Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0255

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fix-xogħol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga

/* KUMM/2006/0255 finali - CNS 2006/0095 */

52006PC0255




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 1.6.2006

KUMM(2006)255 finali

2006/0095(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fix-xogħol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Daħla

Il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-ftehimiet dwar il-parteċipazzjoni ta’ tliet pajjiżi kandidati, jiġifieri l-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija, fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga. Il-Kummissjoni kellha negozjati mal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija fuq il-bażi tal-mandat li kien ingħatalha mill-Kunsill. Il-Kummissjoni kkonkludiet in-negozjati mal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija billi inizjalat l-abbozz tal-ftehimiet fl-2004.

2. Strateġija ta’ qabel l-adeżjoni

2.1. Aġenda 2000

F’Agenda 2000 il-Kummissjoni stqarret il-ħsieb li l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fi programmi li jimplimentaw l- acquis tkun ta’ “tħejjija utli biex il-pajjiżi applikanti u ċ-ċittadini tagħhom isiru jafu aktar dwar il-politiki ta’ l-Unjoni u l-metodi kif taħdem”. Dan huwa wieħed mill-mezzi ewlenin biex tiżdied il-ħila tal-pajjiżi kandidati li jimplimentaw, kif ukoll li jittrasponu, l- acquis.

2.2. Il-President tal-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu (Diċembru 1997) qies li l-parteċipazzjoni fi programmi u f'aġenziji tal-Komunità tkun strument ta’ strateġija mtejba ta’ qabel l-adeżjoni, u kkonkluda li l-pajjiżi kandidati għandhom jitħallew jipparteċipaw f’aġenziji tal-Komunità fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-Turkija, il-Kunsill Ewropew ta' Helsinki (Diċembru 1999) reġa saħaq fuq in-natura inklużiva tal-proċess ta’ l-adeżjoni, li hu magħmul minn tlettax-il pajjiż fi ħdan qafas wieħed mal-pajjiżi kandidati li qed jipparteċipaw fil-proċess ta’ l-adeżjoni, fuq bażi ndaqs. It-Turkija qed tgawdi minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni u se jkollha l-opportunità li tipparteċipa fi programmi tal-Komunità u aġenziji fil-kuntest tal-proċess ta’ l-adeżjoni.

3. Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fiċ-ċentru ta’ monitoraġġ ewropew dwar id-droga u d-dipendenza mid-droga

Fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni SEC(2000)1878 ta’ l-24 ta’ Lulju 2000, il-Kunsill iddeċieda fid-19 ta’ Marzu 2001 li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar id-Droga u d-Dipendenza mid-Droga. L-għan kien li l-pajjiżi kandidati jipparteċipaw fil-ħidma taċ-Ċentru qabel l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Id-direttivi dwar in-negozjati jeżiġu li l-ftehimiet għandhom jistipulaw il-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fil-ħidma taċ-Ċentru. B’mod partikolari, il-ftehimiet għandhom jipprovdu li l-pajjiżi kandidati m’għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija, li għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet taċ-Ċentru u li jkun hemm klawsoli xierqa dwar il-protezzjoni tad- data , il-privileġġi u l-immunitajiet li għandhom jingħataw liċ-Ċentru, u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

4. In-negozjati

Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-mandat, innegozjat mal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija. Sar qbil fuq l-abbozz ta’ ftehimiet bilaterali u l-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija u l-Komunità issa għandhom jipproċedu lejn ir-ratifika ta' l-abbozz ta' ftehimiet.

5. Abbozz ta’ ftehim

Il-Kummissjoni qablet mal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija fuq abbozz ta’ ftehimiet li jagħtuhom kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fiċ-Ċentru li jixbħu lil dawk li jirregolaw il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fiċ-Ċentru .

Il-ftehimiet jistipulaw li l-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija għandhom jieħdu sehem fil-programm ta’ ħidma taċ-Ċentru u għandhom jissoddisfaw l-obbligi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3294/94, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2220/2000 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1651/2003.

Il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija se jkunu magħquda man-Netwerk Ewropew ta’ l-Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (REITOX) u se jaqsmu d- data maċ-Ċentru, skond ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad- data fil-liġijiet nazzjonali u tal-Komunità. Il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija kollha se jagħtu kontribut finanzjarju liċ-Ċentru biex ikopru l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni. Il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija se jipparteċipaw ukoll fil-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru mingħajr id-dritt tal-vot sa meta jsiru membri ta’ l-Unjoni.

