EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0287

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament NUTS (Regolament (KE) Nru 1059/2003)

/* KUMM/2007/0287 finali */

52007DC0287

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament NUTS (Regolament (KE) Nru 1059/2003) /* KUMM/2007/0287 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.6.2007

KUMM(2007) 287 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament NUTS (Regolament (KE) Nru 1059/2003)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament NUTS(Regolament (KE) Nru 1059/2003)

1. GħAN

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar it-twaqqif ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS)[1] (minn issa 'quddiem "Regolament NUTS"). L-Artikolu 8 jaqra kif ġej:

"Rappurtaġġ Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill." |

2. AZZJONIJIET KOPERTI MIR-RAPPORT

Dan ir-rapport ikopri l-azzjonijiet kollha meħuda fl-implimentazzjoni tar-Regolament NUTS. L-ewwel eżerċizzju ta' implimentazzjoni twettaq fl-2003 wara l-adozzjoni tar-Regolament. Il-frekwenza għall-aġġornament tal-klassifikazzjoni NUTS hija kull tliet snin, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Din l-operazzjoni importanti seħħet lejn tmiem l-2006. Dan ir-rapport kien għalhekk ittajmjat biex jagħti kont sħiħ tagħha.

Il-klassifikazzjoni NUTS hija l-qafas ta' referenza għall-istatistika reġjonali kolla ta' l-UE. Huwa għalhekk pertinenti f'dan il-kuntest li jsir rapport fuq il-provvista ta' statistika reġjonali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, b'mod aktar speċifiku, lill-Eurostat.

Bi qbil ma' l-Artikolu 2(5), ġie kkunsidrat jekk ir-Regolament NUTS għandux ikompli jkopri tliet livelli territorjali jew jekk għandhomx jiżdiedu aktar livelli. Il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan kif meħtieġ[2].

Fl-1 ta' Mejju 2004 għaxar pajjiżi ngħaqdu fl-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament NUTS ġie emendat biex ikopri dawn l-Istati Membri ġodda u dan il-proċess huwa wkoll kopert minn dan ir-rapport.

Fl-aħħar nett, fid-diskussjonijiet mal-pajjiżi kandidati dwar il-klassifikazzjoni reġjonali tagħhom, ir-regoli fir-Regolament NUTS iservu bħala linjagwida.

3. IMPLIMENTAZZJONI FID- DATABASES TA' L-EUROSTAT

L-Eurostat iżomm data reġjonali f'żewġ ambjenti: Database tal-produzzjoni, fejn id- data tinżamm għall-validazzjoni u fejn il-proporzjonijiet jew indikaturi oħra miksuba jiġu kkalkulati, u database tad-disseminazzjoni, li hija disponibbli elettronikament permezz tal-websajt ta' l-Eurostat. L-istatistika hija disponibbli għal kulħadd mingħajr ħlas sakemm ma jkunx hemm xi raġuni speċifika biex tinżamm id-disseminazzjoni tad- data .

Iż-żewġ databases kellhom jiġu aġġornati mal-kodiċi NUTS 2003 wara l-adozzjoni. Peress illi tiġi disseminata biss data dwar ir-reġjuni eżistenti, kull kodiċi li ma baqax jidher fl-2003 kellu jitneħħa mid- databases . L-istatistika marbuta mal-kodiċijiet imwaqqfa tressqet jew inbidlet, kemm jista' jkun, għall-kodiċijiet NUTS ġodda fid- database .

Id- databases ta' l-Eurostat inqalbu mill-verżjoni preċedenti (NUTS 1999, ibbażata fuq ftehim informali) għall-verżjoni 2003 ta' l-NUTS fl-20 ta' Novembru 2003.

Mill-2003 'l quddiem il-kodiċi NUTS ġie iddefinit mill-ġdid biex ikun ta' l-istess tul għar-reġjuni kollha fl-istess livell ta' l-NUTS. Dan ma kienx il-każ qabel. Dan hu titjib fit-tħaddim peress li huwa aktar faċli tidentifika u tirrinġa r-reġjuni NUTS fl-iskedi ta' l-istatistika.

4. STATISTIKA REġJONALI

L-Istati Membri jibagħtu l-istatistika reġjonali lill-Eurostat skond il-klassifikazzjoni NUTS f'bosta oqsma. Wara l-validazzjoni, id- data tiġi ddisseminata elettronikament permezz tal-websajt ta' l-Eurostat.

