Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0357

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Mill-Kajr għal Lisbona – Il-Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Afrika {SEG(2007) 855} {SEG(2007) 856}

/* KUMM/2007/0357 finali */

52007DC0357




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.6.2007

KUMM(2007) 357 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL- KUNSILL

Mill-Kajr għal Lisbona – Il-Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Afrika

{SEG(2007) 855}{SEG(2007) 856}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Mill-Kajr għal Lisbona – Il-Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Afrika

1. INTRODUZZJONI

1.1. Realtajiet ġodda

L-Afrika issa hi stabbilita sew fil-qalba tal-politika internazzjonali, imma dak li hu ġenwinament ġdid hu li l-Afrika – u l-Unjoni Afrikana (UA) b'mod partikolari - qed tidher mhux bħala kwistjoni ta' żvilupp, iżda bħala attur internazzjonali fiha nnifisha. Id-dinja b'mod ġenerali qed tirrealizza l-fatt li l-Afrika hi importanti – bħala vuċi politika, forza ekonomika u għajn enormi ta' potenzjal uman, kulturali, naturali u xjentifiku. Hemm għadd ta' raġunijiet li jispjegaw dan, u li jvarjaw mill-istituzzjonali (l-Unjoni Afrikana) għall-politiku (proċessi ta' riforma u demokratizzazzjoni), mill-ekonomiku (żieda fil-materja prima, opportunitajiet attraenti ta' investiment, tkabbir ekonomiku sostnut fil-kontinent, li fl-aħħar snin kellu medja ta' 5.5% b'disa' pajjiżi fl-2005 qrib jew 'il fuq mil-limitu ta' 7 fil-mija tkabbir meħtieġ għal tnaqqis sostnut ta' faqar[1]) għall-istrateġiku (allinjamenti mill-ġdid ta' qawwiet globali, involviment ta' firxa dejjem tikber ta' atturi internazzjonali fl-Afrika), mis-soċjali (globalizzazzjoni ta' normi soċjo-kulturali, mass media) għad-demografiku (l-Afrika dalwaqt ikollha abitanti daqs l-Indja jew iċ-Ċina, mobilità li qed tiżdied u migrazzjoni fl-Afrika u bejn l-Afrika u l-UE) - ilkoll marbuta mill-qrib mal-kuntest ta' globalizzazzjoni dejjem aktar intensa.

Sadanittant, l-UE nbidlet ukoll – il-membri tagħha espandew għal 27 stat, ir-rwol tagħha fid-dinja żviluppa u adottat politiki ambizzjużi komuni dwar is-sigurtà, l-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-innovazzjoni. L-Ewropej għarfu li l-prosperità ekonomika fl-Afrika hi essenzjali għall-prosperità Ewropea u jagħrfu l-ħtieġa għal partenarjat aktar komprensiv u politiki aktar koerenti lejn l-Afrika. Partenarjat fil-futur għandu jkun ibbażat fuq interessi u benefiċċji reċiproki u kumplimentari, b'mod konġunt. L-UE għandha tkompli taħdem u tappoġġja l-responsabbiltà primarja ta' Gvern Afrikan u tkompli tappoġġja approċċi mmexxija mill-Afrika u ta' l-Afrika. Fl-aħħarnett, id-dinja nbidlet ukoll bil-forzi tal-kapital globali u s-swieq finanzjarji, it-tibdil fil-klima, il-medja globali u t-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-terroriżmu tranż-nazzjonali u l-kriminalità organizzata, u pandemiji globali li jum wara jum qed jagħmlu d-dinja iċken. Il-ħtieġa għal risposti globali komuni hi għalhekk aktar kruċjali minn qatt qabel. L-UE u l-Afrika huma msieħba antiki, imma f'dinja mibdula.

1.2. PARTENARJAT STRATEġIKU BEJN L-UE U L-AFRIKA

F'din id-dinja mibdula, l-UE tibqa' sieħeb importanti ta' l-Afrika – f'termini ta' kummerċ (l-UE tibqa' l-ewwel sieħeb ekonomiku ta' l-Afrika, b'esportazzjoni ta' tagħbija li tammonta għal €91.6 biljun u l-importazzjoni tlaħħaq il-€125.6 biljun fl-2005), investiment u assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) li hi l-aktar waħda importanti fl-Afrika (fl-2006 l-ODA kollettiva ta' l-UE ammontat għal €48 biljun). Madanakollu, mhix l-uniku sieħeb ta' l-Afrika, u mhix l-uniku sors ta' finanzjament, għajnuna u kummerċ tagħha – iċ-Ċina, per eżempju, ħarġet b'ħeffa bħala t-tielet l-aktar sieħeb importanti fil-kummerċ għall-Afrika, b'kummerċ totali li jammonta għal madwar € 43 biljun fl-2006 (li telgħu mit-€30 biljun ta' l-2005) u bi 23% ta' l-importi kollha taż-żejt lejn iċ-Ċina issa ġejjin mill-Afrika. Dan ifisser li jekk l-UE trid li tibqa' sieħeb privileġġjat u tieħu l-aħjar mir-relazzjoni tagħha ma' l-Afrika, għandha jkollha r-rieda li ssaħħaħ, u f'xi oqsma tivvinta mill-ġdid, ir-relazzjoni preżenti – istituzzjonalment, politikament u kulturalment. L-adozzjoni ta' l-Istrateġija għall-Afrika ta' l-UE fl-2005 kien pass ewlieni importanti imma issa wasal iż-żmien għal mixja minn strateġija għall- Afrika lejn partenarjat politiku ma' l-Afrika. Fl-2007, l-UE u l-Afrika qegħdin għalhekk jaħdmu flimkien sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-livell politiku u jistabbilixxu s-sisien għal partenarjat strateġiku fit-terminu t-twil, imorru lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp, lil hinn mill-Afrika, lil hinn mill-frammentazzjoni u lil hinn mill-istituzzjonijiet.

