Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0019

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief {SEG(2007) 60} {SEG(2007) 61}

/* KUMM/2007/0019 finali */

52007DC0019

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief {SEG(2007) 60} {SEG(2007) 61} /* KUMM/2007/0019 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.2.2007

KUMM(2007) 19 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ir-riżultati tar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO 2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief

{SEG(2007) 60}{SEG(2007) 61}

1. DAħLA

L-UE hija minn ta' quddiem fl-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għandha twettaq it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra li dwaru impenjat ruħha li tagħmel skond il-Protokoll ta' Kjoto. F'Jannar 2007[1] il-Kummissjoni pproponiet li " l-UE ssegwi, fl-ambitu tan-negozjati internazzjonali, l-għan ta' tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-pajjiżi żviluppati sa l-2020 (meta mqabbel mal-livelli ta l-1990)" u li "l-UE għandha issa tieħu diġà impenn indipendenti sod biex tilħaq talanqas tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet ta' effett ta' serra sa l-2020 (meta mqabbel mal-livelli ta' l-1990) " [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Sabiex ma jkunx hemm xkiel, u għal raġunijiet ta' ġustizzja ekonomika u soċjali, is-setturi kollha jridu jikkontribwixxu għall-isforz tat-tnaqqis.

Il-karozzi jagħmlu parti importanti mill-ħajja ta' kuljum ta' numru kbir ta' Ewropej, u l-industrija tal-karozzi hija sors importanti ta' impjiegi u tkabbir ekonomiku f'bosta reġjuni ta' l-UE. Madankollu, l-użu tal-karozzi għandu impatt importanti fuq it-tibdil fil-klima, b'madwar 12% ta' l-emissjonijiet fl-UE tad-dijossidu tal-karbonju (CO2), il-gass bl-effett ta' serra ewlieni, ġej minn fjuwil użat minn karozzi tal-passiġġieri. Għalkemm kien hemm żvilupp kbir fit-teknoloġija tal-vetturi – partikolarment fl-effiċjenza fil-fjuwil li tfisser inqas emissjonijiet tas- CO2 – dan ma kienx biżżejjed biex ipatti għall-effett ta' żieda fit-traffiku u fid-daqs tal-karozzi. Filwaqt li l-UE, kollha kemm hi, naqqset l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra ( GHG) bi ftit inqas minn 5% matul il-perjodu 1990-2004, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport fuq it-toroq żdied b'26%.

Għalhekk, il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2006, reġa' kkonferma unanimament[2] li " f'konformità ma' l-istrateġija ta' l-UE dwar l-emissjonijiet tas- CO2 minn vetturi ħfief, il-flotta l-ġdida medja ta' karozzi għandha tikseb emissjonijiet ta' 140 g CO 2 /km (2008/09) u 120 g CO 2 /km (2012)". Il-Parlament Ewropew talab għal " politika ta' miżuri qawwija li jnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport, inkluż limiti obbligatorji għal emissjonijiet tas- CO2 minn vetturi fl-ammont ta' 80-100 g/km għal vetturi ġodda fuq żmien medju li għandhom jintlaħqu permezz ta' skambju ta' emissjonijiet bejn fornituri tal-karozzi" [3].

Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza ta' l-Enerġija ta' Ottubru 2006[4], il-Kummissjoni fakkret li, " billi hija determinata li tindirizza l-effiċjenza fl-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO 2 mill-karozzi, jekk meħtieġ, għandha tipproponi fl-2007 leġiżlazzjoni biex tiżgura li l-mira ta' 120 g CO 2 /km tintlaħaq sa l-2012 permezz ta' approċċ komprensiv u koerenti, skond l-għan ta' l-UE li hemm qbil dwaru" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-pakkett ta' Jannar 2007 dwar l-enerġija u l-klima, il-Kummissjoni enfasizzat li "fil-Komunikazzjoni li jmiss ser ikunu spjegati aktar miżuri biex isolvu l-emissjonijiet tas-CO 2 mill-karozzi sabiex tintlaħaq il-mira ta' 120 g CO 2 /km sa l-2012 permezz ta' approċċ komprensiv u koerenti. Ser tesplora wkoll l-għażliet għal aktar tnaqqis wara l-2012" [traduzzjoni mhux uffiċjali] .

Iż-żieda ta' l-emissjonijiet minn trasport ta' passiġġieri fuq it-toroq ser jissokta fis-snin li ġejjin, fin-nuqqas ta' azzjoni effettiva. Dan huwa riskju għall-isforzi ta' l-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra skond il-Protokoll ta' Kjoto u 'l hinn minnu, waqt li l-akbar piż ta' dan l-isforz jaqa' fuq setturi oħra sensittivi wkoll għal kompetizzjoni internazzjonali. Bil-kuntrarju, jekk insibu tarf l-emissjonijiet minn karozzi dan għandu jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inaqqas id-dipendenza tagħna fuq fjuwil importat ,waqt li jtejjeb il-kwalità ta' l-arja u b'hekk is-saħħa taċ-cittadini Ewropej. Il-mod li bih nistgħu niksbu dan huwa permezz ta' titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil fil-vetturi flimkien ma' l-użu akbar ta' fjuwils alternattivi, partikolarment l-bijofjuwils.