F'xi oqsma l-Istati Membri jinsabu taħt l-obbligu legali li jibagħtu data reġjonali, filwaqt li f'oħrajn jipprovduhom skond ftehim informali. Il-biċċa 'l kbira tad- data tinġabar fuq il-Livell 2 ta' l-NUTS. Għadd iżgħar ta' skedi jiġu pprovduti fuq il-livell 3 ta' l-NUTS b'aktar dettall.

Wara kull tibdil fil-klassifika reġjonali, l-Istati Membri huma meħtieġa jikkalkolaw mill-ġdid id- data fuq il-bażi ta' klassifikazzjoni ġdida. Fl-2003 sar tibdil fl-NUTS f'ħames Stati Membri mill-15 li kienu. Għalhekk jistgħu jsiru kontrolli dwar jekk dawn il-pajjiżi pprovdewx b'mod ġenerali data storika għal reġjuni li ġew iddefiniti mill-ġdid fl-2003.

F'każijiet fejn ir-reġjuni ngħaqdu, kien relattivament faċli tiġbor flimkien l-istatistika għar-reġun il-ġdid ta' l-NUTS. F'każijiet fejn reġjun inqasam jew fejn il-fruntieri bejn ir-reġjuni ġew spustati, kien impossibbli għall-Eurostat li jwettaq kalkolu mill-ġdid mid- data disponibbli. L-Istati Membri kkonċernati ntalbu jipprovdu data kkalkolata mill-ġdid, dejjem jekk possibbli. Fil-każ ta' stħarriġ kampjun, huwa ta' sikwit impossibbli tikkalkola mill-ġdid id- data reġjonali b'mod retrospettiv peress li d-disinn ta' l-istħarriġ, inkluż id-daqs tal-kampjun f'kull reġjun (antik), ma jippermettix dan it-tip ta' kalkolu mill-ġdid. Huwa għalhekk inevitabbli li jidhru xi partijiet nieqsa fid- database wara t-tibdil fir-reġjuni ta' l-NUTS.

Punt ieħor li jrid jiġi nnutat huwa li d- data reġjonali miċ-ċensiment dwar il-popolazzjoni u d-djar ta' l-2000/2001 inġabret fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni reġjonali fis-seħħ fiż-żmien li fih twettaq iċ-ċensiment (kemm għall-Istati Membri antiki kif ukoll għall-ġodda). L-Eurostat ipprova jerġa jabbina kodiċi ġdid ma' din id- data skond l-NUTS (2003) kurrenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan kien possibbli. F'xi każi l-uffiċċju ta' l-istatistika fil-pajjiż ikkonċernat intalab jipprovdi skedi wara r-reviżjoni, ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-klassifikazzjoni reġjonali ta' l-2003.

5. LIVELLI ADDIZZJONALI TA' L-NUTS

Il-klassifikazzjoni ta' l-NUTS tinkludi tliet livelli ta' ġerarkija. L-Artikolu 2(5) ta' l-NUTS jitlob mill-Kummissjoni li tibgħat komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti livelli aktar fid-dettall fir-Regolament ta' l-NUTS. Il-Kummissjoni ddiskutiet din il-kwistjoni ma' l-Istati Membri u sussegwentement bagħtet komunikazzjoni (COM(2005)473), li waslet għal dawn il-konklużjonijiet:

Il-Kummissjoni kkonkludiet li fl-istadju preżenti m'għandu jkun hemm ebda ħsieb ta' livell addizzjonali ta' klassifikazzjoni reġjonali fil-qafas tar-Regolament NUTS. L-isforzi għandhom jikkonċentraw fuq l-informazzjoni statistika disponibbli fil-livelli preżenti ta' l-NUTS bil-ħsieb ta' tisħiħ fl-UE tal-25 wara t-tkabbir, titjib fil-kwalità u ksib ta' data addizzjonali reġjonali fejn meħtieġ għal skopijiet ta' politika.

Barra minn hekk, fuq livell informali, l-armonizzazzjoni tal-livell 1 (li huwa l-bażi tal-livell 3 ta' l-NUTS) ta' l-LAU (Local Administrative Unit - Unità Amministrattiva Lokali) għandha tirċievi l-appoġġ attiv tal-Kummissjoni fuq skala Ewropea. Dan se jfisser skambju ta' fehmiet intensivi bejn l-uffiċċji ta' l-istatistika, mħeġġa u appoġġjati mill-Kummissjoni, u anke l-iżvilupp ta' linjigwida għall-armonizzazzjoni ta' kunċetti u definizzjonijiet tar-reġjuni tal-Livell 1 ta' l-LAU.