Il-ftehimiet huma abbozzati għal perjodu mingħajr limitu sakemm il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija jsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Partijiet se japprovaw il-ftehim skond il-proċeduri tagħhom stess. Dan jidħol fis-seħħ meta ż-żewġ Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li l-proċeduri rispettivi tagħhom ikunu tlestew.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċentru se jqis lill-Bulgarija, lir-Rumanija u lit-Turkija daqs li kieku diġà huma Stati Membri billi jingħataw trattament indaqs f’dak li għandu x’jaqsam mar-rabtiet man-Netwerk Ewropew ta’ l-Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (REITOX), u mad-dispożizzjonijiet dwar l-impjegati.

6. Konklużjoni tal-ftehimiet

6.1. Bażi legali

In-negozjati biex iċ-Ċentru jinfetaħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi applikanti jistgħu jsiru bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 302/93 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.

L-Artikolu 13 fih ir-regoli meħtieġa dwar il-proċedura biex iċ-Ċentru jinfetaħ għal pajjiżi li m’humiex membri ta’ l-Unjoni iżda jaqsmu l-interessi tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri fl-għanijiet u l-ħidma taċ-Ċentru. Il-ftehimiet li jintlaħqu bejn pajjiżi bħal dawn u l-Komunità għandhom isegwu l-proċedura mfissra fl-Artikolu 300 tat-Trattat.

Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-mandat, ikkonkludiet in-negozjati mal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija.

Biex tkun tista’ tkompli, il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi li jittieħdu Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehimiet bil-għan li dawn il-pajjiżi jitħallew jipparteċipaw fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga.

6.2. Implikazzjonijiet finanzjarji

Skond in-negozjati li għandhom jiġu konklużi, il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija għandhom jagħtu kontribut finanzjarju liċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga biex jiġu koperti l-ispejjeż biex l-attivitajiet kollha taċ-Ċentru jinfirxu lejn dawn il-pajjiżi.

Huwa previst li l-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija jkunu integrati għal kollox fl-attivitajiet kollha taċ-Ċentru wara perjodu inizjali ta’ introduzzjoni gradwali ta’ tliet snin. Għalhekk huwa previst li l-kontribut finanzjarju għandu jiżdied matul dan il-perjodu. Il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija jistgħu jiksbu għajnuna finanzjarja mill-programmi rilevanti ta’ għajnuna tal-Komunità biex tkun sussidjata parti mill-kontribut finanzjarju tagħhom liċ-Ċentru.

Meta l-programm sħiħ ta’ ħidma taċ-Ċentru jkun implimentat, il-kontribut finanzjarju ta’ kull sena mill-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija lejn iċ-Ċentru jkun ta’ €271,000 minn kull pajjiż. Mill-2008, is-somma ta’ €271,000 se tiżdied permezz ta’ referenza għar-rata ta’ żieda tas-sovvenzjoni tal-Komunità liċ-Ċentru.

7. Il-Benefiċċji tal-Ftehimiet

Hemm diversi benefiċċji li jiġu mill-parteċipazzjoni tal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija fiċ-Ċentru:

- Il-parteċipazzjoni fiċ-Ċentru tgħin lill-Bulgarija, lir-Rumanija u lit-Turkija biex jadottaw u jimplimentaw l- acquis dwar id-drogi bi tħejjija għall-adeżjoni.

- Il-parteċipazzjoni fiċ-Ċentru tgħin lill-Bulgarija, lir-Rumanija u lit-Turkija biex jibdew jidraw il-proċeduri ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fiċ-ċentru u biex jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-Programm ta’ Ħidma;

- Iċ-Ċentru jkun jista’ jifrex ir-rappurtaġġ tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' l-użu tad-droga u d-dipendenza mid-droga lejn il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija.

- Il-parteċipazzjoni tgħin biex iċ-Ċentru u l-Istati Membri tiegħu, kif ukoll il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija, ikollhom data aktar estensiva u aħjar dwar id-droga u d-dipendenza mid-droga fl-Ewropa. - Id- data li tingħata mill-Bulgarija, mir-Rumanija u mit-Turkija tgħaddi minn valutazzjoni ta’ kwalità u tinfirex ħafna permezz tar-Rapport Annwali taċ-Ċentru u s-sit ta’ l-internet.