- Il-Partenarjat imur lil hinn mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp , fis-sens li – filwaqt li l-UE tkompli tappoġġja bis-sħiħ l-iżvilupp ta' l-Afrika – l-aġenda tinfetaħ sabiex tinkludi l-materji politiċi kollha ta' interess komuni. Tfittex ukoll, b'mod aħjar u aktar sistematiku, li tisfrutta l-kontribuzzjonijiet li jistgħu jkollhom politiki oħra, bħall-kummerċ u r-riċerka, lejn il-partenarjat. Fl-istess waqt, in-natura tar-relazzjoni se tħalli warajha r-relazzjoni ta' donatur-benefiċjarju ta' l-imgħoddi u tirrifletti partenarjat politiku ugwali.

- Il-Partenarjat imur lil hinn mill-Afrika , fis-sens li d-djalogu bejn l-UE u l-Afrika m'għandux ikun esklussivament forum għal diskussjonijiet dwar materji "Afrikani". L-UE u l-Afrika jħarsu lil hinn mill-Afrika u l-Ewropa lejn il-bqija tad-dinja.

- Il-Partenarjat imur lil hinn mill-frammentazzjoni , fis-sens li l-oqfsa, il-politiki u l-istrumenti nazzjonali, sotto-reġjonali, reġjonali u kontinentali ta' l-UE u l-Afrika jappoġġjaw l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni kontinentali ta' l-Afrika. L-integrazzjoni reġjonali għandha tkun stimulata u appoġġjata bħala pass ewlieni fil-proċess ta' integrazzjoni reġjonali. L-integrazzjoni reġjonali tappoġġja wkoll il-ħolqien ta' swieq akbar u aktar integrati li huma essenzjali sabiex ikun attratt l-investiment, jiżdiedu l-kapaċitajiet produttivi u tissaħħaħ il-konverġenza regolatorja. L-integrazzjoni ekonomika hi komponent ewlieni ta' dak il-proċess u tkun karatterizzata minn relazzjoni kummerċjali msaħħa u orjentata lejn l-iżvilupp bejn l-UE u l-Afrika. Il-Ftehimiet ta' Partenarjat Kummerċjali (EPAs) ikunu għodda ewlenija f'dak ir-rigward. Il-partenarjat jippromwovi taqsim aktar ċar tar-rwoli u responsabbiltajiet bejn partijiet differenti fuq in-naħa Afrikana, inklużi l-UA/NEPAD u l-organizzazzjonijiet reġjonali, u appoġġ nazzjonali u reġjonali aktar b'saħħtu għall-istituzzjonijiet pan-Afrikani. Fuq in-naħa ta' l-UE, insaħħu l-ħruġ ta' l-UA bħala l-attur politiku ċentrali fl-Afrika u aktar u aktar inqisu l-Afrika bħala waħda .

- Fl-aħħarnett, il-partenarjat imur lil hinn mill-istituzzjonijiet , fis-sens li d-djalogu u l-partenarjat bejn l-UE u l-Afrika jittieħdu lil hinn minn Brussell u Addis Ababa lejn spektrum ta' atturi usa'. Dan għandu jkun dwar konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, imma wkoll dwar sforz ġenwin sabiex numru akbar ta' partijiet fid-djalogu bejn l-Afrika u l-UE, inkluża s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, jappoġġjaw l-istess għanijiet u jaħdmu lejn l-istess direzzjoni. Li mmorru "lil hinn mill-istituzzjonijiet" għandu jkun ukoll dwar użu aħjar u akttar sistematiku ta' l-esperjenza, l-għarfien u r-riżorsi tas-settur privat fiż-żewġ kontinenti fit-tmexxija 'l quddiem ta' l-għanijiet tal-partenarjat.

2. IT-TRIQ MILL-KAJR GħAL LISBONA

2.1. Minn Strateġija ta' l-UE għall-Afrika (2005) ...

L-ewwel samit storiku bejn l-UE u l-Afrika sar fil-Kajr fis-sena 2000. Id-Dikjarazzjoni tal-Kajr u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kajr iffirmati f'dan is-Samit kellhom għadd ta' impenji ambizzjużi, inkluż dwar ir-ritorn ta' beni kulturali misruqa u dwar id-dejn estern ta' l-Afrika. Forsi aktar importanti minn hekk, is-Samit tal-Kajr beda djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika, b'laqgħat regolari ta' uffiċjali għolja u Ministri.

