Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0210

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' prodotti għall-konsum u garanziji assoċjati magħhom inkluża l-analiżi tal-każ għall-introduzzjoni tar-responsabilità diretta tal-produtturi.

/* KUMM/2007/0210 finali */

52007DC0210




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.4.2007

KUMM(2007) 210 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' prodotti għall-konsum u garanziji assoċjati magħhom inkluża l-analiżi tal-każ għall-introduzzjoni tar-responsabilità diretta tal-produtturi.

DAĦLA

Parti I tal-Komunikazzjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom,

Parti II teżamina l-każ għall-introduzzjoni tar-responsabilità diretta tal-produturi fil-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

WERREJ

DAĦLA 2

Parti I - Ir-Rapport ta' Implimentazzjoni 4

1. Introduzzjoni 4

2. L-ambitu ta' l-Applikazzjoni u Definizzjonijiet - Artikolu 1 4

3. Konformità mall-Kuntratt - l-Artikolu 2 5

4. Drittijiet tal-Konsumatur - Artikolu 3 6

5. Dritt għal rimedju - artikolu 4 8

6. Limitu ta' Żmien - Artikolu 5(1) 8

7. Obbligu ta' notifika - Artikolu 5(2) 9

8. Il-piż tal-prova - artikolu 5(3) 9

9. Garanziji tal-konsumatur - artikolu 6 9

10. In-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet - Artikolu 7 (1) u (2) 10

11. Prodotti użati - Artikolu 7 (1) 10

12. Konklużjonijiet 10

Parti II - Ir-responsabilità Diretta tal-Produtturi 11

13. Regolament nazzjonali Eżistenti 11

14. L-impatt possibbli 11

15. Konklużjonijiet 12

ANNESS I 13

ANNESS II 16

PARTI I - IR-RAPPORT TA' IMPLIMENTAZZJONI

1. INTRODUZZJONI

L-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' prodotti għall-konsum u garanziji assoċjati magħhom[1] (“id-Direttiva”) f’liġi nazzjonali (ara l-Anness I). F'dan id-dokument (ir-"Rapport"), il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u teżamina l-każ għall-introduzzjoni tar-responsabilità diretta tal-produtturi, kif stipulat fl-Artikolu 12.

Dan ir-Rapport ma jeżaminax it-traspożizzjoni tad-Direttiva għal-liġi nazzjonali tal-Bulgarija u r-Rumanija. Madankollu, il-miżuri ta' traspożizzjoni, ikkomunikati minn dawk l-Istati Membri kif stipulat bit-Trattat ta' l-Adeżjoni[2], huma inklużi fl-Anness I.

Ir-Rapport jeżamina wkoll l-użu mill-Istati Membri ta' l-għażla li jiġi introdott limitu ta' żmien li fih il-konsumatur li jiskopri xi difett irid javża lill-bejjiegħ, kif mitlub mill-Artikolu 5(2). Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll il-Green Paper dwar ir-Reviżjoni ta' l-Acquis tal-Konsumatur ("il-Green Paper")[3]. Hemmhekk il-Kummissjoni tippreżenta għadd ta' kwistjonijiet trażversali għall-konsultazzjoni pubblika. Dawn jinkludu kwistjonijiet relatati ma' differenzi u nuqqasijiet regolatorji li l-Kummissjoni identifikat matul ir-reviżjoni ta' l-acquis tal-konsumatur[4], inklużi dawk ġejjin mid-Direttiva. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-partijiet interessati kollha biex iwieġbu.

Waqt li kkunsidrat it-traspożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva, il-Kummissjoni ta' sikwit għamlet użu mit-traduzzjonijiet. Xi wħud mill-problemi identifikati f'dan ir-Rapport jistgħu ikunu ġejjin mit-traduzzjonijiet.

2. L-AMBITU TA' L-APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET - ARTIKOLU 1

Id-definizzjoni ta' " konsumatur " u " bejjiegħ" huma pprovduti mhux biss fid-Direttiva iżda wkoll f'atti Komunitarji oħrajn fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur. Fil-Green Paper jitqiesu l-problemi li ġejjin minn dawn id-definizzjonijiet diverġenti.

Id-definizzjoni ta' " produttur" fl-Artikolu 1(2)(d) ma wasslet għall-ebda problema partikolari. Maġġoranza ta' Stati Membri ġeneralment segwew il-kliem tad-Direttiva b'mod leali. Madankollu, il-liġijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja jeħtieġ li jiġu kkjarifikati. Id-Danimarka, il-Ġreċja u l-Isvezja għadhom ma pprovdewx il-Kummissjoni bi traspożizzjoni tad-definizzjoni. Fil-Latvja id-definizzjoni hija estiża biex tkopri persuni li jirrinovaw prodotti għall-bejgħ.

L-ambitu ta' l-applikazzoni tad-Direttiva huwa ddeterminat bid-definizzjoni ta' " prodotti tal-konsumatur " fl-Artikolu 1(2)(b). Dan l-istess Artikolu jagħmel eċċezzjonijiet għall-prodotti mibjugħa permezz ta' l-eżekuzzjoni jew inkella bl-awtorità tal-liġi, għall-ilma u għall-gass fejn ma jkunux għall-bejgħ f'volum limitat jew f'ċerta kwantità, u għall-elettriku. L-Istati Membri ttrasponew din id-definizzjoni f'modi differenti. Għadd ta' Stati Membri segwew id-Direttiva filwaqt li oħrajn m'għamlux użu ta' l-eċċezzjoni u japplikaw il-liġijiet rilevanti għall-prodotti kollha mobbli. Flimkien ma' dan, fl-Awstrija u l-Portugall il-liġi rilevanti tapplika wkoll għall-bejgħ lill-konsumaturi ta' proprjetà mobbli. Il-Ġreċja u s-Slovenja għadhom ma pprovdewx traspożizzjonijiet tad-definizzjoni.

