-qofol għas-sostenibilità ta' l-ambjent u l-ekonomiji rurali ta' l-Istati Membri. Meta thedida serja potenzjali għas-saħħa hi identifikata, iżda hemm inċertezza xjentifika dwar il-probabilità tagħha li sseħħ, għandhom jittieħdu miżuri proviżorji proporzjonali biex jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa sakemm jasal aktar tagħrif xjentifiku li jikkjarifika l-estent tar-riskju (il-prinċipju ta’ prekawzjoni). It-tfassil tal-profili u l-kategorizzazzjoni tar-risju hu proċess importanti u diffiċli, li diġà beda fil-livell ta' l-UE. Id-deċiżjonijiet iridu jkunu bbażati fuq xjenza soda u valutazzjoni xierqa tar-riskju (il-pilastru 4). Iżda x-xjenza waħidha mhijiex se tipprovdi t-tweġibiet kollha. Għalhekk il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentanti tal-partijiet kollha interessati fil-proċess ta' ġestjoni tar-riskju sabiex tikseb l-aktar ftehim wiesa' possibbli u responsabilità kollettiva għall-konklużjonijiet li saru u sabiex twassal l-għanijiet miftiehma. Se jitfasslu miri fil-livell ta' komunità, fil-livell nazzjonali u, fejn xieraq, fil-livell reġjonali. Indikaturi xierqa tal-prestazzjoni għandhom jippermettu valutazzjoni tal-progress matul is-sitt snin li ġejjin. L-ammont xieraq ta' riżorsi li għandu jiġi applikat sabiex jinkiseb il-livell mixtieq ta' ħarsien, u l-iżvilupp ta' responsabilità u skema ta' qsim kollettiv ta' l-ispiża, għandu jkun ibbażat fuq il-kategorizzazzjoni ta' riskji bijoloġiċi u kimiċi. Ir-riżultati mistennija Il-kategorizzazzjoni ta' riskji bijoloġiċi u kimiċi skond il-livell ta' relevanza għall-UE. Ftehim dwar il-livell aċċettabbli ta' riskju It-tfassil ta' prijoritajiet, miri kwantifikabbli u indikaturi ta' prestazzjoni It-tfassil ta' l-ammont ta' riżorsi li għandhom jiġu impenjati sabiex jidentifikaw it-theddid Il-Pilastru 2 | Qafas modern tas-saħħa ta' l-annimali | Lejn qafas regolatorju waħdieni, b'konċentrazzjoni aqwa fuq l-inċentivi aktar milli fuq il-pieni, konsistenti ma' politiki oħra ta' l-UE u li jikkonverġi lejn standards internazzjonali. 2.1. Qafas regolatorju waħdieni u aktar ċar L-impatt ta' mard epidemiku ta' l-annimali tat-trobbija bħal ma huma l-Influwenza tat-Tjur jew il-Marda ta' l-Ilsien ud-Dwiefer jista' jkun devastanti fuq il-bdiewa u l-ekonomija sħiħa - f'pajjiż speċifiku, f'kontinent jew saħansitra globalment. Organizzazzjonijiet internazzjonali bħal OIE u l-Bank Dinji jqisu s-Saħħa ta' l-Annimali bħala beni pubbliċi globali. L-UE tqis il-preservazzjoni ta' "Servizzi tas-Saħħa ta' l-Annimali" [7] skond standards internazzjonali (f'termini ta' leġiżlazzjoni, struttura, organizzazzjoni, riżorsi, kapaċitajiet, ir-rwol tas-settur privat u paraprofessjonisti) bħala għan minimu. Din hija prijorità ta' investiment pubbliku. Leġiżlazzjoni li tevolvi b'mod kostanti hija waħda mill-mekkaniżmi ewlenin għal intervent ta' l-UE fis-saħħa ta' l-annimali, kemm fit-tfittxija għal politika tal-Komunità kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali. Prinċipji aqwa ta' regolazzjoni għandhom jiġu applikati permezz ta' kollaborazzjoni msaħħa bi sħab u komunikazzjoni miżjuda. L-istrateġija futura għandha timmira li tissostitwixxi s-serje attwali ta' azzjonijiet marbuta u interkonnessi ta' politika b'qafas waħdieni ta' politika. L-Istarteġija tas-Saħħa ta' l-Annimali għandha tirsisti għal qafas regolatorju waħdieni ċar li jikkonverġi kemm jista' jkun mar-rakkomandazzjonijiet/l-istandards u l-linjigwida ta' OIE/Codex. Dan il-qafas regolatorju għandu jinkludi miżuri ta' nutrizzjoni u ta' benesseri ta' l-annimali. Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli sabiex tiżgura li regoli nazjonali/reġjonali mhux ġustifikati ma jikkostitwux ostaklu potenzjali għas-suq intern. Minkejja dan, il-qafas regolatorju ta' l-UE jeħtieġ ukoll li jkun flessibbli kif suppost sabiex jippermetti għal deċiżjonijiet ta' ekwivalenza, soluzzjoni ta' tilwim u reazzjonijiet effiċjenti għal qagħdiet li jinbidlu. Trid tingħata attenzjoni speċifika għall-pożizzjoni ta' l-annimali miżmuma fuq bażi mhux kummerċjali (jiġifieri bħala namra) u annimali selvaġġi, sa fejn dawn jintrudu fuq għanijiet ċentrali [8]. Ir-rwoli u r-responsabilitajiet għandhom ikunu definiti b'mod ċar. Hemm bżonn ta' metodoloġija orjentata lejn l-inċentivi fil-livelli kollha. Reviżjoni ta' l-istrument attwali ta' kofinanzjament hija rikjesta. Proċeduri aktar