Madanakollu, il-punt kruċjali fid-djalogu bejn l-UE u l-Afrika seħħ fit-tnedija, fl-2001, tal-Partenarjat il-Ġdid għall-Iżvilupp ta' l-Afrika (NEPAD) – definizzjoni tassew ta' l-Afrika u mmexxija mill-Afrika dwar kif għandu jkun il-futur politiku tagħha – u, aktar importanti minn hekk, il-ħolqien ta' l-Unjoni Afrikana (UA) s-sena ta' wara. Aktar importanti kien il-ħolqien ta' l-Unjoni Afrikana (UA) s-sena ta' wara. Il-proċessi ta' integrazzjoni li għaddejjin, ir-rwol dejjem aktar importanti ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali ta' l-Afrika (RECs) u d-dehra ta' l-UA bħala attur internazzjonali ċentrali u leħen politiku magħqud għall-Afrika kienu kruċjali, mhux biss għall-Afrika, imma wkoll għall-partenarjat bejn l-UE u l-Afrika. F'din il-klima pożittiva ġdida, saru pjanijiet sabiex isir it-tieni samit bejn l-UE u l-Afrika f'Lisbona fl-2003. Għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu ma' parteċipazzjoni, u fost kontroversja, dan is-Samit ġie pospost.

F'ħafna modi s-sena 2005 saret is-sena internazzjonali għall-Afrika. Saru għadd ta' avvenimenti ta' livell għoli u tnedew inizjattivi internazzjonali importanti, inklużi impenji ewlenin dwar l-għajnuna u t-taffija tad-dejn fis-Samit tal-G8 fil-Gleneagles u, wara d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna, l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri ta' l-UE ta' pakkett ta' miżuri u impenji sabiex tiżdied l-ODA u tissaħħaħ l-effettività ta' l-għajnuna u l-koerenza ta' politika għall-iżvilupp (PCD) sabiex l-Afrika u d-dinja in ġenerali jkunu assistiti fil-kisba ta' l-Għanijiet Millenarji għall-Iżvilupp (MDGs) sa l-2015. F'Ottubru 2005 – waqt laqgħa konġunta mal-Kummissjoni ta' l-UA – il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikat tagħha dwar Strateġija għall-UE u l-Afrika. Xahrejn wara, f'Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew approva ħafna mill-proposti mwettqa fil-Komunikat u adotta l-ewwel Strateġija komuni, koerenti u komprensiva ta' l-UE u l-Afrika sotto-titolata Lejn Partenarjat Strateġiku . L-għan ta' din l-Istrateġija ta' l-UE kien li tistabbilixxi qafas uniku għall-atturi kollha ta' l-UE u tikkonferma l-iżvilupp ta' l-Afrika bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin ta' l-UE.

B'ħidma fuq it-tliet livelli tal-partenarjat – dak nazzjonali, reġjonali u pan-Afrikan – l-Istrateġija kienet ibbażata fuq tliet premessi: (i) mingħajr tmexxija tajba, it-tmexxija skond il-liġi, is-sigurtà u l-paċi, l-ebda progress ta' żvilupp fit-tul ma jkun possibbli ; (ii) l-integrazzjoni reġjonali, il-kummerċ u l-interkonnettività huma fatturi meħtieġa sabiex ikun promoss it-tkabbir ekonomiku; (iii) jekk l-Afrika għandha tikseb l-MDGs, jinħtieġ aktar appoġġ fi kwistjonijiet b'impatt dirett fuq l-istandards ta' l-għixien, bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-sikurezza fl-ikel.

Fl-2006 u l-2007 l-UE implimentat kollettivament il-politiki u l-azzjoni deskritti fl-Istrateġija għall-Afrika. Fuq livell ta' politika, l-UE integrat aktar il-prinċipji ewlenin ta' proprjetà, partenarjat, responsabbiltà u kontabilità reċiproka fir-relazzjonijiet kollha tagħha ma' l-Afrika. Fuq livell operattiv, l-UE nediet Partenarjat Infrastrutturali ambizzjuż bejn l-UE u l-Afrika u Inizjattiva ta' Tmexxija UE, żiedet il-finanzjament għal operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija mill-UA (bħall-missjoni AMIS f'Darfur) taħt il-Faċilità Afrikana għall-Paċi (APF) u appoġġjat il-programm Nyerere ta' l-UA għal skambji ta' studenti u fetħet tieqa fil-programm Ewropew Erasmus Mundus għal universitajiet, professuri u studenti gradwati Afrikani. L-Istrateġija ta' l-UE ippermettiet ukoll koerenza interna għall-politika ta' l-UE aktar b'saħħitha u koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-Kummissjoni u l-Istati Membri lejn l-Afrika.