Il-proposta hija li s-sitwazzjoni għandha tkun evalwata mill-ġdid f’xi ħin fil-futur. Mument li jista' jkun xieraq huwa xi żmien wara l-2008.

6. TKABBIR TA' L-UE

It-tkabbir ta' l-UE b'għaxar Stati Membri ġodda fl-1 ta' Mejju 2004 ħoloq il-ħtieġa li jiġu emendati l-Annessi 1 sa 3 tar-Regolament NUTS sabiex ikunu koperti l-25 Stati Membri kollha kemm huma.

Fl-2005 ġie adottat Regolament ta' emenda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill[3]. Il-proċedura għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament ta' emenda swiet ħafna aktar ħin u sforz milli kien mistenni fil-bidu minħabba l-għadd ta' pajjiżi kkonċernati. Waħda mill-problemi prinċipali kienet li xi uħud mill-Istati Membri l-ġodda resqu l-proposti għall-aġġustament tar-reġjuni tagħhom fl-NUTS fi stadju avvanzat (April 2004). Madankollu, il-proposti kollha ġew inkorporati.

Xi pajjiżi ta' l-adeżjoni adottaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom stess dwar il-klassifikazzjonijiet ta' l-istatistika reġjonali. Din il-leġiżlazzjoni ma tikkonċernax l-istruttura amministrattiva reġjonali f'pajjiżhom, iżda hija purament klassifikazzjoni statistika li tirrifletti l-NUTS. Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija superfluwa peress li r-Regolament ta' l-NUTS huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-Kummissjoni turi li leġiżlazzjoni "parallela" bħal din dwar il-klassifikazzjoni għall-istatistika reġjonali tikkomplika l-affarijiet b'mod konsiderevoli. B'mod partikolari, jekk il-Kummissjoni tkun obbligata tagħmel tibdil fil-klassifikazzjoni reġjonali biex tiġi konformi ma' l-obbligi legali u l-politika ta' l-UE, l-Istati Membri jkollhom jirrevokaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali wkoll. Fil-ġejjieni l-pajjiżi kandidati se jingħataw parir b'enfażi kbira biex ma jadottawx din it-tip ta' leġiżlazzjoni.

7. IL-PROċESS TA' AġġORNAMENT U R-REGOLAMENT NUTS

L-Artikolu 5 tar-Regolament NUTS jistipula kif il-klassifikazzjoni ta' l-NUTS tista' tiġi aġġornata. Madankollu, l-approċċ fondamentali huwa li l-klassifikazzjoni NUTS tibqa' stabbli kemm jista' jkun sabiex ma jkunx hemm qtugħ fis-sensiela taż-żmien ta' l-istatistika. Tibdil fil-klassifikazzjoni ta' l-NUTS huwa għalhekk limitat għal frekwenza ta' mhux aktar minn kull tliet snin. Eċċezzjoni għal dan il-limitu ta' tliet snin hija permessa fil-każ ta' riorganizzazzjoni amministrattiva minn fuq s'isfel f'xi Stat Membru, peress li minħabba riorganizzazzjoni bħal din ikun impossibbli jew jinvolvi ħafna xogħol biex l-uffiċċju ta' l-istatistika fil-pajjiż ikkonċernat ikun jista' jkompli jipprovdi statistika bbażata fuq klassifikazzjoni reġjonali skaduta. Eċċezzjoni oħra hija permessa għal tibdil ħafif fil-fruntieri reġjonali: tibdil fil-fruntiera li jwassal għal tibdil ta' anqas minn 1% tal-popolazzjoni fl-iċken reġjun involut m'hemmx għalfejn jiġi ttrattat bħala aġġornament tal-klassifikazzjoni NUTS.

Minn Ġunju 2003 ebda riorganizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5(4), ma twettqet fi xi Stat Membru. Sar xi tibdil ħafif fil-fruntieri bejn ir-reġjuni NUTS.

Il-moratorju ta' tliet snin dwar tibdil fil-klassifikazzjoni ta' l-NUTS fisser li l-ewwel reviżjoni kienet possibbli fl-2006. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tressaq proposti għall-aġġornament tal-klassifikazzjoni ta' l-NUTS fuq il-bażi ta' informazzjoni mill-Istati Membri, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' politika tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, sabiex jiġu adottati fit-"tieni nofs tas-sena kalendarja". Il-proċess ġenerali għal reviżjoni bħal din u l-proċedura għall-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar xi tibdil li jixtiequ jagħmlu fil-klassifikazzjoni ta' l-NUTS ġew finalizzati ma' l-Istati Membri matul laqgħat regolari tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Eurostat dwar Statistika Reġjonali u Urbana fl-2005. Fil-prattika reviżjoni tal-klassifikazzjoni tfisser biss emenda ta' l-Annessi tar-Regolament.