L-Artikolu 1(4) jestendi l-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva lill-kuntratti għall-forniment ta' prodotti għall-konsum biex jiġu mmanifatturati jew prodotti. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta b'mod korrett f'maġġoranza ta' l-Istati Membri. Madankollu, it-traspożizzjonijiet tal-Ġreċja u r-Repubblika Ċeka ma jikkorrispondux ma' l-Artikolu 1(4) u jeħtieġu kjarifika. L-Ungerija u l-Litwanja ma ttrasponewx l-estensjoni. Madankollu il-kunċett ta' kuntratt tal-konsumatur skond il-liġijiet tagħhom nazzjonali jistgħu jiġu interpretati bħala prodotti li jkopru li għandhom jiġu mmanifatturati jew prodotti. It-traspożizzjoni Latvjana u Slovena japplikaw għas-servizzi li tirrendi traspożizzjoni diretta ta' dan l-Artikolu bħala waħda mhux meħtieġa. Permezz tat-twaqqif ta' kondizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tagħha relatata ma' prodotti għall-manifattura, it-traspożizzjoni ta' l-Estonja ta' l-Artikolu 1(4) tidher idjaq mid-Direttiva.

Skond l-Artikolu 1(3), l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li d-definizzjoni tal-prodotti għall-konsum ma tkoprix "prodotti użati mibjugħa f'irkanti pubbliċi fejn il-konsumatur għandu l-opportunità jattendi għall-bejgħ in persuna ". Il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Renju Unit għamlu użu minn din l-għażla. Spanja introduċiet esklużjoni aktar stretta, li tirreferi biss għal "irkanti amministrattivi". Id-Danimarka, l-Italja u l-Iżvezja m'għamlux użu minn din l-għażla iżda minflok jillimitaw ir-responsabilità tal-bejjiegħ għal tali prodotti mibjugħa fi rkanti pubbliċi.

Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja ma pprovdewx lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni tad-definizzjoni ta' garanzija fl-Artikolu 1(2)(e). Id-definizzjoni fil-Finlandja, il-Latvja u l-Polonja tidher insuffiċjenti u teħtieġ kjarifika. Il-Ġermanja u l-Portugall estendew id-definizzjoni għal garanziji oħra offruti lill-konsumatur.

3. KONFORMITÀ MALL-KUNTRATT - L-ARTIKOLU 2

L-Artikolu 2 japprossima l-liġijiet nazzjonali dwar in-non-konformità ta' prodotti mal-kuntratt. Il-bejjiegħ għandu jwassal lill-konsumatur prodotti li huma konformi mal-kuntratt (Artikolu 2(1)). L-Artikolu 2(2) jistabbilixxi preżunzjoni għall-konformità jekk il-prodotti jissodisfaw ir-rekwiżiti mniżżla fil-punti (a) – (d). Verifiki tat-traspożizzjonijiet juru li dan l-Artikolu in ġenerali wassal għal xi problemi. Inġibdet l-attenzjoni lejn ċerti diskrepanzi bejn id-Direttiva u t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-Ġreċja, il-Latvja, Malta, l-Olanda, il-Portugall, is-Slovenja u r-Renju Unit irregolaw dawn ir-rekwiżiti b'mod negattiv (jiġifieri l-prodotti huma meqjusa li mhumiex konformi sakemm ma jilħqux ċerti standards); Stati Membri oħrajn ma fformulawx ir-regoli tagħhom nazzjonali bħala preżunzjonijiet (eż. l-Awstrija). Fiż-żewġ każijiet, il-liġijiet nazzjonali jirreflettu d-Direttiva b'mod korrett. Il-liġi Ġermaniża ma tidhirx li tqis il-kriterji ta' konformità bħala kumulattivi iżda pjuttost bħala kklassifikati skond il-prijorità tagħhom u dan għandu jiġi kkjarifikat. Teħtieġ kjarifika mis-Slovakkja, li tidher li mhijiex timxi fuq il-kunċett ta' prodotti f'konformità ma' kuntratt.

It-traspożizzjoni ta' l-Artikolu 2(2)(a)-(d) ma wasslet għall-ebda problema serja. Madankollu, il-liġijiet ta' xi Stati Membri jeħtieġu aktar kjarifikazzjonijiet. Is-Slovenja introduċiet restrizzjoni tal-preżunzjoni tal-konformità fir-rigward tal-punt (a) dwar kampjuni u mudelli filwaqt li r-Repubblika Ċeka ma tirreferix direttament għall-kampjuni jew mudelli. Rigward il-punt (2)(b), skond il-liġijiet ta' l-Italja, l-Latvja, Malta, s-Slovenja u ta' l-Iżvezja l-bejjiegħ huwa marbut bl-għan partikolari maħsub għall-prodotti anke jekk hu ma aċċettax dan l-għan espressament. Għall-kuntrarju, il-Ġermanja, l-Olanda u Spanja jistipulaw li jeħtieġ li aċċettazzjoni ċara ta' l-għan speċjali tiġi inkorporata fil-kuntratt.

Meta wieħed jiġi għall-Artikolu 2(2)(c) u (d), il-liġijiet ta' wħud mill-Stati Membri mhumiex ċari biżżejjed u għalhekk jistgħu jiġu interpretati b'mod li mhuwiex dejjem konsistenti mad-Direttiva. Pereżempju, it-traspożizzjoni Olandiża ma tistipulax espliċitament li d-dikjarazzjonijiet tal-produttur u r-rappreżentanti tiegħu għandhom jitqiesu waqt il-valutazzjoni ta' l-istennijiet raġjonevoli tal-konsumatur u fil-każ tas-Solvenja m'hemm l-ebda referenza għar-rappreżentanti tal-produttur. Fl-aħħar, uħud mill-Istati Membri żiedu rekwiżiti addizzjonali fil-każ meta prodott huwa mifhum li huwa konformi mal-kuntratt, eż. Ċipru, li jeħtieġ id-disponibilità ta' spare parts , aċċessorji u tekniki speċjalizzati.

