This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0764
Proposal for a Council Regulation temporarily withdrawing access to the generalised tariff preferences from the Republic of Belarus
Proposta għal regolament tal-Kunsill li temporanjament jirrevoka l-aċċess għall-preferenzi tariffarji ġeneralizzati lir-Repubblika tal-Belarus
Proposta għal regolament tal-Kunsill li temporanjament jirrevoka l-aċċess għall-preferenzi tariffarji ġeneralizzati lir-Repubblika tal-Belarus
/* KUMM/2006/0764 finali - ACC 2006/0255 */
Proposta għal regolament tal-Kunsill li temporanjament jirrevoka l-aċċess għall-preferenzi tariffarji ġeneralizzati lir-Repubblika tal-Belarus /* KUMM/2006/0764 finali - ACC 2006/0255 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 30.11.2006 KUMM(2006) 764 finali 2006/0255 (ACC) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li temporanjament jirrevoka l-aċċess għall-preferenzi tariffarji ġeneralizzati lir-Repubblika tal-Belarus (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Is-sistema ta’ preferenzi ġeneralizzata tal-Komunità (il-“GSP”, generalised system of preferences) tipprovdi għat-tneħħijja totali jew parzjali ta’ l-arranġamenti preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw f’pajjiż benefiċjarju taħt ċerti ċirkustanzi, inkluż minħabba ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet “tad-drittijiet ewlenija tal-bniedem u tal-ħaddiem” tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). 2. Ir-Repubblika tal-Belarus hija inkluża fil-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji tal-GSP. 3. Fi tmiem l-2003, fuq l-insistenza ta’ l-għaqdiet tal-ħaddiema internazzjonali, il-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għal investigazzjoni ta’ ksur allegat ta’ libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv fil-Belarus. 4. Il-Kummissjoni investigat il-qafas istituzzjonali, l-istituzzjonijiet ewlenin, l-istruttura tas-sħubija soċjali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Belarus, qabblithom ma’ l-istandards internazzjonali u għamlet użu mill-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ l-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Kumitat tagħha ta’ Esperti, kif ukoll ir-rapporti tan-NU. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ Kumitati ta’ l-ILO huma r-referenza ewlenija fuq l-interpretazzjoni tal-liġi internazzjonali tax-xogħol u r-regoli tal-korrelazzjoni bejn l-istandards nazzjonali u dawk internazzjonali. Ix-xhieda mogħtija mill-partijiet interessati nazzjonali primarji, u l-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom fil-livell internazzjonali kienet issupplimentata minn intervisti ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-gvern u ta’ min iħaddem, kif ukoll l-aġenziji internazzjonali rilevanti kollha, NGOs u persunal tal-Kummissjoni Ewropea. 5. Mill-investigazzjoni nstab li l-Belarus qieghed jimpedixxi d-dritt ta’ twaqqif ta’ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, id-dritt ta’ organizzazzjoni, id-dritt ta' għażla bejn organizzazzjoni tal-ħaddiema u oħra, u d-dritt ta' għarfien legali u ta' ffinanzjar barrani lil dawn l-organizzazzjonijiet. Il-Belarus qiegħed jippromwovi d-diskriminazzjoni kontra l-għaqda fil-ħaddiema u t-taħlil jew is-sospensjoni ta' l-għaqdiet tal-ħaddiema. 6. Flimkien ma' l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-ILO waqqfet “Kummissjoni ta’ Inkjesta” li, fir-rapport tagħha ta’ Lulju 2004, ifformulat tnax-il rakkomandazzjoni li l-Gvern tal-Belarus kien meħtieġ jikkonforma magħhom qabel Ġunju 2005, sabiex jirmedja l-applikazzjoni mhux sodisfaċenti tal-Konvenzjoni Nru 87 ta’ l-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Ħarsien tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni, u l-Konvenzjoni Nru 98 dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u ta' Negozjar Kollettiv. 7. Konformi mal-proċedura stabbilita fir-regolament GSP, il-Kummissjoni ddeċidiet tiftaħ perjodu ta’ sitt xhur biex tissorvelja u tevalwa l-qagħda fil-Belarus u, hi u tagħmel hekk, ikkonċediet lill-Belarus aktar ħin biex jagħti l-impenn tiegħu li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mal-Prinċipji u d-Drittijiet Fondamentali fuq ix-Xogħol, kif hemm fit-tnax-il rakkomandazzjoni fir-rapport ta’ Lulju 2004 tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta ta’ l-ILO. 8. Il-Belarus m’għamilx l-impenn mitlub fi żmien dan il-perjodu ta’ sitt xhur ta' monitoraġġ u evalwazzjoni (sa Marzu 2006) Il-Kummissjoni madankollu baqgħet tanalizza s-sitwazzjoni fil-Belarus, iżda, kif hemm spjegat fil-premessi ta' l-abbozz tar-Regolament, sa Ottubru 2006, il-Belarus m'għamilx impenn sodisfaċenti. Ir-raġunijiet għar-revoka temporanja ta' l-arranġament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw fil-Belarus għalhekk għadhom hemm u, minħabba l-issuktar tal-vjolazzjoni tad-drittijiet speċifikati hawn fuq, jibqgħu dejjem iżjed urġenti jum wara jum.. 9. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, il-Kunsill għandu jiddeċiedi fi żmien xhar b’maġġoranza kkwalifikata dwar il-proposta mill-Kummissjoni. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi favur ir-revoka temporanja, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara li tittieħed id-deċiżjoni, sakemm ma tinbidilx il-qagħda qabel. 10. Il-qagħda għandha tinżamm taħt sorveljanza, sabiex jista’ jseħħ it-twaqqif mill-ġdid ta’ l-arranġament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw fil-Belarus jekk il-vjolazzjonijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt ta' negozjar kollettiv fil-Belarus ma jibqgħux jeżistu. 2006/0255 (ACC) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li temporanjament jirrevoka l-aċċess għall-preferenzi tariffarji ġeneralizzati lir-Repubblika tal-Belarus IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 133 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 20(4) tiegħu, Billi: (1) Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 ir-Repubblika tal-Belarus (minn hawn 'il quddiem 'il-Belarus') huwa pajjiż benefiċjarju ta’ l-iskema tal-Komunità ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati. (2) Fid-29 ta’ Jannar 2003, il-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions (ICFTU), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u l-Konfederazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WCL) għamlu talba konġunta, lill-Kummissjoni, għal investigazzjoni li għandha sseħħ skond l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 2501/2001 ta’ ksur allegat tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tad-dritt għal negozjar kollettiv fil-Belarus. (3) Il-Kummissjoni eżaminat it-talba, b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Preferenzi Ġeneralizzati, u ddeċidiet, b’Deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 2003[2], li tagħti bidu għal investigazzjoni. Intalbet l-informazzjoni mill-partijiet interessati, permezz ta’ avviż ippubblikat[3]. (4) L-awtoritajiet tal-Belarus kienu avżati formalment bil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Huma ċaħdu li kien hemm xi ksur tal-Konvenzjoniiet ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 87 (li tirrigwarda l-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Ħarsien tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni) u Nru 98 (li tirrigwarda l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u ta’ Negozjar Kollettiv). (5) L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni tul il-kors ta’ l-investigazzjoni mmexxija b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Preferenzi Ġeneralizzati iżda kkoroborat l-eżistenza ta’ ksur serju u sistematiku tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta' negozjar kollettiv skond il-Konvenzjonijiet ta’ l-ILO Nru 87 u 98. Fost ħwejjeġ oħra, il-Kummissjoni saret taf li l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol eżaminat il-qagħda fil-Belarus għal dak li għandu x'jaqsam maż-żewġ konvenzjonijiet u bdiet l-investigazzjoni rispettiva tagħha stess f'Novembru 2003. Ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta li rriżulta ta' Lulju 2004 kien fih 12-il rakkomandazzjoni biex jittieħdu miżuri speċifiċi biex titjieb il-qagħda fil-Belarus. Il-Belarus kien imħeġġeġ jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet sa l-1 ta' Ġunju 2005, u dan ma seħħx. Fuq il-bażi ta' dan it-tagħrif u mill-analiżi tagħha stess, il-Kummissjoni qieset li r-revoka temporanja ta’ l-arranġament preferenzjali kienet ġustifikata. (6) Fis-17 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissorvelja u tivvaluta l-qagħda tad-drittijiet tax-xogħol fil-Belarus[4]. It-tħabbir tal-bidu tal-perjodu ta’ sitt xhur għal din is-sorveljanza u l-valutazzjoni[5] kien fih stqarrija dwar il-ħsieb tal-Kummissjoni li tibgħat proposta lill-Kunsill għar-revoka temporanja tal-preferenzi kummerċjali, sakemm, qabel tmiem dan il-perjodu, il-Belarus ma jkunx ta impenn li jwettaq