Mil-lat tal-fjuwil, il-Kummissjoni pproponiet[5] l-introduzzjoni ta' rekwiżiti obbligatorji bi l-għan li jitnaqqas il-kontenut ta' karbonju mill-fjuwils tat-triq permezz ta' emenda fid-direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil[6]. Barra minn hekk, dan l-aħħar għamlet rapport[7] dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-bijofjuwils u dalwaqt tadotta proposta biex tirrevedi din id-direttiva. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li sserraf fuq l-użu tal-bijofjuwils li qed jiżdied bħala element wieħed ta' l-approċċ integrat għat-tnaqqis tas-CO2 mill-karozzi. Mil-lat tal-vetturi, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' miżuri li jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ta' l-UE, partikolarment livelli ta' effiċjenza fil-fjuwil aktar stretti għall-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief kif ukoll titjib teknoloġiku ieħor. Din il-Komunikazzjoni hija l-bażi ta' skambji ma' Istituzzjonijiet Ewropej oħra u l-partijiet interessati kollha fl-implimentazzjoni ta' l-istadju li jmiss fl-istrateġija Komunitarja biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u ttejjeb l-effiċjenza fil-fjuwil minn vetturi ħfief, bi skop li jintlaħaq l-għan UE ta' 120 g CO2/km[8] sa l-2012. Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet miġbura minn dawn id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni sejra tipproponi, fl-2007 jekk hu possibbli jew sa mhux aktar tard min-nofs l-2008, qafas leġiżlattiv lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jintlaħaq dan l-għan.

2. IL-KUNTEST POLITIKU U L-QAGĦDA TAL-PROGRESS

2.1. Il-bżonn li tittieħed azzjoni fis-settur tat-trasport fuq it-toroq

2.1.1. It-trasport fuq it-toroq għandu jikkontribwixxi sabiex nittrattaw it-tibdil fil-klima

Fir-Rebbiegħa ta’ l-2005, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew affermaw mill-ġdid l-għan ta’ l-UE li t-temperaturi tal-wiċċ tad-dinja m'għandhomx jogħlew b'aktar minn 2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali sabiex tiġi evitata bidla antropoġenika perikoluża u irriversibbli fil-klima. Il-Kunsill Ewropew saħaq li sabiex titrawwem sigurtà fil-provvista enerġetika u l-użu sostenibbli ta' l-enerġija kien hemm bżonn li jitjiebu t-tmexxija min-naħa tad-domanda u l-effiċjenza fl-enerġija, partikolarment fis-settur tat-trasport[9]. Ir-reviżjoni li saret dan l-aħħar tal- White Paper dwar it-trasport[10] tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm promozzjoni ta' mobilità sostenibbli li trawwem kompetittività fl-UE waqt li tnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport, li għandu spiża stmata għal 1.1% tal-PGD.

It-trasport fuq it-toroq huwa t-tieni l-akbar settur fl-UE li jitfa' GHG. Jibqa' wieħed mill-ftit setturi b'emissjonijiet dejjem jiżdiedu, u għalhekk ifixkel il-progress li għamlu setturi oħra. Dan jagħmilha iżjed diffiċli għall-UE li tilħaq l-impenji tagħha skond Kjoto u għandu riperkussjonjiet negattivi fuq il-kompetittività ta' xi setturi (eż. industriji li jużaw ħafna enerġija) li huma wkoll sensittivi għal kompetizzjoni internazzjonali minn attività nazzjonali bħat-trasport fuq it-toroq.

Billi wieħed jikkunsidra biss l-emissjonijiet reali fis-setturi differenti mhuwiex biżżejjed. Wieħed irid jevalwa wkoll il-ħtieġa ta' bilanċ ġdid ta' l-isforzi magħmula mis-setturi differenti u l-kapaċità tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Waqt li ma' l-ewwel daqqa t'għajn l-ispiża ta' azzjoni fis-settur tat-trasport fuq it-toroq tista' tidher ogħla minn setturi oħra, diversi studji jikkonkludu li miżuri effikaċi f'dan is-settur għandhom effettività ta' spiża akbar minn xi miżuri f'setturi oħra, jekk wieħed jikkunsidra miżuri li jbiddlu l-imġiba tal-konsumaturi[11]. Barra minn hekk, irridu napplikaw kunċett wiesa' ħafna ta' effettività ta' spiża "globali", li jieħu kont speċjalment tas-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija, tas-sensittività għal kompetizzjoni internazzjonali, ta' kemm il-konsumaturi jlaħħqu ma' l-ispiża u ta' konsegwenzi pożittivi bħal tmexxija teknoloġika li tiġi minn miri ambizzjużi. Billi l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil huma relatati mil-qrib, u billi t-trasport fuq it-toroq jammonta għal 26.5% tal-konsum ta' l-enerġija totali fl-UE, tnaqqis ta' emissjonijiet minn karozzi tas-CO2 għandu jkollu impatt pożittiv konsiderevoli fuq is-sigurtà ta' l-enerġija fl-UE.