L-Artikolu 2.3 jispjega ċ-ċirkostanzi li taħthom il-bejjiegħ jista' jiġi eżonerat mir-responsabilità meta l-prodotti ma jikkonformawx. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri ittrasponew dan kif meħtieġ. Xi wħud għażlu li jbiddlu din id-dispożizzjoni (eż. l-Awstrija u l-Greċja) b'tali mod li ma tkunx anqas favorevoli għall-konsumatur. L-Iżvezja ma kkomunikat l-ebda traspożizzjoni ta' dan l-Artikolu.

Il-mument li fih konsumatur irid ikun konxju min-nuqqas ta' konformità sabiex il-bejjiegħ ikun responsabbli huwa differenti mid-Direttiva f'xi Stati Membri bi ħsara għall-konsumaturi. La l-liġi Awstrijaka u lanqas dik Pollakka ma jsemmu dan il-mument, li jista' jwassal għal interpretazzjoni mhux favorevoli għall-konsumatur. Fil-każ tal-Lussemburgu, il-konsumatur ma jistax jikkontesta d-difetti li minnhom kien konxju jew li minnhom kellu jkun konxju fil-waqt tat-twassil. Għalhekk il-konsumatur jista' jitlef id-drittijiet kollha fir-rigward tad-difetti li jidhru, li seta sar jaf bihom sakemm ma jirrifjutax il-prodotti minnufih.

Bosta mill-Istati Membri ttrasponew b'mod leali l-Artikolu 2(4) dwar l-eżonerazzjoni tar-responsabilità tal-bejjiegħ fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi. Oħrajn (eż. ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u s-Slovenja) għamlu użu mill-klawżola ta' l-armonizzazzjoni minima u ttrasponew biss xi wħud jew l-ebda mill-kriterji ta' eżonerazzjoni. Il-liġi Portugiża titlob aktar kjarifika billi tippermetti lill-partijiet għall-kuntratt li jillimitaw ir-responsabilità tal-bejjiegħ permezz ta' klawżola kontrattwali.

L-Artikolu 2(5) li jistipula li l-installazzjoni mhux korretta u n-nuqqasijiet fl-istruzzjoni ta' l-installazzjoni huma ekwivalenti għan-non-konformità, ma wassal għall-ebda problemi partikolari ta' interpretazzjoni u ġie traspost minn bosta Stati Membri. Stati Membri oħra (eż. id-Danimarka u r-Renju Unit) ittrasponew din id-dispożizzjoni indirettament, li tqajjem il-kwistjoni jekk id-Direttiva ġietx implimentata b'mod adegwat. Il-Litwanja u s-Slovenja ma kkomunikawx il-miżuri tagħhom ta' traspożizzjoni lill-Kummissjoni.

4. DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR - ARTIKOLU 3

L-Artikolu 3 jagħti lill-konsumaturi ċerti drittijiet fir-rigward tal-bejjiegħ fil-każ ta' non-konformità tal-prodotti ("garanzija legali") billi jintroduċi responsabilità kuntrattwali tal-bejjiegħ lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jkun jeżisti fil-waqt tat-twassil. Id-Direttiva la tipprovdi definizzjoni tat-twassil u lanqas tittratta l-kwistjoni tal-trasferiment tar-riskju. L-Istati Membri kollha pprevedew responsabilità bħal din. Iżda xi wħud mil-liġijiet nazzjonali madankollu jvarjaw mid-Direttiva f'dak li għandu x'jaqsam mal-mument li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tan-non-konformità. Pereżempju, skond il-liġi Latvjana, il-prodotti għandhom ikunu konformi mal-kuntratt fil-mument tal-"bejgħ" filwaqt li li l-liġi Ungeriża tuża l-kunċett ta' "ħin tal-prestazzjoni". Jeħtieġ ikun kjarifikat jekk dawn il-kunċetti jikkorrispondux mad-Direttiva. Skond ir-regoli Finlandiżi, il-konformità għandha tiġi evalwata fil-mument tat-trasferiment tar-riskju, li f'xi każijiet jista' jseħħ qabel it-twassil (jiġifieri jekk ix-xerrej jittardja l-ġbir jew it-twassil). L-ebda miżura li tittrasponi din id-dispożizzjoni ma ġiet ikkomunikata mill-Iżvezja. Il-kwistjoni ta' definizzjoni possibbli ta' l-UE hija indirizzata fil-Green Paper.

F'termini ġenerali, l-Artikoli 3(2) u 3(5) ma wasslu għall-ebda problema partikolari; maġġoranza ta' Stati Membri ittrasponew b'mod leali r-rimedji previsti mid-Direttiva. Madankollu, ċerti Stati Membri għamlu użu mill-klawżola ta' armonizzazzjoni minima u introduċew varjazzjonijiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Fil-Ġreċja, l-Litwanja, l-Portugall u s-Slovenja[5] il-konsumaturi jistgħu jagħżlu liberament bejn ir-rimedji kollha. F'ċerti pajjiżi oħra, l-għażla tal-konsumatur hija aktar ristretta iżda xorta usa' milli fid-Direttiva (ara isfel). Il-Finlandja introduċiet drittijiet addizzjonali għall-konsumatur: biex huwa/hija stess j/tikkoregi n-non-konformità u biex iżomm il-ħlas. Din ta' l-aħħar hija disponibbli wkoll taħt il-liġi Żvediża. Bil-kuntrarju, l-Litwanja tidher li qed tipprevedi żewġ rimedji biss relatati mal-prodotti ta' l-ikel.

It-traspożizzjoni Ċeka tidher li mhijiex qed tipprovdi l-konsumatur bi dritt għal tnaqqis fil-prezz jew tmiem ta' kuntratt jekk il-bejjiegħ ma jkunx sewwa jew biddel il-prodott mingħajr inkonvenjenza żejda għall-konsumatur. Fil-każ tas-Slovakkja l-ebda drittijiet diretti ma jingħataw lill-konsumaturi fil-każ li l-bejjiegħ ma wettaqx ir-rimedju fi żmien raġjonevoli.