il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mal-prinċipji msemmija fl-Istqarrija ta’ l-ILO ta’ l-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, kif jinsab fit-tnax-il rakkomandazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta ta’ Lulju 2004. L-awtoritajiet tal-Belarus kienu avżati uffiċjalment bid-deċiżjoni u bit-tħabbira. (7) Il-Belarus ma tax l-impenn meħtieġ fi żmien il-perjodu ta' sitt xhur ta' sorveljanza u valutazzjoni u lanqas kif deskritt hawn taħt, matul ix-xhur ta' wara. Minflok, fit-30 ta' Marzu, l-awtoritajiet tal-Belarus ippreżentaw lill-Kummissjoni sottomissjoni dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni fil-Belarus. Il-Kummissjoni analizzat din is-sottomissjoni iżda kkonkludiet li ma pprovdietx biżżejjed evidenza ta' impenn (8) Sadanitant, il-Korp ta' Tmexxija ta' l-ILO adotta r-rapport ta' segwitu tal-Kumitat dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni (Committee on Freedom of Association CFA) f'Marzu 2006, li fih ġibed l-attenzjoni dwar kemm il-qagħda tad-drittijiet tat-trejdjunjins attwalment marret għall-agħar fil-Belarus u ħeġġeġ l-awtoritajiet tal-Belorussja jieħdu minnufih miżuri konkreti. (9) Barra minn hekk, il-Kummissjoni irċeviet komunikazzjoni, bid-data tas-16 ta' Mejju 2006, mill-awtoritajiet tal-Belarus dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni fil-Belarus. Bħal ma ġara bis-sottomissjoni tat-30 ta' Marzu 2006, wara analiżi bir-reqqa l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li din is-sottomissjoni ma pprovdietx ebda sinjal ta' impenn jew xi ħjiel konvinċenti li l-qagħda tjiebet. Din il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Belarus dehret ukoll fir-rapport tal-Kumitat ta' l-ILO f'Ġunju ta' l-2006 dwar l-Applikazzjoni ta' l-Istandards tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, li ddeplora n-nuqqas issoktat mill-Gvern tal-Belarus li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet u enfażizza l-ħtieġa ta' azzjonijiet rapidi sabiex jista' jiġi nnutat xi progress reali u konkret. Barra minn hekk, il-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol ta' Ġunju 2006, organizzata taħt l-awspiċi ta' l-ILO, ikklassifikat in-nuqqas ta' implimentazzjoni tat-12-ir rakkomandazzjoni, li l-Belarus baqa' jinjora minn Lulju ta' l-2004, bħala każ ta' nuqqas issoktat. Din il-klassifikazzjoni eċċezzjonali tintuża biss għal każijiet serji ħafna u sistematiċi ta' non-konformità ma' konvenzjoni rratifikata. (10) Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa aġġornament ta' l-iżviluppi fil-Belarus, inkluża ittra mill-Belarus bid-data ta' l-14 ta' Ottubru 2006 u mibgħuta lill-Kummissjoni fis-17 ta' Ottubru 2006. Minflok ma pproduċiet xi impenn effettiv jew evidenza ċara ta' xi titjieb tas-sitwazzjoni, din l-ittra, għal darb'oħra, tippreżenta intenzjonijiet possibbli iżda hija nieqsa minn xi ħjiel ta' implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-Konvenzjonijiet Nru 87 u Nru 98 ta' l-ILO. Il-vjolazzjonijiet tal-prinċipji stabbiliti fil-konvenzjonijiet Nru 87 u 98 ta' l-ILO jissoktaw jeżistu. (11) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq l-arranġament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw fil-Belarus għandhom jiġu revokati temporanjament, sakemm jiġi deċiż li r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-revoka temporanja ma jgħoddux aktar. (12) Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu, sakemm ma jiġix deċiż li r-raġunijiet li jiġġustifikawh ma jgħoddux aktar, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-arranġament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw fil-Belarus stipulat fir-Regolament (KE) Nru 980/2005 huwa temporanjament revokat. Artikolu 2 Il-Kunsill, hu u jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi mill-ġdid l-arranġament preferenzjali għall-prodotti li joriġinaw fil-Belarus, jekk il-ksur tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ negozjar kollettiv fil-Belarus ma jkunx aktar jeżisti. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data ta’ l-adozzjoni tiegħu. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, [...] Għall-Kunsill Il-President STQARRIJA LEĠIŻLATTIVA FINANZJARJA GĦAL PROPOSTI LI JKOLLHOM IMPATT BAĠITARJU LI JKUN BISS FUQ IN-NAĦA TAD-DĦUL [pic] [1] ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1. [2] ĠU L 5, 9.1.2004, p. 90. [3] ĠU C 40, 14.2.2004, p. 4. [4] ĠU L 213, 18.8.2005, p. 16. [5] ĠU C 240, 30.9.2005, p. 41.