- Il-parteċipazzjoni tgħin sabiex il-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija jidħlu fis-Sistema ta’ Twissija Bikrija dwar id-Drogi Ġodda Sintetiċi żviluppata miċ-Ċentru.

8. RAKKOMANDAZZJONI

Ġew konklużi negozjati, u ntlaħaq ftehim mal-Bulgarija, mar-Rumanija u mat-Turkija biex jipparteċipaw fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga fuq kondizzjonijiet li jixbhu lil dawk tan-Norveġja.

Għalhekk hu possibbli għall-Komunità li tapprova l-konklużjoni tal-ftehimiet bilaterali mal-Bulgarija, ir-Rumanija u t-Turkija biex jipparteċipaw fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga.

2006/0095(CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fix-xogħol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 152, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 300(2), u l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93 tat-8 ta’ Frar 1993 dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga[3]kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 3294/94[4], ir-Regolament (KE) Nru 2220/2000[5] u r-Regolament (KE) Nru 1651/2003[6], jistipula, fl-Artikolu 13, li ċ-Ċentru għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex fil-Komunità li jaqsmu l-interessi tal-Komunità u dawk ta’ l-Istati Membri tagħha fl-għanijiet u l-ħidma taċ-Ċentru.

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità ftehim mar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fix-xogħol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga.

(3) Dan il-Ftehim kien inizjalat fid-9 ta’ Settembru 2004 għandu jkun approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

L-Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fix-xogħol taċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga hu b’dan approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill permezz ta’ dan huwa awtorizzat li jaħtar lill-persuna li jkollha l-jedd tiffirma l-Ftehim sabiex tesprimi l-kunsens tal-Komunità li tkun marbuta bih.

L-Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa li tittrażmetti n-notifika diplomatika prevista fl-Artikolu 10 tal-Ftehim.

L-Artikolu 4

Din id-deċiżjoni se tiġi ppublikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej .

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fiċ-Ċentru Ewropew għas-Sorveljanza tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga

Il-KOMUNITÁ EWROPEA min-naħa,

U r-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Bulgarija”, min-naħa l-oħra

minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Partijiet Kontraenti

Waqt li jirrevokaw li l-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu ta’ l-1997 għamel il-parteċipazzjoni fil-programmi u l-aġenziji Komunitarji strument biex tkun rinforzata l-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni.

Waqt li jikkunsidraw li l-Komunità Ewropea, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 302/93[7] kif ġie emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill Nri 3294/94[8] u 2220/2000[9] u 1651/2003[10] (“ir-Regolament”), stabbilixxa ċ-Ċentru Ewropew għas-Sorveljanza tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (“iċ-Ċentru”);

Billi fl-Artikolu 13 tiegħu r-Regolament jipprovdi li ċ-Ċentru huwa miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jaqsmu l-interessi tal-Komunità u dawk ta' l-Istati Membri tagħha;

Billi l-Bulgarija tħaddan l-iskopijiet u l-għanijiet stipulati għaċ-Ċentru fir-Regolament għaliex l-għan aħħari tal-Bulgarija huwa li ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea;

Billi l-Bulgarija taċċetta d-deskrizzjoni tal-funzjonijiet taċ-Ċentru u l-metodu ta’ kif jaħdem kif ukoll is-setturi ta’ prijorità kif deskritti fir-Regolament;

Billi fil-Bulgarija teżisti istituzzjoni adattata biex tingħaqad man- Network Ewropew ta’ Tagħrif dwar id-Droga u d-Dipendenza mid-Droga;

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tipparteċipa b’mod sħiħ fix-xogħol taċ-Ċentru, skond it-termini stipulati f’dan il-Ftehim.

Artikolu 2

In- Network Ewropew ta’ Tagħrif dwar id-Droga u l-Abbuż tad-Droga (Reitox)

1. Il-Bulgarija għandha tingħaqad man- Network Ewropew ta’ Tagħrif dwar id-Droga u d-Dipendenza mid-Droga (Reitox).

2. Sa 28 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Bulgarija għandha tinnotifika liċ-Ċentru dwar l-elementi ewlenin tan- network ta’ tagħrif nazzjonali tagħha inkluż iċ-ċentru ta' sorveljanza nazzjonali tagħha, u ssemmi kull ċentru ieħor speċjalizzat li jista' jagħti kontribut siewi lix-xogħol taċ-Ċentru.

