Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0675

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Reġjuni lejn bidla ekonomika {SEG(2006) 1432}

    /* KUMM/2006/0675 finali */

    52006DC0675

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Reġjuni lejn bidla ekonomika {SEG(2006) 1432} /* KUMM/2006/0675 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 8.11.2006

    KUMM(2006) 675 finali

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    REĠJUNI LEJN BIDLA EKONOMIKA

    {SEG(2006) 1432}

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    REĠJUNI LEJN BIDLA EKONOMIKA

    .

    "Il-progress lejn ir-riforma ekonomika qiegħed iseħħ, l-Ewropa tinsab fi triqitha. Jekk nistgħu nirduppjaw l-enerġiji tagħna, l-istrateġija mġedda ta' Liżbona se titqies bħala bidla deċiżiva lejn it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa. Wasal iż-żmien li ningranaw. José-Manuel Durão Barroso 25 ta' Jannar 2006 |

    "Il-Kunsill Ewropew jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Wasal iż-żmien li ningranaw'. Huwa jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw l-iskambju ta' esperjenzi b'mod prattiku." Il-Kunsill Ewropew 24 ta' Marzu 2006 |

    Sinteżi

    Għall-perjodu 2007-2013 il-Kummissjoni tippjana li tiffoka, fi sħubija ma' l-Istati Membri, fuq żewġ strumenti eżistenti tal-Politika Reġjonali Ewropea – il-Kooperazzjoni Interreġjonali u l-programm ta' netwerk għall-iżvilupp Urban – dwar l-ittestjar ta' l-aqwa prassi għall-modernizzazzjoni ekonomika u ż-żieda fil-kompetittività Din l-inizjattiva l-ġdida se tissejjaħ "Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika" u għandha tenfasizza aktar il-kontribut tal-Politika Ewropea ta' Koeżjoni biex jintlaħqu l-miri ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona. Il-baġit totali għandu jkun madwar € 375 miljun.Taħt l-inizjattiva l-ġdida, il-Kooperazzjoni Interreġjonali u l-programm ta' netwerk għall-iżvilupp Urban għandu jkompli jaħdem bħal fil-preżent. In-netwerks voluntiera ta' l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet li qegħdin jieħdu sehem, għandhom jagħżlu temi ta' żvilupp li jinteressawhom u għandhom isegwuhom permezz ta' netwerks konġunti kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ( European Regional Development Fund - ERDF); l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet li qegħdin jieħdu sehem se jkomplu bir-rwol ewlieni tagħhom fl-animazzjoni u l-ħidma tan-netwerk.

    Element ġdid għall-2007-2013 se jkun li l-Kummissjoni nnifisha toffri lin-netwerks għadd ta' temi ffukati fuq il-modernizzazzjoni ekonomika u l-aġenda mġedda ta' Liżbona. Meta l-Istati Membri, ir-reġjuni jew l-ibliet jagħżlu li jsegwu dawn it-temi, huma jkollhom il-possibilità li jaħdmu aktar mill-qrib mal-Kummissjoni. It-tieni novità ewlenija se tkun li titpoġġa alternattiva rapida fil-qalba tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika. Din għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-opportunità li jkollha r-rwol ewlieni fl-ittestjar ta' ideat magħżula bl-għan li jinxterdu bla dewmien permezz tal-programmi ta' Politika Reġjonali Ewropea megħjuna mill-ERDF, mill-programmi 'ewlenin'. In-netwerks volontarji se jkunu stabbiliti madwar it-temi magħżula u l-Kummissjoni se tanimhom u tiġbor ir-riżultati sabiex tikkomparahom bir-reqqa. Dan għandu jipprovdi l-Kummissjoni b' lok speċjali ta' provagħall-ideat tagħha ta' modernizzazzjoni ekonomika fi ħdan it-temi li stabbiliet. It-temi għandhom jintgħażlu u l-programmi jkunu animati permezz ta' sforz koordinat mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    Żewġ novitajiet oħra se jimmiraw lejn l-infurzar tal-komunikazzjoni u t-tixrid tar-riżultati ta' l-aqwa prassi b'mod partikolari f' dak li għandu x'jaqsam ma' proġetti li jikkontribwixxu biċ-ċar għall-aġenda ta' l-Unjoni ta' impjiegi u ta' tkabbir ekonomiku. L-ewwel waħda se tkun l-introduzzjoni ta' konferenza annwali dwar ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, b'websajt u pubblikazzjonijiet assoċjati, li għandha ssir biex tikkoinċidi mal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa – għall-bidu ta' Marzu 2007. It-tieni waħda se tkun l-introduzzjoni ta' premji annwali għall-ideat għall-aħjar proġetti f' kategoriji differenti ta' modernizzazzjoni ekonomika.

