This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006DC0649
Communication from the Commission to the European Parliament and the Council - Enlargement Strategy and Main Challenges 2006 – 2007 Including annexed special Report on the EU's capacity to integrate new members {SEC(2006) 1383} {SEC(2006) 1384} {SEC(2006) 1385} {SEC(2006) 1386} {SEC(2006) 1387} {SEC(2006) 1388} {SEC(2006) 1389} {SEC(2006) 1390}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 – 2007 Li tinkludi Rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda {SEG(2006) 1383} {SEG(2006) 1384} {SEG(2006) 1385} {SEG(2006) 1386} {SEG(2006) 1387} {SEG(2006) 1388} {SEG(2006) 1389} {SEG(2006) 1390}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 – 2007 Li tinkludi Rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda {SEG(2006) 1383} {SEG(2006) 1384} {SEG(2006) 1385} {SEG(2006) 1386} {SEG(2006) 1387} {SEG(2006) 1388} {SEG(2006) 1389} {SEG(2006) 1390}
/* KUMM/2006/0649 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 – 2007 Li tinkludi Rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda {SEG(2006) 1383} {SEG(2006) 1384} {SEG(2006) 1385} {SEG(2006) 1386} {SEG(2006) 1387} {SEG(2006) 1388} {SEG(2006) 1389} {SEG(2006) 1390} /* KUMM/2006/0649 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 8.11.2006 KUMM(2006) 649 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 – 2007 Li tinkludi rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda {SEG(2006) 1383}{SEG(2006) 1384}{SEG(2006) 1385}{SEG(2006) 1386}{SEG(2006) 1387}{SEG(2006) 1388}{SEG(2006) 1389}{SEG(2006) 1390} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Strateġija għat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2006 – 2007 Li tinkludi rapport speċjali mehmuż dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda 1. DAħLA It-tkabbir ilu fil-qalba ta' l-iżvilupp ta' l-UE għal għexieren ta' snin. L-essenza stess ta' l-integrazzjoni Ewropea hija li tegħleb il-qasma ta' l-Ewropa billi tikkontribwixxi għall-unifikazzjoni paċifika tal-kontinent. Fuq livell politiku, it-tkabbir għen biex l-UE rreaġixxiet għal bidliet ewlenin bħall-waqgħa tad-dittaturi u dik tal-komuniżmu. Huwa kkonsolida d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiltà mal-kontinent kollu. It-tkabbir jirrifletti l-essenza stess ta' l-UE bħala forza "prudenti u moderata", li l-ġibda gravitazzjonali tagħha kisbet riżultati ferm ikbar minn dawk li kieku kienu jinkisbu b'mezzi oħra. Mil-lat ekonomiku, it-tkabbir għen biex iżid il-prosperità u l-kompetittività, billi ppermetta lill-Unjoni mkabbra tirreaġixxi aħjar għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Dan ġab miegħu benefiċċji diretti għall-Ewropa kollha kemm hi. It-tkabbir żied l-importanza ta' l-UE fid-dinja u għamilha attur iktar b'saħħtu fix-xena internazzjonali. L-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-1 ta' Jannar 2007 se ġġib il-ħames tkabbir fi tmiemu, wara l-adeżjoni ta' l-għaxar Stati Membri f'Mejju 2004. Tħejjijiet rigorużi wittew it-triq għall-integrazzjoni bla xkiel tagħhom fl-istituzzjonijiet ta' l-UE u fil-politiki tagħha. L-għaxar Stati Membri l-ġodda laħqu livell eċċellenti ta' konformità mad-Dritt Komunitarju u taw kontribut sinifikanti lix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Huma ġġeneraw żieda fil-livelli ta' attività ekonomika, kummerċ u investiment, u laħqu rati għoljin ta' tkabbir ekonomiku. L-aġenda għat-tkabbir attwali tkopri l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija. Lil dawn il-pajjiżi ngħatatilhom il-prospettiva li jsiru membri ta' l-UE ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. Il-pajjiżi jinsabu fi stadji differenti fi triqithom lejn l-UE. Il-Kroazja u t-Turkija qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja saret pajjiż kandidat f'Diċembru 2005. Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent l-oħra qed jagħmlu progress fil-prospettiva li jsiru membri ta' l-UE. L-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-tkabbir għall-2006-07 qed tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi ewlenin li jirrigwardaw partikolarment in-negozjati għall-adeżjoni tat-Turkija, il-kwistjoni ta' l-istatus futur tal-Kosovo, ir-relazzjonijiet mas-Serbja, u aktar responsabilizzazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina għal dak li jikkonċerna l-ġestjoni politika tagħha. Dawn huma aspetti importanti ħafna fihom infushom u huma marbuta ma' kwistjonijiet ġeopolitiċi li jolqtu s-sigurtà u l-istabbiltà ta' l-Ewropa kollha. It-triq lejn l-adeżjoni hija ta' valur fiha nnifsha, anki meta jinħtieġu bosta snin biex pajjiż isir Stat Membru. Billi din it-triq tinvolvi ħafna sfidi, l-impenn ta' l-UE għandu jkun kostanti. L-istrateġija u n-negozjati ta' qabel l-adeżjoni mal-pajjiżi kandidati effettivi u potenzjali għandhom ikunu segwiti bl-akbar mod rigoruż u b'rispett totali tal-kundizzjonijiet maqbula. Minn Jannar ta' l-2007, l-UE se tipprovdi, permezz ta' l-istrument ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni l-ġdid, sostenn finanzjarju li se jiffoka fuq il-prijoritajiet identifikati fil-Partenarjati għall-Adeżjoni u fil-Partenarjati Ewropej. It-tkabbir ta' l-UE huwa proġett storiku, ibbażat fuq viżjoni ta' Ewropa magħquda u tar-rwol globali tagħha. Dan il-proġett għandu jinqasam b'mod wiesa' mal-popli Ewropej u jkun appoġġat minnhom biex jiżgura leġittimità demokratika sħiħa. Id-deċiżjonijiet fundamentali li jwasslu għall-adeżjoni ta' pajjiż jittieħdu minn korpi demokratikament eletti f'kull Stat Membru u fl-Unjoni. Jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu fuq quddiemnett biex jispjegaw għaliex it-tkabbir huwa fl-interessi ta' l-UE. Il-Kummissjoni hija lesta ttejjeb il-fluss ta' informazzjoni oġġettiva u aċċessibbli, billi taħdem flimkien ma' l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew biex tikkomunika bl-aħjar mod lill-pubbliku l-proċess tat-tkabbir. Il-Kunsill Ewropew li se jsir f'Diċembru 2006 se jiddiskuti wkoll dwar it-tkabbir. Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2005, il-Kunsill stqarr li l-istrateġija ppreżentata s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni kienet bażi tajba għal dibattitu dwar it-tkabbir fl-2006. L-istrateġija tenfasizza li, jekk ikun ġestit bil-għaqal, it-tkabbir jista' jestendi u japprofondixxi l-integrazzjoni Ewropea. Il-prinċipji li fuqhom tissejjes l-istrateġija huma tlieta: il-konsolidament ta' l-impenji attwali fir-rigward tal-pajjiżi involuti fil-proċess, l-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet ġusti u rigorużi u komunikazzjoni aktar intensa mal-pubbliku dwar it-tkabbir. L-UE tqis it-tħassib dwar ir-ritmu tat-tkabbir b'mod serju. Sabiex ikunu evitati impenji eċċessivi, l-UE tirrispetta l-impenji eżistenti meħuda fir-rigward ta' pajjiżi li diġà huma involuti fil-proċess, iżda hija kawta għal dak li għandu x'jaqsam ma' kwalunkwe impenn ġdid. Kundizzjonijiet rigorużi japplikaw għall-pajjiżi kandidati kollha, sew dawk effettivi sew dawk potenzjali. Kwalunkwe pass ġdid fil-proċess ta' adeżjoni jiddipendi mill-progress tar-riformi politiċi u ekonomiċi fil-pajjiż. Peress li l-proċess lejn l-adeżjoni huwa twil, jeħtieġ li l-pajjiżi jinżammu motivati kostantement biex ikomplu r-riformi. Jeħtieġ li l-UE żżid it-trasparenza fil-proċess. L-istituzzjonijiet ta' l-UE nfushom għandhom ikunu riformati, konformement mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2006. Għandu jintlaħaq arranġament istituzzjonali ġdid sa meta l-pajjiż kandidat li jmiss aktarx ikun lest biex jaderixxi ma' l-Unjoni. Il-finanzjament ta' l-Unjoni hija kwistjoni importanti oħra għall-futur. Il-kapaċità ta' l-UE biex tilqa' membri ġodda u fl-istess ħin tkompli tagħti impetu lill-integrazzjoni, se tkun saħansitra iktar importanti fil-futur. Ir-rapport speċjali tal-Kummissjoni anness ma' dan id-dokument jiddefinixxi approċċ maħsub biex jiżgura li l-UE tkompli tiffunzjona tajjeb filwaqt li ssegwi aġenda tat-tkabbir maħsuba biex tissodisfa l-isfidi tas-snin li ġejjin. Il-proċess tat-tkabbir ma jinvolvix il-pajjiżi Ewropej kollha. L-UE stabbiliet relazzjonijiet ta' tipi varji ma' pajjiżi oħra, inkluż permezz taż-Żona Ekonomika Ewropea, rabtiet bilaterali ma' l-Iżvizzera, il-Politika Ewropea tal-Viċinat u partenarjat strateġiku mar-Russja. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat għandha l-għan li tippromwovi l-prosperità, l-istabbiltà u l-governanza t-tajba fil-pajjiżi ġirien ta' l-UE permezz ta' relazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika aktar fil-fond. Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposti għat-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Billi jibni fuq l-istrateġija attwali ta' l-UE, dan id-dokument jiddefinixxi approċċ maħsub biex jittieħdu tagħlimiet mill-ħames tkabbir, jagħti sostenn lill-pajjiżi fi triqithom lejn l-adeżjoni, irawwem l-appoġġ mill-pubbliku favur tkabbir ulterjuri, jindirizza l-isfidi marbuta mat-tkabbir, u jiggarantixxi l-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE. Din se tkun il-bażi li fuqha se jinbena kunsens ġdid dwar it-tkabbir. 2. IL-ħAMES TKABBIR It-tkabbir wera li huwa waħda mill-iktar politiki effikaċi ta' l-UE, billi kkontribwixxa b'suċċess għall-paċi u l-iżvilupp demokratiku tal-kontinent kollu kemm hu. L-integrazzjoni ta' l-għaxar Stati li saru membri fl-2004 fil-politiki u fl-istituzzjonijiet ta' l-UE mxiet mingħajr problemi. Fuq livell ġenerali, is-sistemi politiċi demokratiċi ta' l-Istati Membri l-ġodda komplew jiffunzjonaw tajjeb. Laħqu livell eċċellenti ta' konformità mad-Dritt Komunitarju u taw kontribut sinifikanti lix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE. L-istituzzjonijiet ta' l-UE komplew jiffunzjonaw b'mod effikaċi. It-tkabbir żied l-importanza ta' l-UE fix-xena politika u ekonomika internazzjonali, kattar il-poter ta' negozjar f'fora differenti, u arrikkixxa l-patrimonju kulturali tagħha. Barra milli ppromwova s-sigurtà u l-istabbiltà fl-Ewropa, it-tkabbir ġab miegħu benefiċċji ekonomiċi. L-Istati Membri l-ġodda qed jilħqu b'ritmu mgħaġġel l-Istati Membri l-qodma, li min-naħa tagħhom bbenefikaw mill-opportunitajiet kummerċjali u ta' investiment ġodda. Fuq livell ġenerali, it-tkabbir kien pożittiv għall-ekonomija ta' l-UE u għenha taffaċċja b'mod aktar effikaċi l-isfidi tal-globalizzazzjoni[1]. L-adozzjoni progressiva ta' l-euro minn Stati Membri ġodda, li tibda mis-Slovenja fl-1 ta' Jannar 2007, se tagħti kontribut ulterjuri lil din it-tendenza pożittiva. L-Unjoni mkabbra, li fissret qsim aktar effiċjenti tax-xogħol, kisbet aktar kompetittività fuq livell dinji. Fuq livell ġenerali, l-aħħar tkabbir għamilha ta' katalizzatur għat-tkabbir ekonomiku u l-modernizzazzjoni fl-UE. Reċentement, għadd ta' studji importanti wrew dan biċ-ċar. Pereżempju, it-tliet Stati Membri li introduċew il-moviment liberu tal-ħaddiema malli l-għaxar Stati ġodda saru membri kisbu benefiċċji konkreti f'termini ta' żieda fid-dħul nazzjonali u fid-dħul mit-taxxa, kif ukoll f'termini ta' tnaqqis ta' l-ekonomija li ma tidhirx. Il-ħaddiema mill-għaxar Stati Membri ġodda għenu biex ipattu għan-nuqqas ta' nies imħarrġa fis-suq tax-xogħol u adattaw ruħhom tajjeb għall-kuntest kulturali ġdid[2]. Fid-dawl ta' dawn l-esperjenzi, ħames Stati Membri oħra fetħu s-swieq tax-xogħol tagħhom u tnejn oħra fetħuhom parzjalment[3]. Il-Bulgarija u r-Rumanija komplew il-preparattivi għall-adeżjoni skond il-kundizzjonijiet rigorużi, bis-sostenn sħiħ ta' l-UE. Iż-żewġ pajjiżi introduċew riformi estensivi matul in-negozjati għall-adeżjoni. Madankollu, ir-rapporti ta' monitoraġġ tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2005, Mejju 2006 u Settembru 2006 enfasizzaw setturi li jqajmu tħassib partikolari u li jeħtieġu aktar impenn. Bis-saħħa tal-progress li sar, il-Bulgarija u r-Rumanija se jkunu f'qagħda li jassumu d-drittijiet u l-obbligi ta' l-adeżjoni mill-1 ta' Jannar 2007. Ir-rapport ta' Settembru indika l-kundizzjonijiet stretti meħtieġa sabiex il-proċess ta' riforma jkompli bla waqfien f'dawn il-pajjiżi qabel u wara l-adeżjoni. Huwa ġibed l-attenzjoni wkoll fuq id-dispożizzjonijiet fl- acquis u fit-Trattat ta' Adeżjoni biex jkun garantit il-funzjonament tajjeb tal-politiki u l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Il-Kummissjoni mhijiex se toqgħod lura milli tuża dawn il-mekkaniżmi kull meta tqis li hu meħtieġ. L-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija turi lill-pajjiżi li jinsabu fi stadju bikri tal-preparattivi għall-adeżjoni li l-għan aħħari tagħhom jista' jintlaħaq. Mill-proċess jistgħu jittieħdu tagħlimiet li qed jiġu inkorporati fl-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni. L-esperjenza miksuba turi kif kwistjonijiet bħar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jeħtieġu jkunu ttrattati mal-ewwel. Il-Kummissjoni qed tippromwovi, pereżempju, aktar għarfien ta' l-aħjar mod kif jistgħu jkunu garantiti l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura u kif tista' tkun ipprevenuta l-korruzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa għal riformi sostenibbli fl-amministrazzjoni pubblika. Il-pajjiżi li għandhom amministrazzjoni pubblika responsabbli u effiċjenti, fejn il-karriera professjonali tiżviluppa skond kriterji ta' professjonalità, jistgħu jħejju ruħhom b'mod effiċjenti għall-adeżjoni u joperaw sussegwentement bħala Stati Membri. Dan imur għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu. Globalment, il-ħames tkabbir kien ta' suċċess konsiderevoli, b'benefiċċji li se jkomplu jinħassu għal bosta snin. 