L-Artikolu 3(3) japplika test ta' proporzjonalità biex jiddetermina jekk il-bejjiegħ huwiex obbligat jaċċetta rimedju partikolari mitlub mill-konsumatur. Dan wassal għal problema ta' interpretazzjoni. Mhuwiex ċar jekk dan it-test ta' proporzjonalità japplikax biss għall-għażla bejn "tiswija" u "tibdil" jew jekk jistax ukoll jinkludi rimedji oħra (eż. it-tnaqqis fil-prezz u t-tmiem ta' kuntratt). Xi Stati Membri għażlu li jiċċaraw l-ambitu tat-test jew daħħlu xi varjazzjonijiet. Pereżempju, it-traspożizzjoni Ġermaniża tapplika t-test biss fl-għażla bejn "tiswija" u "tibdil"; il-liġijiet Irlandiżi u dawk tar-Renju Unit jistqarru espressament li r-rimedji kollha jistgħu jitqiesu. Il-Lussemburgu u r-Repubblika Ċeka ma ttrasponewx l-elementi speċifiċi tat-test ta' proporzjonalità stipulat bid-Direttiva.

L-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 3(3) li jistipula li t-tiswija jew it-tibdil għandhom jitlestew fi żmien raġjonevoli u mingħajr l-ebda inkonvenjenza sinifikanti lill-konsumatur, ġie traspost letteralment minn maġġoranza ta' Stati Membri. Madankollu, is-Slovenja ħasbet għal protezzjoni usa', billi ffissat limitu ta' żmien speċifiku għal-bejjiegħ biex jikkonforma mat-talba għal kull rimedju (massimu ta' tmint ijiem). Il-liġijiet Pollakki u Litwani ma jirreferux għall-inkonvenjenza tal-konsumatur u jeħtieġu aktar kjarifiki. Il-Ġermanja ma kkomunikatx miżura li tittrasponi din id-dispożizzjoni.

Għandu jinstab rimedju mingħajr ħlas, u l-bejjiegħ għandu jerfa' l-ispejjeż tal-posta, tax-xogħol u l-materjali (Artikolu 3(4)). Dan ir-rekwiżit u d-definizzjoni li takkompanjah ta' "mingħajr ħlas" ġew trasposti kif xieraq minn bosta mill-Istati Membri. Madankollu, xi wħud għażlu li ma jittrasponux id-definizzjoni speċifika u jipprovdu biss għal dmir ġenerali li jinstabu rimedji mingħajr ħlas (eż ir-Repubblika Ċeka u l-Iżvezja). Il-liġi Ġermaniża tistipula li, fejn il-prodotti tal-konsumatur huma miġjuba f'konformità mal-kuntratt permezz tat-twassil ta' prodotti mibdula, il-bejjiegħ jista' jitlob għall-kumpens mill-konsumatur għall-użu ta' prodotti oriġinarjament imwassla li instabu li kienu difettużi. Din il-leġiżlazzjoni tidher li ma taqbilx mad-Direttiva[6].

Skond l-Artikolu 3(6), il-konsumatur mhuwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta' konformità hija żgħira. Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri ittrasponew din il-limitazzjoni. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Portugall u r-Renju Unit biss għamlu użu mill-klawżola ta' armonizzazzjoni minima u għażlu li jippermettu lill-konsumatur li jħassar il-kuntratt anke f' każijiet minuri.

5. DRITT GħAL RIMEDJU - ARTIKOLU 4

L-Artikolu 4 jistipula li bejjiegħ finali, li huwa miżmum responsabbli lejn il-konsumatur għal nuqqas ta' qbil, għandu jkun intitolat li jsegwi r-rimedji kontra bejjiegħa ta' qabel fil-katina kuntrattwali jew kontra l-produttur. Għadd ta' Stati Membri ttrasponew id-dispożizzjoni b'mod leali; maġġoranza minn dawn jirreferu għal-liġi ġenerali kuntrattwali rigward kondizzjonijiet u rekwiżiti preċiżi għal talba bħal din (eż l-Awstrija u l-Portugall), filwaqt li oħrajn għażlu li jirregolaw din it-talba direttament fil-miżura ta' traspożizzjoni (eż. l-Ungerija u l-Italja). Madankollu, ħafna Stati Membri għażlu li jistrieħu biss fuq il-prinċipji ġenerali kuntrattwali u ma ttrasponewx din id-dispożizzjoni (eż. id-Danimarka u r-Renju Unit). Iż-żewġ metodi ta' traspożizzjoni huma biżżejjed sakemm ma jillimitawx id-drittijiet tal-bejjiegħ finali kif stipulat bid-Direttiva. L-ebda miżura ta' traspożizzjoni ma ġiet ikkomunikata mis-Slovenja.

6. LIMITU TA' ŻMIEN - ARTIKOLU 5(1)

Il-bejjiegħ huwa responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta' konformità jibda jidher fi żmien sentejn mill-mument tat-twassil (l-Artikolu 5(1)). Il-maġġoranza ta' l-Istati Membri ittrasponew din id-dispożizzjoni letteralment. Oħrajn għażlu li jistrieħu fuq il-limitu ta' żmien li huwa ġeneralment applikabbli fil-liġi tagħhom kuntrattwali: il-Finlandja (3 snin mit-twassil), l-Irlanda u r-Renju Unit (sitt snin għaż-żewġ pajjiżi). L-Olanda ttrasponiet perjodu ta' limitu ta' sentejn li jibda min-notifika tad-difett. Fir-Repubblika Ċeka hemm varjazzjoni li tiddependi mit-tip ta' prodotti li qed jinbigħu (prodotti għall-konsum - sentejn, oġġetti ta' l-ikel - 3 ġimgħat, prodotti tal-merċa - 8 ijiem), li jeħtieġ li tiġi kkjarifikata. Il-liġi Portugiża tidher li ma laħqitx il-livell ta' ħarsien previst fid-Direttiva billi tistipula li l-azzjoni trid tittieħed fi żmien 6 xhur mill-mument li fih il-konsumatur innotifika l-bejjiegħ bid-difett.

