Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0054

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat li l-oriġini tiegħu inter alia hija mill-Indja u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat (PET) li l-oriġini tiegħu, inter alia, hija mill-Indja

/* KUMM/2006/0054 finali */

52006PC0054

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat li l-oriġini tiegħu inter alia hija mill-Indja u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat (PET) li l-oriġini tiegħu, inter alia, hija mill-Indja /* KUMM/2006/0054 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.2.2006

KUMM(2006) 54 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat li l-oriġini tiegħu inter alia hija mill-Indja u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat (PET) li l-oriġini tiegħu, inter alia, hija mill-Indja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGA

KUNTEST TAL-PROPOSTA |

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea u r-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni sussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, it-tnejn kif emendati l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolamenti bażiċi’) fil-proċeduri li jikkonċernaw l-importazzjoni ta’ PET-film li joriġina fl-Indja. |

Kuntest Ġenerali Din il-proposta qed issir fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolamenti bażiċi u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li saret skond il-ħtiġiet sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolamenti bażiċi. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fis-settur tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazji definittivi kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ PET film li l-oriġini tiegħu, inter alia, huwa mill-Indja (ĠU L 227, 23.8.2001, p.1). Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2597/1999 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjoni ta’ PET film li l-oriġini tiegħu, inter alia, huwa mill-Indja (ĠU L 316, 10.12.1999, p.1). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/645/KE (ĠU L 227, 23.8.2001, p. 56), li taċċetta garanzija minn ħames kumpaniji Indjani, Ester Industries Limited (‘Ester’), Flex Industries Limited (‘Flex’), Garware Polyester Limited (‘Garware’), MTZ Polyfilms Limited (‘MTZ’), u Polyplex Corporation Limited (‘Polyplex’). |

Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħrajn ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI MA’ PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati |

Il-partijiet interessati involuti fil-proċeduri diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi. |

Rikors għall-pariri ta’ l-esperti |

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ konsultazzjoni ma’ esperti esterni. |

Valutazzjoni ta’ l-impatt Din il-proposta hija r-riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolamenti bażiċi. Ir-Regolamenti bażiċi ma jipprevedux valutazzjoni ġenerali ta’ l-impatt iżda jippreżentaw lista eżawrjenti ta’ kondizzjonijiet li jridu jiġu valutati. |

ELEMENTI LEGALI TA’ L-AZZJONI PROPOSTA |

L-azzjoni proposta fil-qosor F’Novembru 2003, il-Kummissjoni nidiet reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra d-dumping applikabbli għall-importazzjoni lejn il-Komunità ta’ PET-film li l-oriġini tiegħu huwa mill-Indja, limitata għall-forma tal-miżuri. F’Ġunju 2002, reviżjoni temporanja parzjali tal-forma tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni lejn il-Komunità ta’ PET-film li l-oriġini tiegħu huma mill-Indja, tnediet, partikolarment biex teżamina l-aċċettabilità ta’ offerta ta’ garanzija minn produttur Indjan. Il-proposta annessa sabiex tirtira l-garanziji eżistenti offruti minn ħames produtturi Indjani u aċċettati permezz ta’ Deċiżjoni 2001/645/KE hija bbażata fuq ir-riżultati definittivi li kkonfermaw li l-garanziji mhumiex prattikabbli u għaldaqstant mhumiex effettivi biex jikkontrabbattu l-effett offensiv tad-dumping. Bl-istess mod, il-proposta biex ma tiġix aċċettata l-garanzija offruta minn produttur Indjan partikulari fir-rigward ta’ miżuri kontra s-sussidji, hija bbażata fuq il-fatt li l-prodott mhuwiex adattat bħala oġġett ta’ garanzija, meta jitqiesu d-diffikultajiet konnessi ma’ l-adegwatezza u l-effiċjenza tas-sorveljanza u l-infurzar. L-Istati Membri kienu konsultati fir-rigward ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Huwa għaldaqstant propost illi l-Kunsill jaddotta l-proposta annessa għal Regolament li għandu jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. |

Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea u Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni sussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea, it-tnejn kif emendati l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.. |

Prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

Il-forma ta’ l-azzjoni hija deskritta fil-fuq imsemmija Regolamenti bażiċi u ma tħalli l-ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