Artikolu 3

Il-Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru jistieden rappreżentant tal-Bulgarija biex jipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Dan ir-rappreżentant ikollu d-dritt għal parteċipazzjoni sħiħa imma mhux id-dritt għall-vot. F’każ eċċezzjonali, il-Bord Maniġerjali jista’ jsejjaħ laqgħa għar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biss dwar kwistjonijiet li jkunu ta’ interess speċifiku għall-Komunità u l-Istati Membri tagħha.

Il-Bord Maniġerjali, f’seduti flimkien mar-rappreżentanti tal-Bulgarija, għandu jistipula l-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fix-xogħol taċ-Ċentru.

Artikolu 4

Il-Baġit

Il-Bulgarija għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet taċ-Ċentru msemmija fl-Artikolu 1 skond id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta' dan il-Ftehim, li għandhom jikkostitwixxu parti integrali tal-Ftehim.

Artikolu 5

Il-Protezzjoni u l-Konfidenzjalità tad- Data

1. Kulmeta, fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim, tingħadda miċ-Ċentru lill-awtoritajiet Bulgari skond il-liġi Komunitarja u Bulgara, data personali li ma tikxifx l-identità ta’ persuni fiżiċi, din id- data tista’ tintuża biss għall-iskop preskritt u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità li tkun għaddiet din-id- data .

2. Id-data dwar id-droga u d-dipendenza mid-droga li tingħata lill-awtoritajiet Bulgari miċ-Ċentru tista’ tkun ippubblikata basta dan ikun konformi mar-regoli Komunitarji u Bulgari dwar it-tixrid u l-kunfidenzjalità tat-tagħrif. Data personali ma tistax tiġi ppubblikata jew tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

3. Iċ-ċentri speċjalizzati magħżula fil-Bulgarija mhumiex obbligati jipprovdu tagħrif ikklassifikat bħala kunfidenzjali mil-leġiżlazzjoni Bulgara.

4. Fir-rigward ta’ data mgħoddija liċ-Ċentru mill-awtoritajiet Bulgari, iċ-Ċentru huwa suġġett għar-regoli stipulati fl-Artikolu 6 tar-Regolament.

Artikolu 6

Status ġuridiku

Iċ-Ċentru għandu personalità ġuridika u fil-Bulgarija għandu jgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar wiesgħa li tista’ tingħata lill-persuni ġuridiċi mil-liġi Bulgara.

Artikolu 7

Ir-Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà taċ-Ċentru hija ddixxiplinata mir-regoli stipulati fl-Artikolu 16 tar-Regolament.

Artikolu 8

Il-Privileġġi

Il-Bulgarija għandha tapplika għaċ-Ċentru d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li bħala l-Anness II ta’ dan il-Ftehim, jifforma parti integrali minnu.

Artikolu 9

Ir-Regolamenti ta' l-Istaff

Bħala deroga għall-Artikolu 12(2)(a) tal-Kundizzjoinijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej, min għandu nazzjonalità Bulgara u jgawdi d-drittijiet sħaħ ta’ ċittadin jingħata kuntratt ta’ xogħol mid-Direttur Eżekuttiv taċ-Ċentru.

Artikolu 10

Id-dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar mid-data li fiha tkun waslet l-aħħar miż-żewġ noti diplomatiċi li tikkonferma li l-ħtiġiet ġuridiċi tal-Parti Kontraenti rispettiva dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ġew sodisfati.

Artikolu 11

Il-Validità u t-Terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim qiegħed isir għal żmien mhux limitat. Jeskadi meta l-Bulgarija tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

2. Kull waħda mill-Partijiet Kontraenti tista’ tiddenunzja dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub mibgħuta lill-Parti Kontraenti l-oħra. Il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ wara li jgħaddu sitt xhur mid-data ta’ din in-notifika.