Kif stipulat fil-premessa 18, għadd ta' Stati Membri introduċew regoli speċifiċi dwar l-estensjoni tal-perjodu li fih il-bejjiegħ huwa responsabbli filwaqt li jipprova jsewwi d-difett (eż. l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka).

7. OBBLIGU TA' NOTIFIKA - ARTIKOLU 5(2)

Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jistipulaw li, sabiex il-konsumatur jibbenefika mid-drittijiet tiegħu, huwa għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta' konformità waqt ċertu perjodu (mhux aktar tard minn xahrejn mill-mument tas-sejba - Artikolu 5(2)).

L-Istati Membri kollha nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni f'dan ir-rigward. Sittax minnhom għażlu li jipprevedu ħtieġa ta' notifika. Xi wħud mill-Istati Membri rrinunzjaw dan l-obbligu f'ċerti ċirkostanzi (eż. id-Danimarka, il-Finlandja - meta l-bejjiegħ aġixxa kuntrarju għall-ħtieġa ta' rieda tajba jew kien traskurat b'mod gravi; l-Italja - meta d-difett kien magħruf lill-bejjiegħ). Il-liġi Belġjana tipprovdi għal varjazzjoni fejn il-partijiet għall-kuntratt ikunu jistgħu jispeċifikaw l-eżistenza, it-tul tal-perjodu ta' notifika (iżda mhux anqas minn xahrejn) u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta' notifika. Il-liġi Slovakka tistipula li l-konsumaturi huma obbligati jinnotifikaw difett "mingħajr dewmien bla bżonn" li jista' jiġi interpretat bħala inqas minn xahrejn. L-Istati Membri li ġejjin għażlu li ma jiħdux din l-għażla: l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit.

8. IL-PIż TAL-PROVA - ARTIKOLU 5(3)

Kwalunkwe nuqqas ta' konformità, li jkun jidher fi żmien sitt xhur mit-twassil jitqies bħala li kien diġà jeżisti fil-mument tat-twassil sakemm din il-preżunzjoni mhijiex inkompatibbli man-natura tal-prodotti jew man-natura tan-nuqqas ta' konformità (Artikolu 5(3)). Bosta mill-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b'mod korrett. Xi wħud użaw il-klawżola minima ta' armonizzazzjoni u introduċew varjazzjonijiet għall-benefiċċju tal-konsumatur. Il-Portugall estenda t-tul tal-preżunzjoni ribattibbli minn 6 xhur sa sentejn; fil-Lussemburgu, l-Polonja u s-Slovenja il-preżunzjoni tapplika f'sitwazzjonijiet fejn hija inkompatibbli man-natura tal-prodotti jew man-natura tan-nuqqas ta' konformità. L-ebda miżura ta' traspożizzjoni ma ġiet ikkomunikata mil-Litwanja f'dan ir-rigward.

9. GARANZIJI TAL-KONSUMATUR - ARTIKOLU 6

'Il fuq mill-istandard stipulat mill-garanzija legali, il-bejjiegħ jew il-produttur jista' joffri lill-konsumaturi garanzija kummerċjali fuq bażi volontarja. Garanzija kummerċjali bħal din għandha tissodisfa l-istandards bażiċi stipulati bl-Artikolu 6. Hija għandha tkun torbot legalment (Artikolu 6(1)) u trid tipprovdi lill-konsumaturi b'ċerta informazzjoni (Artikolu 6(2)). Fuq talba mill-konsumatur, il-garanzija għandha tkun miktuba jew f'forma oħra durabbli. Il-konsumatur jista' dejjem jistrieħ fuq garanzija kummerċjali anke jekk din ma tikkonformax mar-regoli tad-Direttiva.

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew ġeneralment trasposti b'mod letterali jew f'format simili ħafna fl-Istati Membri kollha. Xi wħud minnhom għażlu li jikkomplementaw ir-regoli tad-Direttiva għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Pereżempju, Malta stipulat aktar regoli sostantivi oħra dwar il-garanziji kummerċjali u l-Estonja stipulat għar-regoli tan-nuqqasijiet dwar il-kontenut tal-garanzija. L-Ungerija u s-Slovenja qed jissoktaw jużaw il-garanziji obbligatorji u ttrasponew biss parzjalment id-dispożizzjonijiet dwar il-garanziji kummerċjali. Mhuwiex ċar jekk dawn jikkonformawx mad-Direttiva. It-traspożizzjoni fir-Repubblika Ċeka tidher li hija parzjali u insuffiċjenti. L-ebda miżura li tittrasponi l-Artikolu 6 ma ġiet komunikata mil-Litwanja.

L-Artikolu 6(4) jippermetti lill-Istati Membri li jitolbu li l-garanziji jiġu pprovduti f'lingwa partikolari. Din l-għażla ġiet eżerċitata minn Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġreċja, l-Ungerija (għall-garanziji obbligatorji), l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit. Il-Belġju jistrieħ fuq il-leġiżlazzjoni li skondtha trid tintuża l-lingwa tar-reġjun fejn il-prodotti jiġu kkumerċjalizzati.

10. IN-NATURA OBBLIGATORJA TAD-DISPOżIZZJONIJIET - ARTIKOLU 7 (1) U (2)

Skond l-Artikolu 7(1) kwalunkwe klawżola kuntrattwali, li teskludi jew tirrestrinġi d-drittijiet tal-konsumatur qabel ma tkun inġibdet l-attenzjoni tal-bejjiegħ għan-nuqqas ta' konformità m'għandhiex tkun torbot lill-konsumatur. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta b'mod leali minn maġġoranza ta' l-Istati Membri. L-ebda miżura ta' traspożizzjoni ma ġiet ikkomunikata mil-Latvja.

