This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0010
Report from the Commission to the Council and the European Parliament on the implementation of Council Regulation (EC) No 577/98 {SEC(2007) 29}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 {SEG(2007) 29}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 {SEG(2007) 29}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 {SEG(2007) 29}
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.1.2007 KUMM(2007) 10 finali RAPPOR T MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 {SEG(2007) 29} 1. INTRODUZZJONI Dan huwa t-tielet minn sensiela ta’ rapporti ta’ kull tliet snin li l-Kummissjoni hija meħtieġa tissottometti skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ ta’ kampjun ta’ nies li jaħdmu (LFS) fil-Komunità. L-ewwel rapport ġie sottomess mill-Kummissjoni fl-2000 u kopra l-perjodu 1998-1999, filwaqt li t-tieni wieħed ġie sottomess fl-2003 u kopra l-perjodu 2000-2002. Dan ir-rapport jiddokumenta l-progress li għamlu Stati Membri, pajjiżi Kandidati u ta' l-EFTA (minn hawn 'il quddiem imsejħa Pajjiżi Parteċipanti[1]) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill u tar-Regolamenti tal-Kummissjoni assoċjati li ħarġu tul il-perjodu 2003-2005. Il-kontenut tar-rapport huwa bbażat fuq rapporti ta’ kwalità, data u tagħrif ieħor mibgħuta mill-pajjiżi kkonċernati, flimkien ma' l-analiżi tal-kwestjonarji nazzjonali. 2. PUNTI EWLENIN Sa mill-aħħar Rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, sar progress konsiderevoli fit-titjib tal-kwalità tad- data u l-komparabbiltà ta' l-Istħarriġ Nazzjonali tal-Forza tax-Xogħol. L-Istati Membri kollha bdew jimplimentaw l-istħarrig kontinwu, biex b’hekk ippermettew li l-Eurostat jippubblika riżultati ta’ kull tliet xhur. Il-puntwalità tat-twassil tad- data ttejbet u bosta pajjiżi rrivedew u tejbu d-disinn tal-kwestjonarji u l-istħarriġ tagħhom, biex b’hekk tkun possibbli komparabbilità akbar ta' l-istħarriġ fl-Ewropa u kopertura aħjar tal-popolazzjoni. Is-sitwazzjoni dwar il-progress li seħħ bl-implimentazzjoni ta’ l-aspetti speċifiċi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 huma deskritti f'aktar dettall hawn taħt, b’referenzi għall-artikoli rilevanti. 2.1. L-Implimentazzjoni ta' l-istħarriġ kontinwu ta’ kull tliet xhur – Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1991/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw stħarriġ kontinwu ta’ kull tliet xhur mill-2003 ’il quddiem, ġie adottat f’Ottubru 2002. Żewġ pajjiżi rċevew derogi li jippermettulhom li jestendu l-perjodu tranżitorju: l-Italja (sa tmiem l-2003) u l-Ġermanja (sa tmiem l-2004). Kollox ma’ kollox, inkiseb progress sostanzjali bl-implimentazzjoni ta’ l-istħarriġ kontinwu, bi ftit eċċezzjonijiet: s’issa l-Lussemburgu implimenta biss stħarriġ li jipprovdi riżultati annwali. L-Ungerija, l-Islovenja, il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija ma koprewx il-ġimgħat kollha tas-sena sa l-2005. Mill-2006 din is-sitwazzjoni tranġat għall-Ungerija, l-Islovenja, ir-Rumanija u t-Turkija. Il-Lussemburgu, l-Islovenja, l-Ungerija, l-Olanda u l-Ġermanja għadhom ivarjaw minn distribuzzjoni uniformi tal-kampjun matul il-ġimgħat tas-sena. Il-Kroazja, it-Turkija u l-Iżvizzera ma jwettqux stħarriġ kontinwu. Il-Kroazja qed tippjana li timplimenta wieħed mill-2007, it-Turkija mill-2009 u l-Iżvizzera mill-2009. 