effettivi għandhom jintużaw għal numru ta' Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali (SCFCAH) [9] għandu jiffoka fuq Deċiżjonijiet li fihom l-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom interess prinċipali. Għodda mhux regolatorji jridu jitħeġġu kemm jista' jkun. Ir-riżultati mistennija Liġi Ġenerali ta' l-UE dwar is-Saħħa ta' l-Annimali: Qafas legali waħdieni orizzontali għandu jiddefinixxi u jintegra prinċipji u rekwiżiti komuni ta' leġiżlazzjoni eżistenti (kummerċ intrakomunitarju, importazzjonijiet, kontroll tal-mard ta' l-annimali, nutrizzjoni ta' l-annimali u benesseri ta' l-annimali). Il-leġiżlazzjoni ezistenti għandha tiġi semplifikata u sostitwita b'dan il-qafas ġdid kif jixraq, u b'hekk tiġi mfittxa konverġenza għall-istandards internazzjonali (standards ta' OIE/Codex) filwaqt li tiżgura impenn sod għal standards għolja ta' saħħa ta' l-annimali. 2.2. L-iżvilupp ta' skemi effettivi mil-lat ta' spiża u skemi ta' qsim kollettiv ta' responsabilità Il-mard ta' l-annimali Skemi eżistenti ta' kumpens huma fil-biċċa l-kbira ffukati fuq il-forniment ta' mekkaniżmu ta' kumpens għas-sidien ta' l-annimali fil-każ ta' tifqigħa ta' marda. Il-qsim xieraq kollettiv ta' l-ispejjeż, il-benefiċċji u r-responsabilitajiet jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-għanijiet ta' qofol ta' l-istrateġija. Huwa jista' jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' riskji finanzjarji maġġuri għall-Istati Membri u l-Komunità billi jipprovdi inċentivi għal prevenzjoni ta' theddid relatat ma' l-annimali. Huwa jista' wkoll jirsisti li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità u speċifikament inaqqas il-lakuni bejn il-livelli tas-saħħa ta' l-annimali fir-reġjuni varji. Min-naħa waħda, il-Gvernijiet għandhom rwol importanti x'jieħdu billi jipproteġu l-fruntieri esterni mill-infiltrazzjonijiet tal-mard u jiddirieġu r-reazzjoni għat-tifqigħat ta' mard eżotiku. Il-forniment ta’ kumpens statali hu ta’ l-akbar importanza wkoll sabiex jagħtu kumpens għal proprjetà privata li tinqered għall-ġid tal-pubbliku mill-anqas sal-punt li s-sid mhuwiex responsabbli għat-tifqigħa. F'din il-biċċa l-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija konsiderazzjoni ewlenija. Min-naħa l-oħra, ir-responsabilità għas-saħħa ta' l-annimali taqa' primarjament fuq is-sidien ta' l-annimali u kollettivament fuq l-industrija. B'riżultat ta' dan, is-sidien ta' l-annimali u l-industrija jinsabu f'qagħda aħjar minn oħrajn sabiex jittrattaw ħafna mir-riskji ta' mard ta' l-annimali. Hemm għarfien ċar li l-politika teħtieġ il-parteċipazzjoni sħiħa u l-impenn kollu tal-partijiet kollha, inkluż is-settur ta' l-assikurazzjoni. L-appartenenza ta' riskju hija kwistjoni ta' qofol u jridu jiġu introdotti mekkaniżmi ġodda sabiex jinvolvu partijiet maġġuri interessati fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet sinifikanti ta' politika, b'mod partikolari għall-miżuri ta' emerġenza. Jinħtieġ studju tal-fattibilità sabiex jirrifletti proposta konkreta għall-iżvilupp gradwali ta' skema armonizzata ta' l-UE. Is-settur ta' l-għalf Fis-settur ta' l-għalf, meta jiġru inċidenti ta' skala kbira, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom it-tendenza li jispiċċaw imtaqqla bl-ispejjeż għall-irtirar, it-trasport, il-ħażna u l-qerda ta' għalf, ikel u annimali, kif ukoll l-ispejjeż ta' l-analiżi u spejjeż amministrattivi oħra. L-operaturi tan-negozju ta' l-għalf huma responsabbli għall kull ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-sikurrezza ta' l-għalf u għall-konsegwenzi diretti ta' l-irtirar mis-suq, it-trattament u/jew il-qerda ta' kull għalf, annimal u ikel li sar minn hemm 'il quddiem [10]. Fl-2007, il-Kummissjoni se tippreżenta rappport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jistipula l-possibilitajiet għal sistema effettiva ta' garanziji finanzjarji għall-operaturi tan-negozju ta' l-għalf. Ir-riżultati mistennija Il-Mard ta' l-Annimali: żvilupp ta' qafas armonizzat ta' l-UE tal-kriterji għal responsabilità u qsim kollettiv ta' l-ispejjeż, fuq il-bażi ta’: ◦ Il-kategorizzazzjoni ta' riskji bijoloġiċi u kimiċi skond ir-rilevanza għall-UE (il-pilastru 1). ◦ L-inċentivi li jħeġġu mġiba li tnaqqas ir-riskju mill-partijiet kollha involuti. ◦ Il-possibilità li jiġu koperti telfiet indiretti. ◦ Il-bilanċ ta' spejjeż (finanzjar pubbliku/privat) u ta' responsabilitajiet. Iridu jitqiesu aspetti ta' solidarjetà. ◦ Il-prevenzjoni ta' distorsjoni ta' kompetizzjoni. ◦ Il-kompatibilità ma' l-impenji internazzjonali ta' l-UE ◦ L-effettività u l-flessibilità ta' implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali. ◦ Mekkaniżmu ta' konsultazzjoni fost l-isħab li kollettivament jaqsmu l-ispejjeż, speċjalment waqt kriżi. 