Ma tapplikax l-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amminitrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa minimizzat u proporzjonat għall-għan tal-proposta. |

Għażla ta’ dokumenti formali |

Dokumenti formali proposti: ir-regolament. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolamenti bażiċi ma jipprevedux għażliet alternattivi. |

IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT |

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju. |

1. Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju definittiv kontra d- dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat li l-oriġini tiegħu inter alia hija mill-Indja u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat (PET) li l-oriġini tiegħu, inter alia , hija mill-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea[1] (‘ir-Regolament bażiku kontra d- dumping’ ), partikolarment l-Artikolu 11(3) tiegħu, u r-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 dwar il-protezzjonii kontra importazzjoni sussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea[2] (‘ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji’), partikolarment l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Miżuri eżistenti u investigazzjonijiet magħluqa dwar l-istess prodott

(1) Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999[3], impona dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-politin tereftalat (‘PET’) li jaqa’ taħt il-kodiċi CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 u li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja (‘il-miżuri kompensatorji definittivi’). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem ta’ bejn 3,8% u 19,1% impost fuq l-importazzjoni minn esportaturi msemmija individwalment, b’dazju residwali ta’ 19,1% impost fuq l-importazzjoni mill-kumpaniji l-oħra kollha.

(2) Il-Kunsill, permezz ta’ Regolament (KE) Nru 1676/2001[4], impona dazji definittivi kontra d- dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li l-oriġini tiegħu, inter alia, hija mill-Indja. Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem ta’ bejn 0% u 62,6% fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja (‘il-miżuri definittivi kontra d-dumping’), bl-eċċezzjoni ta’ importazzjoni minn ħames kumpaniji Indjani (Ester Industries Limited (‘Ester’), Flex Industries Limited (‘Flex’), Garware Polyester Limited (‘Garware’), MTZ Polyfilms Limited (‘MTZ’), u Polyplex Corporation Limited (‘Polyplex’)) li mingħandhom ġew aċċettati garanziji permezz tad-Deċiżjoni (2001/645/KE)[5].

(3) Il-Kunsill, permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 u 1976/2004[6], estenda l-miżuri definittivi kompensatorji u ta’ kontra d- dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja, għall-importazzjoni ta’ l-istess prodott konsenjat mill-Brażil u l-Iżrael, kemm jekk dikjarat bħala li joriġina fil-Brażil jew l-Iżrael kif ukoll jekk le.

(4) Fl-4 ta’ Jannar 2005[7], il-Kummissjoni nidiet reviżjoni temporanja parzjali tar- Regolament (KE) Nru 1676/2001 limitata għal-livell tal-miżuri definittivi kontra d- dumping . Din l-investigazzjoni ngħalqet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru YYY/2006[8] li emenda l-livell tal-miżuri definittivi kontra d- dumping .

(5) Fl-10 ta’ Diċembru 2004[9], il-Kummissjoni nidiet reviżjoni ta’ l-iskadenza tal-miżuri kompensatorji definittivi. Din l-investigazzjoni ngħalqet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru ZZZ/2006 li żamm il-miżuri kompensatorji definittivi.

2. Talbiet għar-reviżjonijiet

Talba għal reviżjoni fir-rigward tal-miżuri kompensatorji

(6) Fl-2002, talba għal reviżjoni temporanja parzjali, limitata fil-firxa tagħha għall-forma tal-miżuri kompensatorji fir-rigward ta’ kumpanija waħda ġiet preżentata minn Polyplex Corporation Limited (‘Polyplex’), produttur Indjan li jesporta li mingħandu kienet diġà ġiet aċċettata garanzija permezz tad-Deċiżjoni 2001/645/KE f’konnessjoni mal-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ. Polyplex ipprovdiet informazzjoni li garanzija ta’ l-istess natura kienet telimina l-effetti offensivi ta’ l-issussidjar u setgħet tkun sorveljata mill-qrib. Għaldaqstant, kien hemm raġuni biżżejjed biex issir reviżjoni tal-forma tal-miżura kompensatorja.