ANNESS I

Kontribut finanzjarju tal-Bulgarija

Iċ-Ċentru Ewropew għad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga

1. Il-kontribut finanzjarju li l-Bulgarija għandha tħallas lill-baġit ta’ l-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tipparteċipa fiċ-Ċentru Ewropew għad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga ("iċ-Ċentru") tiżdied progressivament fuq medda ta' erba' snin li matulhom il-Bulgarija testendi gradwalment il-parteċipazzjoni taghħa fl-attivitajiet taċ-Ċentru. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji meħtieġa huma:

- matul l-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni | € 100.000 |

- matul it-tieni sena ta’ parteċipazzjoni | € 150.000 |

- matul it-tielet sena ta’ parteċipazzjoni | € 210.000 |

- matul ir-raba’ sena ta’ parteċipazzjoni | € 271.000 |

Mill-ħames sena ta’ parteċipazzjoni, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali li għandha titħallas mill-Bulgarija liċ-Ċentru għandha tkun il-kontribuzzjoni tar-raba’ sena ta’ parteċipazzjoni indiċizzata fuq bażi ta’ rata ta’ żieda tas-Sovverżjoni Komunitarja għaċ-Ċentru.

2. Biex tħallas il-kontribuzzjoni tagħha liċ-Ċentru, il-Bulgarija tista’ tuża l-għajnuna Komunitarja b’mod parzjali sal-limitu ta’ 75% tal-kontribuzzjoni Komunitarja matul l-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni, 60% matul it-tieni sena ta’ parteċipazzjoni u 50% mit-tielet sena ’l quddiem. Skond proċedura ta’ programmazzjoni separata, il-fondi Komunitarji meħtieġa jkunu trasferiti għall-Bulgarija permezz ta’ memorandum finanzjarju separat. Il-parti tal-kontribuzzjoni li jkun fadal titħallas mill-Bulgarija.

3. Il-kontribuzzjoni tal-Bulgarija tkun amministrata skond ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-ispejjeż ta' l-ivjaġġi ivjaġġar u l-għejxien imħallsa mir-rappreżentanti u l-esperti Bulgari biex jipparteċipaw fl-attivitajiet taċ-Ċentru jew biex jattendu l-laqgħat li kellhom x’jaqsmu ma’ l-implimentzazzjoni tal-programm ta’ ħidma taċ-Ċentru, għandhom ikunu rimburżati miċ-Ċentru b'mod konformi mal-proċeduri applikabbli fil-preżent għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

4. Għall-ewwel sena tal-parteċipazzjoni tagħha, il-Bulgarija għandha tħallas kontribuzzjoni kkalkulata fuq bażi pro rata mid-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni sa l-aħħar tas-sena. Għas-snin ta’ wara, il-kontribuzzjoni għandha tkun skond dan il-Ftehim.

ANNESS II Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li, skond l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Uniku u Kummissjoni Unika tal-Komunitajiet Ewropej, fit-territorji ta’ l-Istati Membri dawn il-Komunitajiet u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandhom igawdu dawk il-privileġġi u l-immunitajiet kif inhuma meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijiethom.

FTEHMU dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi ma' dan it-Trattat.

KAPITOLU I

IL-PROPRJETÀ, IL-FONDI, L-ASSI U L-OPERAZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 1

L-istabbilimenti u l-bini tal-Komunitajiet għandhom ikunu invjolabbli. Ma jistgħux ikunu sottomessi għal tfittxija, rekwisizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi tal-Komunitajiet m'għandhomx ikunu suġġetti għal kwalunkwe miżura ta’ restrizzjoni, amministrattiva jew legali, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

L-arkivji tal-Komunitajiet għandhom ikunu invjolabbli.

Artikolu 3

Il-Komunitajiet, l-assi, id-dħul u l-proprjetà oħra tagħhom għandhom ikunu eżentati mit-taxxi diretti kollha.

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom, fejn hu possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jittrasferixxu jew jirrimborżaw l-ammont ta' taxxa indiretta jew taxxa fuq il-bejgħ inkluża fil-prezz ta' proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Komunitajiet jagħmlu, għall-użu uffiċjali tagħhom, xiri sostanzjali ta' oġġetti li l-prezz tagħhom ikun jinkludi taxxi ta' din ix-xorta. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx ikunu applikati b’mod li jikkaġunaw distorzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunitajiet.

L-ebda eżenzjoni m’għandha tingħata fir-rigward ta' taxxi u pagamenti li jkunu dovuti biss bħala ħlas għal servizzi ta’ utilitajiet pubbliċi.