2.3. L-influwenza tal-Komunità fuq l-istandards internazzjonali Il-leġiżlazzjoni ta' l-UE diġà hija bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet/l-istandards u l-linjigwida ta' OIE/Codex, u tirrispetta l-impenji tagħha fi ħdan il-qafas tal-Ftehim tad-WTO dwar l-applikazzjoni ta' miżuri sanitarji u fitosanitarji (il-Ftehim SPS). Minkejja dan, hemm żoni fejn l-UE tista' ttejjeb il-konverġenza tagħha ma' dawn l-istandards (eż. status tal-marda, importazzjonijiet, kwalità u valutazzjoni ta' Servizzi Veterinarji, ittestjar tal-laboratorju, nutrizzjoni ta' l-annimali, tilqim). Fejn l-OIE/Codex adottaw standards, l-UE għandha tikkonforma magħhom meta tapplika l-miżuri tas-saħħa ta' l-annimali. Minkejja dan, jekk hemm ġustifikazzjoni xjentifika, l-UE tista' tintroduċu jew tippreserva miżuri sanitarji jew fitosanitarji li jirriżultaw f'livell ta' protezzjoni sanitarja jew fitosanitarja ogħla. L-UE għandha tissokta li tibqa' attiva ħafna fil-promozzjoni ta' l-istandards tagħha fl-OIE/Codex u tiżgura kemm jista' jkun li huma wkoll jiġu adottati b'mod korrispondenti fil-livell internazzjonali. Jinħtieġ li jitħeġġu membri oħra ta' OIE/Codex sabiex jużaw l-istandards internazzjonali fit-twaqqif ta' l-istandards proprji tagħhom. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-importazzjonijiet, l-UE għandha ttejjeb il-komunikazzjoni li tikkonċerna rekwiżiti fir-rigward ta' dawk li huma kummerċjalment bi sħab magħha. L-UE għandha wkoll takkumula s-saħħa tagħha ta' negozjar dwar kwistjonijiet relatati ma' l-esportazzjonijiet. L-UE għandha tirsisti sabiex tħeġġeġ membri oħra ta' OIE/Codex sabiex itejbu l-alinjament tal-leġiżlazzjoni tagħhom għal rakkomandazzjonijiet/standards u linjigwida internazzjonali u sabiex tiżgura interpretazzjoni uniformi u tevita distorsjoni potenzjali fil-kompetizzjoni internazzjonali. Fid-dawl li l-Komunità għandha kompetenza esklussiva fi kważi ż-żoni ta' attività kollha ta' l-OIE, f'ħarsa li tifrex fuq medda twila ta' żmien, huwa mixtieq ukoll mill-Komunità li ssir membru ta' l-OIE, hekk kif saret tal-Codex Alimentarius. Dan għandu jgħin sabiex isaħħaħ mill-ġdid il-koerenza bejn l-istandards, il-linjigwida u dispożizzjonijiet oħra adottati mill-OIE u obbligi rilevanti internazjonali oħra tal-Komunità Ewropea. Ir-riżultati mistennija: L-appoġġ ta' pożizzjonijiet ta' l-UE fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika soda, kull fejn jinħtieġ. Is-sħubija tal-Komunità ta' l-OIE sabiex jissaħħaħ ir-rwol attiv tal-Komunità. 2.4. Lejn strateġija komuni ta' esportazzjoni fil-livell tal-Komunità Il-livell għoli fil-qasam tas-saħħa ta' l-annimali fi ħdan l-UE għandu jagħti kontribut ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa billi jiżgura li l-bdiewa, il-kumpaniji Ewropej, ta’ sikwit kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jibqgħu kompetittivi u li jkollhom aċċess ġenwin għas-swieq ta' l-esportazzjoni [11]. Hemm bżonn li niżguraw li l-kumpaniji Ewropej ikunu kapaċi jikkompetu b'mod ġust f'dawk is-swieq. Ostakli sanitarji mhux ġustifikati għandhom it-tendenza li jsiru dejjem iktar importanti. Huma kkumplikati, teknikament esiġenti u jieħdu ħafna ħin sabiex jiġu żvelati, analizzati u mneħħija. Kondizzjonijiet ta' importazzjoni għall-ikel ta' oriġini ta' l-annimali u ta' prodotti ta' l-annimali huma fil-biċċa l-kbira armonizzati. Madankollu, dan mhuwiex il-każ ta' l-esportazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklussiva għan-negozjar ta’ ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi fil-qasam ta’ l-SPS. Għal ċerti pajjiżi terzi, ir-rekwiżiti komuni ta' esportazzjoni ta' l-UE huma definiti speċifikament fi ftehimiet veterinarji bilaterali [12]. Negozjati tal-kummerċ li għaddejjin bħalissa, b’mod partikolari n-negozjati għall-Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles mal-Korea, l-Indja u l-ASEAN [13] kif ukoll il-kapitli SPS. Il-Kummissjoni qiegħda tiddiskuti ma' l-Istati Membri dwar l-implikazzjonijiet ta' l-implimentazzjoni