It-trasport fuq it-toroq mhux inkluż fl-ambitu ta' l-iskema għall-iskambju ta’ emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra ( emissions trading scheme , ETS) stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE: din l-iskema hija bbażata fuq il-prinċipju ta' emissjonijiet diretti[12], li fil-każ ta' trasport fuq it-toroq jeħtieg li jkun applikat fuq il-livell ta' sidien individwali u tinvolvi spejjeż amministrattivi kbar. Jista' wkoll jiġi kkunsidrat approċċ indirett alternattiv fuq livell ta' produtturi tal-karozzi. Madankollu, l-inklużjoni f'dan iż-żmen ma tippermettix it-twettiq ta' l-għanijiet ta' l-istrateġija (120 g CO2/km sa l-2012) billi kwanlunkwe adattament għall-qafas ta' l-ETS ta' l-UE barra mill-inklużjoni ta' l-avjazzjoni ma jistax iseħħ mill-2013 'il quddiem, kif indikat mill-Komunikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-ETS[13]. Dan il-kalendarju se jiggarantixxi l-konservazzjoni ta' qafas regolatorju stabbli għall-partijiet interessati diġà involuti fis-suq, kif ukoll żmien biżżejjed biex isiru l-adattamenti leġiżlattivi ta' l-iskema. Għalhekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tinkludi s-settur tat-trasport fuq it-toroq għall-allokazzjoni tat-tielet perjodu.

Fid-dawl ta' dan, jeħtieġ li tittieħed azzjoni sabiex it-trasport bit-triq mhux ixekkel, iżda jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

2.1.2. Huwa meħtieġ titjib fil-vetturi ħfief

Hemm firxa wiesgħa ta' fatturi li jinfluwenzaw l-emissjonijiet tas-CO2 minn trasport tal-passiġġieri fuq it-toroq, bħalma huma l-provvista ta' karozzi u d-domanda għalihom, il-bżonnijiet individwali ta' mobilità, in-nefqa fix-xiri ta' karozza, id-disponibbiltà ta' servizzi ta' trasport pubbliku alternattivi eċċ. Il-Grupp ta' Livell Għoli għall-kompetittività fl-industrija tal-karozzi (CARS21)[14] twaqqaf sabiex jgħin id-djalogu ma' dawk interessati fl-oqsma tal-ħtiġijiet u l-isfidi għall-ġejjieni ta' l-industrija tal-karozzi. F'Diċembru 2005, fir-rapport finali tiegħu, il-grupp approva l-approċċ integrat u saħaq fuq il-ħtieġa li "naħdmu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO 2 minn vetturi fuq it-toroq għandha tkun parti minn approċċ bħal dan" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Lil hinn mill-UE, jeżistu sforzi fid-dinja kollha sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra minn vetturi fuq it-toroq. L-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, iċ-Ċina u l-Awstralja diġà għandhom sistemi regolatorji jew volontarji stabbiliti, xi wħud minnhom huma suġġetti għal reviżjoni bil-għan li jintlaħaq iktar progress fl-effiċjenza tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2.

2.2. Il-progress li ntlaħaq sallum

Sa issa, l-istrateġija Komunitarja kienet ibbażata fuq tliet pilastri, kif proposta mill-Kummissjoni fl-1995[15] u appoġġata sussegwentement mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew[16]. Din l-istruttura ppermettiet l-integrazzjoni komprensiva ta' miżuri mmirati kemm lejn il-provvista (impenji volontarji) u d-domanda (ittikkettjar u tassazzjoni), u ġiet adottata wara analiżi wiesgħa ta' diveri alternattivi biex jitnaqqas is-CO2 minn karozzi.

2.2.1. L-ewwel pilastru: l-impenji volontarji ta' l-industrija tal-karozzi

L-impenji volontarji li ħadu assoċjazzjonijiet tal-fornituri tal-karozzi Ewropej, Ġappuniżi u Koreani għandhom x'jaqsmu ma' mira ta' 140 g CO 2 /km sa l-2008 jew l-2009. Fid-dawl tat-tħassib li dejjem qed jiżdied dwar il-progress li sar mill-industrija fl-ambitu ta' dan l-approċċ volontarju, il-Kummissjoni tenniet bil-qawwa li hija lesta li tikkunsidra l-miżuri kollha, inkluż dawk leġiżlattivi, sabiex tiżgura li jintlaħaq it-tnaqqis meħtieġ fis-CO2.