Artikolu 4

Il-Kummissjonijiet għandhom ikunu eżentati minn kull dazju doganali, projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward ta' oġġetti maħsuba għall-użu uffiċjali tagħhom: Oġġetti li jkunu ġew importati b'dan il-mod ma jistgħux jiġu trasferiti, kemm jekk għal ħlas u anki jekk le, fit-territorju tal-pajjiż fejn ikunu ġew importati, ħlief taħt kondizzjonijiet li jkunu approvati mill-gvern ta' dak il-pajjiż.

Il-Komunitajiet għandhom ukoll ikunu eżentati minn kull dazju doganali u kull projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 5

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jista’ jkollha munita ta’ kull xorta u topera kontijiet f’kull munita.

KAPITOLU II

KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ-PASSER

Artikolu 6

Għall-komunikazzjonijiet uffiċjali u t-trażmissjoni tad-dokumenti kollha tagħhom, fit-territorju ta' kull Stat Membru l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom igawdu t-trattament mogħti minn dak l-Istat lill-missjonijiet diplomatiċi.

Il-korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħra ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet m’għandhomx ikunu sottomessi għal ċensura.

Artikolu 7

1. Id-dokumenti tal- Laissez-passer f'forma li tkun stabbilita mill-Kunsill, li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, jistgħu jinħarġu lill-membri u l-uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet mill-Presidenti ta' dawn l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti tal- laissez-passer għandhom jinħarġu lill-uffiċjali u impjegati oħra skond kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti ta’ l-Istaff għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-Impjegati Oħra tal-Komunitajiet.

Il-Kummissjoni tista' tikkonkludi ftehimiet sabiex dawn id-dokumenti tal- laissez-passer ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi ġewwa t-territorju ta' pajjiżi terzi.

2. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, għandhom jibqgħu japplikaw għall-membri u l-uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, ikollhom id-dokumenti tal -laissez-passer previsti minn dak l-Artikolu, sakemm huma applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

IL-MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 8

L-ebda restrizzjoni amministrattiva jew ta' natura oħra m’għandha tiġi imposta fuq il-moviment ħieles tal-Membri tal-Parlament Ewropew waqt il-vjaġġi tagħhom lejn jew mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward tad-dwana u tal-kontroll tal-kambju, jingħataw:

(a) mill-gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali għolja li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

(b) mill-Gvern ta' Stati Membri l-oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lir-rappreżentanti ta' gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

Artikolu 9

Il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa minnhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 10

Matul is-seduti tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu:

(a) fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

(b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull miżura ta’ detenzjoni u minn proċedimenti ġudizjarji.

L-immunità għandha tkoprihom ukoll bl-istess mod waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tkun invokata meta Membru jinqabad fil-fatt iwettaq reat u l-Parlament Ewropew ma jistax jinżamm milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' xi ħadd mill-Membri tiegħu.

KAPITOLU IV

RAPPREŻENTANTI TA' L-ISTATI MEMBRI LI JIEĦDU SEHEM FIX-XOGĦOL TA' L-ISTITUZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 11

Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jieħdu sehem fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, waqt il-qadi ta' dmirijiethom u waqt il-vjaġġi tagħhom lejn u mill-post tal-laqgħat, igawdu l-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet skond il-konswetudni.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-membri tal-korpi konsultattivi tal-Komunitajiet.

KAPITOLU V

UFFIĊJALI U IMPJEGATI OĦRA TAL-KOMUNITAJIET

Artikolu 12

Fit-territorju ta' kull Stat Membru u tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet:

(a) għandhom igawdu immunità minn proċedimenti legali għal azzjonijiet imwettqa minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inkluż kliemhom mitkellem jew miktub, skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati li, min-naħa l-waħda, għandhom x’jaqsmu mar-regoli tar-responsabbiltajiet ta' l-uffiċjali u impjegati oħra lejn il-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, mal-kompetenza ġuridika tal-Qorti fi kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-uffiċjali tagħhom u impjegati oħra. Huma għandhom jibqgħu jgawdu din l-immunità wara li jkunu spiċċaw mill-kariga tagħhom;

(b) huma, flimkien mal-kunjuġi tagħhom u l-membri tal-familja li jiddependu minnhom, m’għandomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet ta’ immigrazzjoni jew għall-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tal-barranin;