tal-politika attwali u futura dwar in-negozjati ta' l-SPS ma' pajjiżi terzi fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet. Il-mira hija li jiġi żgurat ir-rispett għall-obbligi tat-Trattat fir-rigward tal-Politika Kummerċjali Komuni u sabiex tiġi ppreżentata metodoloġija unifikata tal-Komunità fin-negozjati ma' pajjiżi terzi. L-istateġija ġdida ta' l-UE tas-saħħa ta' l-Annimali għandha tikkontribwixxi sabiex tadatta t-taħlita ta' strumenti ta' politika sabiex twassal għal aċċess tas-suq ta' l-esportazzjoni, sabiex tirxoxta l-kollaborazzjoni bi sħab li għandha mal-partijiet interessati, u sabiex tipprijoritizza sabiex tagħmel l-aqwa użu mir-riżorsi tagħha. Ir-riżultati mistennija: Servizz aktar effiċjenti u trasparenti għan-negozji, kif ukoll l-SMEs, li huwa orjentat lejn ir-riżultati u li jiffoka fuq problemi sanitarji konkreti li jiffaċċjaw in-negozji ta' l-UE fis-swieq ta' pajjiżi terzi. Prijoritizzazzjoni aqwa ta' l-azzjonijiet kontra ostakli sanitarji sabiex jimmiraw riżorsi umani u sabiex jiksbu l-aqwa impatt ekonomiku. Rwol imsaħħaħ fin-negozjar ta' kondizzjonijiet ta' esportazzjoni ta' l-UE u trattament ta’ problemi ta’ esportazzjoni permezz ta' l-iżvilupp ta' Timijiet ta' l-UE ta' Aċċess għas-Swieq ibbażati lokalment u magħżula minn Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, Ambaxxati ta' l-Istati Membri u organizzazzjonijiet tan-negozju, fejn xieraq. Il-Pilastru 3 | Il-prevenzjoni tat-theddid relatat ma' l-annimali, is-sorveljanza u t-tħejjija għall-kriżi | L-identifikazzjoni ta' problemi qabel ma jieħdu sewwa, u t-tħejjija għal kapaċità ta' ġestjoni ta' tifqigħat u ta' kriżi. 3.1. L-appoġġ ta' miżuri ta' bijosigurtà fuq il-post innifsu tar-razzett Il-bijosigurtà tirreferi għal dawk il-miżuri meħuda sabiex iżommu l-mard 'il barra mill-popolazzjonijiet, il-qatgħat jew gruppi ta' annimali li ma għandhomx eżistenza kurrenti jew sabiex jillimitaw il-firxa ta' mard fi ħdan il-qatgħa. Miżuri tal-bijosigurtà li għandhom suċċess iridu jindirizzaw l-iżolament ta' annimali ġodda li waslu r-razzett, l-iżolament ta' annimali morda, ir-regolazzjoni tal-moviment ta' persuni, annimali u tagħmir, l-użu korrett ta' l-għalf, u l-proċeduri ta' tindif u diżinfettar tal-faċilitajiet. Din ir-responsabilità taqa' fuq is-sidien ta' l-annimali, inklużi l-persuni li għandhom in-namra tal-biedja. Minkejja dan, minħabba li wħud mill-patoġeni kuntaġġużi jistgħu jinfirxu b'faċilità minn razzett għall-ieħor hemm bżonn ta' metodoloġija kollettiva sabiex tindirizza l-miżuri ta' prevenzjoni u ta' bijosigurtà. Miżuri effettivi ta' bijosigurtà fuq il-post innifsu tar-razzett għandhom jikkostitwixxu kriterju importanti ta' proċeduri ta' tqassim ta' territorju f'żoni u kompartimentalizzazzjoni [14] għall-kontroll tal-mard u/jew għall-għanijiet kummerċjali. Status ta' ħieles mill-mard, miżuri ta' bijosigurtà, miżuri tal-benesseri ta' l-annimali u kontroll veterinarju għandhom ikunu mezzi possibbli wkoll ta' klassifikar ta' l-impriżi u ta' appoġġ għall-iżvilupp tar-responsabilità u l-iskema ta' qsim kollettiv ta' l-ispejjeż. Ir-riżultati mistennija: Il-linjigwida li jqisu l-livell ta' riskju assoċjat mat-tipi differenti ta' sistemi u speċji (eż. produzzjoni intensiva, produzzjoni estensiva, żona ta' densità għolja, u persuni li għandhom in-namra tal-biedja). Dawn il-linjigwida għandhom ikunu koerenti mal-qafas legali ta' l-UE tas-saħħa ta' l-annimali. Il-forniment ta' fondi sabiex jiġu ffinanzjati u promossi l-miżuri ta' bijosigurtà fuq il-post innifsu tar-razzett relatati ma' infrastrutturi, permezz ta' fondi eżistenti. 3.2. L-Identifikazzjoni u t-Traċċar. Il-qafas ta' traċċabilità ta' l-UE (sistemi ta' identifikazzjoni, tikettjar, u TRACES, –il-Community TRAde Control and Expert System) jimmira li jtejjeb il-kwalità, il-preċiżjoni, id-disponibilità u opportuniżmu tal-forniment tad-data dwar annimali ħajjin, ikel minn oriġini ta' l-annimali u għalf. Huwa jħalli spazju għal traċċabilità intrakonfinali fl-Istati Membri. Bħalissa, l-identifikazzjoni individwa, eż. għal annimali bovini, tinkiseb permezz ta' identifikaturi, sistema bbażata fuq il-karti ta' passaporti ta' l-annimali u reġistri ta' l-impriżi flimiken ma databases nazzjonali ta' identifikazzjoni li mhumiex kollegati bejn l-Istati Membri. It-traċċabilità għat-trasport ta' l-annimali tinkiseb permezz ta' sistema