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 7(2) l-għażla tal-liġi ta' Stat li mhuwiex Membru m'għandhiex iċċaħħad lill-konsumaturi mill-ħarsien ipprovdut bid-Direttiva. Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta f'bosta mill-Istati Membri. Xi wħud minnhom introduċew varjazzjonijiet tad-definizzjoni ta' "konnessjoni mill-qrib" tal-kuntratt mat-territorju ta' l-UE. Pereżempju Franza u l-Ġermanja sselfu xi fatturi mill-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Il-liġi Olandiża tirreferi għall-post ta' residenza ordinarja tal-konsumatur bħala l-fattur li jorbot. L-ebda miżura ta' traspożizzjoni ma ġiet kkomunikata mir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u s-Slovenja.

11. PRODOTTI UżATI - ARTIKOLU 7 (1)

L-Artikolu 7(1) it-tieni sentenza jippermetti lill-Istati Membri jistipulaw li, fil-każ ta' prodotti użati, il-bejjiegħ u l-konsumatur jistgħu jaqblu fuq perjodu ta' żmien iqsar (iżda mhux anqas minn sena) rigward ir-responsabilità tal-bejjiegħ. Din l-għażla regolatorja intużat fl-Awstrija, l-Belġu, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u fi Spanja.

12. KONKLUżJONIJIET

It-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri tqajjem għadd ta’ problemi. Ħafna minn dawn jistgħu jkunu minħabba fid-differenzi regolatorji fid-Direttiva, iżda oħrajn jistgħu diġà f'dan l-istadju, jitqiesu bħala traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva. Il-verifiki tat-traspożizzjonijiet urew diverġenzi sinifikanti bejn il-liġijiet nazzjonali minħabba fl-użu tal-klawżola minima u l-għażliet regolatorji varji pprovduti bid-Direttiva. Mhux ċar f’dan l-istadju sa liema punt dawn id-diverġenzi jaffettwaw il-ħidma proprja tas-Suq Intern u l-fiduċja tal-konsumatur. Ir-riżultat tal-konsultazzjoni fil-Green Paper għandu jipprovdi tagħrif li se jgħin jiddetermina jekk hemmx bżonn ta' reviżjoni tad-Direttiva.

PARTI II - IR-RESPONSABILITÀ DIRETTA TAL-PRODUTTURI

13. REGOLAMENT NAZZJONALI EżISTENTI

Id-Direttiva tippermetti lill-konsumatur li jitlob għar-rimedji għan-nuqqas ta' konformità tal-prodotti kontra l-bejjiegħ. Ma tipprovdix għal responsabbiltà diretta tal-produtturi. Madankollu, tirrikjedi lill-Kummissjoni li teżamina l-każ għall-introduzzjoni tar-responsabbiltà diretta tal-produtturi (“DPL") u, kif meħtieġ, tippreżenta proposta. Sabiex tiddetermina l-qagħda legali fl-UE, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-Istati Membri sabiex tikseb tagħrif dwar il-liġijiet tagħha f'dan ir-rigward. Bl-istess kwestjonarji, il-Kummissjoni fittxet li tikseb opinjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-impatt li d-DPL jista’ jkollu fuq il-livell tal-ħarsien tal-konsumatur u s-suq intern. Kwestjonarju simili ġie indirizzat lill-partijiet interessati.

Fost is-sbatax-il Stat Membru, li wieġeb għall-kwestjonarju, il-Belġju, il-Finlandja, il-Latvja, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja daħlu forom oħra ta’ DPL[7]. Il-kondizzjonijiet sabiex isiru klejms diretti kontra l-produtturi jvarjaw konsiderevolment. Fil-Finlandja u l-Iżvezja, il-konsumatur jista' jindirizza ruħu lil kwalunkwe persuna fil-katina tad-distribuzzjoni, fil-Latvja u Spanja, il-konsumatur għandu jippreżenta klejm lill-produttur, importatur biss; fil-Portugall, huwa l-produttur u r-rappreżentanti tiegħu li jistgħu jiġu indirizzati. Fil-Finlandja, il-Latvja u l-Iżvezja, il-konsumatur jista’ jikklejmja kwalunkwe mir-rimedji disponibbli skond id-Direttiva. Fil-Portugall u Spanja, l-unika rimedji possibbli huma t-tiswija u t-tibdil. Barra minn hekk, fil-Finlandja u Franza, il-klejms tal-konsumaturi jeħtieġu jissejsu fuq il-kuntratt konkluż bejn il-produttur u l-kontraparti kuntrattwali tiegħu fil-katina ta’ distribuzzjoni. Fi Spanja, il-konsumatur jista’ jikklejmja rimedji direttament kontra l-manifattur jew l-importatur kull meta jkun impossibbli jew sproporzjonat li jiġu kklejmjati rimedji mill-bejjiegħ, pereżempju meta l-bejjiegħ ifalli jew jirrifjuta b'mod persistenti li jieħu ħsieb il-problema. Bl-istess mod, fl-Iżvezja l-konsumatur jista’ jinvoka r-responsabbiltà diretta tal-produttur biss meta l-bejjiegħ ifalli, itemm in-negozju tiegħu/tagħha jew ma jistax jinstab.

Uħud mill-Istati Membri, li ma pprovdux DPL, qegħdin jikkontemplaw li jdaħħluha (pereżempju l-Ungerija) jew ipprovdew regoli, li għandhom effett simili (pereżempju is-Slovenja).