F'termini ġenerali, peress li r-Regolament NUTS huwa dwar l-istatistika, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tat-treġija tal-klassifikazzjoni reġjonali taqa' fuq l-uffiċċju ta' l-istatistika f'kull Stat Membru. Madankollu, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw b'mod formali lill-Kummissjoni dwar xi tibdil li jixtiequ jipproponu permezz ta' ittra mir-Rappreżentant Permanenti fl-UE.

Bħala riżultat tal-proċess hawn fuq imsemmi, ġew proposti emendi fil-klassifikazzjoni reġjonali Ewropea (NUTS) fit-12-il Stat Membru li ġejjin: Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, l-Olanda, il-Polonja, il-Finlandja, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Id-Danimarka, is-Slovenja u l-Iżvezja biss huma affettwati fit-totalità tagħhom; Fil-pajjiżi l-oħra kollha, it-tibdil huwa limitat għal xi reġjuni magħżula. Ir-reviżjonijiet proposti mill-Portugal ma ġewx aċċettati mill-Kummissjoni peress li nstabu li jmorru kontra ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Il-klassifikazzjoni l-ġdida ta' l-NUTS se tapplika għal data pprovduta mill-1 ta' Jannar 2008. Minn din id-data 'l quddiem, id- data statistika mibgħuta trid tkun konformi mal-klassifikazzjoni NUTS 2006.

Il-Kumitat għall-Programm Statistiku approva abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni taħt il-proċedura tal-"komitoloġija" fil-laqgħa tiegħu fis-16 ta' Novembru 2006.

L-abbozz ta' Regolament ġie kkomunikat lill-Parlament Ewropew, konformi mad-dritt ta' skrutinju (Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE), fil-5 ta' Diċembru 2006 u ġie adottat b'mod finali mill-Kummissjoni fl-1 ta' Frar 2007 [4] .

Taqsira

B'mod ġenerali l-proċess għal reviżjoni tal-klassifikazzjoni reġjonali ħadem sewwa, iżda ċertu tibdil fil-proċedura jeħtieġ li jsir għar-reviżjoni li jmiss fl-2009. L-ewwel nett, sabiex ikun żgurat li l-intenzjoni ta' kull Stat Membru hija ċara b'mod assolut, se tintalab reazzjoni speċifika minn kull Stat Membru li fiha jindika jekk hux biħsiebu jagħmel xi reviżjoni. Dan jevita problemi dwar iċ-ċarezza ta' l-intenzjoni tiegħu fil-ġejjieni. It-tieni, u ta' aktar importanza, fid-dawl tar-reviżjoni tal-"proċedura tal-komitoloġia", b'mod partikolari l-estensjoni taż-żmien mogħti lill-Parlament Ewropew għad-"dritt ta' skrutinju", il-proċess ta' revizjoni se jkollu jinbeda ħafna aktar kmieni matul is-sena u l-iskadenzi jiġu aġġustati skond dan.

8. PAJJIżI KANDIDATI

Minn Mejju 2004 ħames pajjiżi kandidati kellhom diskussjonijiet ma' l-Eurostat dwar il-klassifikazzjoni reġjonali għall-istatistika. Sakemm għadhom pajjiżi kandidati, hemm qbil dwar klassifikazzjoni ta' "reġjuni statistiċi" sabiex jista' jsir aħjar il-ġbir ta' statistika reġjonali komparabbli matul il-proċess kollu ta' adeżjoni. Biex tistabbilixxi dawn ir-reġjuni u tevalwa xi tibdil propost, l-Eurostat jikkunsidra d-dispożizzjonijiet fir-Regolament NUTS, b'mod partikolari l-limiti minimi ta' popolazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2).