ta' ċertifikazzjoni bbażata fuq il-karti flimkien ma' TRACES. L-introduzzjoni gradwali ta' l-identifikazzjoni elettronika tqajjem il-mistoqsija tal-mod kif, fuq firxa bejn medja u twila ta' żmien, jistgħu jitlaqqgħu l-elementi differenti tas-sistema ta' traċċabilità għal annimali ħajjin u kif tista' tiġi żviluppata sistema elettronika integrata ta' l-UE. Minħabba l-proporzjon ta' spiża/benefiċċju, produtturi fuq skala żgħira li huma inkarigati mill-bhejjem iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi speċifiċi biex jintroduċu identifikazzjoni elettronika. Is-sistema fil-ġejjieni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-qagħda ta’ l-SMEs, u tissejjes fuq stima ta’ l-impatt magħmula bir-reqqa. Iż-żieda ta' preċiżjoni u ta' opportuniżmu ta' din id-data għandha tirriżulta f'tagħrif imtejjeb għas-sorvelhanza veterinarja u f'modi aqwa ta' kif jiġu ttrattati t-tifqigħat tal-mard, filwaqt li l-effiċjenza għandha tnaqqas l-ispejjeż kemm għall-industrija kif ukoll għall-gvern. Ir-riżultati mistennija: Is-sistema TRACES tikseb l-għan tagħha li ssir portal waħdieni għall-kwistjonijiet veterinarji kollha. L-interoperabilità tad-databases nazzjonali ta' identifikazzjoni. L-introduzzjoni ta' proċeduri elettroniċi (perspettiva li tifrex fit-tul). ◦ Studju ta' fattibilità għall-introduzzjoni ta' identifikazzjoni elettronika (b'konċentrazzjoni partikolari fuq annimali li jgerrmu) jew fuq bażi volontarja inkella fuq bażi obbligatorja. ◦ Introduzzjoni ta' ċertifikazzjoni elettronika li tissostitwixxi ċertifikazzjoni permezz tal-karti għall-moviment ħieles ta’ annimali ħajjin (kummerċ u importazzjonijiet intrakomunitarji). ◦ Ħolqien ta' sistema elettronika integrata usa', li għandha database li tħaddan fiha l-elementi kollha tas-sistema attwali li jaqgħu taħt ċertifikazzjoni, identifikazzjoni ta' l-annimali, u status tas-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali. 3.3. Bijosigurtà konfinali aqwa L-UE hija l-akbar importatur ta' ikel fid-dinja. Ir-responsabilità ta' l-Istati Membri fil-kontroll konfinali hija l-protezzjoni tal-komunità minn riskji potenzjali tas-saħħa ta' l-annimali u tas-saħħa pubblika li huma kkawżati mill-kummerċ internazzjonali ta' annimali ħajjin u l-prodotti tagħhom. L-isfida hija li tittejjeb il-bijosigurtà konfinali mingħajr ma jixxekkel wisq il-moviment intrakonfinali ta' persuni u ta' oġġetti agrikoli. Filfatt, il-karatteristika ewlenija ta' sikurezza ta' kontrolli konfinali fuq importazzjonijiet dikjarati għal għanijiet ta' saħħa ta' l-annimali hija l-kontroll tad-dokument, u l-UE hija dipendenti fuq il-preċiżjoni u l-onestà tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu f'dawn id-dokumenti. Il-veterinarji jridu jaħdmu aktar mill-qrib mad-dwani, kemm fil-postijiet ta' spezzjoni tal-fruntieri kif ukoll f'punti ta' dħul fil-Komunità fejn l-oġġetti jew l-annimali jistgħu jidħlu b'mod illegali. Hemm mistoqsijiet fundamentali dwar: l-istima ta' l-impatt; il-fiduċja bejn gvernijiet nazzjonali; u dak li jista' u ma jistax jinkiseb fil-faċilitajiet ta' spezzjoni tal-fruntieri u punti oħra ta' dħul (effiċjenza/effettività). Min-naħa l-oħra, ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw jafu jsibuha diffiċli sabiex jikkonformaw ma' standards ta' l-UE u għalhekk jieħdu sehem fil-kummerċ. L-UE għandha tibni fuq l-inizjattivi li għaddejjin u ttejjeb il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, billi tipprovdihom b'għajnuna teknika sabiex tgħinhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-UE tas-saħħa ta' l-annimali għal importazzjonijiet u sabiex jiġġieldu kontra mard eżotiku f'ras il-għajn. Ir-riżultati mistennija: Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u l-iżvilupp ta' politika mfassla sabiex twassal metodoloġija bbażata fuq ir-riskju lill-ispezzjonijiet konfinali u sabiex tittratta l-kummerċ illegali. L-iżvilupp ta' stima ta' l-UE bbażata fuq ir-riskju sabiex jiġu ttrattati kunsinni (prodotti/pajjiżi) ta' riskju ogħla u sabiex tgħin fl-għażla ta' kontejners li se jiġu eżaminati fiżikament. L-ottimizzar tal-koordinazzjoni ta' aġenziji/servizzi li jirregolaw l-importazzjonijiet (servizzi doganali/veterinarji). Sabiex il-vjaġġaturi jkunu konxji mir-restrizzjonijiet u mir-responsabilitajiet u sabiex jiżguraw infurzar proporzjonat. Sabiex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju fil-livell ta' pajjiż terz u sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiżi terzi (permezz ta' strumenti ta' kooperazzjoni esterna, taħriġ, qsim kollettiv ta' l-għarfien u appoġġ permezz ta' għarfien espert reġjonali). 