ċ) fir-rigward tar-regolamenti tal-munita jew il-kambju, għandhom jingħataw l-istess faċilitajiet li b'konswetudini jingħataw lill-uffiċjali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d) għandhom igawdu d-dritt li jimportaw mingħajr dazju l-għamara u l-effetti personali tagħhom meta jmorru joqogħdu għall-ewwel darba biex jaħdmu fil-pajjiż konċernat, u d-dritt li jerġgħu jibagħtu lura l-għamara u l-affarijiet tagħhom bla ma jħallsu dazju meta jispiċċaw jaqdu dmirijiethom f'dak il-pajjiż, skond, fiż-żewġ każi, il-kondizzjonijiet li l-gvern ta' dak l-Istat fejn dan id-dritt jiġi eżerċitat, jikkunsidra li huma meħtieġa;

(e) għandu jkollhom id-dritt li jimportaw mingħajr dazju karozza għall-użu personali tagħhom, li tkun inxtrat jew fil-pajjiż fejn kienu qed joqogħdu l-aħħar, jew fil-pajjiż fejn huma ċittadini, skond il-kondizzjonijiet tas-suq domestiku li jkunu fis-seħħ f'dak l-Istat, u li jerġgħu jibagħtuha lura bla ma jħallsu dazju, skond, fiz-zewġ każi, il-kondizzjonijiet li l-gvern tal-pajjiż ikkonċernat jikkunsidra li huma meħtieġa.

Artikolu 13

L-uffiċjali u l-impjegati oħra tal-Komunitajiet għandhom iħallsu taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Komunitajiet, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti mill-Kunsill, wara deliberazzjoni dwar proposta mill-Kummissjoni.

Huma għandhom ikunu eżentati mit-taxxi nazzjonali fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet.

Artikolu 14

Fil-każ ta’ l-applikazzjoni tat-taxxi fuq id-dħul, il-kapital u s-suċċessjoni u l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet biex tkun evitata t-tassazzjoni doppja konklużi bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet, l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li, purament biex iwettqu dmirijiethom fis-servizz tal-Komunitajiet, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta' domiċilju tagħhom għal skopijiet ta' taxxa meta jkunu daħlu jaħdmu mal-Komunitajiet, għandhom ikunu kkunsidrati, sew fil-pajjiż fejn attwalment joqogħdu kif ukoll fil-pajjiż ta' domiċilju għal skopijiet ta' taxxa, bħallikieku żammew id-domiċilju tagħhom fil-pajjiż ta' l-aħħar sakemm dan ikun membru tal-Komunitajiet. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-konjuġi, sakemm dan jew din ma jkunx jew ma tkunx qed jagħmel/tagħmel xogħol bi qligħ, u għal tfal dipendenti minn u taħt il-ħarsien tal-persuni previsti f'dan l-Artikolu.

Proprjetà mobbli li tkun tappartjeni lil persuni previsti fil-paragrafu ta’ qabel dan, u li tkun fit-territorju ta' l-Istat fejn ikunu qed jgħixu dawn il-persuni, għandha tkun eżentata mit-taxxa tas-suċċessjoni f'dak l-Istat. Din il-propjetà għandha, fl-istima ta’ din it-taxxa, tkun ikkunsidrata bħallikieku qiegħda fl-Istat ta' domiċilju għal skopijiet ta' taxxa, skond id-drittijiet ta' pajjiżi terzi u l-applikazzjoni, li hija possibbli li ssir, tad-dispożizzjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-taxxa doppja.

Kull domiċilju li jkun akkwistat purament minħabba t-twettiq ta' dmirijiet fis-servizz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra m’għandux ikun ikkunsidrat meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Il-Kunsill għandu, wara deliberazzjoni b’mod unanimu dwar proposta tal-Kummissjoni, jistabbilixxi l-iskema tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Komunitajiet.

Artikolu 16

Il-Kunsill għandu, wara deliberazzjoni dwar proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati, jiddetermina l-kategoriji ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Komunitajiet li għalihom japplikaw, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13 u l-Artilolu 14.

L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta' l-uffiċjali u mpjegati oħra inklużi f'dawn il-kategoriji għandhom jiġu kkomunikati perjodikament lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri.

KAPITOLU VI

IL-PRIVILEĠĠI U L-IMMUNITAJIET TAL-MISSJONIJIET TA’ STATI TERZI AKKREDITATI LILL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 17

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-Komunitajiet għandhom is-sede tagħhom għandu jagħti l-privileġġi u l-immunitajiet diplomatiċi skond il-konswetudini lil missjonijiet f'pajjiżi terzi akkreditati lill-Komunitajiet.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet għandhom jingħataw lill-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet esklussivament fl-interess tal-Komunitajiet.