2.2. Ħtiġijiet ta’ preċiżjoni – Artikoli 3(1) u 3(2) L-Artikolu 3(1) jistipula li l-iżball standard relattiv annwali għall-qgħad karatteristiku (stabbilit għal 5%) ma jistax jaqbeż it-8% fil-livell reġjonali (NUTS II). L-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol ma kisibx ir-rekwiżit ta’ preċizjoni stabbilit fl-Artikolu 3(1) għat-tliet snin kollha f’31 reġjun biss mill-281 reġjun fil-livell NUTS II (fi Franza (8), fil-Polonja (6), fir-Renju Unit (8), fil-Bulgarija (2) u fir-Rumanija (7)). L-Artikolu 3(2) jistipola li l-iżball standard relattiv għal bidla bejn żewġ kwarti (stabbilit għal 5% sottopopolazzjoni) ma għandhiex taqbeż it-3% (2% jekk il-pajjiż għandu 20 miljun abitant jew iktar). Il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija ma kinux konformi mar-rekwiżiti ta' preċiżjoni ta' l-Artikolu 3(2) fl-ebda sena mill-2003-2005. 2.3. Karatteristiċi ta’ l-Istħarriġ – Artikolu 4(1) Xi Pajjiżi Parteċipanti għadhom mhux qed jipprovdu sett sħiħ ta' varjabbli mandatorji, li jirrestrinġi l-komparabbilità tad- data . 2.4. Programm annwali ta' moduli ad hoc - Artikolu 4(2) Il-programm annwali ta’ moduli ad hoc jipprovdi riżultati dwar it-tagħlim tul il-ħajja (2003), it-tul u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (2004), u r-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja (2005). L-Istati Membri kollha u l-pajjiżi Kandidati u ta' l-EFTA pparteċipaw fil-moduli ad hoc, bl-eċċezzjoni tal-Kroazja u t-Turkija. Ġeneralment, id- data ġiet mgħoddija fil-ħin bl-eċċezzjoni ta' Stat Membru wieħed għall-modulu 2003 (SE), erba' Stati Membri għall-modulu 2004 (CZ, EL, IT u SE) u tliet Stati Membri għall-modulu 2005 (DE, EL u SE). Is-sett sħiħ ta' varjabbli għall-2005 ġew mgħoddija mill-Istati Membri kollha. Żewġ Stati Membri (NL u UK) ma għaddewx uħud mill-varjabbli tal-modulu ad hoc għall-2003. Rigward il-modulu ad hoc għall-2004, dan kien ukoll il-każ għal-LT, HU u SI. 2.5. Definizzjoni ta' qgħad u t-12-il prinċipju għall-formulazzjoni tal-kwestjonarji – Artikolu 4(3) Għad hemm kwistjonijiet dwar il-modi differenti li bihom il-Pajjiżi Parteċipanti qed ikejlu l-istat ta' l-impjieg. Dawn għandhom x’jaqsmu mal-limitu l-iktar baxx ta' l-età (Spanja, ir-Renju Unit, l-Iżlanda u n-Norveġja stabbilew dan il-limitu għal 16), id-definizzjoni tal-perjodu ta' disponibbilità (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, l-Islovenja, l-Islovakkja, il-Finlandja, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Rumanija, it-Turkija, l-Iżlanda u n-Norveġja stabbilew dan il-perjodu għal ġimagħtejn wara l-intervista) u mistoqsijiet ta’ segwitu lill-persuni li ma għadhomx ifittxu x-xogħol minħabba li diġà sabu impjieg (l-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Islovenja, il-Kroazja, ir-Rumanija u n-Norveġja mhux qed jittestjaw meta jibda l-impjieg jew jekk il-persuna tistax sadanittant taħdem fi żmien ġimagħtejn mill-ġimgħa ta' referenza). Fl-2006, il-Ġermanja, l-Islovenja