Talba għal reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

(7) F’Ottubru 2003, talba għal reviżjoni temporanja parzjali limitata għall-forma tal-miżuri kontra d- dumping ġiet preżentata mill-produtturi Komunitarji li ġejjin: Du Pont Teijin Films, Mitsubishi Polyester Film GmbH u Nuroll SpA (‘l-applikanti’). L-applikanti jirrappreżentaw kwota maġġoritarja tal-produzzjoni Komunitarja tal- film tal-PET. Toray Plastics Europe indikat l-appoġġ tagħha għat-talba, għalkemm ma kenitx applikant formali.

(8) L-applikanti allegaw li l-forma tal-miżuri (jiġifieri l-garanziji eżistenti kif aċċettati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/645/KE) ma kenitx aktar effettiva biex telimina d- dumping offensiv. L-applikanti allegaw li, minn mindu kienu ġew aċċettati l-garanziji eżistenti, li huma bbażati fuq il-prezzijiet minimi għall-importazzjoni, il-firxa ta’ prodotti mibjugħa mill-esportaturi konċernati kienet żviluppat, partikolarment bl-inklużjoni ta’ film li teknikament huwa aktar sofistikat, u b’hekk il-prezzijiet minimi li taħthom jistgħu jiġu kategorizzati xi prodotti ma baqgħux aktar jirriflettu l-valur veru tagħhom, u għaldaqstant il-mekkaniżmu tal-miżuri ma kienx aktar adegwat in vista ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda. Konsegwentement, l-garanziji ma baqgħux aktar meqjusa bħala adegwati biex jeliminaw l-effetti offensivi tad- dumping .

3. Investigazzjonijiet

Reviżjoni fir-rigward tal-miżuri kompensatorji

(9) Fit-28 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ta’ tnedija ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea[10], il-bidu ta’ reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji limitata fil-firxa tagħha għall-eżami ta’ l-aċċettabilità ta’ garanzija offruta mill-produttur- esportatur Indjan Polyplex, skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju.

(10) Peress li reviżjoni temporanja parzjali tal-forma tal-miżuri kontra d- dumping (jiġifieri l-garanziji eżistenti) kienet tnediet f’Novembru 2003, kif imsemmi fil-premessi (12) u (13) hawn taħt, il-kwistjoni ta’ l-aċċettabilità ta’ l-offerta ta’ garanzija minn Polyplex inżammet miftuħa sabiex iż-żewġ reviżjonijiet jintemmu t-tnejn fl-istess ħin. Il-Kummissjoni infurmat lil Polyplex uffiċjalment bl-intenzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Ma sarux kummenti mill-applikant dwar dan. Reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

(11) Fit-22 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ta’ tnedija ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [11] , il-bidu ta’ reviżjoni temporanja parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kontra d- dumping .

(12) Ir-reviżjoni kienet limitata fil-firxa tagħha għall-forma tal-miżuri applikabbli għall-ħames produtturi esportaturi Indjani li mingħandhom kienu ġew aċċettati l-garanziji. Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kien mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-30 ta’ Settembru 2003 (‘l-IP kurrenti’).

(13) Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-produtturi Komunitarji dwar it-tnedija tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ fit-terminu indikat fl-avviż ta’ tnedija.

(14) Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi konċernati, li kollha kkoperaw billi rrispondew għall-kwestjonarju. Żjarat ta’ verika saru fil-bini ta’ dawn il-produtturi esportaturi fl-Indja li ġejjin:

Ester Industries Limited, New Delhi

Flex Industries Limited, New Delhi

Garware Polyester Limited, Aurangabad

MTZ Polyfilms Limited, Mumbai

Polyplex Corporation Limited, New Delhi

B. PRODOTT KONĊERNAT

(15) Il-prodott konċernat huwa, kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, film tal-politin tereftalat (‘PET’) li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja, normalment dikjarat taħt il-kodiċi CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