3.4. Is-sorveljanza u t-tlestija għal kriżi/il-ġestjoni ta' kriżi [15] Is-Sorveljanza Veterinarja Is-sorveljanza veterinarja tipprovdi twissija bikrija u żvelar fil-pront ta' theddid relatat ma' l-annimali, flimkien ma' traċċar u analiżi tal-mod kif il-mard iseħħ u jinfirex. It-tagħrif iġġenerat jipprovdi evidenza xjentifika kruċjali għall-istituzzjonijiet u l-gvernijiet ta' l-UE sabiex jappoġġjaw deċiżjonijiet dwar miżuri ta' prevenzjoni u ta' kontroll, kif ukoll jivvalutaw l-effettività tal-metodoloġiji attwali. Is-sorveljanza tipprovdi lill-publiku ġenerali, il-bdiewa u s-sidien ta’ l-annimali tad-dar b'tagħrif li huma jew it-tobba veterinarji jistgħu jużaw sabiex jiddeċiedu l-aqwa mod kif jipproteġu saħħithom u s-saħħa ta' l-annimali tagħhom. Huwa essenzjali wkoll li jinftiehem u jiġi stmat l-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa ta' l-annimali sabiex jippermetti "adattament" aħjar tal-miżuri veterinarji. Il-kustodji ta' l-annimali u l-veterinarji jeħtieġu wkoll taħriġ effettiv sabiex ikunu kapaċi jidentifikaw is-sinjali ta' mard fi stadju bikri. Preparazzjoni għal emerġenza Emerġenzi relatati ma' l-annimali jridu jiġu ttrattati b'ħeffa u b'effettività permezz ta' metodoloġija miftiehma. Il-possibilità għall-Kummissjoni li tieħu deċiżjonijiet permezz ta' proċedura aċċellerata għal azzjoni ta' emerġenza għandha valur għoli sabiex tillimita u tikkontrolla theddid relatat ma' l-annimali fil-livell ta' l-UE. B'reazzjoni għal tħassib etiku u d-domanda dejjem tikber għall-benesseri ta' l-annimali, l-UE diġà mxiet lejn metodoloġija aktar flessibbli fir-rigward tat-tilqim, kif ukoll tejbet il-politika tagħha sabiex tikkontrolla l-mard maġġuri ta' l-annimali. It-tnaqqis tan-numru ta' annimali eliminati għandu jkun wieħed mill-għanijiet tal-politika ġdida ta' l-UE tas-saħħa ta' l-annimali (l-għan numru 4). Minkejja dan, elementi differenti [16] jagħmluha ħaġa importanti li d-deċiżjoni li jintuża t-tilqim tittieħed fuq bażi li tiddependi fuq il-każ partikolari. Il-preparazzjoni, l-eżerċizzji ta' l-ippjanar ta' kontinġenza u l-implimentazzjoni ta' pjanijiet tal-grad ta' preparazzjoni fil-każ ta' emerġenza huma r-responsabilità tal-gvernijiet. Dawn il-pjanijiet għandu jkun hemm qbil dwarhom jinqablu bil-quddiem mal-kollaboratturi bi sħab fl-iskema ta' diviżjoni kollettiva ta' l-ispejjeż. Fattur ta' qofol fil-kapaċità ta' ġestjoni effettiva ta' tifqigħa huwa l-għarfien ta' fejn jinsabu l-annimali u l-prodotti tagħhom, u l-kontroll tal-movimenti tagħhom. Ir-riżultati mistennija: Is-sorveljanza: Sabiex tittejjeb il-prijoritizzazzjoni tas-sorveljanza skond il-kategorizzazzjoni ta' theddid reletat ma' l-annimali. Jiġu ddeterminati indikaturi u modalitajiet xierqa għall-ġbir tad-data. Sabiex jitħeġġu netwerks kollaborattivi ta' partijiet interessati, speċjalment permezz taċ-Ċentru Ewropew għal Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta' l-Ikel, sabiex jittejjeb il-ġbir tad-data, analiżi tar-riskju u tagħrif lill-pubbliku, kif ukoll taħriġ li jippermetti l-iżvelar bikri ta' problemi tas-saħħa ta' l-annimali. Għall-forniment ta' fondi: ◦ għall-appoġġ ta' sorveljanza epidemika permezz ta' fondi eżistenti, ◦ sabiex tiġi ppreservata l-kapaċità dijanjostika ta' l-UE (eż. il-finanzjament ta' netwerking tal-laboratorji) u, ◦ Sabiex jiġi pprovdut taħriġ xieraq (eż. l-inizjattiva ta' "taħriġ aħjar għal ikel li jgawdi minn aktar sikurezza" [17]). Sabiex tiġi adattata s-Sistema ta' Notifikazzjoni ta' Mard ta' l-Annimali (ADNS) biex tippermetti li jinkiseb valur aħjar mill-attivitajiet u t-tagħrif ta' sorveljanza biex jistgħu jinqasmu kollettivament f'mod usa' [18]. Il-grad ta' preparazzjoni għal emerġenza: L-inizjattiva għat-titjib tal-grad ta' preparazzjoni ta' l-UE kontra theddid maġġuri għas-saħħa ta' l-annimali. Dawn il-komponenti jistgħu wkoll ikunu ta' użu għall-identifikazzjoni u għar-reazzjoni ta' attakki potenzjali tal-bijoterroriżmu: ◦ In-netwerk ta' reazzjoni rapida, ◦ L-appoġġ tad-diffużjoni ta' għarfien espert u ta' għodod li jippermettu t-tbiċċir ċivilizzat ta' annimali f'qagħdiet ta' emerġenza, ◦ Kapaċità ta' komunikazzjoni waqt kriżi, ◦ Ġestjoni