2.2. GħAL STRATEġIJA KONġUNTA GħALL-UE U L-AFRIKA

L-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika kienet utli ħafna fil-mobilizzazzjoni ta' aktar appoġġ koerenti għall-isforzi mmexxija mill-Afrika. Kienet utli b'żewġ modi: bħala qafas ta' politika/ acquis u bħala proċess politiku. Għamlet lill-EU sieħeb aħjar, aktar unit u effettiv u se tkompli tkun dokument ewlieni ta' politika, imma kienet ukoll biss l-ewwel pass. Mill-bidunett kien hemm kritika minn xi oqsma li l-Istrateġija għall-Afrika kienet żviluppata mingħajr konsultazzjonijiet suffiċjenti u żammet elementi ta' approċċ tradizzjonali u unilaterali ta' donatur-benefiċjarju. Fil-ħames laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Afrika f'Diċembru 2005 f'Bamako għalhekk intlaħaq qbil li l-pass li jmiss ikun li l-UE u l-Afrika jieħdu l-partenarjat lejn livell strateġiku ġdid u jiżviluppaw Strateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika – partenarjat ma' l-Afrika, aktar milli strateġija għall- Afrika. F'dan il-partenarjat strateġiku l-istati u organizzazzjonijiet Afrikani jkollhom ir-responsabbiltà ewlenija għall-futur u l-iżvilupp politiku tagħhom u – filwaqt li l-UE tkompli tipprovdi assistenza għall-iżvilupp sabiex tiżgura li l-Għanijiet Millenarji għall-Iżvilupp (MDGs) jintlaħqu fl-Afrika u globalment – ir-relazzjoni għandha gradwalment issir aktar politika, aktar globali u aktar ugwali. Din il-pożizzjoni kienet sussegwentement konfermata mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006 u s-Samit ta' l-UA ta' Jannar 2007.

B'mod parallel ma' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE għall-Afrika – sorveljata mill-Matriċi Konġunta dwar l-Implimentazzjoni – inbeda għalhekk ix-xogħol lejn l-iżvilupp ta' Strateġija Konġunta UE-Afrika. Filwaqt li nbena fuq xogħol li sar fl-2006, il-proċess tnieda mill-ġdid fl-2007 b'serje ta' laqgħat sabiex jinqablu l-prinċipji, l-għanijiet u l-prioritajiet politiċi ewlenin ta' l-Istrateġija Konġunta u s-Samit ta' Lisbona. F'dawn il-laqgħat, l-UE kienet rappreżentata mill-Kummissjoni, mill-Presidenzi Ġermaniżi, Portugiżi u Sloveni u mis-Segretarjat tal-Kunsill. L-UA kienet rappreżentata mill-Kummissjoni ta' l-UA, il-presidenza kurrenti tagħha (il-Ghana fl-2007) u, spiss, ukoll mill-pajjiżi li huma chef de file għal kwistjonijiet politiċi fil-kuntest tad-djalogu tal-Kajr.[2] Fil-15 ta' Mejju, il-laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Afrika fi Brussell "laqgħet u approvat" id-deskrizzjoni ta' l-Istrateġija Konġunta. Ix-xogħol ikompli matul is-sajf u l-ħarifa ta' l-2007 sabiex tkun finalizzata Strateġija Konġunta, l-ewwel minn għadd ta' Pjanijiet ta' Azzjoni u l-Aġenda nnifisha tas-Samit ta' Lisbona.

Il-proċess istituzzjonali kien imwieżen minn eżerċizzju konsultattiv fuq skala kbira (inkluż fuq is-sit www.europafrica.org) sabiex jiġbru metrjal għat-tifsil minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati mhux-istituzzjonali fl-Ewropa, l-Afrika u lil hinn. Saru wkoll diskussjonijiet regolari ma' rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, il-Parlament Pan-Afrikan u partijiet interessati mis-soċjetà ċivili Afrikana u Ewropea. Dawn il-proċessi kollha għandom jittejbu u jkunu intensifikati fil-mixja lejn is-Samit ta' Lisbona.

3. IS-SAMIT TA' LISBONA: GħANIJIET U INIZJATTIVI

Il-postponiment tas-Samit ta' l-UE u l-Afrika fl-2003 kien diżappunt politiku ewlieni u l-miġja lura tal-partenarjat ta' l-UE u l-Afrika fl-ogħla livell politiku - fejn huwa postu - hi milqugħa. Dan is-Samit hu opportunità għall-mexxejja politiċi taż-żewġ kontinenti sabiex iwettqu impenji politiċi b'saħħithom u orjentati lejn l-azzjoni fuq kwistjonijiet internazzjonali kurrenti ewlenin, notevolment il-bdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-enerġija sostenibbli, it-tmexxija u s-sigurtà, u sabiex jistabbilixxu l-mixja politika għall-partenarjat strateġiku bejn l-UE u l-Afrika. Barra minn hekk, l-UE u l-Afrika jistgħu jużaw din l-opportunità wkoll sabiex juru l-viżjoniwiesgħa tad-djalogu tagħhom u jersqu lejn sħab oħra antiki u ġodda ta' l-Afrika billi jistidnuhom sabiex jipparteċipaw fis-Samit.

Fis-Samit, il-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern Afrikani u ta' l-UE (li jirrappreżenttaw 80 pajjiż u kważi 1.5 biljun ruħ) jiffirmaw Dikjarazzjoni ta' Lisbona - kunsens bejn l-UE u l-Afrika dwar valuri, interess komuni u għanijiet strateġiċi.

Mexxejja Afrikani u ta' l-UE jadottaw ukoll Strateġija Konġunta , li għandha tkun dokument qasir u ffukat, bħala viżjoni politika u gwida għall-futur tal-partenarjat strateġiku bejn l-UE u l-Afrika.