Il-Bulgarija u r-Rumanija diġa kienu ftehmu dwar ir-reġjuni ta' l-istatistika qabel ma ġie approvat b'mod finali r-Regolament NUTS fl-2003. Xi uħud minn dawn ma kinux konformi totalment mar-Regolament (Artikolu 3(2)). Fi tħejjija għall-adeżjoni tagħhom ma' l-UE, l-Eurostat kelludiskussjonijiet fit-tul kemm mal-Bulgarija kif ukoll mar-Rumanija biex iġġib ir-reġjuni ta' l-istatistika ta' dawn il-pajjiżi aktar konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament NUTS. Fil-każ tar-Rumanija, il-programmi ta' appoġġ reġjonali ta' qabel l-adeżjoni tal-Kummissjoni, ibbażati fuq id-definizzjonijiet provviżorji miftehma tal-livell 2 "Reġjuni ta' l-Istatistika", ħadmu kontra kull reviżjoni dwar l-adeżjoni, b'mod partikolari biex jiżguraw statistika reġjonali komparabbli li tkopri l-perjodi pre- u post- adeżjoni. Dan se jkun revedut għar-rawnd ta' aġġornament li jmiss.

Il-Kroazja ntalbet tintroduċi klassifikazzjoni ta' l-istatistika reġjonali, skond il-Patt ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u għamlet sensiela ta' proposti għal dan il-għan. L-ewwel tnejn ma ġewx aċċettati mill-Kummissjoni minħabba li r-reġjuni livell 2 (non-amministrattivi) ma kinux konformi mal-kriterji ta' daqs fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament NUTS. It-tielet proposta ntlaqgħet mill-Kummissjoni iżda sussegwentement ġiet irtirata mill-Kroażja. Minn dakinhar intbagħtet proposta oħra u din intlaqgħet mill-Kummissjoni.

L-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bagħtet żewġ proposti lill-Eurostat għal klassifikazzjoni ta' l-istatistika reġjonali. It-tnejn kien fihom għadd ta' reġjuni non-amministrattivi fuq il-livell 3 u waħda minnhom hija żgħira wisq biex tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 3(5). Il-kriterji għal unitajiet non-amministrattivi bħal dawn huma aktar restrittivi milli għar-reġjuni amministrattivi. Għalhekk iż-żewġ proposti ma ntlaqgħux mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu3(2).

It-Turkija diġa kienet laħqet ftehim provviżorju dwar ir-reġjuni ta' l-istatistika qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament NUTS fl-2003. Il-klassifikazzjoni aħħarija tar-reġjuni NUTS li trid tiġi adottata ma' l-adeżjoni għadha soġġetta għal negozjati u għal ftehim fi ħdan il-proċess ta' adeżjoni.

9. PAJJIżI U TERRITORJI OħRA

Il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea ma japplikax għall-istatistika reġjonali. L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja jieħdu inkonsiderazzjoni l-kriterji stipulati fir-Regolament NUTS iżda mhumiex marbuta legalment. Il-Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera ma jkoprix l-istatistika reġjonali f'xi oqsma.

Minn żmien għal żmien l-Eurostat irċieva rikjesti mill-utenti għal data reġjonali bbażata fuq klassifikazzjoni li tixbaħ lil ta' l-NUTS għal pajjiżi jew territorji oħra li mhumiex fl-UE. L-Eurostat ma setgħax jilqa' dawn ir-rikjesti minkejja l-ħtieġa li nħolqot b'inizjattivi ta' l-UE bħall-programm Socrates, il-programm "Interreg" jew il-Politika Reġjonali.

- Il-programm Socrates immexxi mid-Direttorat-Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura jitlob klassifikazzjoni reġjonali fil-pajjiżi CARDS fil-Balkani tal-Punent u fit-territorji lilhinn mix-xtajta ta' xi Stati Membri (Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lilhinn mix-xtajta mal-Komunità Ewropea).

- Il-programmi "Interreg" jolqtu wkoll il-fruntieri esterni ta' l-UE u jinkludu reġjuni f'pajjiżi bħall-Ukraina, il-Moldova jew ir-Russja. Minħabba li ebda reġjun NUTS mhu definit f'dawn il-pajjiżi, ir-reġjuni eliġibbli għal dan il-programm ġew iddefiniti fuq bażi ad hoc.

- Ġeografikament ir-Regolament NUTS japplika għat-territorju ekonomiku ddefinit fir-Regolament ESA(95) (punti 2.05 u 13.07)[5], li għalhekk jeskludi ċerti territorji speċifiċi bħal Ġibiltà jew Mount Athos mill-klassifikazzjoni ta' l-NUTS.

10. DISSEMINAZZJONI

Il-lista sħiħa ta' reġjuni, inklużi kodiċijiet u ismijiet, qiegħda fuq is-server RAMON dwar il-klassifikazzjonijiet fuq il-websajt ta' l-Eurostat. B'dan il-mod it-tagħrif dwar il-klassifikazzjoni NUTS jinsab disponibbli għall-akbar għadd ta' persuni possibbli.