ta' kriżi u tim ta' emerġenza veterinarja tal-komunità, ◦ Rinfurzar tal-banek meħtieġa ta' l-antiġene/it-tilqima ta' l-UE. Għal definizzjoni u faċilitazzjoni ta' metodoloġiji li jużaw proċedura aċċellerata għal awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni li tifrex madwar l-UE kollha ta' prodotti veterinarji (eż. tilqim) li jintużaw għal prevenzjoni ta' mard ta' l-annimali soġġetti għal miżuri ta' emerġenza tal-Komunità. Il-Pilastru 4 | Ix-xjenza, l-Innovazzjoni u r-Riċerka | Sabiex jiġu stimulati u kkoordinati l-analiżi tar-riskju, ix-xjenza, l-innovazzjoni u r-riċerka, u b'hekk isir kontribut għal livell għoli ta' saħħa pubblika u għall-kompetittività ta' negozji ta' l-UE tas-saħħa ta' l-annimali. 4.1. Ix-xjenza Il-Komunità hija impenjata għall-eċċellenza xjentifika, l-indipendenza, l-onestà u t-trasparenza. Bil-mod il-mod twaqqaf netwerk ta' Laboratorji tal-Komunità u dawk Nazzjonali ta' Referenza li jittrattaw ma' mard ta' l-annimali. Ittestjar li huwa xjentifikament rigoruż u uniformi huwa ta' importanza fundamentali għal dijanjosi xierqa tal-mard u għall-applikazzjoni tal-kontroll neċessarju u l-miżuri ta' eradikazzjoni. L-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta' l-Ikel u l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini wkoll immobilizzaw u kkoordinaw riżorsi xjentifiċi minn madwar l-UE kollha sabiex jipprovdu parir xjentifiku u stimi ta' l-impatt li huma ta' kwalità għolja u indipendenti. Dan jipprovdi lill-amministraturi tar-riskju (il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri) b'sisien sodi għal politika tas-saħħa ta' l-annimali. Ir-riżultati mistennija: It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn aġenziji Ewropej u korpi nazzjonali. Fuq il-bażi ta' valutazzjoni, sabiex jiġu riveduti u fejn meħtieġ estiżi l-attivitajiet tal-Laboratorji ta' Referenza tal-Komunità. 4.2. L-Innovazzjoni u r-Riċerka Għall-iżvilupp tar-riċerka moderna f'ambjent globali, huwa essenzjali li tiġi organizzata kooperazzjoni fil-livelli differenti, il-koordinazzjoni ta' politiki nazzjonali u Ewropej differenti, il-promozzjoni ta' netweking bejn it-timijiet u ż-żieda tal-mobilità ta' l-individwi u l-ideat. Permezz ta' azzjonijiet deċisivi fil-livell Ewropew fil-qasam tas-saħħa ta' annimali, il-frammentazzjoni attwali ta' l-isforzi Ewropej tista' tingħeleb. Is-7 programm ta' qafas il-ġdid (2007-2013) għandu jkun għodda importanti fl-appoġġ tas-saħħa ta' l-annimali u r-riċerka tal-benesseri, flimkien ma' sforzi nazzjonali u attivitajiet ta' riċerka kooperattiva oħra ta' l-UE. Diġà tnediet serje ta' inizjattivi mmirata lejn il-promozzjoni tal-mard ta' l-annimali u r-riċerka tal-benesseri - inkluża s-sejħa għall-ħolqien ta' ERANET [19] dwar is-saħħa ta' l-annimali, pjattaforma ta' tagħrif dwar il-protezzjoni u l-benesseri ta' l-annimali u t-tnedija ta' Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għas-Saħħa Globali ta' l-Annimali (ETPGAH) fl-2004. Il-Pjattaforma ta' Teknoloġija mmexxija mill-industrija għandha timmobilizza kemm is-setturi pubbliċi kif ukoll dawk privati fl-Ewropa sabiex jimpenjaw fondi għat-twettiq ta' riċerka permezz ta' kollaborazzjonijiet bi sħab bejn il-qasam pubbliku u dak privat. Hija għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta' għodod ġodda u effettivi (b'mod partikolari tilqim u testijiet dijanjostiċi) għall-kontroll ta' mard ta' l-annimali ta' importanza maġġuri għall-Ewropa u għall-bqija tad-dinja. Qafas regolatorju koerenti huwa prekondizzjoni għal politika effettiva tas-Saħħa ta' l-Annimali u l-iżvilupp u l-użu ta' mediċini ta' l-annimali u ġenerazzjoni ġdida ta' tilqim. Barra minn hekk il-Kummissjoni pproponiet fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta' l-Annimali li tistabbilixxi Ċentru Ewropew dwar il-Benesseri ta' l-Annimali. Dan għandu jikkoordina u jistimula r-riċerka sabiex jaġġorna l-istandards attwali. Ir-riżultati mistennija: Sabiex jiġi definit pjan ta' azzjoni ta' riċerka li jinvolvi l-industrija u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra. Il-pjan għandu jipprijoritizza theddid relatat ma' l-annimali u għandu jidentifika il-"lakuni" fl-għodod attwali ta' kontroll għas-sorveljanza, id-dijanjożi, it-tilqim u t-trattament. Sabiex jiġi żgurat il-livell xieraq ta' għoti ta' fondi sabiex jiġi implimentat il-pjan ta' azzjoni ta' riċerka permezz ta' kollaborazzjonijiet