    Aktar minn hekk qed isir is-suġġeriment li l-inizjattiva għar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika tista' fejn rilevanti, tiġi rrappurtata lill-Kunsill Ewropew fir-rapporti annwali ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-aġenda ta' Liżbona.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet se jkunu qegħdin jaħdmu b'mod koordinat biex jiksbu l-appoġġ l-aktar wiesa' għar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika u l-alternattiva rapida tagħha. Huwa maħsub li l-ewwel netwerks tematiċi jkunu bdew joperaw sa tmiem l-2006.

    Daħla

    1. Il-Politika Ewropea ta' Koeżjoni qed twieġeb għall-isfida mressqa mill-President Barroso, f'Jannar 2006, sabiex "tingrana" fl-isforzi tagħha biex toħloq tkabbir ekonomiku u impjiegi aqwa u aktar numerużi.

    Fid-disa' xhur li għaddew minn mindu huwa ħareġ bis-sejħa li l-Unjoni għandha tirdoppja l-isforzi tagħha biex tilħaq il-modernizzazzjoni ekonomika, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet, li jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni, bdew tħejjijiet intensivi għall-programmi ġodda ta' żvilupp li għandhom iwasslu sa l-2013. Il-programm għandu jalloka € 350 biljun ta' appoġġ Komunitarju u jistimola € 150 biljun oħra f'investimenti minn sorsi nazzjonali pubbliċi u privati permezz ta' kofinanzjament. Dawn għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fl-ewwel parti ta' l-2007.

    2. Dawn il-programmi se jkunu l-quċċata ta' għadd ta' passi li l-Kummissjoni diġà ħadet biex tiżgura li dan l-isforz ta' investiment ta' € 500 biljun jikkonċentra l-appoġġ ta' l-Unjoni fuq il-modernizzazzjoni ekonomika u t-titjib tal-kompetittività.

    - Din il-politika stabbiliet – u kienet appoġġjata mill-Kunsill Ewropew - rabta mill-qrib bejn il-qafas regolatorju tal-Politika Ewropea ta' Koeżjoni u l-aġenda mġedda ta' Liżbona billi stabbiliet rabta ċara bejn il-konverġenza reġjonali ekonomika u l-modernizzazzjoni ekonomika.

    - Hija introduċiet l-idea ta' miri kwantitattivi għall-Istati Membri biex tgħin lilhom u lir-reġjuni tagħhom jikkonċentraw l-użu tal-finanzi tal-Politika ta' Koeżjoni, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u l-Fond ta' Koeżjoni, dwar l-investimenti ta' mmodernizzar. Din il-konċentrazzjoni għandha tintlaħaq permezz ta' "assenjazzjoni" ta' 60 fil-mija ta' l-isforz ta' l-investiment għall-modernizzazzjoni fl-agħar reġjuni bejn l-2007 u l-2013. Għar-reġjuni l-oħrajn kollha, il-mira "assenjata" se tkun ta' 75 fil-mija. Il-mira ta' 60 fil-mija hija volontarja għall-Istati Membri ta' l-UE-10 u għadd minnhom diġà għażlu li jintrabtu biha.

    - Il-Kunsill adotta l-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni li jiffukaw fuq tliet prijoritajiet ta' mmodernizzar, u l-linji gwida dettaljati għall-investimenti għall-iżvilupp urban.

    Kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni qed tiggwida lill-Istati Membri, lir-reġjuni u l-ibliet biex ifittxu dawk l-investimenti fil-programmi ta' konverġenza ekonomika tagħhom li għandhom iġibu valur miżjud massimu fil-modernizzazzjoni ekonomika u żieda fil-kompetittività. Qegħdin jgħinu l-Politika Ewropea ta' Koeżjoni biex tingrana. Hemm aktar x'jista' jsir.

    Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika u l-alternattiva rapida tagħha

    3. Il-programmi ta' konverġenza reġjonali u kompetittività u ta' impjiegi li jallokaw il-finanzi tal-Politika Ewropea ta' Koeżjoni mill-ERDF u l-ESF huma kkontrollati b'mod deċentralizzat, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta' sussidjarjetà. L-għażla ta' investimenti li għandhom jibbenifikaw mill-kofinanzi ta' l-ERDF u l-ESF fl-2007-2013 għandha ssir, fil-biċċa l-kbira, mill-Istati Membri, reġjuni u mill-ibliet infushom.

    "Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika" se tkun iddedikata għall-iskoperta ta' l-aqwa prassi fil-modernizzazzjoni ekonomika b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-proġetti li jikkontribwixxu biċ-ċar għall-aġenda ta' l-impjiegi u tat-tkabbir ekonomiku ta' l-Unjoni u fit-tixrid ta' din mar-reġjuni kollha sabiex tgħin fl-istimolu tat-tkabbir reġjonali tagħhom u fit-tnaqqis ta' differenzi ekonomiċi. Din għalhekk se jkollha rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni, li jenfasizzaw l-importanza tal-diviżjoni konġunta ta' l-istrateġiji ta' l-iżvilupp f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u dwar in-netwerking speċjalment biex jiżguraw it-trasferiment ta' ideat lill-programmi prinċipali nazzjonali u reġjonali ta' koeżjoni[1]. Se tkun partikolarment importanti għal dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li huma l-aktar 'il bogħod mill-prestazzjoni medja ta' l-Unjoni.

    "Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika" se tiffoka fuq żewġ strumenti eżistenti tal-Politika Reġjonali Ewropea – il-programm ta' Kooperazzjoni Interreġjonali u l-programm ta' netwerk għall-Iżvilupp Urban – madwar temi ta' żvilupp ekonomiku stabbiliti mill-Kummissjoni u koerenti mal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni. Hija għandha titħaddem fi ħdan il-qafas ta' l-Għan il-ġdid tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea[2]. Iż-żewġ strumenti se jkollhom baġit li b'kollox jilħaq € 375 miljun fl-2007 – 2013.

    4. Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika se tintroduċi għadd ta' novitajiet.

    - Ir-reġjuni u l-ibliet se jkomplu jkollhom il-possibilità li jiffurmaw u jmexxu n-netwerks tagħhom iżda se jintalbu wkoll biex jagħmlu dan madwar temi magħżula biex jorbtu l-politiki ta' l-Unjoni ma' l-aġenda ta' modernizzazzjoni. Il-Kummissjoni, permezz ta' sforz ikkoordinat mis-servizzi tagħha, u f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, se tistipula t-temi li għandhom jissegwew [ara l-paragrafi 14 sa 16 u d-dokument ta' ħidma ta' l-istaff, SEC(2006) 1432].

    - Alternattiva ġdida rapida se tipprovdi lok rapidu ta' prova għal ideat ta' politika li ġejjin mill-Kummissarji u mis-servizzi tagħhom. Fi ħdan din l-alternattiva, il-Kummissjoni se tkun l-ewwel attur ewlieni li tistabbilixxi netwerk ta' reġjuni u bliet voluntiera u li tanima l-programmi (ara l-paragrafi 7 u 8).

    - Se jkun hemm "pont b'żewġ direzzjonijiet" bejn l-iżvilupp tematiku u l-programmi prinċipali tal-Politika Reġjonali Ewropea. Permezz ta' dan il-"pont b'żewġ direzzjonijiet" il-proġetti ttestjati taħt il-baġit ta' € 375 miljun tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika l-istrumenti se jinxterdu bil-ħeffa fil-programmi prevalenti (ara l-paragrafi 9 u 10).