14. L-IMPATT POSSIBBLI

Il-partijiet interessati u l-Istati Membri għandhom opinjonijiet differenti rigward l-impatt tad-DPL fuq il-livell ta’ ħarsien tal-konsumatur u fuq is-suq intern. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri u numru mill-partijiet interessati jqisu li d-DPL tabilħaqq jew potenzjalment iżżid il-ħarsien tal-konsumatur. Fl-opinjoni tagħhom, id-DPL tipprovdi rimedji għall-konsumatur f’każ li l-bejjiegħ ma jkunx kapaċi (jew ma jridx) isolvi l-ilmenti tal-konsumatur. Dan jikkostitwixxi “xibka ta’ sigurtà” importanti għall-konsumaturi. Ċerti Stati Membri jqisu lill-produttur bħala li qiegħed f’pożizzjoni aħjar mill-bejjiegħa biex jarmonizza l-merkanzija mal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, parti żgħira mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati jqisu li r-responsabbiltà diretta tal-produttur m'għandhiex imnejn iżżid il-ħarsien tal-konsumatur iżda x’aktarx tikkawża inċertezza rigward il-liġi applikabbli u ddewwem ir-riżoluzzjoni ta’ l-ilmenti tal-konsumatur.

L-Istati Membri u l-partijiet interessati għandhom fehma differenti dwar l-impatt possibbli tad-DPL fuq l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn ix-xiri minn fruntiera għall-oħra. Numru ta’ nies li wieġbu jqisu li d-DPL għandu mnejn iħeġġeġ lill-konsumaturi li jixtru minn fruntiera għall-oħra peress li jkun eħfef għalihom li jindirizzaw lir-rappreżentant domestiku tal-produttur minflok bejjiegħ f’pajjiż ieħor. Huwa eħfef għall-konsumaturi li jiddeterminaw il-produttur ta’ oġġett milli l-bejjiegħ peress li normalment il-produttur huwa indikat fuq it-tikketta. Min-naħa l-oħra, persuni oħrajn li wieġbu saħqu li d-DPL mhux se jinfluwenza l-attitudnijiet tal-konsumaturi rigward is-suq intern peress li huma influwenzati l-aktar minn fatturi ekonomiċi. Barra min hekk, x’uħud jargumentaw li l-introduzzjoni tad-DPL tista’ taffettwa l-bilanċ bejn il-membri differenti tal-katina tad-distribuzzjoni u jwasslu lill-bejjiegħa sabiex jitfgħu t-tort tad-difetti fuq il-produtturi (jew xi ħaddieħor fil-katina). Barra minn hekk, dan imur kontra l-prinċipju tal-limiti ta’ l-effetti tal-kuntratti lejn il-partijiet kontraenti.

Numru imdaqqas ta’ partijiet interessati u għadd ta’ Stati Membri jqisu li d-DPL għandha mnejn tikkaġuna piż sinfikanti għall-kumpaniji peress li l-produtturi jkunu jeħtieġu jiżviluppaw sistemi għat-trattament ta’ l-ilmenti u jagħmlu dispożizzjoni finanzjarja minħabba r-riskji relatati ma’ din ir-responsabbiltà. Madankollu, l-Istati Membri li diġà daħħlu d-DPL u parti żgħira mill-partijiet interessati m'għandhomx dawn l-opinjonijiet u jindikaw li d-Direttiva diġà tipprovdi għar-responsabbiltà tal-produtturi taħt l-Artikolu 4. Barra minn hekk, fl-opinjoni tagħhom il-każijiet fejn id-DPL hu tassew applikat tant huma rari li ma jikkostitwixxux piż veru għall-kumpaniji.

15. KONKLUżJONIJIET

L-eżistenza ta’ reġimi differenti għar-responsabbiltà diretta tal-produtturi hi problema potenzjali għas-suq intern. Madankollu, il-Kummissjoni mhix kapaċi, bħalissa, li tfassal il-konklużjonijiet finali. M’hemmx evidenza biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ regoli ta’ l-UE fuq ir-responsabbiltà diretta tal-produtturi għandhiex effett negattiv fuq il-kunfidenza tal-konsumatur fis-suq intern. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tippreżenta l-ebda proposta u li tistudja din il-kwistjoni f’aktar dettall fil-kuntest tal- Green Paper .

ANNESS I

TABELLA TA’ MIżURI NAZZJONALI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ISTATI MEMBRI

Stat Membru | Miżuri ta’ implimentazzjoni li taf bihom il-Kummissjoni mill-1 ta’ April 2006 | Id-Data meta l-liġi daħlet fis-seħħ |

Österreich | Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (ABGB), konsolidiert durch das “Gewährleistungsrecht-Änderungsgesetz” BGBl. Nr. 48/2001, Teil I, 08/05/2001, p. 1019 Konsumentenschutzgesetz (KSchG), BGBl 1979/140 | 1.01.2002 |

Belgique | Loi relative à la protection des consommateurs en cas de vente de biens de consommation, référence de publication du 21/09/2004, page: 68384-68388, num.: Moniteur Belge Entrée en vigueur : 01/01/2005 | 1.05.2005 |

България | Закон за защита на потребителите, публикуван в Държавен вестник бр. 99 от 9.12.2005 г. | 10.06.2006 |

Κypros | Ο περί Ορισµένων Πτυχών της Πώλησης Καταναλωτικών Αγαθών και των Συναφών Εγγυήσεων Νόµος του 2000. ( Ν. 7(Ι)/2000) | 28.01.2000 |

Česká republika | Zákon č. 40/1964 Sb., občanský zákoník ve znění zákona č. 367/2000 Sb., Coll.Laws (CZ) 200 No 99 Zákon č. 22/1997 Sb. o technických požadavcích na výrobky ve znění zákona č. 226/2003 Sb. Zákon o obecné bezpečnosti výrobků č. 102/2001 Sb. | 1.01.2001 |

Danmark | Lovbekendtgørelse nr. 237/2003 om køb | 28.03.2003 |

Eesti | Tarbijakaitseseadus, Riigi Teataja 1994, No.12, p. 13 Võlaõigusseadus, Riigi Teataja 2002, No. 53, p. 336 | 15.04.2004 |

Suomi | Kuluttajansuojalaki 20.1.1978/38 | L-ebda Informazzjoni |

France | Code de Consommation, Loi n° 89-421 du 23 juin 1989 relative à l’information et à la protection des consommateurs ainsi qu’à diverses pratiques commerciales Ordonnance n. 2005-136 du 17 février 2005 relative à la garantie de la conformité du bien au contrat due par le vendeur au consommateur. | 18.02.2005 |