3.1. Għanijiet

L-Istrateġija Konġunta sservi sabiex tfittex erba' għanijiet politiċi ewlenin, li kull wieħed minnhom jirrappreżenta dimensjoni tal-partenarjat kurrenti bejn l-UE u l-Afrika:

- Sabiex issaħħaħ u televa l-partenarjat politiku bejn l-UE u l-Afrika, u tagħmlu tassew partenarjat ugwali;

- Sabiex tkompli tippromwovi l-paċi u s-sigurtà, it-tmexxija u d-drittijiet umani, il-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali fl-Afrika, u kwistjonijiet ewlenin oħra ta' żvilupp;

- Sabiex tindirizza sfidi globali b'mod konġunt;

- Sabiex tiffaċilita u tippromwovi partenarjat b'bażi wiesgħa u ffukat fuq il-persuni għan-nies kollha fl-Afrika u Ewropa.

3.2. Inizjattivi ta' Politika

Fis-Samit, il-Kapijiet ta' l-Istati u Gvernijiet jistgħu iniedu għadd ta' inizjattivi ewlenin li jagħtu sustanza lill-partenarjat u juru lill-Afrika, lid-dinja u liċ-ċittadini ta' l-UE stess kif l-UE kostruttivament qed tmexxi 'l quddiem il-partenarjat bejn l-UE u l-Afrika. Dawn għandhom jinkludu:

(a) Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika dwar l-Enerġija.

Fuq iż-żewġ kontinenti, is-sigurtà fl-enerġija, l-aċċess għal servizzi ta' enerġija sikuri, sostenibbli u bi prezz xieraq, u l-ġestjoni sostenibbli u effiċjenti tar-riżorsi ta' enerġija huma prerekwiżiti għall-iżvilupp u l-prosperità. Anke jekk l-Afrika għandha riżorsi ta' enerġija abbundanti, bħalissa għandha l-inqas rata fid-dinja fl-aċċess għall-enerġija moderna. 600 miljun Afrikan m'għandhomx aċċess għall-elettriċità, u jużaw l-injam għat-tisħin u t-tisjir. 400,000 Afrikan, l-aktar nisa u tfal, imutu kull sens b'mard respiratorju marbut ma' l-inkwinament ta' l-arja ta' ġewwa mill-uża ta' l-injam u fuels tradizzjonali oħra. Il-ħtiġijiet ta' investiment huma kbar – skond il-Bank Dinji, l-iżgurazzjoni ta' 100% aċċess għall-elettriċità fl-Afrika ta' Taħt is-Sahara sa l-2030 titlob investiment annwali ta' € 8.27 biljun. Bħalissa l-Ewropa u l-Afrika diġà huma marbuta fis-settur ta' l-enerġija: L-Ewropa tibbenefika minn esporti ta' enerġija mill-Afrika, u l-Afrika tibbenefika minn appoġġ tekniku u finanzjarju Ewropew fis-settur ta' l-enerġija. It-tħassib globali dejjem jikber dwar is-sigurtà fl-enerġija, l-aċċess għall-enerġija u t-tibdil fil-klima saħħew b'mod ċar ir-rabtiet bejn il-futur ta' l-enerġija fiż-żewġ kontinenti, u ħolqu l-ħtieġa għal approċċi konġunti.

F'dan l-isfond, il-Partenarjat mistenni bejn l-Afrika u l-UE jkun pjattaforma innovattiva għal djalogu msaħħaħ dwar il-politika għall-enerġija bejn l-Afrika u l-UE. Permezz tal-Partenarjat dwar l-Enerġija, l-Afrika u l-Ewropa jaqsmu l-għarfien u l-esperjenza, jiżviluppaw risposti komuni ta' politika u jistimolaw azzjoni speċifika li tindirizza l-isfidi għall-enerġija fis-seklu 21. Il-Partenarjat jindirizza s-sigurtà u d-diversifikazzjoni tal-forniment ta' enerġija, kemm għall-Afrika kif ukoll għall-Ewropa, jippromwovi aċċess għal servizzi ta' enerġija bi prezz xieraq, nodfa u effiċjenti, jistimola s-swieq ta' l-enerġija u jimmira li jżid ir-riżorsi finanzjarji u umani b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-enerġija fl-Afrika, filwaqt li jippromwovi oqfsa li jippermettu investiment kif ukoll trasparenza u stabbiltà fis-swieq. Jinvolvi atturi ewlenin, bħas-settur privat u Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, u jsib modi kif jinkludi lid-donaturi emerġenti fid-djalogu dwar l-iżvilupp tas-settur ta' l-enerġija fl-Afrika.

L-attivitajiet jaħdmu lejn il-kisba ta' l-oġġettivi konkreti li ġejjin: Sabiex isaħħu d-djalogu eżistenti bejn l-Afrika u l-UE dwar l-aċċess għall-enerġija u s-sigurtà fl-enerġija, sabiex iżidu l-investiment fl-infrastruttura għall-enerġija, inkluża l-promozzjoni ta' soluzzjonijiet ta' enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija, sabiex jamplifikaw l-użu tad-dħul miż-żejt u l-gass b'orjentament lejn l-iżvilupp, sabiex jippromwovu t-trasparenza u jippermettu oqfsa kif ukoll sabiex it-tibdil fil-klima jittressaq fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Il-Partenarjat għandu jibni fuq strumenti eżistenti, bħall-qafas ġenerali tal-Partenarjat Infrastrutturali bejn l-UE u l-Afrika u l-Fond ta' Fiduċja ta' dan, l-Inizjattiva għall-Enerġija ta' l-Unjoni Ewropea (EUEI) u l-Faċilità ta' l-Enerġija ta' l-ACP tagħha (bħalissa €220 miljun), il-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali taħt l-għaxar EDF u l-programm temmatiku dwar l-ambjent, il-ġestjoni ta' riżorsi naturali inkluża l-enerġija.