    - Reġjuni jew bliet li diġà żviluppaw proġetti, individwalment jew flimkien ma' oħrajn, li juru li huma ta' l-aqwa prassi, se jkollhom l-opportunità li jqiegħdu l-esperjenzi tagħhom fl-alternattiva rapida sabiex jinxterdu b'ħeffa u b'mod wiesa'.

    - Ir-reġjuni u l-ibliet li qegħdin jieħdu sehem fir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika se jintalbu għal impenn biex jintroduċu b'mod proattiv l-ideat ta' l-aqwa prassi fil-programmi prevalenti tagħhom. Dan jistgħu jiksbuh billi jintroduċu prijorità tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika (fil-programmi ta' l-ERDF) jew klawżola speċifika fil-programmi tagħhom prinċipali. Impenn bħal dan se jkun meħtieġ għall-parteċipazzjoni fl-għażla rapida.

    - Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika se jinkorporaw sforz ta' komunikazzjoni mtejjeb u vigoruż biex ixerrdu b'ħeffa l-aqwa prassi fost ir-reġjuni u l-ibliet kollha ta' l-Unjoni. Dan se jinkludi l-introduzzjoni ta' għotjiet reġjonali annwali ta' innovazzjoni għal proġetti li jġibu riżultati ta' kwalità għolja f'termini ta' modernizzazzjoni ekonomika (ara l-paragrafi 11 sa 13).

    5. Dawn in-novitajiet jiżguraw li Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika tipprovdi l-Unjoni bi strument ġdid li bih se jippromwovu l-modernizzazzjoni ekonomika u l-kompetittività mtejba, bi rwol ċar għall-Kummissjoni fi ħdan l-alternattiva rapida. Din għandha tipprovdi opportunità għar-reġjuni u l-ibliet biex jaħdmu fuq temi speċifiċi ingranati għall-modernizzazzjoni ekonomika. Għandha tistimola l-ħsieb progressiv fl-implimentazzjoni tal-programmi megħjuna mill-Politika Reġjonali Ewropea permezz ta' l-ERDF u tiżgura titjib kontinwu fil-kontribut tagħhom għall-għanijiet ta' modernizzazzjoni.

    6. Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika se tkun faċli biex titħaddem u mhijiex se tintroduċi burokrazija ġdida billi se taħdem permezz ta' strumenti eżistenti tal-Kooperazzjoni Interreġjonali u l-programmi ta' netwerk ta' Żvilupp Urban. Se tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' deċentralizzazzjoni. Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika se tikkomplementa għalhekk id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet diġà meħuda mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

    7. Lil hinn mill-assigurazzjoni ta' kofinanzjament għall-programmi tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika permezz ta' l-għan tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea tal-Politika ta' Koeżjoni Ewropea, il-Kummissjoni se tipprovdi, għal netwerks li jaħdmu fi ħdan l-alternattiva rapida, appoġġ espert kontinwu u, jekk meħtieġ, appoġġ amminstrattiv. Il-kofinanzjament ta' ideat ippruvati jista' jittieħed mill-programmi ta' Politika Reġjonali Ewropea megħjuna mill-ERDF u l-finanzjamrnt jista' wkoll jinkiseb minn skemi mħaddma mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. L-inizjattiva ta' għajnuna teknika JASPERS tista' wkoll ikollha rwol fl-iżvilupp tal-proġetti.

    8. L-alternattiva rapida se tagħmel parti mir-Reġjuni għal Bidla Ekonomika. Bħall-bqija ta' l-inizjattiva, din se tkun volontarja għar-reġjuni u l-ibliet iżda jkollha d-differenza importanti li l-Kummissjoni, aktar milli r-reġjuni u l-ibliet, tkun l-attur ewlieni. Il-Kummissjoni għandha tistipula tema biex tissegwa b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri; għandha tistieden reġjuni u bliet interessati biex isiru parti min-netwerks li qed isegwu t-tema; għandha tħeġġeġ, flimkien ma' l-awtoritajiet amministrattivi, in-netwerks tematiċi; u għandha tiġbor ir-riżultati. Barra minn hekk, in-netwerks fi ħdan l-alternattiva rapida se jiġu offruti l-għajnuna ta' l-esperti biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni għall-ittestjar u għall-evalwazzjoni tal-metodi ta' l-aqwa prassi. Bħall-bqija tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, din se taħdem permezz ta' mekkaniżmi eżistenti għall-Kooperazzjoni Interreġjonali u l-Iżvilupp Urban.