Ċ. SEJBIET

Reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

(16) Il-film PET għandu karatteristiċi speċifiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, li jinkludu l-ħxuna, il-kisi, it-trattament tal-wiċċ, u l-karatteristiċi mekkaniċi fost oħrajn, li jiddeterminaw tipi varji ta’ film PET permezz ta’ trattamenti differenti ta’ film tal-bażi matul jew wara l-proċess ta’ produzzjoni, inkluż it-trattament tal-korona, il-metallizzazzjoni jew il-kisi bil-kimika. Għaldaqstant jeżisti f’ħafna forom jew tipi differenti. Meta titqies l-eżistenza tan-numru kbir ra’ preżentazzjonijiet differenti tal-prodott (it-tipi tal- prodott), u biex tiġi faċilitata s-sorveljanza mill-qrib ta’ l-impriżi, il-prodotti kienu miġburin f’kategoriji differenti (gruppi) skond il-karatteristiċi tekniċi. Dawn il-gruppi servew bħala l-bażi sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet minimi għall-importazzjoni (MIPs) stipulati fil-garanziji. Fl-investigazzjoni oriġinali, in-numru ta’ prezzijiet minimi għall-importazzjoni stabbilit fuq il-bażi ta’ dawk il-gruppi kien ivarja minn 10 għal 32 għal kull esportatur.

(17) Fil-qafas tar-reviżjoni kurrenti, sar paragun, fl-ambitu tal-gruppi, bejn it-taħlita ta’ tipi tal-mudell u l-varjazzjonijiet fil-prezz bejn il-perjodu ta’ l-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni oriġinali (’l-IP oriġinali’) u l-IP kurrenti.

(18) Minn dan l-analiżi rriżulta li t-taħlita tat-tipi ta’ mudell mibjugħa taħt prodott partikolari nbidlet minn mindu ġew aċċettati l-garanziji. Għal diversi kumpaniji li kienu investigati dawn il-bidliet kienu sinifikanti ħafna, tant li fil-każ ta’ xi gruppi ħafna mill-preżentazzjonijiet tal-prodott esportati lejn il-Komunità matul l-IP m’baqgħux jikkorrispondu mal-prodotti esportati matul l-IP oriġinali. Eżempji ta’ bidliet tipiċi li ġew osservati fl-ambitu tal-grupp kienu t-tnaqqis tal-prodotti ta’ valur aktar baxx, iż-żieda ta’ prodotti ġodda ta’ valur apparentement ogħla, u kultant kombinazzjoni ta’ dawn it-tnejn.

(19) Mill-analiżi rriżulta wkoll li għal ċerti gruppi tal-prodott il-varjanza tal-prezzijiet (il-firxa ta’ valuri tal-prodott) fl-ambitu tal-grupp inbidlet b’mod sinifikanti minn mindu ġew aċċettati l-garanziji F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat ukoll li saret bidla sinifikanti fil-mudell tal-bejgħ bejn id-diversi gruppi ta’ prodotti wara li kienu ġew aċċettati l-garanziji. B’mod partikolari jidher li kien hemm tendenza biex il-bejgħ ikun ikkonċentrat fuq dawk il-gruppi ta' prezz minimu aktar baxx.

(20) Billi l-prezzijiet minimi għall-importazzjoni u l-garanziji kien stabbiliti fuq il-bażi tat-taħlita ta’ tipi tal-prodott u l-valuri korrispondenti tagħhom fl-ambitu tal-gruppi tal-prodott matul l-IP oriġinali, jidher ċar li t-tibdil li nstab fir-rigward tat-taħlita attwali tal-prodotti u l-valuri fl-ambitu tal-gruppi ta' dawk il-prodotti ġieb lil dawk il-prezzijiet minimi għall-importazzjoni speċifiċi, u għalhekk lill-garanziji, fi stat mhux adegwat biex jikkontrobattu l-effett offensiv tad- dumping .

Talba għal miżuri ta’ kontrobilanċ

(21) Fir-rigward tar-reviżjoni limitata fil-firxa tagħha għall-eżami ta’ l-aċċettabilità ta’ garanzija offruta minn Polyplex, mill-analiżi rriżulta wkoll li l-istruttura korporattiva ta’ dik il-kumpanija kienet twassal għal kumplikazzjonijiet fis-sorveljanza mill-qrib tal-garanzija, u għaldaqstant tirrendi garanzija mhux adegwata bħala forma ta’ miżura kompensatorja effettiva. Il-kumplessità tirriżulta mill-fatt li l-prodott konċernat huwa ukoll manifatturat minn kumpanija konnessa ma’ Polyplex f’pajjiż terz (it-Tajlandja) u dan joħloq riskju ta’ kumpens minn kumpanija għall-oħra ta’ prezzijiet f’każ li l-kumpanija fit-Tajlandja tesporta wkoll il-prodot konċernat lejn il-Komunità. Is-sorveljanza mill-qrib u għandaqstant l-infurzar ikunu diffiċli wisq biex jiggarantixxu tħaddim xieraq tal-garanzija.