bi sħab bejn il-qasam pubbliku u dak privat. Sabiex jiġi żviluppat qafas xieraq fil-livell tal-Komunità sabiex jimmitiga diżinċentivi lill-manifatturi u jippreserva l-kapaċitajiet ta' l-UE, b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-banek ta' antiġene/tilqim. Sabiex jiġi pprovdut appoġġ għar-riċerka fil-pajjiżi terzi permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali, speċjalment għal mard eżotiku ta' rilevanza għolja jew għal żoonożi injorata li għandhom impatt serju fuq dawk il-pajjiżi. (...PICT...) [1] inklużi miżuri tal-benesseru ta' l-annimali. [2] B'riferiment għal mard ta' l-annimali, mard trażmess permezz ta' l-ikel u l-bijotossiċi. [3] Il-moviment ta' annimali jrid jilħaq bilanċ fejn il-moviment ħieles ta' l-annimali jkun proporzjonat mar-riskju ta' l-introduzzjoni u l-firxa ta' mard u mar-riskju għall-benesseru ta' l-annimali waqt it-trasport. [4] B'koerenza mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta' l-Annimali 2006-2010 KUMM(2006) 13). [5] Il-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2006 adotta Strateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli rinnovata ambizzjuża u komprensiva - DOC 10917/06. [6] Il-Kumitat Konsultattiv tas-Saħħa ta' l-Annimali għandu jinħoloq bħala grupp ta' ħidma tal-Grupp Konsultattiv tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali u l-Pjanti - l-Artikolu 4.2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/613/KE tas-6 ta' Awissu 2004. [7] tfisser l-Amministrazzjoni Kompetenti, l-Awtoritajiet Kompetenti kollha, u l-persuni kollha awtorizzati, reġistrati jew mogħtija liċenzja mill-korp statutorju tas-Saħħa ta' l-Annimali (kif definit fil-kodiċi ta' OIE). [8] eż. in-netwerk Natura 2000 li huwa stabbilit permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-ambjenti naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi, u d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi. [9] SCFCAH – Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali. [10] L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) 183/2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene ta' l-għalf tat-12 ta' Jannar 2005. [11] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni KUMM(2007) 183, 18 ta' April 2007, dwar "l-Ewropa globali:: kollaborazzjoni aqwa bi sħab li twassal għal aċċess tas-suq għall-esportaturi Ewropej". [12] Inklużi ċ-Ċina, il-Messiku, l-Istati Uniti, il-Kanada, New Zealand u l-pajjiżi ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles. [13] Assożjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta’ l-Ażja tax-Xlokk. [14] It-tqassim ta' territorju f'żoni u l-kompartimentalizzazzjoni huma proċeduri implimentati minn pajjiż li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' l-OIE bil-ħsieb li jiddefinixxu subpopolazzjonijiet ta' status ta' saħħa differenti ta' l-annimali fi ħdan it-territorju tiegħu bl-għan ta' kontroll tal-mard u/jew kummerċ internazzjonali. Il-kompartimentalizzazzjoni tapplika għal subpopolazzjoni meta jiġu applikati sistemi ta' ġestjoni relatati mal-bijosigurtà, filwaqt li t-tqassim ta' territorju f'żoni japplika meta subpopolazzjoni hija definita fuq bażi ġeografika. [15] Inkluża l-kollaborazzjoni ma' pajjiżi terzi. [16] Id-disponibilità u l-effettività tat-tilqim, it-talbiet għal testijiet validi li jekk possibbi jiddifferenzjaw annimali infetttati minn mlaqqma, il-linjigwida internazzjonali ta' l-OIE u l-implikazzjonijiet possibbli tal-kummerċ, l-analiżi ta' effettività ta' l-ispejjeż, ir-riskji possibbli relatati ma' l-użu tat-tilqim. [17] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar taħriġ aħjar għal ikel li jgawdi minn aktar sikurezza KUMM(2006) 519. [18] U permezz ta' hekk jgħinu lill-Istati Membri ta' l-UE biex jilħqu r-rekwiżiti internazzjonali u jevitaw id-dupplikazzjoni ta' l-isforz filwaqt li jieħdu f'kunsiderazzjoni l-ħtieġa ta' rappurtar ta' tagħrif simili permezz tas-Sistema Dinjija ta' Tagħrif dwar is-Saħħa ta' l-Annimali ta' l-OIE. [19] L-għan ta' l-iskema ERA-NET, fil-kuntest taż-Żona Ewropea ta' Riċerka (ERA), huwa li tintensifika l-kkoperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' riċerka (jiġifieri programmi) mwettqa fil-livell nazzjonali jew reġjonali fl-Istati Membri u l-Istati Assoċjati permezz ta' l-użu ta' netwerks ta' riċerka. --------------------------------------------------