    Il-pont "b'żewġ direzzjonijiet"

    9. L-esperjenza wriet il-ħtieġa li titwaqqaf rabta soda bejn skemi esperimentali li jiżviluppaw ideat ġodda u l-programmi ta' Politika Reġjonali Ewropea mgħejuna mill-ERDF li jġorru l-parti kbira tal-baġit tal-politika. Din se tkun kritika għat-tixrid estensiv u veloċi u għall-implimentazzjoni ta' ideat ġodda. Ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, speċjalment taħt l-alternattiva rapida, se tintroduċi arranġamenti li se jagħmlu possibbli skambju b'żewġ direzzjonijiet. L-inizjattiva se tibni wkoll fuq l-esperjenza ta' l-Inizjattiva Komunitarja EQUAL, li se tagħmel kontribut importanti għat-tixrid ta' l-aqwa prassi fl-oqsma ta' l-azzjoni kofinanzjata mill-ESF.

    L-ewwelnett, ir-reġjuni li żviluppaw ideat li japprovaw eżempji ta' l-aqwa prassi – fil-programmi tagħhom ta' Politika Reġjonali Ewropea mgħejuna mill-ERDF, jew fi programmi oħra ta' l-UE jew fl-iskemi nazzjonali jew reġjonali tagħhom infushom – se jkollhom l-opportunità li dawn jiġu evalwati taħt Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika u mxerrda madwar l-Unjoni kollha.

    It-tieni, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet li qed jieħdu sehem fin-netwerks tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika se jintalbu juru li dawn jiffurmaw pont bejn xogħlhom fi ħdan ir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika u l-programmi prinċipali tagħhom. Dan jimmira lejn l-iżgurar ta' tixrid rapidu fost il-programmi prinċipali ta' ideat esperimentati mill-inizjattiva u dan il-pont se jkun essenzjali għar-reġjuni li qed jieħdu sehem fin-netwerks fi ħdan l-alternattiva rapida.

    10. Dan il-"pont" bejn iż-żewġ tipi ta' attività ta' żvilupp reġjonali jista' jkun żgurat permezz ta' diversi rekwiżiti li jistgħu jintlaħqu faċilment – pereżempju, permezz ta' l-inklużjoni ta' prijorità tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika (fil-programmi ta' l-ERDF) jew ta' klawżola speċifika ta' impenn fil-programmi prinċipali tar-reġjuni u l-ibliet li qed jieħdu sehem fl-inizjattiva li se tiżgura li l-programmi taġħhom ikollhom l-ambitu li jassimilaw ideat ġodda.

    Sforz komunikattiv imtejjeb

    11. Il-komunikazzjoni effettiva se tkun parti ewlenija mir-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika. Din għandha tiżgura t-tixrid rapidu ta' ideat, riżultati u dettalji tal-proġetti ta' l-aqwa prassi. Il-bażi tagħha se jkun sforz koordinat mill-unitajiet ta' tagħrif tas-servizzi tal-Kummissjoni li qed jieħdu sehem fl-organizzazzjoni ta' seminars, pubblikazzjonijiet u f' għodda oħra ta' komunikazzjoni.

    12. Il-konferenza tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika li għandha ssir kull sena fl-istess żmien biex tikkoinċidi mal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa, hija element ewlieni ta' dan l-isforz. Din għandha turi biċ-ċar il-kontribut li l-politiki tal-Komunità qed jagħmlu għall-modernizzazzjoni ekonomika u l-kisba ta' l-għanijiet ta' Liżbona. L-ewwel waħda minn dawn il-konferenzi annwali se ssir f'Marzu 2007.