'Il fuq minn 100 miljun ċittadin ġdid ta' l-UE, bi dħul li kull ma jmur iżid, se jagħtu l-kontribut tagħhom għall-espansjoni ta' l-ekonomija Ewropea. It-tkabbir għolla l-istandards tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt fl-Ewropa, saħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini kollha ta' l-UE u kattar il-prosperità fl-Unjoni. 3. IL-PROċESS TAT-TKABBIR Il-prinċipji li fuqhom tibbaża l-istrateġija attwali ta' l-UE fil-qasam tat-tkabbir huma tlieta: il-konsolidament ta' l-impenji, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni. Il-konsolidament ta' l-aġenda ta' l-UE fil-qasam tat-tkabbir tfisser li l-Unjoni hija kawta għal dak li għandu x'jaqsam ma' impenji ġodda meħuda, iżda tirrispetta dawk meħuda fir-rigward ta' pajjiżi diġà involuti fil-proċess tat-tkabbir. L-UE bdiet in-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija u l-Kroazja u offriet prospettiva Ewropea lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lit-Turkija. Dan l-impenn jikkostitwixxi inċentiv qawwi għall-pajjiżi biex ikomplu fir-riformi tagħhom. Lill-pajjiżi kollha kandidati, sew dawk effettivi sew dawk potenzjali, qed jiġu applikati kundizzjonijiet ġusti iżda rigorużi. Kull pass 'il quddiem jiddipendi mill-progressi miksubin minn kull pajjiż biex jissodisfa l-kundizzjonijiet f'kull stadju tal-proċess ta' adeżjoni. Dan l-approċċ jgħin fil-konsolidament tar-riformi u jipprepara l-Istati Membri l-ġodda biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom ma' l-adeżjoni. Is-suċċess tat-tkabbir jeħtieġ sostenn miċ-ċittadini kollha ta' l-UE. L-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem biex jikkomunikaw b'mod effikaċi l-proċess tat-tkabbir, partikolarment il-benefiċċji li joffri għaċ-ċittadini ta' l-UE. Il-leġittimità demokratika tibqa' essenzjali għall-proċess ta' adeżjoni ta' l-UE. 3.1. In-negozjati għall-adeżjoni In-negozjati għall-adeżjoni mal-Kroazja u t-Turkija, miftuħa f'Ottubru 2005 kif maqbul bl-unanimità mill-Istati Membri, komplew iħeġġu dawn il-pajjiżi biex iwettqu riformi politiċi u ekonomiċi u biex iżommu relazzjonijiet tajba mal-ġirien tagħhom. Dawn jitmexxew fuq il-bażi ta' oqfsa ta' negozjati ċari u rigorużi maqbula unanimament mill-Kunsill. Ir-ritmu tan-negozjati jiddipendi minn dak tar-riformi fil-konkret. Matul in-negozjati għall-adeżjoni, jiġu stabbiliti arranġamenti fejn il-pajjiżi kandidati jimpenjaw ruħhom biex japplikaw il-leġiżlazzjoni u l-politiki kollha ta' l-UE, imsejħin l- acquis . Barra milli jaċċettaw u jimplimentaw l- acquis , il-pajjiżi għandhom jaderixxu ma' l-għanijiet politiċi tat-Trattati. Waqt in-negojati, il-pajjiżi kandidati jiftiehmu ma' l-UE dwar il-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni. Kull pajjiż jiġi ġudikat fuq il-merti tiegħu: in-negozjati joffru lill-pajjiżi l-opportunità biex juru l-kapaċità tagħhom biex iġibu fi tmiem ir-riformi neċessarji u jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta' adeżjoni. In-negozjati jipproċedu b'mod strutturat. Minn Ottubru 2005, il-proċess ta' " screening " ilaqqa' mijiet ta' esperti mit-Turkija, mill-Kroazja u mill-Kummissjoni biex jispjegaw l- acquis , jevalwaw il-livell ta' allinjament tal-pajjiżi u jeżaminaw il-pjanijiet ta' implimentazzjoni tagħhom. Il-proċess ta' screening għadu kemm ġie fi tmiemu għall-kapitoli kollha ta' l- acquis . Ladarba jintemm l-i screening ta' kapitolu, l-Istati Membri jiddeċiedu, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jekk il-kapitolu jistax jinfetaħ għan-negozjati, jew dwar il-parametri li l-pajjiż kandidat għandu jissodisfa qabel ma jinfetħu n-negozjati. Meta jinfetħu n-negozjati, l-Unjoni tippreżenta l-pożizzjoni komuni, inklużi l-parametri li għandhom ikunu rispettati biex il-kapitolu jingħalaq temporanjament. Il-parametri ddaħħlu wara l-esperjenza miksuba mill-ħames tkabbir. L-iskop tagħhom hu li jtejbu l-kwalità tan-negozjati, billi joffru inċentivi għall-pajjiżi kandidati biex iwettqu riformi neċessarji fi stadju bikri. Il-parametri jistgħu jitkejlu u huma marbuta ma' elementi ewlenin tal-kapitolu ta' l- acquis . Ġeneralment, il-parametri tal-bidu jirrigwardaw il-passi preparatorji prinċipali għall-allinjament fil-futur (bħall-istrateġiji jew il-pjanijiet ta' azzjoni) u l-ilħiq ta' l-obbligi kuntrattwali korrispondenti mar-rekwiżiti ta' l- acquis . Il-parametri tat-tmiem jirrigwardaw primarjament il-miżuri leġiżlattivi, il-korpi amministrattivi jew ġudizzjarji u l-progressi li saru f'termini ta' implimentazzjoni ta' l- acquis . Il-parametri dwar il-kapitoli ekonomiċi fihom ukoll il-kriterju ta' l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq operattiva. Jekk pajjiż kandidat ma jibqax jirrispetta l-parametri tal-bidu f'kapitolu fil-fażi ta' negozjati, il-Kummissjoni tista' tipproponi li n-negozjati jiġu sospiżi għall-kapitolu kkonċernat. Jekk pajjiż kandidat ma jibqax jirrispetta l-parametri tat-tmiem għal kapitolu li ngħalaq temporanjament, il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Istati Membri l-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati għall-adeżjoni għal dak il-kapitolu. L-Unjoni tistenna li l-pajjiżi involuti fin-negozjati jissodisfaw il-kriterji politiċi u jaħdmu biex jgħollu l-istandards matul in-negozjati. Waqt il-proċess tan-negozjati se jitqiesu r-riżultati tad-djalogu mal-pajjiżi dwar is-suċċess tagħhom għal dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet relatati mal-kriterji politiċi. Il-Kummissjoni se tipprepara d-djalogu ma' l-Istati Membri u tirrapportalhom lura fil-korpi kompetenti tal-Kunsill. Barra minn hekk, il-qafas attwali tan-negozjati jipprevedi kapitolu dwar il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali, li fih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet politiċi. Dan jippermetti progress f'oqsma kruċjali biex jinżammu taħt sorveljanza stretta. Il-qafas attwali tan-negozjati jipprevedi s-sospensjoni tan-negozjati ta' adeżjoni f'każ ta' ksur gravi u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Attenzjoni akbar tar-riformi politiċi se ttejjeb il-kwalità tan-negozjati għall-adeżjoni u tistimola r-riformi neċessarji fil-pajjiżi kandidati. Minn issa 'l quddiem, waqt il-proċess tan-negozjati se jitqiesu r-riżultati tad-djalogu mal-pajjiżi dwar ir-riformi ekonomiċi tagħhom. Il-Kummissjoni se tipprepara d-djalogu ma' l-Istati Membri u tirrapportalhom lura fil-korpi kompetenti tal-Kunsill. Dan id-djalogu se jiffoka fuq il-konformità mal-kriterji ekonomiċi u l-konverġenza ma' l-ekonomiji ta' l-UE. Għaldaqstant huwa essenzjali li, qabel l-adeżjoni, il-pajjiżi jkollhom ekonomiji tas-suq operattivi kapaċi jikkompetu fis-suq intern. L-assistenza ta' qabel l-adeżjoni se tkun iffokata b'mod aktar speċifiku fuq l-ilħiq ta' dan il-għan. 3.2. L-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni Il-Partenarjati għall-Adeżjoni u l-Partenarjati Ewropej huma l-element ċentrali ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni. Abbażi tal-progress misjub mill-Kummissjoni fir-rapporti tagħha għal kull pajjiż, il-Partenarjati jiddefinixxu l-prijoritajiet li dawn il-pajjiżi għandhom jilħqu biex jagħmlu progress fi triqithom lejn l-adeżjoni ma' l-UE. Dawn jipprovdu wkoll qafas għall-assistenza mill-UE mogħtija biex jinkiseb dan il-għan. Il-partenarjati attwali ġew deċiżi mill-Kunsill iktar kmieni f'din is-sena. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tirrevedihom fi tmiem l-2007. Minħabba l-indipendenza tal-Montenegro, il-Kummissjoni tipproponi attwalment Partenarjat Ewropew għal dan il-pajjiż. Strument ta' Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni Il-Kummissjoni se tuża mill-1 ta' Jannar 2007 strument finanzjarju ġdid biex tippromwovi l-modernizzazzjoni, ir-riformi u l-allinjament ma' l- acquis , l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni ( IPA ). Dan se jieħu post l-istrumenti ta' assistenza ta' qabel, bħal Phare, Cards, Ispa u Sapard. Il-pajjiżi kandidati effettivi u potenzjali huma eliġibbli għall-finanzjamenti fl-ambitu ta' l-istrument l-ġdid. L-impatt u l-effikaċja tal-fondi allokati mill-UE jiżdiedu permezz ta' sett wieħed ta' regoli u proċeduri u flessibbiltà akbar. Fis-seba' snin li ġejjin, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija se jirċievu madwar €11.5 biljun. Il-Kummissjoni se tippreżenta qafas finanzjarju multiannwali li jistabbilixxi l-ammonti indikattivi għall-allokazzjoni tal-fondi ta' l- IPA lil kull pajjiż u lil kull komponent prinċipali. Minħabba li l-għanijiet prijoritarji fil-qasam tar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt intlaħqu fis-Serbja, il-Montenegro u fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-attivitajiet ta' l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni se jonqsu gradwalment biex imbagħad jintemmu fi tmiem l-2008. L-implimentazzjoni ta' l-għajnuniet se tkun fdata, skond prijoritajiet aġġustati għar-realtajiet ġodda, lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni u, meta jkunu lesti, lill-awtoritajiet tal-pajjiżi. L-introduzzjoni ta' l- IPA toffri l-okkażjoni għal koordinament aktar mill-qrib mal-Bank Ewropew għall-Investimenti, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Dinji u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Il-Kummissjoni se tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti ma' l-imsieħba tagħha sabiex tikkombina, fl-iktar mod konvenjenti mil-lat ekonomiku, għotjiet u self favur il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tar-reġjun kollu. Implimentazzjoni tar- road-map għall-Balkani tal-Punent Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għamlu progress fit-twettiq tal-prospettiva Ewropea tagħhom skond ir- road-map imressqa s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni fid-dokument ta' strateġija għat-tkabbir. Kull pajjiż jimxi 'l quddiem fuq il-merti tiegħu stess, skond is-suċċess tiegħu fl-ilħiq tar-rekwiżiti. Fl-evalwazzjoni ta' kull applikazzjoni ta' adeżjoni ma' l-UE, jitqies partikolarment il-mod kif il-pajjiż qed jaqdi l-obbligi fl-ambitu tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (inklużi d-dispożizzjonijiet kummerċjali). Waqt il-laqgħa li saret f'Salzburg f'Marzu 2006, billi bniet fuq l-aġenda ta' Salonka, l-UE tenniet l-impenn tagħha fir-rigward tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li l-futur tagħhom jinsab fl-Unjoni Ewropea u stidnithom jieħdu sehem aktar attiv fil-proċess ta' kooperazzjoni reġjonali. Il-kooperazzjoni reġjonali tibqa' essenzjali għall-istabbiltà, għall-iżvilupp ekonomiku u għar-rikonċiljazzjoni għat-tul fil-Balkani tal-Punent. Il-pajjiżi ta' l-Ewropa tax-Xlokk din is-sena qablu li joħolqu qafas ġdid, b'responsabilizzazzjoni akbar u marbut mal-Proċess ta' Kooperazzjoni għall-Ewropa tax-Xlokk. Twaqqaf Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali li jlaqqa' rappreżentanti mill-Ewropa tax-Xlokk u dawk tal-komunità internazzjonali. Il-Kummissjoni tappoġġa bis-sħiħ dan il-proċess u tilqa' b'sodisfazzjon li fl-2006 daħlu fis-seħħ it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija u l-Ftehim li jistabbilixxi Żona ta' l-Ajru Ewropea Komuni. L-UE se tippromwovi l-kuntatti interpersonali billi tqiegħed għad-dispożizzjoni aktar boroż ta' studju għall-istudenti u r-riċerkaturi u billi tissimplifika l-proċeduri fil-qasam tal-viżi. Iċ-ċittadini Kroati huma eżenti mir-rekwiżiti ta' viża għal tul ta' żmien qasir. Il-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill jawtorizzaha li tinnegozja arranġamenti ta' faċilitazzjoni tal-viżi ma' pajjiżi oħra tar-reġjun, bil-ħsieb li jiġu konklużi fl-2007. Il-proposta tkopri wkoll l-ammissjoni mill-ġdid, għajr għall-każ ta' l-Albanija, li magħha l-UE diġà ffirmat ftehim ta' ammissjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, l-UE se tkompli tagħti assistenza f'oqsma fundamentali bħall-enerġija, it-trasport u l-kooperazzjoni ekonomika. F'April 2006, il-pajjiżi ta' l-Ewropa tax-Xlokk nedew negozjati dwar ftehim reġjonali għall-kummerċ ħieles, li bi ħsiebhom jikkonkludu sa tmiem l-2006. Il-Kummissjoni u l-Patt ta' Stabbiltà jappoġġaw dan il-proċess[4]. L-UE dalwaqt se tintroduċi l-kumulu djagonali tar-regoli ta' l-oriġini fil-ftehimiet tagħha mal-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, biex u mbagħad testendieh għal pajjiżi oħra. Dan se jistimola kummerċ u investimenti fuq skala reġjonali. L-Albanija, il-Kroazja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja diġà huma membri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ( WTO ). L-isforzi li l-Bożnja u Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja għandhom jagħmlu fil-futur qrib biex isiru membri tad- WTO se jgħinuhom biex jintensifikaw ir-rabtiet kummerċjali reġjonali, jiksbu riformi ekonomiċi u japplikaw il-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-ġejjieni. 