2.2.2. It-tieni pilastru: t-tagħrif għall-konsumatur

Id-Direttiva dwar l-ittikkettjar[17] tesiġi li titwaħħal tikketta li turi l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO 2 fuq kull karozza ġdida, jiġu ppubblikati gwidi nazzjonali fuq l-effiċjenza tal-fjuwil ta' karozzi ġodda, li jitwaħħlu kartelluni għand il-bejjiegħa u li jkun hemm tagħrif dwar l-effiċjenza fil-fjuwil fil-letteratura promozzjonali stampata. Id-Direttiva titqies bħala għodda utli fil-ħolqien ta' kuxjenza iżda ma jidhirx li għamlet impatt[18], mit-tikketti ta' kwalità li tvarja ħafna fi Stati Membri differenti.

2.2.3. It-tielet pilastru: il-promozzjoni ta' karozzi b'effiċjenza fil-fjuwil permezz ta' miżuri fiskali

It-tassazzjoni, it-tielet pilastru ta' l-istrateġija, tista' tagħti kontribut sinifikanti sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità ma' miri ta' effiċjenza, iżda sa issa l-livell ta' implimentazzjoni kien diżappuntanti. Fuq il-livell ta' l-UE, il-proposta ta' Lulju 2005 mill-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill[19] immirata inter alia li tinkludi element tas-CO2 fit-taxxi fuq il-karozzi għadha ma ġietx adottata mill-Kunsill. Fuq il-livell nazzjonali, diversi Stati Membri adottaw miżuri fiskali sabiex jippromwovu x-xiri ta' karozzi li jitfgħu inqas CO2, iżda għadu ma jidhirx effett sinifikanti ta' dawn il-miżuri fuq l-emissjonijiet medji tas-CO2 ta' l-UE minn karozzi ġodda

2.2.4. Nitgħallmu mill-istrateġija attwali

Figura 1 – Medja ta' emissjonijiet tas-CO2 minn flotta ġdida ta' karozzi għall-UE 15 bejn l-1995 u l-2004

[pic]

Fuq bażi ta' l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija attwali, nistgħu nsemmu għadd ta' kwistjonijiet[20]:

- L-emissjonijiet minn karozza medja ġdida mibjugħa laħqu 163 g CO2/km fl-2004, 12.4% inqas mill-punt tal-bidu fl-1995 ta' 186 g CO2/km[21]. Matul l-istess perjodu, karozzi ġodda mibjugħa fl-UE saru wisq akbar u aktar qawwija , filwaqt li l-prezzijiet żdiedu inqas mill-inflazzjoni.

- Investigazzjonijiet ta' l-impatt fuq il- miżuri limitati adottati s'issa minn Stati Membri rigward id-domanda wrew li l-impatt ta' l-ittikkettjar u l-miżuri fiskali kien żgħir ħafna, filwaqt li l-parti l-kbira mit-tnaqqis kien riżultat ta' titjib fit-teknoloġija tal-karozzi .

- Il-progress miksub sa issa jersaq xi ftit lejn il-mira ta' 140 g CO2/km sa l-2008/2009, iżda fin-nuqqas ta' miżuri addizzjonali, l-għan ta' UE ta' 120 g CO2/km mhux ser jintlaħaq sa l-2012. Billi l-ftehim volontarju ma kienx ta' suċċess, il-Kummissjoni tqis bħala meħtieġ li tirrikorri għal approċċ leġiżlattiv u tenfasizza li barra mil-leġiżlazzjoni proposta, għandha wkoll tittieħed azzjoni urġenti mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jinżamm kontroll fuq it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, anke għall-2008/2009, pereżempju permezz ta' inċentivi fiskali u akkwist pubbliku ekoloġiku.

3. IT-TRIQ 'IL QUDDIEM:

Minħabba l-bosta fatturi li jaffettwaw l-emissjonijiet mit-trasport fuq it-toroq, hemm bżonn ta' pakkett ta' miżuri.

3.1. Li jintlaħaq l-għan ta' UE ta' 120 g CO 2 /km

Filwaqt li din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq tnaqqis tas-CO2 permezz ta' approċċ integrat (titjib fl-ekonomija fil-fjuwil ta' vetturi ħfief (karozzi tal-passiġġieri u vettura kummercjali ħfief, titjib teknoloġiku ieħor u użu tal-bijofjuwils,) ma tippreġudika l-ebda miżura addizzjonali li tista' tipproponi l-Kummissjoni sabiex tindirizza l-impatt tat-trasport fuq it-toroq fuq it-tibdil fil-klima. Il-politika ta' l-UE dwar it-trasport li ġiet riveduta riċentament tinkludi inizzjattivi biex jippromwovi bidla lejn tipi ta' trasport iżjed sostenibbli fejn xieraq, speċjalment f'żoni urbani, u jwaqqfu metodoloġija fl-UE għal tariffi għall-infrastruttura li jinkludu esternalitajiet sa l-2008. Dan jikkumplimenta r-reviżjoni riċenti tad-Direttiva "Eurovignette"[22]. Kif previst reċentament fl-Istrateġija Tematika dwar l-ambjent urban[23], il-Kummissjoni ser tagħti gwida fuq pjanijiet għal trasport sostenibbli. Fir-rigward ta' taxxi fuq il-fjuwil, il-leġiżlazzjoni ta' l-UE diġà tistipula livelli minimi ta' taxxi tas-sisa fuq il-fjuwil.