    Il-konferenza ta' Marzu 2007 se "tkebbes" websajt ġdid għall-iskambu ta' l-aqwa prassi. Fit-tnedija tiegħu il-websajt se jkun fih dettalji ta' 50 proġett fl-oqsma ewlenin tal-politika tar-riċerka, l-innovazzjoni teknika; is-soċjetà ta' l-informatika; l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli; u ta' l-inġinerija finanzjarja. Dawn se jittieħdu mill-esperjenza ta' programmi għaddejja bħalissa. Sa tmiem l-2007 l-għadd ta' proġetti se jkun tela' għal mill-anqas 150. Kull sena waqt il-konferenza tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, il-Kummissjoni tippubblika volum b'dettalji ta' proġetti ta' l-aqwa prassi miġbura mis-sorsi differenti koperti bl-inizjattiva.

    13. Il-ħolqien ta' għotjiet annwali ta' innovazzjoni għall-aħjar proġetti fl-oqsma ta' temi magħzula marbuta mal-modernizzazzjoni ekonomika se tkun integrali għall-politika ta' komunikazzjoni tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika Dawn l-għotjiet għandhom itejbu t-tagħrif dwar prassi tajba, jistimulaw l-iskambju ta' esperjenza u jipprovdu viżibilità għall-ħsieb progressiv. Se jiġu ppreżentati kull sena waqt il-konferenza tar-Rebbiegħa tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika. Id-dettalji ta' l-ewwel applikazzjoni ta' l-għotjiet se jitħabbru waqt il-konferenza f'Marzu 2007.

    Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika u l-għażla rapida tagħha: sinteżi

    It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor il-karatteristiċi tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, waqt li tixħet attenzjoni partikolari fuq l-alternattiva rapida:

    Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika | L-alternattiva rapida |

    In-netwerks li għandhom isegwu t-temi għall-modernizzazzjoni ekonomika u l-kompetittività | Iva | Iva |

    L-attur ewlieni fl-istabbiliment tan-netwerks | Ir-reġjun jew il-belt | Il-Kummissjoni |

    L-attur prinċipali fin-netwerk | Ir-reġjun jew il-belt | Ir-reġjun jew il-belt |

    Appoġġ tal-Politika Reġjonali Ewropea għall-programm tan-netwerk | Iva |

    Appoġġ addizzjonali tal-Kummissjoni għall-għarfien espert u l-amministrazzjoni | Le | Iva |

    Evalwazzjoni tar-riżultati | Ir-reġjuni u l-ibliet | Il-Kummissjoni, ir-reġjuni u l-ibliet |

    Impenji għall-introduzzjoni proattiva ta'ideat ta' l-aqwa prassi fil-programmi prinċipali | Mixtieq | Essenzjali |

    Is-sehem ta' l-awtoritajiet amministrattivi tal-programmi fin-netwerks | Mixtieq | Essenzjali |

    Is-sehem fl-għotjiet annwali tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika | Iva | Iva |

    Tixrid rapidu tar-riżultati | Mixtieq | Essenzjali |

    Temi għall-modernizzazzjoni

    14. Il-qafas regolatorju l-ġdid għall-Politika ta' Koeżjoni Ewropea 2007-2013 ifassal, taħt l-għan superjuri ta' modernizzazzjoni ekonomika, linji gwida strateġiċi għall-investiment mill-Istati Membri u r-reġjuni. Huwa jappella għalihom sabiex ikabbru l-effett konverġenti ta' l-investimenti tagħhom billi jikkonċentraw, safejn dan jista' jkun utli, fuq it-temi indikati mil-linji gwida. L-għażla tat-tema għandha tvarja bejn l-Istati Membri u r-reġjuni skond is-saħħa ekonomika relattiva tagħhom. Dan l-isforz ta' konċentrazzjoni se jissaħħah permezz ta' "l-għażla" ta' miri

    15. Il-linji gwida strateġiċi joffru lill-Istati Membri u r-reġjuni firxa ta' temi li madwarhom jistgħu jibnu l-programmi tagħhom ta' żvilupp ekonomiku. It-tliet settijiet tematiċi ta' linji gwida u d-dimensjoni transversali jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    - titjib fl-attraenza ta' l-Istati Membri, r-reġjuni u l-ibliet billi jtejbu l-aċċessibilità, waqt li jiżguraw kwalità xierqa u livell tas-servizzi, u l-ippreservar tal-potenzjal tagħhom ambjentali.