D. KONKLUŻJONIJIET

Reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

(22) Il-garanziji kif inhuma bħalissa, bil-prezzijiet minimi għall-importazzjoni ibbażati fuq gruppi ta’ prodotti, jippermettu ħafna flessibilità għall-esportaturi biex ibiddlu l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti fl-ambitu tal-grupp. Il-prodott konċernat għandu bosta karatterstiċi li jevolvu u li huma l-oriġini ta’ differenzazzjoni wiesgħa tal-prodott innifsu; dan jiddetermina l-prezzijiet tal-bejgħ b’mod konsiderevoli. Konsegwentement, bidliet f’dawn il-karatteristiċi jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet. L-unika triq vijabbli biex il-gruppi jsiru aktar omoġenji f’dak li jirrigwarda il-karatteristiċi fiżiċi u l-prezzijiet tkun li jerġgħu jinqasmu l-gruppi. Imma dan ikun ifisser multiplikazzjoni ta’ gruppi li minħabba fiha s-sorveljanza ma tkunx tista’ ssir, partikolarment, fis-settur ta’ l-awtoritajiet doganali li jsir diffiċli għalihom jagħrfu d-differenzi bejn it-tipi ta’ prodotti u l-klassifikazzjoni tal-prodotti skond il-grupp meta dawn il-prodotti jiġu importati. Barra minn hekk, in-numru ta’ gruppi għal kull kumpanija jista’ jiżdied b’fattur ta’ bejn 5 u 11 meta mqabbel man-numru ta’ gruppi fil-garanziji kieku kellhom jiġu kkunsidrati aktar karatteristiċi tat-tipi differenti ta’ prodotti għal klassifikazzjoni aktar preċiża. Preżentement, it-tipi ta’ prodotti diġà huma kklassifikati f’aktar minn deversi mijiet ta’ gruppi dettaljati, u dan iwassal biex il-garanziji ma jkunux jistgħu jaħdmu. In-numru ta’ gruppi jista’ jiżdied jekk jiġu żviluppati aktar il-karatteristiċi tal-prodotti.

(23) Għal ċerti kumpaniji soġġetti għal reviżjoni, it-tipi tal-mudell mibjugħa fl-ambitu ta’ grupp partikolari ma tbiddlux b’mod sinifikanti minn mindu saret l-aċċettazzjoni tal-garanzija. Iż-żieda probabbli fin-numru tal-gruppi tal-prodotti determinata mill-iżviluppi ġejjiena fir-rigward ta’ dawn il-grupp, kif imsemmi fil-premessa (22) ta’ hawn fuq, tista’ madankollu tirriżulta fi kwalsiasi fażi suċċessiva u taffettwa lil kwalsiasi produttur esportatur.

(24) Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li, sabiex tkun tista’ ssir sorveljanza effettiva tal-garanziji, il-kategoriji tal-prodotti għandhom ikunu konsiderevolment aktar omoġenjif’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi fiżiċi u l-prezzijiet. Dawn il-karatteristiċi għandhom ikunu stabbli tul iż-żmien tal-garanzija. L-investigazzjoni kkonfermat li dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-film PET .

(25) Fid-dawl tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet msemmija hawn fuq, il-garanziji jingħaddu bħala li mhumiex xierqa sabiex jiġġieldu kontra l-effett offensiv tad- dumping , peress li dawn jippreżentaw kemm diffikultajiet konsiderevoli fl-oqsma tas-sorveljanza u l-infurzar kif ukoll riskji inaċċettabbli. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-garanziji aċċettati mill-ħames produtturi Indjani li huma soġġetti għar-reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d- dumping għandhom jiġu rtirati.