Il-Kummissjoni investigat għadd ta' miżuri li l-għan aħħari tagħhom hu li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra minn vetturi ħfief. Wara konsultazzjoni wiesgħa bejn dawk interessati u fuq bażi ta' valutazzjoni ta' l-impatt, strateġija li tindirizza kemm il-provvista kif ukoll id-domanda hija spjegata hawn taħt, bil-għan li tintlaħaq il-mira Komunitarja ta' 120 g CO2/km.

F'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza ta' l-Enerġija, l-approċċ tal-Kummissjoni għandu jwassal benefiċċji ambjentali sħaħ filwaqt li l-istess ħin joħloq opportunitajiet ekonomiċi billi jħeġġeġ l-innovazzjoni fil-maġġoranza tal-karozzi ekoloġiċi ( environmentally friendly) u jrawwem industrija tal-karozzi kompetittiva li toħloq impjiegi sostenibbli fil-Komunità. Għalhekk tipprovdi l-kundizzjonijiet għal titjib kontinwu 'l hinn mill-mira Komunitarja sabiex jintlaħqu il-bżonnijiet ta' l-UE fuq medda ta' żmien itwal biex ikompli jitnaqqas is-CO2 fis-settur tat-trasport.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-effiċjenza fil-fjuwil tista' tintlaħaq b'diversi modi: Jekk it-tendenza attwali lejn karozzi akbar u aktar qawwija tissokta, diġà teżisti teknoloġija li tilħaq ma' l-isfidi ta' l-effiċjenza fil-fjuwil tal-ġejjieni, iżda l-fornituri, u warajhom il-konsumaturi, jridu jġorru l-piż ta' spejjeż ta' produzzjoni addizzjonali. Alternattivament, miżuri (fiskali) konkreti jitgħu jiġu adottati sabiex jidderieġu d-domanda tal-konsumaturi lejn karozzi effiċjenti fil-fjuwil: dan għandu jrawwem suq iżjed sostenibbli tal-karozzi fejn il-fornituri jistgħu jikkompetu fuq bażi ta' rendiment ambjentali u jnaqqas b'mod sinifikanti l-ispejjeż ta' konformità mingħajr ma joħloq riskju fuq it-titjib fil-kumdità u s-sikurezza li gawdew il-konsumaturi matul l-aħħar għaxar snin. L-Istati Membru għandhom responsabbiltà ewlenija, notevolment fil-politika ta' tassazzjoni tagħhom, sabiex iġibu fis-seħħ b'mod reali din l-għażla alternattiva u iżjed sostenibbli llum qabel għada: aktar ma tittieħed azzjoni malajr, aktar ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis tas-CO2. Jistgħu jitfasslu wkoll skemi ta' tassazzjoni newtrali fuq id-dħul li b'mod ġenerali ma jikkaġunawx piż addizzjonali fuq il-konsumaturi, iżda pjuttost jippremjaw xerrejja ta' karozzi b'emissjonijiet baxxi u jippenalizzaw ix-xiri ta' vetturi anqas effiċjenti.

3.2. Miżuri mmirati lejn il-provvista

Il-Kummissjoni se ssegwi l-approċċ integrat tagħha bil-għan li tilħaq il-mira ta' l-UE ta' 120 g CO2/km sa l-2012. Dan jista' jintlaħaq billi l-azzjonijiet ta' l-UE jingħaqdu ma' dawk ta' l-Istati Membri. I-Kummissjoni sejra tipproponi, fl-2007 jekk hu possibbli jew sa mhux aktar tard min-nofs l-2008, qafas leġiżlattiv biex tilħaq il-mira ta' l-UE ta' 120 g CO2/km, billi tiffoka fuq tnaqqis obbligatorju ta' l-emissjonijiet tas-CO2 biex tilħaq il-mira ta' 130 g CO2/km għall-flotta l-ġdida ta' karozzi medji permezz ta' titjib fit-teknoloġija vetturi motorizzati u aktar tnaqqis ta' 10 g CO2/km, jew ekwivalenti jekk teknikament neċessarju, permezz ta' titjib teknoloġiku ieħor u aktar użu ta' bijofjuwils, speċifikament:

a) tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fil-fjuwil għal sistemi ta' arja kkondizzjonata;

b) li jkun obbligatorju li jitwaħħlu sistemi ta' monitoraġġ eżatt ta' pressjoni tat-tajers

c) li tistipula limiti massimi ta' reżistenza ta' l-irrumblar tat-tajers għal tajers fl-UE li jintużaw f'karozzi ta' passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief;

d) l-użu ta' gear shift indicators , meta tikkunsidra kemm jintużaw mezzi bħal dawn minn konsumaturi f'kundizzjonijiet reali tas-sewqan;

e) progress fl-effiċjenza fil-fjuwil ta' vetturi kummerċjali ħfief (vannijiet) b'miri obbligatorji ta' 175 g CO2/km sa l-2012 u 160 g CO2/km sa l-2015;

f) aktar użu ta' bijofjuwils li jimmassimalizzaw ir-rendiment ambjentali.