    - inkoraġġiment għall-innovazzjoni, l-intraprenditorjat u t-tkabbir ta' l-ekonomija ta' l-għarfien permezz tar-riċerka u l-kapaċitajiet innovattivi, inklużi l-eko-innovazzjoni, it-teknoloġiji ġodda ta' tagħrif u komunikazzjoni

    - il-ħolqien ta' impjiegi aqwa u aktar numerużi billi jiġu attirati aktar nies għall-impjieg jew għall-attività intraprenditorjali, it-titjib ta' adattabilità tal-ħaddiema u l-intrapriżi u ż-żieda ta' investimenti fil-kapital uman.

    - il-kisba ta' potenzjal ta' tkabbir globali għoli u żvilupp reġjonali uniformi billi tingħata aktar attenzjoni partikolari liċ-ċirkustanzi ġeografiċi speċifiċi.

    Dawn il-linji gwida huma simili ta' l-oqsma għall-azzjoni prijoritarja identifikati mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2006: l-investiment f'aktar għarfien u innovazzjoni; il-ftuħ tal-potenzjal kummerċjali speċjalment ta' l-SMEs: u ż-żieda fl-opportunitajiet għall-impjiegi għall-kategoriji ta' prijorità. Il-Kunsill Ewropew ġibed l-attenzjoni wkoll lejn l-importanza ta' l-investimenti fil-qasam ta' l-enerġija. Bħala regola prinċipali, l-inizjattiva se tikkontribwixxi għall-prinċipji li jolqtu aktar minn qasam wieħed tal-politika ta' Koeżjoni fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li tnaqqas id-diżabilitajiet u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli.

    16. Diġà twettqet ħidma konsiderabbli minn servizzi differenti tal-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti temi li għandhom jissegwew taħt Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika. It-temi huma deskritti f'aktar dettall fid-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni, SEC(2006) 1432.

    Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, li wasslet għall-istabbiliment tat-temi, se tkompli matul l-implimentazzjoni tar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika, speċjalment taħt l-alternattiva rapida tagħha. It-tmexxija tal-Kummissjoni tad-diversi netwerks tematiċi taħt l-alternattiva rapida se tinqasam bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni. L-għan huwa li tinżamm rabta mill-qrib bejn il-politiki tal-Komunità u n-netwerks tematiċi, biex b'hekk ikun hemm l-opportunità għall-politiki differenti li jmexxu l-ideat importanti li jorbtuhom mal-modernizzazzjoni ekonomika.

    Il-Passi li Jmiss

    17. Is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet se jkunu qegħdin jaħdmu b'mod koordinat biex jiksbu l-appoġġ l-aktar wiesa' għar-Reġjuni Lejn Bidla Ekonomika u l-alternattiva rapida tagħha. Il-Presidenza Finlandiża se tikkonkludi t-taħdidiet f' laqgħa informali tal-ministri tal-Politika Reġjonali li għandha ssir fi Brussell fil-21 ta' Novembru billi titlob lill-Istati Membri biex jikkonfermaw l-iffukar mill-ġdid ta' l-istrumenti eżistenti flimkien ma' l-għazla ta' għanijiet u ta' temi tal-Kummissjoni.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni huma avvanzati tajjeb fl-organizzazzjoni ta' l-alternattiva rapida u huwa maħsub li l-ewwel netwerks tematiċi jkunu qed joperaw sa tmiem l-2006.

    [1] COM(2006) 386 Proposta finali għal Deċiżjoni ta-Kunsill dwar Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji għall-Koeżjoni, premessa 13.

    [2] Il-bażi legali hija pprovduta mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill N° 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) N° 1260/1999. Għal aktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni ara r-Regolament ta' l-ERDF 1080/2006 tal-5 ta' Lulju 2006.

    Top