Deutschland | Bürgerliches Gesetzbuch (BGB), BGBl. I 2002, 42 Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch, BGBl. I 1994, 2494 Produkthaftungsgesetz (ProdHaftG), BGBl. I 1989, 2198 Zivilprozessordnung (ZPO) BGBl. I 1950, 533 | 1.01.2002 |

Ellás | Nomos 2251/94 Prostasia ton katanaloton, FEK A’ 191/16.11.1994 ΑΣΤΙΚΟΣ ΚΩ∆ΙΚΑΣ, A –151/1946 | 21.08.2001 |

Magyarország | 1959. évi IV. törvény a Polgári Törvénykönyvről 151/2003. (IX. 22.) Korm. Rendelet az egyes tartós fogyasztási cikkekre vonatkozó kötelező jótállásról, Magyar Közlöny 2003/109 (X.22.) 1997. évi CLV tv. A fogyasztóvédelemről, Magyar Közlöny 1997/119. (XII.23.) | 1.07.2003 |

Ireland | European Communities (Certain Aspects of the Sale of Consumer Goods and Associated Guarantees) Regulation 2003, S.I. no. 11 of 2003 | 22.01.2003 |

Italia | Decreto Legislativo 6 settembre 2005, n. 206 "Codice del consumo, a norma dell'articolo 7 della legge 29 luglio 2003, n. 229 ex Decreto Legislativo 2 febbraio 2002, n. 24 "Attuazione della direttiva 1999/44/CE su taluni aspetti della vendita e delle garanzie di consumo" | 23.10.2005 |

Latvija | Patērētāju tiesību aizsardzības likums, Latvijas Vēstnesis 1999 No. 104/105 | L-ebda Informazzjoni |

Lietuva | Lietuvos Respublikos Civilinis Kodeksas, Valstybės Zinios 2000, 6d, Nr. 74 Lietuvos Respublikos Vartotojų Teisių Gynimo Įstatymas, Valstybės Zinios 2004 72-2496 | 30.04.2004 |

Luxembourg | Loi du 21 avril 2004 relative à la garantie de conformité due par le vendeur de biens meubles corporels, Mémorial 2004 No. 60 Loi du 25 août 1983 relative à la protection juridique du consommateur, Mémorial 1983, p. 1494 | 1.01.2005 |

Malta | Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur Kapitlu 378 tal-Ligijiet ta’ Malta, L.M. 2002, 378 | 15.10.2002 |

Nederland | Burgerlijk Wetboek, Boek 7, Titel, Stb (NL) 2004, no. 553 | 1.05.2003 |

Polska | Ustawa z 27 lipca 2002 r. o szczegółowych warunkach sprzedaży konsumenckiej oraz o zmianie Kodeksu cywilnego | 1.01.2003 |

Portugal | Decreto-Lei n.º 67/2003, de 8 de Abril, Diário da República, I Série-A, n.º 83, 2003.04.08, pp. 2280 et ss. Código Civil (aprovado pelo Decreto-Lei n.º 47 344, de 25 de Novembro de 1966) | 9.04.2003 |

Romania | Lege privind vânzarea produselor şi garanţiile asociate acestora no. 449/2003 (O.J. 812/18.11.2003) | 1.01.2007 |

Slovenska republika | Zákon č. 40/1964 Zb. Občiansky zákonník v znení neskorších predpisov Zákon č. 634/1992 Zb. o ochrane spotrebiteľa v znení neskorších predpisov Zákon č. 97/1963 Zb. o medzinárodnom práve súkromnom a procesnom v znení neskorších predpisov | L-ebda Informazzjoni |

Slovenija | Zakon o varstvu potrošnikov (ZVPot ), UL RS (Uradni list RS) 20/1998 (25/1998 – popr.), UL RS (Uradni list RS) 23/1999, 110/2002, 51/2004 | L-ebda Informazzjoni |

España | Ley 23/2003, de garantías en la venta de bienes de consumo, BOE, No. 165, 11.07.2003, p. 27160 et seqq | 11.09.2003 |

Sverige | Konsumentköplag (1990:932) ändrad genom SFS 2002:587, SFS Lag 1990 No. 932 | 1.07.2002 |

United Kingdom | Sale of Goods Act 1979 Supply of Goods (Implied Terms) Act 1973 Supply of Goods and Services Act 1982 The Sale and Supply of Goods to Consumers Regulations 2002 | 31.03.2003 |

ANNESS II

DIRETTIVI TAL-KONSUMATUR GħAR-REVIżJONI

Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju ĠU L 372, 31.12.1985, p.31.

Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar pakketti ta' vjaġġar, pakketti ta' vakanzi u pakketti ta' ġiti ĠU l 158, 23.6.1990, p.59.

Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar termini inġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi ĠU L 95, 21.4 193, p.29.

Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'rispett ta' ċerti aspetti ta' kuntratti relatati max-xiri tad-dritt li jintużaw proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83.

Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi f'rispett għal kuntratti mill-bogħod ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni ta' prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi ĠU L 80, 18.3.1998, p.27.

Id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur ĠU L 166, 11.6.1998, p.51.

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji asoċjati ĠU L 171, 7.7.1999, p.12.

[1] ĠU L 171.07.1999 p.12.

[2] ĠU L 157 21.06.2005 p 11

[3] COM(2006) 744 finali.

[4] L-Anness II jippreżenta lista ta' Direttivi taħt reviżjoni.

[5] Fis-Slovenja, l-irtirar mhuwiex possibbli sakemm il-bejjiegħ ma kellux mill-inqas ħin raġjonevoli biex fih joffri t-tiswija.

[6] Din il-kwistjoni qed tiġi kkunsidrata mill-QEĠ fil-każ C-404/06, (pendenti).

[7] Wieħed jista’ jsostni li Franza tipprovdi għal DPL għalkemm ma weġbitx il-kwestjonarju.

Top