Il-punti msemmija hawn fuq se jkunu jistgħu jitkejlu, ikunu monitorjati, responsabbli u ma jingħaddux darbtejn mat-tnaqqis tas-CO2.

Il-Kummissjoni taqbel li l-qafas leġiżlattiv li jimplimenta l-mira tal- flotta l-ġdida ta' karozzi fil-medja se jkun maħsub biex jiggarantixxi miri sostenibbli għal tnaqqis kompetittivament newtrali u soċjalment ekwu li jkunu ekwi għad-diversità tal-produtturi ta' karozzi Ewropej u biex ikun evitat kwalunkwe xkiel mhux iġġustifikat tal-kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-karozzi.

Il-qafas leġiżlattiv se jkun kompatibbli mal-mira ġenerali biex jintlaħqu l-miri ta' Kjoto ta' l-UE u bbażat fuq valutazzjoni ta' l-impatt li ssir bir-reqqa . Din il-valutazzjoni ta' l-impatt se tindirizza l-benefiċċji u l-ispejjeż ta' l-alternattivi differenti meta mqabbla mal-qagħda attwali ta' l-emissjonijiet medji tas-CO2, billi tqies l-aktar teknoloġija disponibbli reċenti għal titjib mil-lat ambjentali fit-teknoloġija tal-karozzi.

3.3. Miżuri mmirati lejn id-domanda/l-imġiba

Lil hinn mill-qafas leġiżlattiv, l-istrateġija tal-Kummissjoni biex tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 għandha tħeġġeġ sforzi addizzjonali b'mezzi oħra ta' trasport bit-triq (vetturi kummerċjali tqal, eċċ.) mill-Istati Membri (tassazzjoni fuq is-CO2 u inċentivi fiskali oħrajn, l-użu ta' l-akkwist pubbliku, il-ġestjoni tat-traffiku, l-infrastuttura, eċċ.) u mill-konsumaturi (għażla konxja tax-xerrej, imġiba responsabbli fis-sewqan).

3.3.1. Tassazzjoni [24]

It-taxxa fuq il-karozzi hija għodda qawwija biex tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-konsumaturi dwar ix-xiri. It-taxxi jistgħu jiġu ddifferenzjati sabiex jappoġġaw l-introduzzjoni fis-suq ta' karozzi b'effiċjenza fil-fjuwil u b'emissjonijiet tas-CO2 baxxi. Dan jista' jiffaċilita ħafna l-isforzi ta' fornituri ta' karozzi sabiex jilħqu l-obbligazzjonijiet tagħhom billi jpoġġu vettura bħal dawn fis-suq. Il-Kummissjoni għamlet proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar taxxa fuq il-karozzi tal-passiġġieri[25] li bħalissa tinstab quddiem il-Kunsill u l-Parlament. Il-Kummissjoni terġa' tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jadottaw din il-proposta kemm jista' jkun malajr u jadattaw il-politiki tagħhom dwar it-tassazzjoni tal-karozzi sabiex jippromwovu x-xiri ta' karozzi b'effiċjenza fil-fjuwil madwar l-UE u sabiex jgħinu lill-fornituri jirrispettaw il-qafas li ser jidħol fis-seħħ dwar effiċjenza fil-fjuwil, b'hekk ikunu qed jagħtu sehemhom biex jintnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi. Taxxi ddifferenzjati fuq il-firxa sħiħa ta' karozzi fis-suq, b'tali mod li tiddaħħal bil-mod bidla lejn karozzi relattivament b'inqas emissjonijiet, għandhom ikunu mezz effiċjenti biex jitnaqqsu spejjeż ta' konformità għall-fornituri.

Inċentivi fiskali[26] għandhom ikunu wkoll metodu qawwi sabiex jinkoraġġixxu li jiddaħħlu fis-suq il-kategoriji ta' vetturi ħfief, l-aktar indaf. Inċentivi bħal dawn għandhom jirreferu għal definizzjoni komuni ta' l-UE applikata madwar il-Komunità li tieħu kont ta' rekwiżiti kemm tat-tniġġis ta' l-arja u l-emissjonijiet ta' gassijiet. Għal dan il-għan, Vettura Ħafifa Mtejba Ambjentalment ( Light-duty Environmentally Enhanced Vehicle , LEEV) għandha tiġi definita bħala vettura li tilħaq kemm il-valuri ta' limitu ta' emissjonijiet tat-tniġġis għall-istadju li jmiss kif stipulati fil-leġiżlazzjoni rilevanti, u kif ukoll tibqa' taħt ċertu livell ta' emissjonijiet tas-CO2. Attwalment, dan il-livell għandu jkun l-għan Komunitarju ta' 120 g CO2/km. Id-definizzjoni ta' LEEV għandha tiġi riveduta regolarment sabiex tibqa' ffokata fuq in-naħa l-aktar avvanzata tal-flotta ta' karozzi ġodda.