(26) Il-partijiet kollha konċernati ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għad-deċiżjoni li jiġu rtirati l-garanziji eżistenti, u ngħataw il-possibilità li jagħmlu l-kummenti tagħhom.

(27) Wara li ġew żvelati dawn il-fatti kien hemm xi partijiet li indikaw li ma jqisux li kien hemm diffikultajiet ta’ sorveljanza u infurzar relatati mal-garanziji u għalhekk ma inux jeżistu riskji assoċjati mal-forma tal-miżuri. Barra minn hekk, ħafna mill-produtturi esportaturi indikaw li ma kinux kisru l-ftehimiet tal-garanziji tagħhom. Wieħed mill-esportaturi produtturi konċernat qal li filwaqt li l-Avviż ta’ Tnedija rrefera għall-importanza ta’ l-iżvilupp tat-tipi ġodda tal-prodotti, huwa ma kien introduċa l-ebda tipi ġodda ta’ prodotti fl-UE bejn iż-żmien ta’ l-offerta tal-garanzija eżistenti u l-IP kurrenti.

(28) Fejn jidħlu l-aspetti tekniċi, in-numru kbir ħafna ta’ varjazzjonijiet ta’ dan il-prodott, flimkien mal-possibbiltajiet ta’ l-iżvilupp tal-prodott, kienu jirrendu dan il-prodott wieħed li ma kienx adegwat għall-garanziji għaliex l-iżviluppi tal-prodott kienu jeħtieġu aġġornar kontinwu tal-prezzijiet minimi għall-importazzjoni u dan ma kienx jista’ jsir (ara l-premessa 22). F’dan ir-rigward, għandu jkun imfakkar li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament bażiku jindika li l-garanziji offruti jistgħu ma jiġux aċċettati jekk l-awtoritajiet ikun jidhrilhom li l-aċċettazzjoni tagħhom ma tkunx prattika, pereżempju, jekk in-numru ta’ esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra. Fir-rigward ta’ l-insistenza ta’ l-esportaturi li ma kinux kisru l-ftehimiet tal-garanziji, mhemmx suġġeriment li kien sar xi ksur ta’ ftehim. Id-deċiżjoni li jiġu rtirati l-garanziji ttieħdet fuq il-bażi ta’ xhieda miġbura matul l-investigazzjoni li tibdil fit-taħlita tal-prodotti kien jirrendi l-garanzija waħda mhux adegwata u li s-sorveljanza tal-bejgħ ta' dan il-prodott ma tixraqx għal ftehimiet ta' garanziji (ara l-premessi 18 sa 20 u 22). Fl-aħħarnett, mill-investigazzjoni ħareġ li films differenti mit-taħlita ta’ prodotti li fuqha kienu ġew ibbażati l-prezzijiet minimi għall-importazzjoni issa kienu qegħdin jinbiegħu fil-wisa’ fil-Komunità skond il-ftehimiet tal-garanziji u li kien hemm il-potenzjal ta’ tkabbir fin-numru u l-varjetà tal-prodotti. Għalhekk, is-sitwazzjoni tas-suq li fuqha kienu ġew stabbiliti l-garanziji, fir-rigward tal-prodotti mibjugħa, m’għadhiex aktar rappreżentattiva tar-reviżjoni preżenti u għaldaqstant l- MIP’s tal-garanziji ma baqgħux jgħoddu.

(29) F’dan il-kuntest, il-fatt li produttur esportatur wieħed ma kienx għadu introduċa tipi ġodda tal-prodott, ma jbiddilx il-fatt l-ieħor li l-garanziji għall-prodott konċernat kienu nstabu inadegwati u s-sorveljanza tagħhom ma setgħetx issir, kif imfisser fil-premessa 28 hawn fuq.