4. L-IżGURAR TA' L-APPOġġ TAL-PUBBLIKU FAVUR IT-TKABBIR L-aġenda għat-tkabbir tipprovdi lill-Unjoni l-mezzi neċessarji biex tindirizza ħafna mill-isfidi deskritti hawn fuq. Il-prospettiva ta' adeżjoni ma' l-UE offruta lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u lit-Turkija tikkostitwixxi inċentiv importanti għar-riformi f'dawn il-pajjiżi, b'benefiċċji ċari għall-UE f'termini ta' tkabbir ekonomiku, stabbiltà u sigurtà. Madankollu, jeħtieġ li dawn ikunu kkomunikati aħjar lill-pubbliku. Huwa essenzjali li ċ-ċittadini jinstemgħu u jingħata kas tagħhom, li l-preokupazzjonijiet tagħhom ikunu indirizzati u li tingħatalhom informazzjoni fattwali. L-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem, bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. Jeħtieġ li l-Istati Membri, bl-appoġġ ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-korpi tas-soċjetà ċivili li jinsabu l-eqreb mal-pubbliku, jgħarrfu liċ-ċittadini ta' l-UE mkabbra bil-benefiċċji li ġabet magħha din il-politika tat-tkabbir. Biex l-appoġġ tal-pubbliku favur it-tkabbir ikun żgurat, jeħtieġ li l-komprensjoni reċiproka tiżdied. Għal dan il-għan, fl-2005, il-Kummissjoni nediet djalogu fil-livell tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati effettivi u potenzjali. Dan il-programm għandu l-għan li jippromwovi l-interazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, eż. skambji ta' studenti, żjarat ta' studju ta' ġurnalisti, kif ukoll skambji bejn organizzazzjonijiet tan-nisa, trade unions u komunitajiet tan-negozju. Il-Kummissjoni se tieħu dawn il-miżuri: - Il-Kummissjoni se tappoġġa trasparenza akbar. Tirrakkomanda li r-rapporti ta' screening , il-parametri għall-ftuħ tal-kapitoli tan-negozjati u l-pożizzjonijiet komuni finali ta' l-UE jkunu pubbliċi. - Il-Kummissjoni se tkabbar l-appoġġ tagħha għad-djalogu dwar is-soċjetà ċivili, billi tibni fuq il-miżuri meħuda s'issa għat-Turkija u għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. - Il-Kummissjoni se tippromwovi l-kuntatti interpersonali fil-qasam ta' l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-kultura. - Il-Kummissjoni se tkompli tikkonsulta l-opinjoni pubblika dwar it-tkabbir u se tisma' t-tħassib tal-pubbliku. Hija se taħdem permezz tar-Rappreżentanzi fl-Istati Membri u tad-Delegazzjonijiet fil-pajjiżi kandidati effettivi u potenzjali biex tikkomunika bl-akbar mod effikaċi l-politika tagħha dwar it-tkabbir. - Il-Kummissjoni se tiżviluppa informazzjoni aċċessibbli u ċara, l-aktar bl-użu tas-siti tal-web speċifiċi, għall-pubbliku ġenerali u għall-utenti speċjalizzati f'kwistjonijiet tal-politika tat-tkabbir. Se tispjega wkoll kwistjonijiet prattiċi, partikolarment kif jintużaw il-kundizzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt. 5. L-ISFIDI EWLENIN FL-2007 5.1. Sfidi pendenti wara l-ħames tkabbir Is-soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni Ċiprijotta u l-unifikazzjoni tal-gżira għadhom sfida importanti. Il-Kummissjoni tilqa' l-passi meħuda fl-2006 mill-mexxejja tal-komunitajiet Griega-Ċiprijotta u Torka-Ċiprijotta biex il-proċess li jwassal għal soluzzjoni komprensiva taħt l-awspiċi tan-NU jingħatalu bidu ġdid. Jeħtieġ li fl-2007 dawn l-isforzi jintensifikaw ruħhom sostanzjalment. Il-Kummissjoni tinsab lesta, bħal fl-imgħoddi, tappoġġa dawn l-isforzi. Il-Kunsill adotta tnejn mit-tliet miżuri proposti mill-Kummissjoni biex jintemm l-iżolament tal-komunità Torka-Ċiprijotta. Ir-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra jiggarantixxi l-moviment liberu fil-gżira kollha tal-Griegi-Ċiprijotti, tat-Torok-Ċiprijotti kif ukoll taċ-ċittadini oħra ta' l-UE. Ġie adottat il-programm ta' għajnuna għall-komunità Torka-Ċiprijotta, u qiegħda tiġi implimentata. Għad irid jiġi adottat ir-regolament dwar il-kummerċ dirett man-naħa tat-Tramuntana ta' Ċipru propost mill-Kummissjoni. Jinħtieġu sforzi akbar u spirtu ta' kompromess biex dan ir-regolament jiġi adottat mill-aktar fis possibbli. 5.2. Pajjiżi kandidati Il-Kroazja Fl-2006, il-Kroazja kompliet tagħmel progress f'termini ta' kriterji politiċi, ekonomiċi u ta' l- acquis , kif ukoll ta' l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tagħha. L-isfida ewlenija fl-2007 se tkun li tibni fuq il-progress li sar u tgħaġġel ir-ritmu tar-riformi, primarjament f'oqsma fundamentali bħar-riforma ta' l-apparat ġudizzjarju u ta' l-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma ekonomika. Il-Kroazja teħtieġ issostni l-impetu lejn l-integrazzjoni fl-UE permezz ta' l-implimentazzjoni rigoruża ta' l-obbligi tagħha, pereżempju fl-oqsma ta' l-għajnuniet mill-istat u s-settur tal-proprjetà immobbli. Il-Kroazja għandha tkompli l-programm tagħha ta' allinjament leġiżlattiv u ssaħħaħ iktar il-kapaċità amministrattiva tagħha. Għadhom prijoritarji r-relazzjonijiet tajba mal-ġirien tagħha, il-kooperazzjoni reġjonali u s-soluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali pendenti, l-aktar għal dak li għandu x'jaqsam mad-demarkazzjoni tal-fruntieri. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni mill-qrib lid-drittijiet tal-minoranzi u r-ritorn tar-rifuġjati. In-negozjati għall-adeżjoni mal-Kroazja bdew bit-tajjeb. Wara l-i screening , il-Kroazja ħadet passi importanti biex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha f'bosta setturi. Il-pajjiż jinsab fil-proċess li jiżviluppa kapaċità amministrattiva neċessarja. Waqt li jitqiesu l-progressi s'issa, huwa mistenni li n-negozjati jkomplu b'ritmu mgħaġġel, bil-kundizzjoni li l-Kroazja tindirizza l-isfidi msemmija hawn fuq. It-Turkija Fl-2006, it-Turkija kompliet tagħmel progress fir-riformi, primarjament billi adottat xi elementi tad-disa' pakkett ta' riformi. Barra minn hekk, l-għadd ta' każijiet irrappurtati ta' tortura u trattament ħażin qed jonqos, konformement mal-politika ta' tolleranza żero, anki jekk is-sitwazzjoni fil-parti tax-Xlokk tal-pajjiż għadha tagħti lok għal tħassib. Madankollu, ir-ritmu tar-riformi naqas. Fl-2007, huwa importanti li jittieħdu sforzi b'determinazzjoni biex titqawwa l-ispinta tar-riformi madwar it-Turkija. Jeħtieġ li t-Turkija tħassar jew temenda mingħajr dewmien l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali u tallinja l-leġiżlazzjoni ma' l-istandards Ewropej biex tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni. Barra mil-libertà ta' espressjoni, jeħtieġ li jittieħdu aktar sforzi biex tissaħħaħ il-libertà ta' reliġjon, id-drittijiet tan-nisa, tal-minoranzi u tat- trade unions . Jeħtieġ li l-kontroll demokratiku ċivili fuq il-forzi armati jiġi affermat, u l-infurzar tal-liġi u l-prassi ġudizzjarja għandhom ikunu iktar allinjati ma' l-ispirtu tar-riformi. Fl-istess ħin, hemm ħtieġa li t-Turkija tindirizza l-problemi ekonomiċi u soċjali gravi fix-Xlokk tal-pajjiż u tiggarantixxi li l-popolazzjoni Kurda tgawdi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom bis-sħiħ. Il-Partenarjat għall-Adeżjoni adottat f'Jannar 2006 fih il-parametru biex jitkejjel il-progress li sar fir-riformi. Ir-relazzjonijiet tajba bejn il-pajjiżi ġirien jibqgħu fundamentali. Il-Kummissjoni se tintensifika l-monitoraġġ tal-kriterji politiċi. Kif mistqarr fid-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri tal-21 ta' Settembru 2005, l-UE tistenna li l-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta' Ankara jiġi implimentat bis-sħiħ u f'mod mhux diskriminatorju, u li jitneħħew l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi r-restrizzjonijiet għall-mezzi tat-trasport. Jekk it-Turkija tonqos milli timplimenta bis-sħiħ l-obbligi tagħha, dan se jkollu riperkussjonijiet fuq il-progress ġenerali tan-negozjati. Jekk it-Turkija ma taqdix l-obbligi tagħha, il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet relevanti qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru. Barra minn hekk, kif indikat fil-Partenarjat għall-Adeżjoni, huwa essenzjali li t-Turkija tieħu passi konkreti biex tinnormalizza mill-aktar fis possibbli r-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' l-Istati Membri kollha ta' l-UE. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja F'Diċembru 2005, lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ngħatalha l-istatus ta' pajjiż kandidat bħala sinjal ta' apprezzament għar-riformi li kiseb il-pajjiż, kif ukoll bħala inkoraġġiment biex jitkomplew ir-riformi fi triqitha lejn it-twettiq tal-prospettiva Ewropea tagħha. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompliet tagħmel progress, iżda b'ritmu iktar bil-mod fl-2006. Fuq livell ġenerali, l-elezzjonijiet li seħħu f'Lulju kienu konformi ma' l-istandards internazzjonali. Jeħtieġ li n-nuqqasijiet li ġew identifikati jiġu indirizzati bis-sħiħ. Il-gvern għad irid jaffaċċja sfidi partikolari fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-korp tal-pulizija u tal-ġudikatura, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fl-implimentazzjoni totali tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għadu essenzjali li jkompli jiġi applikat il-Ftehim ta' Ohrid biex irawwem klima pożittiva għar-riformi. Huwa importanti li l-isforzi tar-riformi jinżammu fiż-żmien li ġej fuq il-bażi tal-kooperazzjoni u tal-kunsens politiku. Fuq livell ġenerali, l-għan prijoritarju tal-pajjiż għandu jkun dak li jħaffef ir-ritmu tar-riformi fis-setturi ewlenin biex jagħmel progress fi triqtu lejn l-adeżjoni. 5.3. Pajjiżi kandidati potenzjali L-Albanija L-Albanija kompliet tikkontribwixxi għall-istabbiltà tar-reġjun, partikolarment bis-saħħa tal-pożizzjoni bilanċjata tagħha fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien. Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ffirmat din is-sena ta spinta lir-relazzjonijiet ta' l-UE ma' dan il-pajjiż. Issa, il-prijorità hi li tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim dwar kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ, li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2006. L-Albanija, bl-appoġġ ta' l-UE, qed tipprova tegħleb l-isfidi tar-riforma politika, ġudizzjarja u ekonomika, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Dawn it-temi se jibqgħu prijoritajiet fiż-żmien li ġej. Il-Bożnja u Ħerzegovina Il-prospettiva Ewropea hija kruċjali biex tħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Bożnja-Ħerzegovina biex iwettqu r-riformi politiċi u ekonomiċi, bħar-riforma tal-korp tal-pulizija. Il-kooperazzjoni totali mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja ( ICTY ) hija parti fundamentali mill-kundizzjonalità li biha l-pajjiż jista' joqrob lejn l-UE. Bl-irtirar ta' l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli ( OHR ), il-poplu u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż se jkollhom ir-riedni ta' pajjiżhom f'idejhom għad-destin komuni tagħhom. It-tlestija tan-negozjati dwar Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu se jsaħħu l-prospettiva Ewropea tal-pajjiż. Dawn in-negozjati aktarx jiġu konklużi fi żmien ftit xhur, dejjem jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet. L-evoluzzjoni kostituzzjonali hija essenzjali biex jinbena Stat iktar funzjonali, sostenibbli u demokratiku. L-UE għandha tindirizza l-kwistjoni dwar ir-rappreżentanza tagħha tal-futur wara l-irtirar ta' l- OHR . Il-Montenegro Il-Montenegro kiseb l-indipendenza f'Ġunju 2006 wara referendum li sar b'mod liberu u ġust skond kundizzjonijiet maqbula ma' l-Unjoni Ewropea. Wara l-indipendenza, il-Montenegro beda n-negozjati għal Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni separat, skond direttivi ġodda approvati mal-ewwel mill-Kunsill. Bl-impenn tiegħu fir-rigward ta' l-UE, il-Montenegro għandu l-opportunità li jibni struttura statali f'kuntest stabbli u sikur tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni. Se jkun importanti li jżomm ir-ritmu tar-riformi u jkompli jikkoopera ma' l- ICTY , biex jikkonkludi n-negozjati dwar l- SAA fix-xhur li ġejjin. Il-Montenegro għad fadallu x'jagħmel biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet tiegħu b'mod suffiċjenti sabiex jimxi 'l quddiem. Il-Partenarjat Ewropew propost flimkien ma' din il-komunikazzjoni jiddefinixxi l-miżuri ewlenin. Jeħtieġ li tingħata prijorità lir-riforma ġudizzjarja u lill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Il-Montenegro għandu jtejjeb il-kapaċità amministrattiva tiegħu fid-dawl ta' l-implimentazzjoni ta' l- SAA . Is-Serbja Għandu jingħata tifħir lis-Serbja għall-imġiba responsabbli tagħha wara l-indipendenza tal-Montenegro. Il-kostituzzjoni l-ġdida għandha twitti t-triq għat-tisħiħ tas-sistema ta' governanza tal-pajjiż. Is-Serbja laħqet b'suċċess l-istabbiltà makroekonomika billi kompliet fil-privatizzazzjonijiet u ġibdet lejha investimenti barranin diretti. L-integrazzjoni ekonomika ma' l-UE mxiet 'il quddiem. Is-Serbja għamlet ukoll iktar progress fir-riforma amministrattiva. In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ( SAA ) ma' l-UE wrew il-kapaċità istituzzjonali konsiderevoli ta' l-amministrazzjoni Serba. Għalhekk hemm probabbiltà tajba li s-Serbja tlaħħaq ma' pajjiżi oħra tar-reġjun fi triqithom lejn l-adeżjoni, ladarba tissodisfa l-kundizzjonijiet biex jissuktaw in-negozjati għall- SAA . Il-Kummissjoni tinsab totalment konxja tal-kobor ta' l-isfidi li s-Serbja trid tħabbat wiċċha magħhom fil-kuntest politiku attwali. Jeħtieġ li s-Serbja tadotta approċċ kostruttiv dwar il-Kosovo. Jeħtieġ li l-prospettiva ta' adeżjoni ma' l-UE tkun kredibbli u viżibbli għall-popolazzjoni Serba permezz ta' l-issoktar u l-konklużjoni rapidi tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni malli l-kooperazzjoni ma' l- ICTY tkun totali. L-UE qed taħdem ukoll biex iddaħħal il-popolazzjoni Serba fil-kuntest Ewropew permezz ta' faċilitazzjoni għall-viżi[5] u billi tgħin lis-Serbja tieħu sehem aktar attiv fil-programmi Komunitarji dwar, pereżempju, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-kultura. Il-Kosovo[6] L-UE kompliet timpenja ruħha mal-Kosovo permezz ta' monitoraġġ ta' l-istandards, l-għoti ta' assistenza u l-kollaborazzjoni ma' l-UNMIK, waqt li appoġġat il-proċess ta' l-istatus immexxi mis-Sur Martti Ahtisaari, il-mibgħut speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. L-UE għandu jkollha rwol ewlieni fid-determinazzjoni ta' l-istatus u fl-implimentazzjoni tiegħu, ladarba dan ikun maqbul mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Id-determinazzjoni ta' l-istatus għandha tkun ċara, sew mil-lat politiku sew minn dak ġuridiku, u tiddefinixxi viżjoni għall-iżvilupp futur tal-Kosovo. Din hija kwistjoni sui generis u għaldaqstant ma tista' tikkostitwixxi ebda preċedent. Dan se jkompli jagħti impetu lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex javvanzaw fir-riformi meħtieġa fl-oqsma fundamentali ta' l-istat tad-dritt, l-ekonomija u l-amministrazzjoni pubblika, u biex jipprovdu l-bażi għal trasferiment tal-kompetenzi b'suċċess mill-UNMIK. Tibqa' fundamentali l-kwistjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo. Il-prospettiva Ewropea hija kruċjali biex tagħti lill-partijiet kollha involuti viżjoni ta' ġejjieni komuni fl-Unjoni Ewropea. 6. KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET Fuq il-bażi ta' l-analiżi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi l-konklużjonijiet li ġejjin: 1. Il-politika ta' l-UE fil-qasam tat-tkabbir għadha tissejjes fuq tliet prinċipji: il-konsolidament ta' l-impenji, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni. L-impenji meħuda fir-rigward tal-pajjiżi diġà involuti fil-proċess se jkunu rispettati, iżda l-UE hija kawta għal dak li għandu x'jaqsam ma' kwalunkwe impenn ġdid. Ir-ritmu tal-proċess ta' adeżjoni jiddipendi mir-ritmu tar-riformi fil-pajjiż kandidat. 2. L-istrateġija attwali fil-qasam tat-tkabbir, assoċjata ma' mezzi li jiggarantixxu lill-UE l-kapaċità li tintegra fi ħdanha membri ġodda, issawwar is-sisien ta' kunsens imġedded fil-qasam tat-tkabbir. 3. Il-kapaċità ta' l-UE li tintegra fi ħdanha membri ġodda hija ddeterminata minn żewġ fatturi: - li jinżamm ir-ritmu ta' tisħiħ u tfannid ta' l-integrazzjoni Ewropea, billi l-kapaċità ta' funzjonament ta' l-UE tkun garantita, fl-interess taċ-ċittadini ta' l-UE tal-lum u ta' għada. - li l-pajjiżi kandidati jkunu tassew lesti jaqdu l-obbligi marbuta ma' l-adeżjoni meta jsiru membri billi jissodisfaw il-kundizzjonijiet rigorużi fissati. Dan jiġi evalwat mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet stretti. 4. Il-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE se tkun riveduta fl-istadji essenzjali kollha tal-proċess ta' adeżjoni. Skond il-fehma tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet u matul in-negozjati għall-adeżjoni, hija se tevalwa l-impatt ta' l-adeżjoni fuq il-politiki ewlenin ta' l-UE. Dan se jgħin l-Istati Membri jiddefinixxu l-pożizzjonijiet komuni ta' l-UE fl-ambitu tan-negozjati dwar il-kapitoli kkonċernati, inkluż, jekk hu relevanti, għall-perjodi ta' tranżizzjoni jew arranġamenti oħra. 5. Meta tiġi biex tevalwa l-impatt ta' l-adeżjonijiet ġodda fuq il-baġit ta' l-UE, il-Kummissjoni se teżamina l-impatt tagħhom fuq il-politiki ewlenin, partikolarment il-politika agrikola u l-politika ta' koeżjoni. 6. L-UE għandha tkun tista' żżomm u tkattar l-iżvilupp tagħha fl-istess ħin li timplimenta l-aġenda tagħha tat-tkabbir. Tinħtieġ riforma istituzzjonali biex tittejjeb l-effikaċja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE mkabbra. Għandu jintlaħaq arranġament istituzzjonali ġdid sa meta l-pajjiż kandidat li jmiss aktarx ikun lest biex jaderixxi ma' l-Unjoni. 7. Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-kwalità tal-proċess ta' adeżjoni. Jistgħu jkunu stabbiliti parametri għall-ftuħ u għall-għeluq tal-kapitoli tan-negozjati, li fuqhom jissejsu s-sospensjoni jew il-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar il-kapitoli individwali. Ir-riżultati tad-djalogi politiċi u ekonomiċi se jiddaħħlu fil-proċess tan-negozjati. Il-kwistjonijiet diffiċili, bħar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għandhom ikunu indirizzati fi stadju bikri tal-proċess ta' adeżjoni. 8. Biex it-trasparenza titjieb, il-Kummissjoni tirrakkomanda li d-dokumenti prinċipali tan-negozjati jsiru pubbliċi, fosthom l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt, ir-rapporti ta' screening , il-parametri għall-ftuħ tal-kapitoli u l-pożizzjonijiet komuni ta' l-UE għan-negozjati. 9. Huwa essenzjali li l-appoġġ tal-pubbliku favur it-tkabbir ikun żgurat, iżda dan l-appoġġ jiddipendi mir-rispett ta' kundizzjonijiet rigorużi matul il-proċess. Il-fiduċja fil-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE għandha l-istess importanza. Għandna wkoll nikkomunikaw aħjar dan il-proċess ta' tkabbir. Huwa importanti li ċ-ċittadini jinstemgħu u jingħata kas tagħhom, li l-preokupazzjonijiet tagħhom ikunu indirizzati permezz ta' politiki adegwati u tingħatalhom informazzjoni fattwali. L-Istati Membri għandhom rwol determinanti f'dan il-kuntest. Il-Kummissjoni se tagħti sehemha flimkien mal-Parlament Ewropew, ma' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u mas-soċjetà ċivili. 10. In-negozjati għall-adeżjoni mal-Kroazja bdew bit-tajjeb. Wara l-i screening , il-Kroazja ħadet passi importanti biex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha f'għadd kbir ta' setturi u tinsab fil-proċess li tiżviluppa l-kapaċità amministrattiva meħtieġa. Madankollu, il-Kroazja għandha tintensifika konsiderevolment l-isforzi tagħha biex tikseb sfidi ewlenin, fosthom ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma ekonomika, u għandha tkompli tikkoopera bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja. Ir-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien u l-kooperazzjoni reġjonali jibqgħu fundamentali. 11. It-Turkija għadha tissodisfa b'mod suffiċjenti il-kriterji politiċi ta' Kopenħagen u kompliet it-riformi politiċi. Madankollu, matul is-sena li għaddiet, ir-ritmu naqas. Jeħtieġu aktar sforzi sinifikanti, partikolarment fejn tidħol il-libertà ta' espressjoni. Jeħtieġ ukoll aktar titjib fid-drittijiet tal-komunitajiet reliġjużi mhux Musulmani, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tat- trade unions u l-kontroll ċivili tal-forzi armati. It-Turkija tista' titqies li għandha ekonomija tas-suq operattiva, u tejbet il-kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi ta' l-adeżjoni. Ir-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien jibqgħu fundamentali. 12. Kif mistqarr fid-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri tal-21 ta' Settembru 2005, l-UE tistenna li l-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta' Ankara jiġi implimentat bis-sħiħ u b'mod mhux diskriminatorju, kif ukoll li jitneħħew l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi r-restrizzjonijiet għall-mezzi tat-trasport. Jekk it-Turkija tonqos milli timplimenta totalment l-obbligi tagħha, dan se jkollu riperkussjonijiet fuq il-progress ġenerali tan-negozjati. Jekk it-Turkija ma taqdix l-obbligi tagħha, il-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet relevanti qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru. Barra minn hekk, kif indikat fil-Partenarjat għall-Adeżjoni, huwa essenzjali li t-Turkija tieħu passi konkreti biex tinnormalizza mill-aktar fis possibbli r-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' l-Istati Membri kollha ta' l-UE. 13. F'Diċembru 2005, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ngħatalha l-istatus ta' pajjiż kandidat bħala sinjal ta' apprezzament għar-riformi li rnexxielha twettaq. Il-pajjiż kompla jagħmel progress, iżda fl-2006 naqas ir-ritmu. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għamlu progress skond ir- road-map imressqa s-sena li għaddiet mill-Kummissjoni. Kull pajjiż jimxi 'l quddiem fuq il-merti tiegħu. Fl-evalwazzjoni ta' kull applikazzjoni għall-adeżjoni ma' l-UE, jitqies il-mod kif il-pajjiż qed jaqdi l-obbligi fl-ambitu tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (inklużi d-dispożizzjonijiet kummerċjali). ANNESS 1 Rapport speċjali dwar il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda DAĦLA Dan ir-rapport speċjali huwa parti integrali mid-dokument strateġiku ta' l-2006 dwar it-tkabbir. Wara talba li saret mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa ta' Ġunju 2006, id-dokument jiffoka fuq kwistjonijiet fil-medda ta' żmien medju u fit-tul li jirrigwardaw il-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha membri ġodda. Iressaq strateġija biex tiżgura li l-Unjoni tkun tista' ssostni u tfannad l-iżvilupp tagħha f'termini ta' politiki u istituzzjonijiet, filwaqt li tkompli l-aġenda għat-tkabbir quddiem l-isfidi kbar li hemm fid-dinja tal-lum. Fl-1993, il-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen ikkonkluda li "filwaqt li żżomm l-impetu ta' l-integrazzjoni Ewropea, il-kapaċità ta' l-Unjoni biex tassorbi membri ġodda hija kunsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali sew ta' l-Unjoni sew tal-pajjiżi kandidati". Kif inhu mfisser fid-Dokument Strateġiku tal-Kummissjoni ta' l-2005 u kkonfermat mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2006, ir-ritmu tat-tkabbir għandu jqis il-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE. L-UE għandha tiżgura li tkun tista' ssostni u tfannad l-iżvilupp tagħha waqt li tkompli bl-aġenda tagħha ta' tkabbir. Tinħtieġ riforma istituzzjonali biex ittejjeb l-effikaċja tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' UE mkabbra. Sakemm il-pajjiż kandidat li jmiss ikun aktarx lest li jsir membru ta' l-Unjoni, suppost ikun intlaħaq arranġament istituzzjonali ġdid. It-tkabbir ifisser il-qsim ta' proġett imsejjes fuq prinċipji, politiki u istituzzjonijiet komuni. L-Unjoni għandha tiżgura li tkun tista' żżomm il-kapaċità tagħha biex tieħu azzjonijiet u deċiżjonijiet skond ekwilibriju ġust bejn l-istituzzjonijiet, biex tirrispetta l-limiti tal-baġit, u biex timplimenta politiki komuni ambizzjużi li jaħdmu sew u li jiksbu għanijiethom. Il-kapaċità ta' assorbiment ta' l-UE, jew aħjar, il-kapaċità ta' integrazzjoni, hija ddeterminata mill-iżvilupp tal-politiki u l-istituzzjonijiet ta' l-UE, kif ukoll mit-trasformazzjoni tal-pajjiżi kandidati fi Stati Membri li jkunu mħejjija sew. Il-kapaċità tal-pajjiżi kandidati biex jidħlu fl-Unjoni hija evalwata bir-reqqa mill-Kummissjoni abbażi ta' kundizzjonijiet stretti. Il-kapaċità ta' integrazzjoni tirrigwarda jekk l-UE tistax tħaddan membri ġodda f'mument jew perjodu determinat, mingħajr ma jkun hemm ħsara għall-miri politiċi u ta' politiki stabbiliti mit-Trattati. Għaldaqstant, hija qabelxejn kunċett funzjonali. Fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tħejji evalwazzjonijiet ta' l-impatt f'kull stadju ewlieni tal-proċess ta' adeżjoni. Kull fejn isiru dawn l-evalwazzjonijiet, ser jittieħed qies tal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull pajjiż. L-UE kibret ħames darbiet, minn sitt Stati Membri għal 25, u 27 dalwaqt. Dan it-tkabbir ta kontribut kbir għall-unifikazzjoni ta' l-Ewropa, billi ġab 'il quddiem id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istabbiltà madwar il-kontinent. Stimolaw l-iżvilupp ta' politiki ġodda ta' l-UE, f'oqsma bħall-koeżjoni ekonomika u soċjali, ir-relazzjonijiet esterni, u l-ħarsien ta' l-ambjent. Is-suq intern, iż-żona Schengen u l-euro, ġew żviluppati b'mod parallel. Il-ħames tkabbir, fl-2004, li għandu jitlesta dalwaqt bl-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, żied l-influwenza ta' l-UE fid-dinja u ħoloq kisbiet ekonomiċi speċifiċi, f'termini ta' kummerċ, investiment u tkabbir ekonomiku. Fl-istess nifs, l-UE kompliet tiżviluppa u timplimenta politiki ġodda, pereżempju fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. It-twessigħ ta' l-UE tkompla b'mod parallel mat-tfannid ta' l-integrazzjoni Ewropea. L-aġenda attwali għat-tkabbir tissejjes fuq strateġija li tikkonsisti fi tliet prinċipji bażiċi: il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni. L-istrateġija tkopri pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija, li jinsabu fi stadji differenti fi triqithom lejn l-adeżjoni ma' l-UE. Il-Kunsill Ewropew ta lil dawn il-pajjiżi l-prospettiva ċara li jsiru membri ta' l-UE ladarba jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa. L-UE tirrispetta l-impenji eżistenti lejn pajjiżi li diġà jinsabu fil-proċess, iżda hija kawta dwar dak li għandu x'jaqsam ma' kwalunkwe impenn ġdid. Bħalissa, jidher improbabbli li grupp kbir ta' pajjiżi jaderixxu simultanjament ma' l-UE fil-ġejjieni. Il-kandidati, kemm effettivi kif ukoll potenzjali, ivarjaw ħafna f'termini ta' żvilupp politiku u ekonomiku u ta' kapaċità amministrattiva. Fid-dawl tal-qagħda preżenti tat-tħejjijiet ta' qabel l-adeżjoni, għandhom mnejn isiru aktar adeżjonijiet fil-medda taż-żmien medju jew fit-tul. L-UE tista' tilqa' pajjiżi ġodda b'suċċess sakemm l-iżvilupp tagħha stess ikun mexa 'l quddiem u l-pajjiżi kandidati jkunu jistgħu jaqdu l-obbligi tagħhom bħala Stati Membri. Iċ-ċittadini ta' l-UE wkoll iridu jkunu lesti għal tkabbir ieħor, b'għarfien aħjar tal-kwistjonijiet li hemm fin-nofs. Dan għandu jżid il-leġittimità demokratika tal-proċess f'termini ta' perċezzjoni pubblika. L-istrateġija mressqa f'dan id-dokument tissejjes fuq: - L-iżgurar tal-kapaċità ta' l-UE biex iżżomm l-impetu ta' l-integrazzjoni Ewropea; - L-iżgurar ta' l-ilħiq tal-kundizzjonijiet rigorużi min-naħa tal-pajjiżi kandidati; - Komunikazzjoni aħjar. F'dawn l-aħħar snin tqajmet il-kwistjoni dwar il-fruntieri definittivi ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ippermetta lill-Kummissjoni tiġbed għadd ta' konklużjonijiet. It-terminu 'Ewropew' jiġbor fih elementi ġeografiċi, storiċi u kulturali li kollha kemm huma jikkontribwixxu għall-identità Ewropea. L-esperjenza maqsuma ta' ideat, valuri, u interazzjoni storika ma tistax titgħaqqad f'sempliċi formula li tgħodd għal kull żmien u hija suġġetta għal reviżjoni minn ġidd għal ġidd. Il-bażi ġuridika tat-tkabbir hija l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistqarr li " Kull Stat Ewropew li jirrispetta l-prinċipji kif stabbiliti fl-Artikolu 6(1) jista' japplika biex isir membru ta' l-Unjoni ". Madankollu, din id-dispożizzjoni tat-trattat ma tfissirx li l-pajjiżi Ewropej kollha għandhom japplikaw, u lanqas ma tfisser li l-UE għandha taċċetta kull