u n-Norveġja diġà wettqu tibdiliet biex jikkoreġu dawn id-devjazzjonijiet. It-12-il prinċipju għall-formulazzjoni tal-kwestjonarju ġew iddisinjati biex jipprovdu armonizzazzjoni minima fir-rigward tal-miżuri ewlenin ta’ l-LFS. L-Irlanda, Malta, l-Islovenja u l-Kroazja jibdew b'mistoqsijiet dwar l-istatus prinċipali, li jista’ jfixkel fid-definizzjoni ta’ l-ILO ta' impjieg fil-ġimgħa ta' referenza. L-Olanda u n-Norveġja jistaqsu jekk persuna fittxetx xogħol fl-erba' ġimgħat ta' qabel lil dawk biss li jesprimu r-rieda li jaħdmu. Devjazzjonijiet oħra huma minuri. Żewġ pajjiżi (l-Awstrija u Spanja) jirrispettaw il-prinċipji kollha. 2.6. Il-puntwalità tat-trażmissjoni tad- data - Artikolu 6 Kien hemm titjib fil-puntwalità tad- data ta' kull tliet xhur minn l-aħħar rapport. Id- data ta' kull tliet xhur hija sottomessa tul il-perjodu ta' trażmissjoni ta' 12-il ġimgħa minn ħafna mill-Pajjiżi Parteċipanti. 3. KONKLUżJONI Sar progress tajjeb fl-Istati Membri u fil-pajjiżi Kandidati u ta’ l-EFTA f’numru ta’ oqsma importanti sa mill-aħħar rapport lill-Kunsill. Trażmissjoni mħeffa ta' data tejbet l-utilità tar-riżultati ta' kull tliet xhur. Kien hemm pajjiżi li allokaw riżorsi nazzjonali għall-ittestjar u l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għall-istħarriġ tagħhom, f’xi każi bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni, u dan żied il-kompattibilità u l-kwalità ġenerali tad- data . Madankollu, il-Kummissjoni hija mħassba minħabba li l-Pajjiżi Parteċipanti mhux qed jibagħtu l-varjabbli mandatorji kollha u għad hemm kwistjonijiet dwar Pajjiżi Parteċipanti li mhux qed ikejlu ċerti varjabbli bl-istess mod. Dan huwa importanti b’mod speċjali fejn jidħlu stimi prinċipali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-impjiegi u mal-qgħad, fejn xi pajjiżi ma implimentawx bis-sħiħ id-definizzjoni ta’ qgħad u t-12-il prinċipju għall-ifformular tal-mistoqsijiet dwar l-istat ta’ l-impjiegi. Inkiseb progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta' l-istħarriġ kontinwu. Madankollu, għad hemm xi Pajjiżi Parteċipanti li ma jqassmux l-kampjun b’mod uniformi tul il-ġimgħat kollha tas-sena. Stat Membru wieħed għad mhux qed jipprovdi riżultati ta' kull tliet xhur għall-istħarriġ kontinwu. Xi Pajjiżi Parteċipanti għad iridu jaġġustaw id-disinn ta' l-istħarriġ tagħhom biex ikunu kompletament konformi mar-rekwiżiti ta' preċiżjoni jew fil-livell reġjonali jew fir-rigward ta' l-istimi ta' tibdiliet bejn kull tliet xhur. Il-Pajjiżi Parteċipanti jridu jissodisfaw l-obligazzjonijiet tagħhom skond dan ir-Regolament, u l-Kummissjoni se tibqa' taħdem mill-qrib ma’ l-Istati Membri u Pajjiżi Kandidati u ta’ l-EFTA biex tilħaq l-implimentazzjoni bis-sħiħ tad-dispożizzjonijiet tagħha. F’dan il-kuntest, il-Eurostat twettaq sorveljanza tal-konformità darbtejn fis-sena. Skond l-importanza tal-ksur tar-regolamenti jittieħdu l-azzjonijiet kif xieraq. [1] Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) ma tibgħatx mikro- data lill-Eurostat mill-Istħarriġ Nazzjonali tal-Forza tax-Xogħol; lanqas dettalji fir-rigward ta' l-istħarriġ ma provdiet. Għaldaqstant, il-FYROM mhix koperta minn dan ir-rapport.