(30) Barra minn hekk, uħud mill-esportaturi produtturi rreferew għall-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l- Anti-dumping tad-WTO[12] u r-rekwiżit li dan jesiġi biex il-pajjiżi żviluppati jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u indikaw li l-produtturi esportaturi għandhom jingħataw l-opportunità biex joffru ftehimiet ġodda ta’ garaziji. Ġie suġġerit li l-irtirar tal-garanziji kien qed isir għal raġunijiet spekulattivi u infondati u dan kien qed jiżvaluta l-ispirtu ta' l-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l- Anti-dumping tad-WTO u li dan l-irtirar tal-garanziji kien ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(31) L-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l- Anti-dumping tad-WTO jirreferi għall-ħtieġa biex jinstabu rimedji kostruttivi qabel ma jiġu applikati d-dmirijiet ta’ kontra d- dumping . Il-garanziji eżistenti kienu ġew aċċettati fl-ispirtu ta’ tfittxija ta' rimedju kostruttiv għad- dumping offensiv. Imma għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8.3 tal-Ftehim dwar l- Anti-dumping tad-WTO jistipula li l-garanziji offruti jistgħu ma jkunux aċċettati jekk l-awtoritajiet jidhrilhom li l-aċċettazzjoni tagħhom ma tkunx prattika, pereżempju, jekk in-numru ta' esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijet oħra. Mhux talli l-irtirar tal-garanziji ma sarx għal raġunijiet spekulattiva, iżda mill-investigazzjoni ħareġ li l-prodotti li dwarhom il-produtturi Indjani kienu qablu biex jiffissaw il-prezzijiet tal-garanzija (l- MIPs ) huma differenti fil-wisa’ mill-prodotti li preżentement qed jinbiegħu llil-Komunità. Għaldaqstant, l-irtirar tal-garanziji mhuwiex att sproporzjonat imma tweġiba kkunsidrata għall-iżviluppi fis-suq ikkawżati mill-produtturi esportaturi nfushom.

Talba għal garanzija fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontrobilanċ

(32) Il-konklużjonijiet tar-reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d- dumping li l-garanziji mhumiex adegwati sabiex jiġġieldu l-effett offensiv tad- dumping peress li jippreżentaw diffikultajiet konsiderevoli kemm għas-sorveljanza u għall-infurzar kif ukoll riskji inaċċettabli, huma ugwalment validi fir-rigward ta’ miżuri kompensatorji. Instab ukoll li l-istruttura korporattiva tal-Grupp Polyplex kienet twassal għal diffikultajiet fis-setturi tas-sorveljanza u l-infurzar fejn tidħol garanzija. Għal din ir-raġuni l-aċċettazzjoni tal-garanzija titqies bħala waħda mhux prattika fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 8(3) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju.

(33) Fid-dawl ta’ dak ta hawn fuq, ġie konkluż li l-investigazzjoni tar-reviżjoni dwar il-forma tal-miżuri kontra s-sussidju, limitati għall-aċċettabilità tal-garanzija offruta minn Polyplex, għandha tintemm u l-garanzija konċernata m’għandhiex tkun aċċettata, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju dwar l-aċċettazzjoni ta’ garanzija mhumiex sodisfati.

(34) Ir-raġunijiet għaliex l-garanzija offruta ma setgħetx jiġi aċċettat ġew rivelati lill-applikant konċernat.

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-Artikolu 1(3) ta’ Regolament (KE) Nru 1676/2001 għandu jitħassar.

2. L-Artikolu 1(4) ta’ Regolament (KE) Nru 1676/2001 għandu jiġi rinumerat bħala Artikolu 1(3).

3. L-Artikolu 2 ta’ Regolament (KE) Nru 1676/2001 għandu jitħassar.

4. L-Artikoli 3 u 4 ta’ Regolament (KE) Nru 1676/2001 għandhom jiġu rinumerati bħala l-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 2

Ir-reviżjoni temporanja parzjali ta’ Regolament (KE) Nru 2597/1999 b’dan qiegħda tiġi konkluża biċ-ċaħda ta’ l-aċċettazzjoni tal-garanzija.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara li jkun ġie ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005. p. 17).

[2] ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005. p. 17

[3] ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

[4] ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

[5] ĠU L 227, 23.8.2001, p. 56.

[6] ĠU L 342, 18.11.2004, p. 1 u p. 8.

[7] ĠU C 1, 4.1.2005, p. 5.

[8] ĠU

[9] ĠU C 306, 10.12.2004, p. 2.

[10] ĠU Ċ 154, 28.6.2002, p. 2.

[11] ĠU Ċ 281, 22.11.2003, p. 4.

[12] Il-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994.

Top