3.3.2. Tagħrif għall-konsumatur

Fl-2007 il-Kummissjoni għandha tadotta proposta għal emenda għal titjib fl-effettività tad-Direttiva 1999/94/KE dwar l-ittikkettjar ta' l-effiċjenza fil-fjuwil. Din il-proposta għandha inter alia jkollha l-għan li l-ambitu ta' l-iskema ta' l-ittikkettjar tiftħu għall-vetturi kummerċjali ħfief (N1), tarmonizza d-disinn tat-tikketta u tintroduċi klassifikazzjoni ta' effiċjenza fl-enerġija sabiex ittejjeb il-kuxjenza fost il-konsumaturi fil-waqt tax-xiri ta' karozza. Trid tingħata wkoll attenzjoni lid-definizzjoni ta' LEEV (ara 3.3.1) u lill-possibbiltà li fuq it-tikketta jitniżżlu l-ispejjeż annwali ta' kuljum u fejn xieraq livelli ta' taxxa fuq vetturi bħala funzjoni tas-CO2 u konsum ta' fjuwil.

Flimkien ma' tagħrif għal konsumatur, il-mod li bih il-karozzi jitqiegħdu fis-suq jista' wkoll jeħtieglu jiġi adattat, sabiex jiffoka anqas fuq il-prestazzjoni dinamika tal-vetturi. Sabiex il-fornituri jkunu fuq l-istess livell, teħtieġ azzjoni koordinata fi ħdan l-industrija. Fornituri ta' karozzi huma mistiedna jiffirmaw qabel nofs l-2007 ftehim volontarju dwar kodiċi ta' prattika rigward il- marketing u r-riklamar bil-għan li jippromwovu xejriet ta' konsum sostenibbli.

3.3.3. Sewqan ekoloġiku (Ecodriving)

Xi Stati Membri diġà qed jippromwovu s-sewqan ekoloġiku permezz ta' taħriġ u kampanji edukattivi. Il-Kummissjoni tappoġġa t-tixrid ta' sewqan ekoloġiku permezz ta' diversi proġetti[27] u tista' tikkunsidra d-dħul ta' rekwiżiti għal sewqan ekoloġiku f'reviżjonijiet tad-Direttiva dwar liċenzja tas-sewqan fil-ġejjieni[28]. Madankollu, s-sewqan ekoloġiku huwa miżura downstream suġġetta għal inċertezzi kbar rigward il-potenzjal veru ta' tnaqqis fis-CO2. Madankollu l-Istati Membri huma mistiedna jkompli jippromwovu sewqan ekoloġiku bħala mezz biex iqajmu kuxjenza dwar l-impatti ta' l-użu tal-karozzi fuq it-tibdil fil-klima.

3.4 Viżjoni fit-tul

Fl-aħħarnett, bil-għan li tkun analizzata l- possibbiltà li jkunu ffissati għanijiet akar ambizzjużi lil hinn mill-mira Komunitarja attwali ta' 120 g CO2/km fi stadju suċċessiv, ir-riċerka u l-iżvilupp se jkomplu jkunu promossi lejn l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati għat-tnaqqis tas-CO2. Il-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea fit-Trasport fuq it-Toroq (ERTRAC) kien stabbilit sabiex jinvolvi lil dawn kollha li għandhom interess, jiżviluppa viżjoni mifruxa, u jiżgura applikazzjoni f'waqtha, ikkoordinata u effiċjenti ta' riżorsi ta' riċerka sabiex jilħqu l-isfidi kontinwi tat-trasport fuq it-toroq u tal-kompettitività Ewropea. Il-Kummissjoni sejra tappoġġa sforzi għal riċerka sabiex tintlaħaq il-mira ta' l-ERTRAC għar-riċerka[29] ta' " Titjib fl-effiċjenza ta' vetturi [li] jirrendi tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO 2 ta' mhux inqas minn 40% għal karozzi ta' passiġġieri għall-flotta l-ġdida ta' karozzi fl-2020 " . Dan għandu jikkorrispondi ma' medja ta' flotta ġdida ta' karozzi ta' 95 g CO2/km.

4. KONKLUżJONI

L-UE trid tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq żejt importat u t-tniġġis. Għandha rwol ewlieni biex tiġġieled kontra l-bidla fil-klima. Biex tilħaq l-impenn li ħadet sa l-2012 u iktar 'l hemm, trid tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra mis-setturi kollha.

B'emissjonijiet dejjem jiżdiedu minkejja avvanzi teknoloġiċi, is-settur tat-trasport tal-passiġġieri fit-toroq ħaqqu attenzjoni partikolari: hemm ħtieġa għal miżuri fuq in-naħa tal-provvista, sabiex jittejjeb regolarment ir-rendiment ta' sistemi tat-trasport, partikolarment il-vetturi, u fuq in-naħa tad-domanda, sabiex tinkoraġġixxi l-bidla għal vetturi li dejjem jaħlu anqas.