(b) Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika dwar it-Tibdil fil-Klima

It-tibdil fil-klima qiegħed jeffettwa l-pajjiżi kollha, imma l-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u pajjiżi vulnerabbli oħra li qegħdin jiżviluppaw huma mistennija jintlaqtu l-agħar, u l-aktar kmieni. L-analiżi reġjonali tar-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Bord Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) għall-Afrika tikkonkludi li dan il-kontinent hu wieħed mill-aktar vulnerabbli għall-varjabilità u t-tibdil fil-klima minħabba pressjonijiet diversi u kapaċità baxxa ta' adattament. Il-kontinent Afrikan ikun effettwat b'mod partikolari f'termini tas-sigurtà fl-ikel, il-forniment sostenibbli ta' ilma u fenomeni estremi ta' klima bħal dulluvji u nixfa. Ir-Rapport ta' l-IPCC juri wkoll li sa l-2020, bejn 75 u 250 miljun ruħ huma proġettati li jkunu esposti għal żieda ta' nuqqas fl-ilma minħabba tibdil fil-klima u biedja msoqqija mix-xita li jistgħu f'xi pajjiżi jitnaqqsu b'sa 50%. Jekk ikompli bla ma jnaqqas, it-tibdil fil-klima jippreżenta riskju serju għat-tnaqqis tal-faqar u jhedded li jkissr snin ta' sforzi fl-iżvilupp. Fid-Dikjarazzjoni ta' Addis Ababa dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp fl-Afrika f'Jannar 2007, Mexxejja ta' l-UA impenjaw irwieħhom inter alia sabiex jintegraw it-tibdil fil-klima f'politiki, programmi u attivitajiet ta' żvilupp nazzjonali u sotto-reġjonali. Il-President tal-Kummissjoni ta' l-UA kellu mandat għar-rwol ewlieni fl-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni ta' l-Afrika fin-negozjati dwar il-klima. Din id-Dikjarazzjoni hija bażi tajba għal Partenarjat bejn l-UA u l-UE dwar it-Tibdil fil-Klima.

Il-Partenarjat ikun forum għal djalogu u bdil ta' perspettivi dwar azzjonijiet konkreti b'risposta għat-tibdil fil-klima. Il-partenarjat bejn l-UE u l-Afrika ikun mezz privileġġjat għad-deliberazzjoni dwar viżjoni komuni bejn l-UE u l-Afrika.

Il-partenarjat isaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni prattika fl-oqsma li ġejjin: l-adattament, it-tnaqqis ta' riskju ta' diżastri, it-twaqqif tad-deforestazzjoni, il-promozzjoni tas-sehem ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-suq globali tal-karbonju (inkluż il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif), il-promozzjoni u t-tħaddim ta' teknoloġiji li jħarsu l-ambjent, kif ukoll it-titjib fis-sorveljanza ta' effetti ambjentali fuq it-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta' sistemi ibbażati fuq l-ispazju.

Il-partenarjat ikun appoġġjat permezz ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima li dalwaqt tipproponi l-Kummissjoni.

(ċ) Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobilità u l-Impjiegi

Il-migrazzjoni u l-mobilità huma komponenti intrinsiċi għall-globalizzazzjoni u għandhom jidhru u jkunu trattati bħala fenomi potenzjalment pożittivi. Fil-konferenza ministerjali ta' Tripli dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp f'Novembru 2006, l-UE u l-Ministri Afrikani impenjati lejn "partenarjat bejn il-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni sabiex il-migrazzjoni titmexxa aħjar b'mod komprensiv, sħiħ u bilanċjat, fi spirtu ta' responsabbiltà u kooperazzjoni komuni". L-UE u l-Afrika jaħdmu mill-qrib sabiex jimplimentaw il-konklużjonijiet tal-konferenza, ikopru spektrum wiesa' ta' oqsma li jvarjaw mill-promozzjoni ta' rabitiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp u l-iffaċilitar tal-migrazzjoni legali, għall-indirizzar konġunt ta' l-immigrazzjoni illegali, inkluż permezz ta' kooperazzjoni dwar ir-ritorn u l-ammissjoni mill-ġdid, u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, fejn il-kooperazzjoni titħaffef aktar b'attenzjoni speċjali mogħtija għall-ħarsien tal-vittmi. Sabiex isaħħu l-bażi ta' evidenza tal-politiki dwar il- migrazzjoni tal-gvernijiet Afrikani, u jibnu fuq l-inizjattivi eżistenti tul il-kontinent, l-UE u l-Afrika jikkkooperaw sabiex jistabbilixxu netwerk ta' osservatorjital-migrazzjoni ibbażati fl-Afrika li jiġbru, janalizzaw u jxerrdu l-informazzjoni fuq il-flussi migratorji fl-Afrika u bejn l-Afrika u l-UE. Ikun promoss aktar żvilupp tal-profili migratorji. L-Afrika u l-UE speċifikament jindirizzaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni ta' ħaddiema tas-sengħa bħal ħaddiema fis-saħħa, u jfittxu li jimminimizzaw l-impatt negattiv tar-reklutaġġ Ewropew fuq l-Afrika, b'nuqqas ta' ħaddiema fis-saħħa issa rikonoxxut bħala ostakolu ewlieni għall-progress lejn l-Għanijiet Millenarji għall-Iżvilupp. [3] Fil-fatt, fl-Etjopja sondaġġ riċenti mill-Bank Dinji dwar gradwati ġodda minn skejjel mediċi u ta' infermerija indika li 70% tat-tobba u 62% ta' l-infermiera qed jippjanaw li jħallu l-pajjiżi "hekk kif ikollhom l-opportunità" u huwa stmat li fil-preżent xi 80,000 persuna kwalifikata jħallu l-kontinent Afrikan kull sena, inklużi 23,000 eżekuttivi jew professjonali. Fejn ikun meħtieġ, inizjattivi simili jistgħu jitqiesu wkoll għal setturi oħra. Flimkien ma' dan, l-imsieħba jfittxu toroq sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment ta' fondi tal-migranti u jikkanalizzaw aktar lejn l-iżvilupp filwaqt li jirrispettaw in-natura privata tagħhom.