Kull istituzzjoni tal-Komunitajiet għandha l-obbligu li tneħħi din l-immunità mogħtija lil uffiċjal jew lil xi impjegat ieħor, kull meta dik l-istituzzjoni tikkunsidra li t-tneħħija ta' din l-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal-Komunitajiet.

Artikolu 19

L-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, għall-iskop li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkooperaw ma' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri konċernati.

Artikolu 20

L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Membri tal-Kummissjoni.

Artikolu 21

L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali, ir-Reġistratur u l-Assistenti Relaturi tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tal-Protokolli dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' immunità minn proċedimenti legali ta' l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali.

Artikolu 22

Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-membri ta' l-organi tiegħu, għall-istaff tiegħu u għar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank.

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta' tassazzjoni jew impożizzjoni simili fil-każ ta' kull żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu ma' dan fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew il-likwidazzjoni tiegħu m'għandhom jagħtu lok għall-ebda impożizzjoni. Fl-aħħarnett, l-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tiegħu m'għandhom ikunu suġġetti għall-ebda taxxa fuq il-fatturat.

Artikolu 23

Dan il-Protokoll għandu wkoll japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta' l-organi tiegħu u għall-istaff tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta' tassazzjoni jew impożizzjoni simili fil-każ ta’ kull żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu ma' dan, fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għall-ebda taxxa fuq il-fatturat.

Id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq għandhom ukoll japplikaw għall-Istitut Monetarju Ewropew. Ix-xoljiment jew il-likwidazzjoni tiegħu m'għandhom jagħtu lok għall-ebda impożizzjoni.

B'XIEHDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan il-Protkoll.

Magħmul fi Brussell dan it-tmien jum ta' April tas-sena elf disa' mija u ħamsa u sittin.

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

1. ISEM IL-PROTOKOLL

Il-parteċipazzjoni tal-Bulgarija fl-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew għas-Sorveljanza tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga

2. Intestaturi baġitarji konċernati

18 07 01 01: Ċentru Ewropew għas-Sorveljanza tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga – Sussidju taħt it-Titoli 1 u 2

18 07 01 02: Ċentru Ewropew għas-Sorveljanza tad-Droga u d-Dipendenza mid-Droga – Sussidju taħt it-Titolu 3

3. IMPATT FINANZJARJU

Din il-proposta m’għandha l-ebda impatt fuq l-infiq imma għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul - l-effett huwa kif ġej:

Linja tal-baġit | Dħul | Nru ta' snin |

18-07-01-01/18-07-01-02 | € 100,000 (pro rata) | Mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim sa tmiem is-sena finanzjarja li fiha dan il-ftehim jidħol fis-seħħ | 1 |

18-07-01-01/18-07-01-02 | € 150,000 | L-ewwel sena finanzjarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim | 2 |

18-07-01-01/18-07-01-02 | € 210,000 | It-tieni sena finanzjarja sħiħa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim | 3 |

18 07 01 01/18 07 01 02 | € 271,000 | It-tielet sena finanzjarja sħiha wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim | 4 |

4. MIŻURI KONTRA L-FRODI

Id-dispożizzjonijiet kontra l-frodi taħt l-intestaturi baġitarji bażiċi japplikaw għal din l-intestatura wkoll meta adattati għall-każ tal-Bulgarija. Billi l-pagamenti jikkonsistu f’ammonti ta’ ħlas f’daqqa, il-possibbiltà ta’ frodi hija estremament limitata.

5. OSSERVAZZJONIJIET OĦRA

Xejn

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU L 36, 12.2.1993, p. 1.

[4] ĠU L 341, 30.12.1994, p. 7

[5] ĠU L 253, 7.10.2000, p. 1

[6] ĠU L 245, 29.09.2003, p. 30

[7] ĠU Nru L 36, 12. 2. 1993, p.1.

[8] ĠU Nru L 341, tat-30. 12. 1994, p. 7.

[9] ĠU Nru L 253, tas-7.10.2000, p.1.

[10] ĠU Nru L 245, tad-29.09.2003, p.30.

Top