Għalkemm hemm bżonn ta' sforzi usa' sabiex il-mobiltà sostenibbli ssir realtà, l-istrateġija mġedda proposta telenka numru ta' azzjonijiet speċifiċi biex jitnaqqsu emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief. Il-Kummissjoni tikkunsidra li trid tkun segwita b'implimentazzjoni fuq kull livell, sabiex toħloq u taċċellera tendenza lejn karozzi ġodda li jagħtu emissjonijiet medji anqas. In-nuqqas ta' azzjoni malajr ixxejjen malajr l-isforzi fil-passat, u tirriskja jew tgħolli l-prezz ta' l-ilħiq fil-qarib tal-mira Komunitarja ta' 120 g CO2/km u ta' iżjed progress 'l hinn minn dan il-għan.

Għalhekk, jekk ikun possibbli fl-2007 u sa mhux aktar tard minn nofs l-2008, il-Kummissjoni ser tipproponi qafas leġiżlattiv għall-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief bil-għan li tilħaq l-mira ta' l-UE ta' 120 g CO2/km sa l-2012. Dan se jkun akkumpanjat minn valutazzjoni ta' l-impatt li ssir bir-reqqa li tirrifletti aktar sa liema punt l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw il-konformità ta' fornituri tal-karozzi ma' miri obbligatorji permezz ta' l-adozzjoni ta' miżuri biex jindirizzaw id-domanda, speċjalment fil-qasam tat-tassazzjoni.

Fl-2010, il-Kummissjoni sejra tirrevedi l-istatus ta' l-implimentazzjoni u l-potenzjal għal aktar miżuri biex tmur iktar 'l hemm mill-mira stipulata ta' l-UE.

[1] COM(2007) 2

[2] Reviżjoni ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE, Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, 8.6.2006

[3] Reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew "Nirbħu l-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima dinjija" ( Winning the Battle Against Global Climate Change ) (2005/2049(INI)

[4] COM(2006) 545

[5] COM(2007) 18.

[6] Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 kif emendata dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU L 350, 28.12.1998).

[7] COM(2006) 845.

[8] Ekwivalenti għal 4.5l/100km għal karozzi diżil u 5l/100km għal karozzi petrol.

[9] Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-22/23 ta' Marzu 2006.

[10] COM(2006) 314 finali.

[11] "L-effettività ta' l-ispiża tat-tnaqqis fis-CO2 fit-trasport. – Perspettiva u paragun ma' miżuri f'setturi oħra", CE Delft Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport, OECD, April 2006

[12] B'tali mod li dawk li jirċievu l-kwota huma dawk li fil-fatt qegħdin jitfgħu s-CO2 relatat

[13] Ara COM(2006) 676, paragrafu 3.1.

[14] " A Competitive Automotive Regulatory System for the 21st Century ", CARS21 rapport finali 2006http://ec.europa.eu/enterprise/automotive/pagesbackground/competitiveness/cars21finalreport.pdf

[15] COM (95)689 finali, Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25.06.1996, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22.09.1997.

[16] Għar-rapport annwali dwar l-effettività ta' l-istrateġija, ara: http://ec.europa.eu/environment/co2/co2_monitoring.htm

[17] Id-Direttiva 1999/94/KE relatata mad-disponibbiltà ta' tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-fjuwil u emissjonijiet tas-CO2 rigward il- marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda, ĠU L 12, 18.01.2000.

[18] "Rapport dwar l-effettività tad-Direttiva 1999/94/KE dwar l-ittikkettjar ta' l-effiċjenza tal-fjuwil tal-karozzi, u l-alternattivi għal titjib", ADAC għall-Kummissjoni Ewropea, Marzu 2005.

[19] COM(2005)261 finali

[20] Data preliminari għall-2005 tindika progress limitat għall-ġejjieni.

[21] UE-15

[22] Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/62/KE tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi, kif emendata l-aħħar bl-2006/38/KE, (ĠU L 187, 20.7.1999).

[23] COM(2005) 446 finali.

[24] Kull miżura fiskali selettiva li tista' tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istat Membri tkun innotifikata lill-Kummissjoni minn qabel għal approvazzjoni ta' għajnuna mill-Istat.

[25] COM(2005) 261 finali

[26] Dan it-tip ta' approċċ ġie stabbilit sewwa biex jinkoraġġixxi l-introduzzjoni bikrija fis-suq ta' karozzi li jilħqu standards tal-ġejjieni rigward l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja – ara, pereżempju, d-Direttiva 98/69/KE, u l-proposta għal standard Euro 5 ġdid - (COM(2005) 683 finali).

[27] Ara eż. Ecodriven at http://ec.europa.eu/energy/intelligent/projects/steer_en.htm

[28] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar il-liċenzji tas-sewqan, (ĠU L 237, 24.8.1991), kif emendata.

[29] Ara ERTRAC Strategic Research Agenda , Diċembru 2004, disponibbli minn:

http://www.ertrac.org/publications.htm

Top