Sabiex ikunu promossi u mmexxija aħjar il- mobilità u x-xogħol fl-Afrika u – fejn xieraq – bejn l-Afrika u l-UE, iż-żewġ naħat jikkooperaw sabiex isaħħu l-informazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-kapaċitajiet ta' tmexxija fl-Afrika (inter alia billi jinbena fuq il-mudell li qed ikun żviluppat bħalissa mal-gvern tal-Mali u fuq l-esperjenza miksuba permezz ta' l-implimentazzjoni ta' diversi proġetti ta' migrazzjoni ta' xogħol fl-Afrika ta' Fuq). Ikunu eżaminati wkoll modi ta' kif tiġi iffaċilitata l-migrazzjoni ċirkulari bejn l-Afrika u l-UE bl-għan li jinħolqu sitwazzjonijiet li jaqblu kemm għall-pajjiżi ta' oriġini u destinazzjoni kif ukoll għall-migranti nfushom. L-UE u l-Afrika jinkoraġġixxu ċ-ċaqliq ta' ħaddiema tas-sengħa Afrikani bejn il-pajjiżi ta' oriġini u dawk ta' destinazzjoni permezz tal-ħolqien ta' partenarjati bejn l-UE u l-istituti Afrikani bħall-universitajiet u l-isptarijiet.

Billi l-qagħad huwa waħda mill-isfidi ewlenin għall-Afrika, u bl-għarfien li l-inizjattivi ta' tmexxija tal-migrazzjoni u l-mobilità għandhom jitqiegħdu f'perspettiva usa', iż-żewġ naħat għandhom jingħaqdu bil-ħsieb li jinħolqu aktar impjiegi, u impjiegi aħjar, għall-Afrika , b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa. Filwaqt li tislet mill-esperjenza tagħha, l-UE għandha tappoġġja lill-Afrika sabiex twaqqaf u timplimenta strateġiji u politiki li jistimolaw il-ħolqien ta' l-impjiegi fl-ekonomija formali, inkluż permezz tat-titjib tal-klima ta' investiment u l-bini ta' istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol b'saħħithom, risponsivi u trasparenti. Il-ħolqien ta' aktar impjiegi produttivi u xogħol diċenti fl-Afrika joffri futur għan-nisa u l-irġiel żgħażagħ ta' l-Afrika, u alternattiva ġenwina għall-vjaġġi inċerti, mhumiex dokumentati u spiss perikolużi fit-tiftixa għal impjiegi irregolari fl-UE. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha jkollha għanijiet ċari, u tkun mibnija fuq il-pilastri ewlenin tal-politika għall-iżvilupp u marbuta ma' l-aġenda għall-PCD, inkluż il-kummerċ, l-agrikoltura, is-sajd, ir-riċerka u l-ICTs, l-infrastruttura, l-integrazzjoni ekonomika, l-investiment, l-ODA u t-trasferimenti ta' fondi migratorji.

(d) Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika dwar Tmexxija Demokratika

It-tmexxija demokratika hija parti integrali mill-valuri bażilari ta' l-UE u l-UA. L-UE u l-UA t-tnejn li huma ħadu inizjattivi f'dan il-qasam, bħall-arkitettura ġdida ta' tmexxija Pan-Afrikana, l-APRM, l-Inizjattiva ta' Tmexxija għall-Afrika u l-pajjiżi ta' AKP u l-Faċilità ta' Tmexxija għall-pajjiżi tal-Viċinat. L-interazzjoni bejn il-Parlament Pan-Afrikan u l-Parlament Ewropew qed tiżviluppa.

L-UE u l-UA issa jeħtieġu li jibdew djalogu ta' kontinent ma' kontinent, djalogu aktar ambizzjuż u komprensiv dwar l-aspetti kollha ta' tmexxija.