Barra minn din il-lista ta' reġjuni, il-websajt tinkludi testi ta' introduzzjoni u ta' spjegazzjoni dwar l-NUTS u żewġ taqsimiet b'mapep li juru l-fruntieri tar-reġjuni. Il-ħolqa għall-paġna ewlenija hija:

http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nuts/.

Gie ppubblikat ktejjeb li fih il-klassifikazzjoni ta' l-NUTS u mapep ġenerali tar-reġjuni mill-Eurostat fl-2003 b'verżjoni riveduta, bir-reġjuni kollha ta' l-NUTS fl-UE-25, fl-2004. Kopji ta' dan il-ktejjeb tqassmu ġewwa l-Eurostat u lill-esperti ta' l-istatistika mill-Istati Membri li huma l-kuntatti ewlenin ta' l-Eurostat għall-provvista ta' l-istatistika reġjonali. Il-ktejjeb huwa wkoll disponibbli fil-format PDF fuq il-websajt ta' l-Eurostat:

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page?_pageid=1073,1135281,1073_1135295&_dad=portal&_schema=PORTAL&p_product_code=KS-BD-04-005.

Waqt laqgħat tal-Gruppi ta' Ħidma tas-Sistema Statistika Ewropea, li huma l-forum ewlieni għal diskussjonijiet dwar l-NUTS ma' l-uffiċċji ta' l-istatistika ta' l-Istati Membri, l-Eurostat ippreżenta aktar minn darba l-klassifikazzjoni NUTS u r-regoli tagħha, b'mod partikolari dwar tibdil fl-NUTS. Saru wkoll sessjonijiet ta' preżentazzjoni lill-Gruppi ta' Ħidma fuq għadd ta' suġġetti oħrajn (eż sistemi u statistika ta' tagħrif ġeografiku, statistika dwar id-demografija, it-turiżmu u t-trasport) u lill-membri ta' ċerti Direttorati Ġenerali għall-politika tal-Kummissjoni.

11. KONKLUżJONIJIET

Ir-Regolament NUTS huwa operattiv fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika u qiegħed jaqdi l-iskop ewlieni tiegħu bħala qafas għall-istatistika reġjonali fuq livell Ewropew.

Il-premessa 8 tar-Regolament NUTS tenfażizza l-intenzjoni li tinżamm l-istabilità fil-klassifikazzjoni ta' l-NUTS. Għal ċerti oqsma ta' statistika reġjonali, kull tibdil fil-klassifikazzjoni ta' l-NUTS joħloq problemi sinifikanti għal dak li huwa manutenzjoni u kalkolu mill-ġdid ta' data ta' l-istatistika. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħadet approċċ restrittiv fil-proposti tagħha ta' tibdil fir-reġjuni ta' l-NUTS.

Il-kwistjoni ta' aktar żieda fil-livelli reġjonali fir-Regolament NUTS ġiet mistħarrġa fil-fond anke bil-konsultazzjonijiet meħtieġa ma' l-Istati Membri. Intbagħtet komunikazzjoni dwar dan is-suġġett lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-konklużjoni kienet li ebda livell ieħor m'għandu jiżdied fir-Regolament NUTS f'dan il-waqt. Il-kwistjoni għandha terġa tiġi evalwata xi żmien wara l-2008.

F'diskussjonijiet mal-pajjiżi kandidati, id-dispożizzjonijiet fir-Regolament NUTS intużaw biex il-pajjiżi kandidati jitħeġġu biex iġibu l-proposti tagħhom konformi ma' klassifikazzjoni reġjonali Ewropea aktar armonizzata.

Ir-reviżjoni tar-Regolament NUTS imxiet mingħajr intoppi, iżda se jsir xi tibdil żgħir biex jissaħħaħ dan il-proċess fir-rawnd ta' reviżjoni ta' l-2009.

[1] ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2007 (ĠU L 39, 10.2.2007, p. 1).

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proprjetà li jkunu stabbiliti regoli fuq bażi mifruxa ma’ l-Ewropa kollha għal aktar livelli ddettaljati fil-Klassifikazzjoni ta’ l-NUTS (COM(2005) 473 finali tas-6 ta' Ottubru 2005).

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 1888/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja ma' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 309, 25.11.2005,p.1).

[4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 105/2007 ta' l-1 ta' Frar 2007 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L39, 10.2.2007,p.1).

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, tat-30.11.1996, p.1).

Top