Għal dan l-għan l-UA u l-UE għandhom iniedu Forum ta' Tmexxija b'mod konġunt, bl-involviment ta' atturi mhux-statali, parlamenti nazzjonali u kontinentali, awtoritajiet lokali u organizzazzjonijiet reġjonali, sabiex isaħħu d-djalogu tagħhom dwar kwistjonijiet ta' tmexxija ta' interess reċiproku, bħad-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi, it-tmexxija skond il-liġi. Il-ġestjoni ta' riżorsi naturali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, it-tmexxija trasparenti u affidabbli tal-fondi pubbliċi, l-iżvilupp u r-riforma istituzzjonali, sitwazzjonijiet ta' fraġilità, tmexxija globali, riforma fis-settur tas-sigurtà, eċċ, bil-ħsieb li jrawmu sew il-prinċipji ta' tmexxija demokratika fil-livelli globali, kontinentali, nazzjonali u lokali, imma wkoll sabiex jikkontribwixxu fi djalogi ta' livell għoli bejn l-UE u l-UA dwar kwistjonijiet ta' tmexxija demokratika. Sabiex tiffaċilita l-appoġġ aktar effettiv għall-arkitettura ta' tmexxija Pan-Afrikana u l-isforzi ta' koordinazzjoni ta' politika , l-UE tesplora toroq ġodda sabiex iġġib fondi Komunitarji u ta' l-Istati Membri permezz ta' fond ta' l-UE jew permezz ta' kontribuzzjonijiet konġunti ta' l-UE lejn strumenti finanzjarji u fondi ta' fiduċja eżistenti.

(e) Arkitettura politika u istituzzjonali konġunta bejn l-UE u l-Afrika

Dawn l-erba' partenarjati settorali jkunu kumplimentati u msaħħa minn impenn li jorbot għal djalogu politiku aktar komprensiv u strutturat bejn il-mexxejja tat-80 stat ta' l-UE u l-Afrika, kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet demokratiċi u ċ-ċittadini taż-żewġ kontinenti. Għal dan l-għan, l-UE u l-Afrika għandhom isaħħu d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE u l-UA, bi rwol ewlieni għall- Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan. Barra minn hekk, l-UE u l-Afrika jistgħu, fejn ikun xieraq, iwettqu wkoll laqgħat Ministerjali settorali u jiżviluppaw mekkaniżmi istituzzjonali effettivi għal djalogu politiku li jkopri l-livelli kollha (globali, kontinentali, reġjonali, nazzjonali u lokali) tal-partenarjat. Dawn l-isforzi jibnu fuq il-laqgħat tat-Troika Ministerjali biannwali eżistenti u d-djalogu attiv bejn Kummissjoni u Kummissjoni ta' l-UE u l-UA, imma b'mod partikolari fuq il-livell globali (li jinkludi l-possibbiltà ta' koordinazzjoni ta' pożizzjonijiet u aġendi f'organizzazzjonijiet u ambjenti multilaterali) jistgħu jkunu jinħtieġu mekkaniżmi ġodda. Finalment, u b'mod li jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-partenarjat strateġiku, il-mexxejja ta' l-UE u l-Afrika għandhom jimpenjaw irwieħhom li jwettqu Samits kull sentejn, li jalternaw bejn l-UE u l-Afrika. Dan il-partenarjat politiku globali jitnieda formalment fid-"Dikjarazzjoni ta' Lisbona".

Dawn il-ħames inizjattivi, li huma l-proposti ta' l-UE għal kwistjonijiet ewlenin għas-Samit ta' Lisbona, isibu posthom, flimkien mal-programmi u l-attivitajiet f'oqsma oħra ta' interesskomuni – fi Pjan ta' Azzjoni li jkun mehmuż ma' l-Istrateġija Konġunta.

Għas-Samit ta' Lisbona se jitħejja l-ewwel Pjan ta' Azzjoni li jkopri attivitajiet konġunti fit-terminu l-qasir għal dak medju (fis-sentejn sas-Samit li ġej). Sabiex jagħmlu mis-Samit ta' Lisbona s-suċċess u l-avveniment ewlieni li jipprometti li se jkun, l-UE u l-UA għandhom kollettivament jagħmlu dan il-Pjan ta' Azzjoni lista ambizzjuża ta' impenji.

3.3. Karta Konġunta

Ħarsa aktar sħiħa lejn il-prioritajiet u l-għanijiet tal-partenarjat tinstab f'Karta Konġunta, imħejjija flimkien bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Kunsill: Lil hinn minn Lisbona: Nagħmlu l-Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Afrika Jiffunzjona.

Din il-Karta Konġunta, flimkien ma' dan il-Komunikat, tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni ta' l-UE għall-Istrateġija Konġunta, li tkun innegozjata u iffinalizzata mas-sħab Afrikani tul is-sajf u l-ħarifa ta' l-2007.

[1] L-Angola, il-Cape Verde, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Etjopja, il-Mozambique, Sierra Leone, is-Sudan, u t-Tanzanija.

[2] l-Alġerija (paċi u sigurtà); l-Eġittu (beni kulturali); In-Niġerja (dejn); Is-Senegal (migrazzjoni); It-Tuniżija (għajnuna); Il-Libja (sigurtà fl-ikel); Il-Marokk (ambjent); l-Afrika t'Isfel (il-kummerċ u l-integrazzjoni reġjonali). Innota li, għakemm mhux membru ta' l-UA, il-Marokk ipparteċipa fil-laqgħat bħala x- chef de file għall-ambjent.

[3] KUMM(2006) 870: Programm Ewropew għal Azzjoni biex jittratta n-nuqqas kritiku ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2007-2013).

Top