applikazzjoni. L-Unjoni Ewropea hija ddefinita l-ewwel u qabel kollox mill-valuri tagħha. ĦARSA QASIRA LEJN l-ISTORJA TAL-KAPAĊITÀ TA' INTEGRAZZJONI TA' L-UE L-Unjoni evalwat il-kapaċità tagħha biex tintegra fi ħdanha membri ġodda fi tkabbir li sar fl-imgħoddi. L-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-adeżjoni servew ta' bażi biex il-Kunsill seta' jiddeċiedi fuq il-ftuħ tan-negozjati għall-adeżjoni. Evalwaw il-ħila tal-kandidati biex jassumu l-obbligi ta' l-adeżjoni, fosthom l-aċċettazzjoni tal-politiki ta' l-UE. Fl-ewwel erba' fażijiet ta' tkabbir, l-opinjonijiet ipprovdew ukoll analiżi ġenerali ta' l-impatt ta' l-adeżjoni fuq l-Unjoni, f'oqsma bħall-funzjonament tal-Presidenza tal-Kunsill b'rotazzjoni, l-istimi ta' trasferimenti finanzjarji netti bbażati fuq politiki komuni eżisteni, jew iż-żieda fil-lingwi uffiċjali ta' l-UE. Fl-2004, il-Kummissjoni ressqet studju fuq il-kwistjonijiet imqajma mill-adeżjoni possibbli tat-Turkija, flimkien mar-rakkomandazzjoni tagħha biex jinfetħu n-negozjati għall-adeżjoni. L-istudju qies li t-tħejjijiet meħtieġa għall-adeżjoni aktarx se jdumu sa wara l-bidu tad-deċennju li jmiss. Ippreżenta stimi ta' l-impatt fuq il-baġit ta' l-adeżjoni tat-Turkija, u identifika oqsma fejn dan aktarx iqajjem sfidi partikolari: l-agrikoltura, il-koeżjoni, l-enerġija, il-migrazzjoni, il-fruntieri esterni, u l-politika barranija. Fit-tħejjijiet għal tkabbir li sar fl-imgħoddi, il-Kummissjoni eżaminat f'dokumenti ta' politika separati l-implikazzjonijiet għall-UE ta' kwistjonijiet komuni għal diversi applikazzjonijiet għall-adeżjoni. Il-Kummissjoni saħqet fuq it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE, iż-żieda fl-integrazzjoni ekonomika, u fuq l-iżvilupp ta' politiki komuni bħala prerekwiżiti għall-integrazzjoni Ewropea. Fl-1997, il-Kummissjoni evalwat l-impatt probabbli tal-ħames tkabbir, u pproponiet riformi baġitarji u ta' politika bħala tħejjija għall-adeżjoni. Mira ewlenija ta' l-"Aġenda 2000" kienet li tiżgura li l-politiki ta' l-UE jkunu lesti għat-tkabbir. Mil-lat ekonomiku, l-UE kienet bdiet tħejji għall-ħames tkabbir sa mill-1991, meta l-UE ffirmat l-ewwel Ftehimiet ta' l-Ewropa ma' pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Bħala riżultat ta' dawn il-ftehimiet, l-UE ma damitx ma saret l-imsieħba kummerċjali ewlenija ta' dawn il-pajjiżi. Il-biċċa l-kbira mill-kummerċ bilaterali fi prodotti industrijali bejn l-UE u dawn il-pajjiżi ġiet liberalizzata ferm qabel l-adeżjoni, sitwazzjoni li ħaffet ħafna l-integrazzjoni ekonomika. L-integrazzjoni ekonomika mat-Turkija hija ffaċilitata mill-Unjoni Doganali, li ħeġġet riformi ekonomiċi u dinamiżmu. Fil-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi qegħdin jitħejjew permezz tal-Ftehimiet ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li jipprovdu għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ kif ukoll għall-assistenza ekonomika. It-tkabbir u l-modernizzazzjoni simultanji tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ta' l-Ewropa Ċentrali ( Central European Free Trade Agreement - CEFTA ) iwittu t-triq għal integrazzjoni ekonomika aktar fil-fond fl-Ewropa tax-Xlokk. L-evalwazzjoni tal-kapaċità ta' l-UE biex tintegra fi ħdanha Membri ġodda tkompliet matul in-negozjati għall-adeżjoni. Il-Kummissjoni ressqet miżuri biex jindirizzaw l-impatt tat-tkabbir fuq l-Istati Membri attwali f'oqsma partikolari ta' politika. Fil-ħames tkabbir, dawn l-oqsma jinkludu l-moviment tal-ħaddiema u t-trasport bit-triq. L-evalwazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' l-ammonti baġitarji meħtieġa għall-finanzjament tal-ħames tkabbir pprovdiet il-bażi għall-konklużjoni tan-negozjati, inkluż għall-pagamenti agrikoli. L-Unjoni għenet lill-pajjiżi kandidati fit-tħejjijiet tagħhom biex jassumu l-obbligi ta' l-adeżjoni. Għall-ħames tkabbir, stabbiliet strateġija għal qabel l-adeżjoni. Din l-istrateġija inkludiet il-monitoraġġ mill-qrib tal-progress miksub minn kull pajjiż u l-irrappurtar regolari tiegħu, it-tfassil ta' prijoritajiet permezz ta' partenarjati għall-adeżjoni, u l-assistenza finanzjarja. Ftehimiet estensivi ta' assoċjazzjoni ppermettew lill-istati kandidati jassumu wħud mid-drittijiet u obbligi ta' l- acquis qabel l-adeżjoni f'oqsma tas-suq waħdieni, bħall-politika tal-kompetizzjoni, il-proprjetà intellettwali, it-trasport marittimu u ċ-ċertifikazzjoni għall-prodotti industrijali. Pajjiżi kandidati ħadu sehem f'aġenziji u kumitati ta' l-UE. Malli ġew iffirmati t-trattati ta' adeżjoni, il-pajjiżi ta' l-adeżjoni ħadu sehem fil-proċess leġiżlattiv bħala osservaturi. Din l-istrateġija, immirata lejn tħejjijiet sodi min-naħa tal-pajjiżi kandidati nnifishom, iffaċilitat l-integrazzjoni tagħhom fl-UE mingħajr problemi. Sentejn wara l-adeżjoni tagħhom, l-għaxar Stati Membri kisbu livell eċċellenti ta' konformità mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, kif inhu ssottolinjat fit-tabella tal-valutazzjoni tas-suq intern tal-Kummissjoni u f'rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Dritt Komunitarju. L-impatt ekonomiku ta' l-adeżjoni tagħhom kien pożittiv. L-istituzzjonijiet komplew jaħdmu tajjeb u jieħdu deċiżjonijiet; il-membri l-ġodda żvolġew rwol attiv. Il-Kummissjoni għamlet studju dwar id-dimensjoni ekonomika tat-tkabbir sentejn wara t-tkabbir ta' l-1 ta' Mejju 2004. L-istudju juri li l-esperjenza ta' l-aħħar sentejn kienet fil-biċċa l-kbira pożittiva[7]. It-tkabbir lejn il-Lvant ta spinta kbira lill-ekonomija Ewropea u ħoloq impjiegi ġodda. It-tħejjija bil-għaqal tat-tkabbir matul l-aħħar għaxar snin kienet il-muftieħ għall-ksib ta' dan is-suċċess. Biċċa kbira miċ-ċittadini ta' l-UE u tal-pajjiżi kandidati appoġġaw it-tkabbir. Madankollu, ir-riskji huma kbar, u fl-opinjoni pubblika għad hemm ċertu tħassib u ideat żbaljati rigward it-tkabbir. Jinħtieġ li dawn ikunu indirizzati. IL-KAPAĊITÀ ATTWALI TA' INTEGRAZZJONI TA' L-UE L-Unjoni għandha tiżgura li tkun tista' ssostni l-kapaċità tagħha biex taħdem tajjeb, fl-interess taċ-ċittadini preżenti u futuri tagħha. Filwaqt li l-Unjoni tħejji internament għal aktar riformi istituzzjonali, il-proċess ta' adeżjoni mmexxi bir-reqqa se jissokta. Din is-sezzjoni tippreżenta strateġija għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ta' l-UE għal tkabbir fil-ġejjieni, billi tibni fuq esperjenza ta' l-imgħoddi. L-iżgurar tal-kapaċità ta' l-UE biex iżżomm l-impetu ta' l-integrazzjoni Ewropea Il-kapaċità ta' l-Unjoni biex issostni l-impetu ta' l-integrazzjoni Ewropea hi u tikber tiġbor fiha tliet elementi ewlenin: istituzzjonijiet, politiki komuni u l-baġit. L-Unjoni teħtieġ tiżgura li l-istituzzjonijiet tagħha jkomplu jaġixxu b'mod effikaċi, li l-politiki tagħha jilħqu għanijiethom, u li l-baġit jaqbel ma' l-oġġettivi u r-riżorsi finanzjarji tagħha. Istituzzjonijiet L-UE ma għandhiex bżonn arranġamenti istituzzjonali ġodda sempliċement minħabba t-tkabbir; l-UE għandha bżonn tali arranġamenti wkoll sabiex l-Unjoni attwali tkun tista' taħdem aħjar. L-Unjoni teħtieġ tiżgura li l-istituzzjonijiet u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha jibqgħu effikaċi u responsabbli, kemm għall-ġid ta' l-Istati Membri attwali kif ukoll fid-dawl ta' aktar tkabbir. Fit-tkabbir li sar fl-imgħoddi, l-integrazzjoni tal-pajjiżi ta' adeżjoni fl-istituzzjonijiet ta' l-UE kienet parti min-negozjati għall-adeżjoni. L-aġġustamenti li rriżultaw għad-dispożizzjonijiet istituzzjonali saru fit-Trattati ta' Adeżjoni rispettivi. L-aħħar tkabbir li sar kien ippreċedut minn riformi istituzzjonali. Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattati ta' Adeżjoni ma' l-għaxar Stati Membri l-ġodda li aderixxu fl-2004, kif ukoll mal-Bulgarija u r-Rumanija, jissejsu fuq it-Trattat ta' Nizza. It-Trattat ta' Nizza jistipula regoli għal massimu ta' 27 Stat Membru, jiġifieri, sa l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija. Madankollu, it-Trattat jistipula li meta l-Unjoni tikkonsisti fi 27 Stat Membru, l-għadd ta' membri tal-Kummissjoni se jkun inqas mill-għadd ta' Stati Membri. L-għadd ta' membri tal-Kummissjoni se jkun stipulat b'mod unanimu mill-Kunsill. Din ir-regola tgħodd għall-ewwel Kummissjoni wara li jkun daħal is-27 Stat Membru. Il-Kunsill se jadotta wkoll l-arranġamenti implimentattivi għal sistema ta' rotazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta' l-ugwaljanza. It-Trattat ta' Nizza ma jipprovdix għal adattamenti tal-kompożizzjoni u l-funzjonament ta' l-istituzzjonijiet l-oħra għal Unjoni ta' aktar minn 27 Stat Membru. L-allokazzjoni ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew u l-ippeżar tal-voti fil-Kunsill huma ċarament ta' importanza ċentrali għall-kapaċità ta' l-UE biex tieħu deċiżjonijiet. Għaldaqstant, qabel ma jsir aktar tkabbir, l-UE ser ikollha tiddeċiedi dwar il-firxa u s-sustanza ta' dawk ir-riformi istituzzjonali. It-tkabbir ser ikollu wkoll implikazzjonijiet prattiċi għall-funzjonament ta' l-istituzzjonijiet, bħall-użu ta' l-ilsna. Evalwazzjoni ta' l-impatt tat-tkabbir fuq l-istituzzjonijiet ta' l-UE se tkun inkluża f'opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar kull applikazzjoni futura għall-adeżjoni fl-UE. Sakemm il-membru l-ġdid li jmiss ikun aktarx lest li jaderixxi ma' l-Unjoni, suppost ikun intlaħaq arranġament istituzzjonali ġdid. It-titjib tal-funzjonament ta' l-UE jaqbel kemm lill-Istati Membri prospettivi fil-ġejjieni u kemm lill-Unjoni mkabbra. Il-Politiki Komunitarji It-tkabbir li sar fl-imgħoddi saħħaħ il-politiki Komunitarji, permezz ta' l-esperjenzi nazzjonali u l-orjentamenti politiċi li Stati Membri ġodda ġabu lill-proġett Ewropew. F'oqsma tant diversi bħall-politika ta' koeżjoni, l-agrikoltura, is-sajd, il-ħarsien ta' l-ambjent, ir-relazzjonijiet esterni, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u ċ-ċittadinanza Ewropea, l- acquis attwali jixhed sa ċertu punt l-impatt tat-tkabbir li sar fl-imgħoddi. Uħud mill-politiki Komunitarji, jekk jiġu estiżi għal aktar pajjiżi f'kundizzjonijiet xierqa, iġibu magħhom benefiċċji saħansitra akbar, pereżempju fis-suq intern jew fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Hi u tikber, l-Unjoni teħtieġ tkun f'pożizzjoni li tkompli tiżviluppa u timplimenta politiki komuni f'kull qasam. L-evalwazzjoni ta' l-impatt tat-tkabbir fuq il-politiki ta' l-UE ser issir f'kull stadju ewlieni tal-proċess tat-tkabbir. Fil-ġejjieni, kull opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' pajjiż għall-adeżjoni ma' l-UE ser tinkludi evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-adeżjoni ta' dak il-pajjiż fuq il-politiki Komunitarji. Dan ser ikun rifless ukoll fil-qafas li jistabbilixxi t-termini ta' referenza għan-negozjati għall-adeżjoni. L-oqfsa tan-negozjati għall-Kroazja u t-Turkija jipprevedu sensiela ta' miżuri biex jippermettu l-integrazzjoni tagħhom fil-politiki Komunitarji mingħajr problemi. Fl-istess ħin, jistabbilixxu miżuri biex jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-politiki Komunitarji wara t-tkabbir, bħal perjodi ta' tranżizzjoni, derogi, arranġamenti speċifiċi u salvagwardji permanenti. Meta tiġi biex tevalwa l-impatt tat-tkabbir fuq il-baġit, il-Kummissjoni ser teżamina l-impatt ta' tkabbir futur fuq il-politika agrikola u dik ta' koeżjoni. Dan ser jieħu qies ta' l-evoluzzjoni futura ta' dawn il-politiki. Waqt in-negozjati għall-adeżjoni, il-Kummissjoni ser tipprovdi evalwazzjonijiet sostanzjali ta' l-impatt ta' l-adeżjoni fuq oqsma ewlenin ta' politika, inklużi l-moviment tal-persuni, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-agrikoltura, il-politika ta' koeżjoni u t-trasport. Ser isiru evalwazzjonijiet simili fl-oqsma tal-politika ta' l-enerġija, il-politika barranija u tas-sigurtà, waqt li jittieħed qies tal-motivazzjonijiet strateġiċi ta' l-UE biex tikber, f'termini ta' żieda fl-istabbiltà, fl-assi tal-politika barranija u tas-sigurtà, jew fl-iżgurar tal-provvista ta' l-enerġija. Dan ser jippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu l-pożizzjonijiet komuni ta' l-UE għan-negozjati fil-kapitoli kkonċernati, inklużi, fejn meħtieġa, perjodi ta' tranżizzjoni jew arranġamenti oħra, b'għarfien sħiħ ta' l-impatt li jista' jsir. Il-Baġit Komunitarju L-Unjoni teħtieġ tkun f'pożizzjoni li tkompli tiffinanzja l-politiki tagħha b'mod sostenibbli. L-impatt tat-tkabbir fuq il-baġit Komunitarju ser ikun evalwat bir-reqqa matul il-proċess kollu tat-tkabbir. Kull opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' pajjiż għall-adeżjoni fl-UE ser tipprovdi stimi ta' l-impatt fuq il-baġit. Qabel ma jsir aktar tkabbir, l-UE ser ikollha tiddeċiedi dwar il-mezzi baġitarji totali meħtieġa. Abbażi ta' dan, f'kull proċess ta' negozjati għall-adeżjoni li jsir fil-ġejjieni, il-Kummissjoni se tipproponi pakkett ta' miżuri finanzjarji meħtieġa. L-analiżi tal-Kummissjoni ser tqis sew l-aspetti baġitarji sew id-dinamiżmu ekonomiku miżjud maħluq mill-adeżjonijiet. L-iżgurar ta' l-ilħiq tal-kundizzjonijiet rigorużi min-naħa tal-pajjiżi kandidati Il-kundizzjonalità hija wieħed mill-pilastri ta' l-istrateġija tal-Kummissjoni għat-tkabbir. It-tħejjija tajba min-naħa tal-pajjiżi kandidati tiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fl-UE mingħajr problemi. Bit-twessigħ tal-firxa ta' l-attivitajiet ta' l-UE, aktar titjib fil-kwalità tat-tħejjijiet sar fundamentali. Dan jiggarantixxi l-applikazzjoni stretta tal-kundizzjonalità matul il-fażi ta' qabel l-adeżjoni, kif ukoll l-ilħiq sħiħ tar-rekwiżiti f'kull stadju tal-proċess ta' adeżjoni. Bħala parti mill-istrateġija għal qabel l-adeżjoni, il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib il-progress miksub minn kull pajjiż li ser jaderixxi ma' l-UE. Din is-sorveljanza se tissejjes fuq il-kriterji politiċi, ekonomiċi u ta' l- acquis għall-adeżjoni. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari lit-twaqqif ta' l-istrutturi li huma meħtieġa biex jiżguraw l-istat tad-dritt. Dan jinkludi l-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja, kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Dawn il-kwistjonijiet iridu jkunu ffaċċjati fi stadju bikri tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni. Skond is-sejbiet tagħha, il-Kummissjoni ser tressaq prijoritajiet ta' riforma fil-medda ta' żmien qasir u medju għall-Partenarjati Ewropej jew għall-Adeżjoni marbutin ma' kull pajjiż. Dawn l-oqfsa ta' politika rriżultaw mezz effikaċi biex jistabbilixxu prijoritajiet matul it-tħejjijiet għall-ħames tkabbir. Il-Kummissjoni ser tressaq aġġornamenti regolari. L-assistenza finanzjarja bħala appoġġ għall-pajjiżi tat-tkabbir ser tiffoka fuq ir-riformi identifikati bħala prijoritajiet tal-partenarjat. L-introduzzjoni ta' strument finanzjarju waħdieni ġdid, fl-2007, biex ikopri l-ħtiġijiet kollha tal-proċess ta' qabel l-adeżjoni, ser tkattar l-effikaċja ta' l-appoġġ ta' l-UE għat-tħejjijiet għall-adeżjoni. Il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-pajjiżi tat-tkabbir jiżvolġu rwol ċentrali fit-tħejjijiet li għaddejjin minnhom il-pajjiżi involuti. Il-Kummissjoni se tivverifika l-konformità ma' l-obbligi. Rekord sodisfaċenti ta' ħidma fl-implimentazzjoni ta' l-obbligi bilaterali huwa element essenzjali biex l-UE tkun tista' tikkunsidra kwalunkwe applikazzjoni għall-adeżjoni. Il-progress fin-negozjati għall-adeżjoni ser jiġi ddeterminat mis-suċċess fit-twettiq tar-rekwiżiti għall-adeżjoni stipulati fil-qafas tan-negozjati, evalwat skond il-merti ta' kull pajjiż. Il-pajjiżi kandidati ser ikunu mistennija juru s-suċċess tagħhom fl-ilħiq ta' parametri preċiżi qabel ma jinfetaħ jew jingħalaq kapitolu tan-negozjati. Jekk parametru ma jintlaħaqx, in-negozjati dwar il-kapitolu kkonċernat jistgħu jiġu sospiżi jew jinfetħu mill-ġdid. Fil-ġejjieni, ser ikun hemm rabta aktar stretta bejn il-progress fir-riformi politiċi u bejn ir-ritmu ġenerali tan-negozjati. Ir-riżultati tad-djalogu mal-pajjiżi dwar il-progress tagħhom fl-ilħiq tal-kriterji politiċi għall-adeżjoni ser ikunu inklużi direttament fil-proċess tan-negozjati. Il-Kummissjoni se tħejji d-djalogu ma' l-Istati Membri u tirrapporta lura fil-korpi kompetenti tal-Kunsill. Ġew stabbiliti arranġamenti ġodda fil-qafas tal-Kunsill biex jiżguraw li uffiċjali minn Stati Membri responsabbli għas-sorveljanza tal-progress fir-riformi, u uffiċjali responsabbli għan-negozjati għall-adeżjoni, jiltaqgħu fl-istess grupp ta' ħidma. Barra minn hekk, il-qafas attwali tan-negozjati jipprevedi kapitolu dwar il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali, li fih iridu jkunu indirizzati l-kwistjonijiet politiċi. Dan jippermetti li l-progress f'oqsma kruċjali jinżamm biex jinżammu taħt sorveljanza stretta. Fil-każ li jkun hemm ksur gravi u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u ta' l-istat tad-dritt, in-negozjati għall-adeżjoni jistgħu jiġu sospiżi. Minn hemm 'il quddiem, ir-riżultati tad-djalogu mal-pajjiżi dwar ir-riforma ekonomika tagħhom ser ikunu inklużi direttament fil-proċess tan-negozjati. Il-Kummissjoni se tħejji d-djalogu ma' l-Istati Membri u tirrapporta lura fil-korpi kompetenti tal-Kunsill. Dan id-djalogu jiffoka fuq l-ilħiq tal-kriterji ekonomiċi u fuq il-konverġenza ma' l-ekonomiji ta' l-UE. Qabel l-adeżjoni, huwa essenzjali li l-pajjiżi li se jissieħbu jkollhom ekonomiji tas-suq operattivi, kapaċi jikkompetu fis-suq intern. L-għajnuna għal qabel l-adeżjoni ser tkun iffukata b'mod aktar preċiż fuq l-ilħiq ta' din il-mira. Flimkien mal-qafas tan-negozjati u l-istabbiliment ta' parametri għall-ftuħ jew għall-għeluq tal-kapitoli tan-negozjati, dawn l-arranġamenti ser jiżguraw strateġija rigoruża għan-negozjati dwar l-adeżjoni. Filwaqt li ċerti pajjiżi aktarx ikunu jixtiequ jistabbilixxu d-dati mira tagħhom għall-adeżjoni sabiex jidderieġu l-isforzi tagħhom ta' riforma, l-UE għandha tibqa' lura milli tistipula tali dati sakemm in-negozjati għall-adeżjoni ma jkunux waslu biex jintemmu. Għandu jinżamm il-prinċipju li d-data għall-finalizzazzjoni tan-negozjati għall-adeżjoni ser tiddipendi mill-progress miksub mill-pajjiż innifsu. Komunikazzjoni aħjar Il-leġittimità demokratika hija essenzjali għall-proċess tat-tkabbir ta' l-UE. Kull deċiżjoni ewlenija li twassal għall-adeżjoni ta' pajjiż tittieħed b'mod unanimu mill-gvernijiet eletti demokratikament ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati. Il-parlamenti nazzjonali jirratifikaw id-deċiżjoni. Il-Parlament Ewropew, li l-membri tiegħu huma eletti direttament, għandu jagħti l-kunsens tiegħu. Il-leġittimità demokratika tfisser ukoll Ewropa li tisma' l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha, u tindirizza t-tħassib permezz ta' politiki xierqa. Għal kwalunkwe politika, inkluża tat-tkabbir, l-UE għandha tirbaħ l-appoġġ taċ-ċittadini tagħha. Biex dan l-appoġġ jinżamm, huwa essenzjali li jibqa' jkun hemm kundizzjonijiet rigorużi fil-proċess. Il-fiduċja fil-kapaċità ta' integrazzjoni ta' l-UE għandha l-istess importanza. Barra minn dan, it-titjib fil-komunikazzjoni huwa parti essenzjali mill-politika ta' tkabbir ta' l-UE. It-tkabbir li sar fl-imgħoddi ġeneralment kiseb l-appoġġ ta' l-opinjoni pubblika, iżda ġieli wassal ukoll għal dubji u malintiżi. Iċ-ċittadini jeħtieġu jkunu ppreparati aħjar għat-tkabbir li jsir fil-ġejjieni. L-UE teħtieġ tikkomunika aħjar il-vantaġġi u l-isfidi tat-tkabbir. Huma l-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati li għandhom jispjegaw u jiddefendu l-għażliet li jkunu għamlu. Il-mexxejja fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jifhmu t-tħassib ta' l-eletturi tagħhom u biex jikkomunikaw magħhom direttament. L-Istati Membri li huma impenjati huma stess fil-proċess tat-tkabbir jeħtieġu jispjegaw aħjar liċ-ċittadini l-benefiċċji konkreti mistennijin mit-tkabbir. Il-Kummissjoni se tagħmel il-parti tagħha flimkien mal-Parlament Ewropew, ma' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, ma' istituzzjonijiet akkademiċi u "laboratorji ta' ideat" ( think tanks ), kif ukoll mas-soċjetà ċivili. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se ttejjeb id-disponibbiltà ta' informazzjoni fattwali f'forma sempliċi u aċċessibbli ħafna għall-utent. Din l-informazzjoni ser tittratta kemm kwistjonijiet tal-politika tat-tkabbir kif ukoll kwistjonijiet prattiċi, bħall-applikazzjoni tal-kundizzjonalità permezz tas-sorveljanza tar-riformi, it-twaqqif ta' parametri, u evalwazzjonijiet ta' l-impatt. L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi kandidati jeħtieġu jkattru ħafna l-isforzi tagħhom biex irawmu l-għarfien u l-fehim reċiproċi, kif ukoll biex jiżviluppaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett Ewropew komuni. Jinħtieġu sforzi konsistenti għal bosta snin. Id-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili stabbilit mat-Turkija fl-2004 u estiż lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-2006 għandu jkomplu jiġi żviluppat. Il-Kummissjoni bi ħsiebha twessa' dan id-djalogu għal aktar setturi tas-soċjetà u ta' l-ekonomija. Dan se tagħmlu f'kuntatt mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll ma' korpi oħrajn li huma attivi f'dan il-qasam. Huwa importanti li ċ-ċittadini jkunu involuti f'dan id-djalogu, u li t-tħassib u l-ideat żbaljati jkunu indirizzati. Il-Kummissjoni tappoġġa aktar trasparenza bħala mezz biex iġib il-proċess tat-tkabbir aktar qrib iċ-ċittadini. Il-Kummissjoni diġà qiegħda tippubblika l-opinjonijiet tagħha dwar applikazzjonijiet għall-adeżjoni, kif ukoll ir-rapporti tagħha dwar il-progress ta' kull pajjiż. Ippubblikat ukoll l-oqfsa tan-negozjati mal-Kroazja u mat-Turkija. Dokumenti ewlenin oħrajn marbutin man-negozjati għall-adeżjoni issa jridu joħorġu fil-pubbliku. Fil-ħames tkabbir, din kienet il-prattika ta' għadd ta' kandidati rigward il-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati. Il-Kummissjoni tqis li rapporti ta' screening , parametri għall-ftuħ tal-kapitoli tan-negozjati, kif ukoll pożizzjonijiet ta' l-UE fin-negozjati, għandhom jinħarġu għall-pubbliku permezz ta' l-Internet. L-istrateġija mfassla f'dan ir-rapport ser issaħħaħ is-sisien demokratiċi għall-proċess tat-tkabbir. Huwa fl-interess tal-partijiet kollha involuti f'dan il-proċess li ma tinħoloqx firda bejn dawk li jfasslu l-politika fuq naħa u bejn il-pubbliku fuq in-naħa l-oħra. It-tagħlim meħud matul il-ħames tkabbir ser jgħinu lill-Unjoni hi u tmexxi 'l quddiem il-proċess fis-snin li ġejjin. ANNESS 2 Konklużjonijiet dwar l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, il-Kosovo[8] u t-Turkija L-Albanija Rigward il- kriterji politiċi , l-Albanija għamlet xi progress fejn jidħlu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, inkluż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li hija prijorità ewlenija għall-Partenarjat Ewropew. Inżammet politika kostruttiva lejn ir-reġjun. Tinħtieġ aktar ħidma fejn jidħlu prijoritajiet oħrajn għall-Partenarjat. Sar xi progress fil-qasam tad- demokrazija u l-istat tad-dritt . Madankollu, dan il-progress ma kienx kostanti. Il- parlament qiegħed jassumi rwol politiku sħiħ, u l-kumitat tiegħu għall-integrazzjoni Ewropea kien attiv ħafna. Illum, il-parlament huwa aktar trasparenti, u r-relazzjonijiet tiegħu ma' korpi kostituzzjonali oħrajn kienu effikaċi, iżda għadu jħabbat wiċċu ma' nuqqasijiet tekniċi u amministrattivi. Tinħtieġ aktar kooperazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni biex jippermettu li tkompli għaddejja ħidma importanti, bħar-riforma elettorali u l-qadi ta' l-obbligi tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ( SAA ). Il- gvern adotta pjan biex jaqdi l-obbligi tal-Partenarjat Ewropew u ta' l- SAA . Qiegħed joħloq strutturi biex jikkoordinaw is-sustanza ta' riformi ta' l-UE u biex imexxu r-riżorsi għall-implementazzjoni tagħhom. Il-koordinament bejn dawn l-istrutturi huwa fundamentali. Jinħtieġ użu aħjar ta' l-għarfien espert fit-tfassil ta' proposti leġiżlattivi. Ir-ristrutturar ta' diversi ministeri naqqas temporanjament il-kapaċità f'ċerti oqsma ta' l- amministrazzjoni pubblika . Issa huwa importanti li wieħed isejjes fuq it-tibdiliet sabiex tissaħħaħ l-effikaċja. Saru ċerti bidliet fil-persunal mingħajr l-attenzjoni meħtieġa għal-liġi tas-servizz pubbliku. Il-ħatriet fl-amministrazzjoni għadhom qed ikunu influwenzati politikament. It-tmexxija tas-servizzi pubbliċi, l-istrutturi tal-karrieri u s-salarji għadhom f'livell fqir. Liġi ġdida mistennija li ttejjeb l-istruttura tal-karrieri u l-metodi għall-allokazzjoni tal-kawżi għall-imħallfin. Żdiedet kemmxejn it-trasparenza fis- sistema ġudizzjarja . Sar xi progress fl-infurzar tas-sentenzi. Madankollu, il-progress kumplessiv fit-titjib tas-sistema ġudizzjarja kien limitat. Jinħtieġ aktar progress fit-titjib tal-proċeduri ta' reklutaġġ ta' l-imħallfin, kif ukoll fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-impjieg għal amministraturi ġudizzjarji. Il-kompetenzi taż-żewġt ispettorati ġudizzjarji jridu jinfirdu b'mod xieraq. Jeħtieġ li tittejjeb ukoll il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura. Ġeneralment, it-twettiq ta' sentenzi għadu skars. Tinħtieġ ċertezza ġuridika li toħloq klima pożittiva għall-kummerċ u għall-investiment. Il- ġlieda kontra l-korruzzjoni wasslet għal sensji fuq skala kbira fis-servizzi pubbliċi. Żdied l-għadd ta' uffiċjali pubbliċi li tħarrku għall-korruzzjoni. Twaqqaf grupp ta' ħidma ta' livell għoli kontra l-korruzzjoni, filwaqt li ttejbet il-liġi dwar il-kunflitti ta' interess. L-Ispettorat Għoli għad-Dikjarazzjoni u l-Verifika ta' l-Assi llum huwa aktar effiċjenti, filwaqt li ttieħdu passi biex tiżdied it-trasparenza ta' l-amministrazzjoni pubblika. Kull fejn il-miżuri kontra l-korruzzjoni marru lil hinn mil-limiti kostituzzjonali, interveniet il-qorti kostituzzjonali. Issa jinħtieġu aktar miżuri istituzzjonali għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, għax din għadha problema serja. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija prijorità għall-implimentazzjoni ta' l- SAA . Sar progress limitat fir-rigward tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi . It-taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-persunal tal-ġustizzja llum huwa obbligatorju. Tjiebu r-regoli tad-detenzjoni qabel smigħ il-każ. L-ombudsman ta' l-Albanija issa huwa aktar attiv fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, għadu f'livell dgħajjef l-infurzar ta' standards internazzjonali għall-prevenzjoni tat-tortura, dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs u dwar id-drittijiet tad-detenuti, speċjalment fid-detenzjoni qabel is-smigħ tal-każ. It-tibdiliet reċenti fil-kompożizzjoni ta' l-awtorità għas-superviżjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni għandhom jiġu implementati kif xieraq. Il-qafas ġuridiku għal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni għadu mhux adegwat, u qiegħed ikun implimentat ħażin. It-trawwim tal-libertà fil-mezzi tal-komunikazzjoni hija prijorità ewlenija għall-Partenarjat Ewropew. Aġenzija eżekuttiva ġdida aktarx tħaffef l-għoti lura tal-proprjetà, li huwa wkoll prijorità fundamentali għall-Partenarjat, iżda s'issa l-proċess għadu jimxi wisq bil-mod. Iċ-ċertezza fil-pussess tal-proprjetà hija fundamentali biex jinqdew l-impenji ta' l- SAA . L-Albanija bdiet toħloq qafas ġuridiku għall-protezzjoni tal-minoranzi; it-twettiq ta' impenji internazzjonali għadu mhux qed isir bis-sħiħ, u jinħtieġu aktar sforzi biex tinġieb 'il quddiem it-tolleranza. L-istrateġija ta' l-Albanija rigward il-poplu Roma wasslet għal inizjattivi siewja, għalkemm tbati minn nuqqas ta' riżorsi. It-tfal Roma huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin. F'dak li għandu x'jaqsam mal- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , l-Albanija kompliet tassumi rwol pożittiv. Il-pajjiż huwa membru attiv f'inizjattivi reġjonali fl-oqsma tal-politika, il-kummerċ, il-ħarsien ta' l-ambjent, l-ekonomija, is-sigurtà, l-avjazzjoni u l-enerġija. L-Albanija kompliet tiżviluppa r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi ġirien u oħrajn fir-reġjun, partikolarment billi żammet pożizzjoni kostruttiva rigward il-Kosovo. Fejn jidħlu kriterji ekonomiċi , l-Albanija kisbet sew stabbiltà makroekonomika. Dan huwa fattur importanti fil-progress tal-pajjiż lejn ekonomija tas-suq operattiva. Barra minn dan, għandhom isiru aktar sforzi konsiderevoli ta' riforma, bil-għan li l-pajjiż ikun jista' jiflaħ għall-pressjoni kompetittiva u għall-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Ġeneralment, inżamm il-kunsens politiku fuq il-punti essenzjali tal-politika ekonomika. Fil-biċċa l-kbira, l-Albanija żammet stabbiltà makroekonomika. It-tkabbir ekonomiku baqa' b'saħħtu u tnaqqsu l-livelli ta' faqar. It-taħlita ta' politiki makroekonomiċi baqgħet adegwata. Il-politika monetarja kienet kredibbli u rnexxielha trażżan l-inflazzjoni. Il-konsolidament fiskali kompla jiżviluppa, waqt li r-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika u tat-taxxa għenet biex tjiebet il-qagħda fiskali. Tnaqqsu l-ostakli amminstrattivi għad-dħul fis-suq. Madankollu, id-defiċit fil-kontijiet barranin twessgħu b'mod sinifikanti, waqt li l-bażi ta' l-esportazzjoni baqgħet dgħajfa ħafna. Jeħtieġ li jitjieb il-qafas ġuridiku ta' l-Albanija għall-appalti, il-privatizzazzjoni u l-konċessjonijiet. Nuqqasijiet fil-klima tan-negozju, bħalma huma l-inċertezza ġuridika, dgħufija fl-implimentazzjoni tal-liġi, infrastruttura fqira, jew provvista ta' enerġija inaffidabbli, ifixklu l-iżvilupp ekonomiku. L-infurzar ta' drittijiet tal-proprjetà baqa' dgħajjef, u sar biss progress marġinali fit-titjib ta' l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. It-tisħiħ tal-qafas regolatorju u superviżorju għas-settur finanzjarju mhux bankarju huwa sfida kbira. Jeħtieġ li l-isforzi jiġu intensifikati biex tingħeleb u ssir regolarizzata l-firxa konsiderevoli ta' l-ekonomija li ma tidhirx. Il-proċess ta' privatizzazzjoni għadu mhux mitmum, u r-ristrutturar ta' impriżi pubbliċi, partikolarment ta' l-utilità ta' l-elettriċità, għandu jitkompla mingħajr dewmien. L-Albanija għamlet progress biex iġġib il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-kapaċità tagħha konformi ma' l- istandards Ewropej , b'mod partikolari fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, id-dwana u l-kompetizzjoni. Biex il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun implimentat b'suċċess, huwa essenzjali li tkompli titħeġġeġ ir-riforma f'oqsma bħall-akkwist pubbliku, il-proprjetà intellettwali, u l-kontroll veterinarju u fitosanitarju. Sar progress f'ċerti oqsma tas- suq intern , iżda f'oqsma oħrajn, għad trid issir ħafna ħidma sabiex l-Albanija taqdi l-obbligi tagħha fl- SAA . Sar ċertu progress fl-adozzjoni ta' standards u l-monitoraġġ tagħhom. Qiegħda tissaħħaħ il-kapaċità ta' akkreditament, metroloġija u sorveljanza tas-suq, iżda jinħtieġ titjib fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-koordinament. Tjiebet il-koerenza bejn l-istrutturi għall-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa. Dawn iridu jkomplu jissaħħu. L- SAA jinkludi impenji rigward il- moviment liberu tal-ħaddiema , il-libertà tas- servizzi u l-libertà ta' stabbiliment . Rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema ma sar l-ebda żvilupp importanti. Tneħħiet id-diskriminazzjoni fejn jidħlu l-miżati ta' reġistrazzjoni għal kumpaniji barranin. Il-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' impriża ġew ssimplifikati iżda għadhom relattivament mhux ċari. Għad hemm ostakli għall-istabbiliment u restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital. Sistema doganali effiċjenti hija fundamentali għall-implimentazzjoni ta' l- SAA . Żdied id-dħul doganali wara riformi sostanzjali fid-dwana. Sar progress fil-kompjuterizzazzjoni, fir-regoli doganali u fil-ġestjoni ta' l-oriġini. Issaħħet il-kooperazzjoni bejn il-korp tal-pulizija u d-dwana. Issa jinħtieġu titjib fl-infrastruttura u aktar konformità ma' l- acquis . Ġiet issimplifikata l-amministrazzjoni tat-tassazzjoni, u sar progress fil-kompjuterizzazzjoni u fl-analiżi tar-riskju. Issa jinħtieġu aktar konformità mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE u strateġija komprensiva għall-ġbir u għall-kontroll tat-taxxa. L-Albanija ntrabtet li taqdi impenji fil-qasam tal- kompetizzjoni fl-ambitu ta' l- SAA . Rigward l- anti-trust , tjiebet il-ħidma ta' l-Awtorità għall-Kompetizzjoni, iżda għadha titfixkel mill-għadd żgħir ta' persunal u min-nuqqas ta' esperjenza. Il-preparazzjonijiet għall- SAA marbutin ma' l- għajnuna mill-Istat mixjin fit-triq it-tajba. Il-qafas u l-inventarju ġuridiku issa huma kompluti. Jinħtieġ li tiġi żgurata l-indipendenza operattiva tad-Dipartiment għall-Għajnuna mill-Istat. Liġi ġdida dwar l- akkwist pubbliku hija pendenti, u twessa' t-taħriġ għal dan il-qasam, iżda l-qafas ġuridiku attwali mhuwiex konformi ma' l- acquis . L-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku għadha mhux f'saħħitha. Il-progress f'dan il-qasam huwa fundamentali għat-titjib tat-tmexxija tas-settur pubbliku, li hija prijorità ewlenija għall-Partenarjat Ewropew, kif ukoll għall-qadi ta' l-obbligi ta' l- SAA . Rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( IPR ), tnediet database ta' marki kummerċjali ( trademarks ), privattivi u disinji industrijali. Twaqqfet unità għall- IPR fi ħdan l-amministrazzjoni tad-dwana. Madankollu, l-uffiċċju tad-dritt ta' l-awtur għadu ma bediex jaħdem, u l-infurzar ta' l- IPR għadu dgħajjef. Jinħtieġ tisħiħ konsiderevoli sabiex jinqdew l-impenji ta' l- SAA . Sar progress limitat fil-qasam ta' l- impjiegi . Fil-qasam ta' l- edukazzjoni , ġie rrappurtat ċertu progress, inkluż fejn tidħol l-approvazzjoni ta' strateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ vokazzjonali. Min-naħa l-oħra, ir-rati ta' parteċipazzjoni fl-edukazzjoni baqgħu relattivament baxxi. Ġie rrappurtat progress fejn jidħlu ċerti politiki settorjali . Rigward l-industrija u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju ( SMEs ), daħal fis-seħħ pjan ta' azzjoni rivedut għat-tneħħija ta' l-ostakli amminstrattivi għall-kummerċ, u twaqqfet organizzazzjoni umbrella ġdida biex tippromwovi l-investiment. Madankollu, għadu kajman il-progress fit-titjib ta' l-ambjent tan-negozju u fit-taqbida kontra l-ekonomija informali. Il-progress fl- agrikoltura kien limitat ħafna. Saret żieda fil-bejgħ u fl-investimenti f'ċerti prodotti, iżda l-produttività u l-kompetittività għadhom f'livell baxx. Il-konformità mar-rekwiżiti veterinarji u fitosanitarji ta' l-UE, li huma fundamentali għat-tħaddim tajjeb tal-kundizzjonijiet kummerċjali ta' l- SAA u tal-ftehim interim, għadha 'l bogħod milli tkun sodisfaċenti. Is-servizz tas- sajd imexxi l-iżbark tal-ħut, iżda l-qrid illegali ta' l-istokkijiet ikompli. Fejn jidħlu l- ambjent kif ukoll it- trasport , sar ċertu progress fil-leġiżlazzjoni orizzontali, għalkemm l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta' l-infrastruttura għadhom mhumiex f'saħħithom. Is-settur ta' l- enerġija baqa' dgħajjef ħafna. L-Albanija rratifikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija u bdiet tadotta l-liġijiet rilevanti, iżda żdied it-telf ta' elettriċità u tnaqqas il-ġbir tal-kontijiet. L-Albanija għadha lura fejn jidħol il-qadi ta' impenji ta' l- SAA fir-rigward tas- soċjetà ta' l-informazzjoni u l-mezzi tal-komunikazzjoni . Rigward il-komunikazzjonijiet elettroniċi u t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni, għandhom jiġu implimentati u infurzati liġijiet ta' liberalizzazzjoni. Il-qafas regolatorju għadu mhux konformi ma' l- acquis . Ir-regolatur tat-telekomunikazzjonijiet mhuwiex attiv biżżejjed. Rigward il- kontroll finanzjarju , il-gvern approva d-dokument ta' politika tal-Kontroll Finanzjarju Intern fis-settur pubbliku. Sar progress fil-qasam ġuridiku u fil-qasam regolatorju, iżda l-proċess għadu fi stadju bikri. Sar progress konsiderevoli fil-qasam ta' l- istatistika . Sar progress f'ċerti oqsma tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà ; madankollu, kull wieħed minn dawn l-oqsma jeħtieġ attenzjoni soda u kostanti. Tjiebu t-taħriġ u s-sigurtà tad-dokumenti għall-amministrazzjoni tal- viżi . Netwerk informatiku ċentralizzat ma ġiex implimentat, u għad jinħtieġu tibdiliet fil-leġiżlazzjoni. Tagħmir ġdid, u koordinament aħjar, wasslu għal ċertu progress fil- ġestjoni tal-fruntieri , iżda strateġija integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri għadha ma twettqitx. Jeħtieġ li tissaħħaħ l-infrastruttura tal-ġestjoni tal-fruntieri. Il-liġijiet dwar l- ażil huma konformi ma' l-istandards internazzjonali, iżda l-implimentazzjoni tagħhom għandha titjieb. L-Albanija tejbet il-koordinament intern tagħha, kif ukoll il-kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien, fit-taqbida kontra l- migrazzjoni illegali. Huwa importanti li l-Albanija tiżgura persunal biżżejjed sabiex taqdi l-obbligi tagħha taħt ftehimiet dwar l-ammissjoni mill-ġdid. Rigward il-ġlieda kontra l- ħasil ta' flus , ġew ikkonsolidati kemm l-Unità ta' l- Intelligence Finanzjarja ( FIU ) kif ukoll l-uffiċċju tal-prosekutur, u tjiebet il-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom, iżda t-tnejn li huma jridu jkomplu jissaħħu, u jeħtieġ li l-qafas leġiżlattiv ikompli jiżviluppa. Permezz ta' impetu politiku akbar u kooperazzjoni internazzjonali aħjar, żdiedu l-arresti ta' traffikanti tad- droga fuq skala kbira, iżda hemm bżonn titjib fil-ħila ta' l- intelligence kriminali, fil-koordinament bejn l-aġenziji nazzjonali, u fil-proċeduri għad-droga kkonfiskata. It-traffikar tad-droga għadu problema serja. Qegħdin isiru sforzi biex titjieb l-organizzazzjoni tal- korp tal-pulizija . Tjiebet il-kooperazzjoni mad-dwana u mas-servizzi ta' intelligence , iżda jeħtieġ titjib fit-tmexxija tal-każijiet u fl-istrutturi ta' kontroll intern. Sar progress fil- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata , li hija prijorità ewlenija għall-Partenarjat Ewropew. Volontà politika qawwija biex tegħleb il-kriminalità organizzata wasslet għal operazzjonijiet tal-pulizija kontra gruppi kriminali ewlenin. Tjiebet ħafna l-kooperazzjoni operattiva mal-pajjiżi ġirien ta' l-Albanija. Tjiebet kemmxejn il-kooperazzjoni f'livell ċentrali bejn il-pulizija u l-ġudikatura. Madankollu, hemm lok għal ħafna aktar titjib fejn jidħlu riżultati konkreti. Jinħtieġ koordinament aħjar bejn il-pulizija u l-ġudikatura fil-livell lokali, u hemm bżonn aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' livell għoli. Tinħtieġ protezzjoni tax-xhieda aktar f'saħħitha. Il-gvern adotta strateġija nazzjonali kontra it-traffikar tal-bnedmin , u tejjeb l-istrutturi biex jimplimentaha. Tkomplew il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni b'suċċess tat-traffikanti. Madankollu, it-traffikar għadu problema. Jinħtieġu aktar riżorsi u koordinament aħjar kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Id-direttorat tal-pulizija kontra t- terroriżmu qabad kwantitajiet kbar ta' armi, għalkemm jeħtieġ li jissaħħu l-infrastruttura u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Is-sitwazzjoni rigward il-ħarsien tad- dejta personali għadha tqajjem tħassib. Il-Bożnja u Ħerzegovina Il-progress tal-Bożnja u Ħerzegovina lejn l-ilħiq tal- kriterji politiċi baqa' għaddej, għalkemm b'ritmu aktar kajman. Prijoritajiet politiċi ewlenin identifikati fil-Partenarjat Ewropew ġew indirizzati biss parzjalment. Qabel ma jintemmu n-negozjati għal Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, għadd ta' kwistjonijiet importanti għad iridu jkunu ttrattati. Sar progress parzjali fil-qasam tad- demokrazija u l-istat tad-dritt . L-elezzjonijiet ġenerali ta' l-1 ta' Ottubru kienu l-ewwel elezzjonijiet sa mill-Ftehim ta' Dayton/Pariġi li tmexxew kompletament mill-awtoritajiet tal-Bożnja u Ħerzegovina. Konklużjonijiet preliminari ta' l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ( ODIHR ) ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa ( OSCE ) urew li dawn l-elezzjonijiet irrappreżentaw pass 'il quddiem fit-triq lejn it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u li ġeneralment saru b'konformità ma' l-istandards internazzjonali. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta' emendar tal- Kostituzzjoni , kien impossibbli li l-elezzjonijiet ikunu totalment konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ( ECHR ). Ittieħdu ċerti passi biex ikun żgurat li l-ministeri u l-istituzzjonijiet statali jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jimplimentaw l-obbligi tagħhom, iżda jinħtieġu aktar sforzi biex tintlaħaq din il-prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Sar progress limitat fil-provvista ta' riżorsi tekniċi u persunal biżżejjed lill- Assemblea Parlamentari ta' l-Istat. Il-koordinament bejn l-Istat u l-Entitajiet tiegħu għadha mhix adegwata, u ebda mekkaniżmu ma ġie implementat biex tittejjeb. Ir-rendiment kumplessiv ta' l-istituzzjonijiet eżekuttivi u leġiżlattivi baqa' mhux suffiċjenti. Il-kisbiet tal-Bożnja u Ħerzegovina f'dawn l-aħħar snin fejn jidħlu l-istabbiltà u s-sigurtà ppermettew lill-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi jiddeċiedi li jingħalaq l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli ( OHR ) sat-30 ta' Ġunju 2007. Din id-deċiżjoni se tiġi riveduta fil-bidu ta' l-2007. L-adozzjoni ta' strateġija komprensiva għar-riforma ta' l- amministrazzjoni pubblika indirizzat parzjalment prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Il-liġi dwar l-Ombudsman ta' l-Istat kienet żvilupp pożittiv ukoll. Issaħħaħ l-Uffiċċju għall-Koordinament ta' l-Amministrazzjoni Pubblika, waqt li l-Aġenziji tas-Servizz Pubbliku tejbu l-proċeduri tagħhom ta' reklutaġġ. Issa tinħtieġ l-implimentazzjoni tar-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Ftit li xejn sar progress rigward il-kwistjoni ewlenija tar- riforma tal-korp tal-pulizija . Il-ħidma tad-Direttorat għar-Ristrutturar tal-Korp tal-Pulizija tfixklet, l-aktar minħabba l-atteġġament tar-Republika Srpska. Dan wassal għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Ottubru 2005 dwar ir-ristrutturar tal-korp tal-pulizija, li hija prijorità ewlenija għall-Partenarjat Ewropew. Rigward is- sistema ġudizzjarja , il-Qorti ta' l-Istat, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, u l-Kunsill Għoli Ġudizzjarju u għall-Prosekuzzjoni, qdew tajjeb l-obbligi tagħhom. Dawn kulma jmorru qegħdin jieħdu r-riedni aktar f'idejhom, waqt li qegħdin jiddipendu dejjem inqas mill-komunità internazzjonali. Madankollu, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja teħtieġ li tkompli tissaħħaħ, u l-effiċjenza tagħha trid tittejjeb. Ġiet adottata strateġija ġdida kontra l- korruzzjoni , li għadha kwistjoni serja fil-Bożnja u Ħerzegovina. Jeħtieġ li l-każijiet ikunu investigati u ssir prosekuzzjoni b'aktar saħħa. Sar progress limitat fejn jidħlu d- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi . Il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, fi ħdan il-Qorti Kostituzzjonali, kompliet taħdem b'mod effiċjenti. Hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni lill-infurzar tas-sentenzi marbutin mad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lill-implimentazzjoni xierqa ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Id-diskriminazzjoni etnika għadha kwistjoni kritika. Jinħtieġu aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-intolleranza u fit-titjib tal-kundizzjonijiet fil-ħabs. Għandhom jittieħdu passi konkreti biex il-minoranza Roma tkun appoġġata. Fil-qafas tal-libertà ta' l-espressjoni u tal-mezzi tal-komunikazzjoni, ġew adottati l-liġijiet statali fis-settur tax-xandir pubbliku. Il-leġiżlazzjoni korrispondenti għal dik ta' l-Entitajiet ġiet adottata fir-Republika Srpska, iżda mhux fil-Federazzjoni. Saret biss implimentazzjoni parzjali tar-riforma tax-xandir pubbliku. Il-prijorità rispettiva tal-Partenarjat Ewropew għadha ma ntlaħqitx għalkollox. Il-Fond għar-Ritorn tar-Rifuġjati qiegħed jaħdem, u l-Bożnja u Ħerzegovina ħadet sehem attiv fil-proċess ta' Sarajevo. Tinħtieġ aktar azzjoni biex tappoġġa r-ritorn ta' rifuġjati u ta' persuni mġiegħla jħallu darhom iżda baqgħu fil-pajjiż ( internally displaced persons ), u b'mod partikolari, biex tappoġġa l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom. Sar progress limitat fejn jidħlu kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali . Saru xi sforzi biex jiżguraw il-kooperazzjoni ma' l- ICTY – prijorità ewlenija għall-Partenarjat Ewropew – iżda għad hemm lok għat-titjib. Tinħtieġ aktar azzjoni biex jinstabu l-akkużati li għadhom fil-libertà, kif ukoll fil-ġlieda kontra l-gruppi organizzati li qegħdin jagħtuhom appoġġ. Sar ċertu progress min-naħa tal-Qorti ta' l-Istat fil-prosekuzzjoni ta' reati tal-gwerra. Għandha titjieb il-prosekuzzjoni fil-livell ta' l-Entitajiet. Ir-relazzjonijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina mal-pajjiżi ġirien baqgħu pożittivi. Għad iridu jkunu indirizzati xi kwistjonijiet bilaterali, partikolarment dwar il-kummerċ u d-demarkazzjoni tal-fruntieri. Rigward il- kriterji ekonomiċi , il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet progress limitat lejn ekonomija tas-suq operattiva. Jinħtieġu wkoll aktar sforzi konsiderevoli sabiex tkun tista' tiflaħ għall-pressjoni kompetittiva u għall-forzi kummerċjali fi ħdan l-Unjoni. Tfannad il-koordinament fuq politiki fiskali, waqt li f'Jannar 2006 ddaħħlet b'suċċess Taxxa fuq il-Valur Miżjud ( VAT ) fil-pajjiż kollu. Tjiebet sa ċertu punt il-kapaċità analitika biex tappoġġa t-tfassil tal-politika. It-tkabbir ekonomiku baqa' tabilħaqq b'saħħtu. Tkompla t-tisħiħ fiskali. Fl-ewwel nofs ta' l-2006, l-esportazzjonijiet irrappurtati żdiedu, bl-għajnuna ta' l-introduzzjoni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif ukoll taż-żieda fil-produzzjoni ta' ċerti prodotti bażiċi. Il-privatizzazzjoni tkompliet, b'mod partikolari fir-Republika Srpska, u ġew adottati ċerti tibdiliet fil-leġiżlazzjoni biex jappoġġaw ir-ristrutturar ta' l-impriżi. Madankollu, f'bosta oqsma r-riformi għadhom jimxu bil-mod. L-iżbilanċi fil-kontijiet kurrenti u tal-kummerċ baqgħu kbar ħafna, sitwazzjoni li tixhed settur ta' l-impriża li mhux dinamiku biżżejjed, kif ukoll livell għoli ta' konsum privat. Il-bażi għat-tkabbir ekonomiku għadha dejqa. Il-qagħda fiskali fil-pajjiż ma kinitx riflessjoni tajba ta' l-iżbilanċi makroekonomiċi kbar li hemm. Il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika ekonomika u fiskali fil-pajjiż għadhom kumplessi, u mhux qegħdin jiġu kkoordinati kif xieraq. Barra minn hekk, żdiedu l-pressjonijiet fuq in-nefqa pubblika minkejja d-daqs relattivament kbir tagħha. L-effiċjenza tan-nefqa pubblika għadha relattivament baxxa wkoll. B'mod ġenerali, il-klima tan-negozju u l-governanza ta' l-impriżi baqgħu dgħajfin. Il-privatizzazzjoni u r-ristrutturar ta' l-impriżi baqgħu mixjin wisq bil-mod, partikolarment fil-Federazzjoni. Partijiet kbar mis-settur ta' l-impriża għadhom ma ġewx irristrutturati biżżejjed. Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet progress limitat biex iġġib il-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħha konformi ma' l- istandards Ewropej . Il-pajjiż se jkollu jkompi jtejjeb il-kapaċità tiegħu biex iwieġeb għar-rekwiżiti tal-Partenarjat Ewropew f'dan ir-rigward. F'dak li għandu x'jaqsam mas- suq intern , sar ftit li xejn fil-qasam tal- moviment liberu tal-merkanzija . It-tħejjijiet fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, il-metroloġija u s-sorveljanza tas-suq għadhom fi stadju bikri, u l-leġiżlazzjoni l-ġdida mhix qiegħda tkun implimentata sew. Nuqqas ta' korpi u proċeduri għall-evalwazzjoni tal-konformità għadu jfixkel il-kapaċità ta' esportazzjoni. It-twaqqif ta' struttura għas-sorveljanza tas-suq, imsejsa fuq leġiżlazzjoni xierqa dwar il-prodotti, u t-tneħħija gradwali ta' kontrolli kontradittorji li jsiru qabel ma prodott jinħareġ fis-suq, jeħtieġu azzjoni urġenti. Ma sar ebda żvilupp partikolari fir-rigward tal- moviment liberu tal-ħaddiema . Sar progress limitat fil-qasam tas-servizzi , waqt li ma sar ebda tibdil sinifikanti marbut mal- libertà ta' stabbiliment jew mal- liġi tal-kumpaniji . Is-sorveljanza tal-banek ma ttellgħetx għal-livell Statali u għadha responsabbiltà ta' l-Entitajiet. Ma sar l-ebda żvilupp ta' importanza fil-qasam tal- moviment liberu tal-kapital , għalkemm it-tħejjijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina f'dan ir-rigward mixjin 'il quddiem sew. Sar progress addizzjonali limitat fejn jidħlu r- regoli doganali . Il-leġiżlazzjoni doganali ġiet implimentata, u fil-biċċa l-kbira hija konformi ma' l- acquis . Għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tagħha, fuq kollox fl-oqsma ta' l-oriġini, il-valutazzjoni doganali u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri. F'dak li għandu x'jaqsam mat- tassazzjoni , l-introduzzjoni b'suċċess tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud kienet żvilupp pożittiv. Sar progress limitat fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. Rigward il- kompetizzjoni , il-Bożnja u Ħerzegovina qiegħda timxi b'ritmu sod fil-qasam ta' l- anti-trust , iżda ma sar l-ebda progress rigward l-għajnuna mill-istat. Saru xi żviluppi fil-qasam ta' l- akkwist pubbliku , partikolarment bit-twaqqif ta' l-Aġenzija għall-Akkwist Pubbliku u tal-Korp għas-Sorveljanza ta' l-Akkwist Pubbliku. Sar progress limitat fejn jidħlu l-implimentazzjoni u l-infurzar tad- drittijiet tal-proprjetà intellettwali . Ftit li xejn saru żviluppi fejn jidħlu l- politiki ta' l-impjiegi . Is-suq tax-xogħol tal-Bożnja u Ħerzegovina għadu jħabbat wiċċu mal-qgħad, ma' livell għoli ta' frammentazzjoni u ma' nuqqas ta' politika soda għall-impjiegi. Ftit li xejn sar progress fil-qasam ta' l- edukazzjoni . Il-Liġi għall-Edukazzjoni Ogħla, kif ukoll liġijiet ewlenin oħrajn, għadhom ma ġewx adottati. Il-firda tat-tfal fl-iskejjel skond kriterji etniċi għadha kwistjoni serja. Sar ftit progress addizzjonali lejn l-iżgurar ta' suq intern veru fil-Bożnja u Ħerzegovina, li huwa prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. F'dak li għandu x'jaqsam mal- politiki settorjali , ma ġie rrappurtat l-ebda żvilupp ta' importanza fil-qasam ta' l-industrija u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) . L-istrateġija industrijali u l-Istrateġija għall-Iżvilupp ta' l- SMEs għandhom ma ġewx adottati. Ġeneralment, sar progress limitat fil-qasam ta' l- agrikoltura . Il-politiki għadhom qed jitfasslu fil-livell ta' l-Entitajiet, u l-koordinament mhux suffiċjenti. L-iżvilupp ta' strateġija komprensiva għall-agrikoltura għadu lura, fost l-oħrajn minħabba l-assenza tal-qafas ġuridiku u istituzzjonali meħtieġ fil-livell Statali. Ġiet adottata leġiżlazzjoni ta' twettiq fil-qasam veterinarju. L-implimentazzjoni għadha limitata, fuq kollox minħabba riżorsi umani u finanzjarji inadegwati, u koordinament mhux b'saħħtu bejn is-servizzi veterinarji ta' l-Istat u ta' l-Entitajiet. It-tħejjijiet min-naħa tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-qasam ta' l- ambjent għadhom jinsabu fi stadju bikri. Liġi Ambjentali fil-livell Statali, bil-għan li toħloq qafas għall-ħarsien uniformi ta' l-ambjent mifrux mat-territorju nazzjonali kollu, għadha ma ġietx adottata, waqt li l-Aġenzija Statali għall-Ambjent għadha ma twaqqfitx. Ikompli l-progress fejn jidħol l-involviment tal-Bożnja u Ħerzegovina fl-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat- trasport . Il-Bożnja u Ħerzegovina qiegħda timplimenta l-Memorandum ta' Ftehim fuq in-Netwerk ta' Qofol tat-Trasport Reġjonali (2004) ta' l-Ewropa tax-Xlokk. Iffirmat il-Ftehim li jistabbilixxi Żona ta' l-Ajru Ewropea Komuni ( European Common Aviation Area Arrangement – ECAA ), li jimmira li joħloq suq waħdieni għall-avjazzjoni Ewropea li fih ikunu applikati l-istandards ta' l-avjazzjoni ta' l-UE. Għamlet progress sinifikanti lejn il-konformità ma' l- acquis fil-qasam ta' l-avjazzjoni. Saru xi żviluppi pożittivi fil-qasam ta' l- enerġija . Irratifikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija. Fis-settur ta' l-elettriċità, it-trażmissjoni m'għadhiex ikkombinata, u l-Operatur Indipendenti tas-Sistema ( ISO ) kif ukoll il-Kumpanija ta' Trażmissjoni (Transco) ġew stabbiliti ġuridikament. Madankollu, it-trasferiment ta' assi u responsabbiltajiet bejn l- ISO u t-Transco għad irid ikun komplut. Din is-sitwazzjoni mhix qiegħda tħalli lil dawn il-korpi jsiru totalment operattivi. Strateġija nazzjonali għall-enerġija għadha ma ġietx żviluppata. Rigward is- soċjetà ta' l-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni , l-Awtorità Regolatorja indipendenti tal-Komunikazzjonijiet ħadmet ħafna biex tħejji għal kompetizzjoni effiċjenti fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet. B'danakollu, sar progress limitat fejn jidħlu x-xandir pubbliku u t-twaqqif ta' Aġenzija ta' l-Informazzjoni. Ma sar ebda żvilupp ta' importanza fil-qasam tal- kontroll finanzjarju intern fis-settur pubbliku ( PIFC ). Ittieħdu xi passi fil-qasam ta' l- istatistika , partikolarment bl-iffirmar ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet għall-istatistika tal-pajjiż kemm fil-livell Statali u kemm fil-livell ta' l-Entitajiet. Madankollu, jinħtieġu aktar sforzi sinifikanti biex tiġi stabbilita f'Bożnja u Ħerzegovina sistema effikaċi ta' l-istatistika li tkun konformi man-normi ta' l-UE. Fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , sar ċertu progress fejn jidħlu l- amministrazzjoni tal-viżi, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni . Ġiet ikkonfermata t-tneħħija ta' rekwiżiti ta' viża għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE. Il-Bożnja u Ħerzegovina ffirmat bosta ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid ma' Stati Membri ta' l-UE u pajjiżi terzi, u wriet id-disponibbiltà tagħha biex tinnegozja tali ftehim fil-livell Komunitarju. Tnaqqas l-għadd ta' viżi maħruġa fil-punti għall-qsim tal-fruntieri. Sar aktar progress lejn il-ħolqien ta' sistema ta' ażil li taħdem sew, kif ukoll fl-indirizzar tal-migrazzjoni illegali. Sar ċertu progress fejn tidħol il-ġestjoni tal-fruntieri, bl-aġġornament ta' l-Istrateġija Nazzjonali ta' l-2005 għall-Fruntieri Integrata, u bit-tlestija finali tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri. Min-naħa l-oħra, jonqsu l-fondi għall-implimentazzjoni tagħhom. Għad hemm lok għat-titjib fejn jidħlu l-kontrolli tal-fruntieri. Għad iridu jkunu indirizzati, f'kull qasam, nuqqasijiet fil-persunal u fil-faċilitajiet. Sar progress limitat fil-qasam tal- ħasil ta' flus . L-Unità ta' l- Intelligence Finanzjarja ( FIU ), fi ħdan l-Aġenzija Statali għall-Investigazzjoni u l-Protezzjoni ( SIPA ), hija nieqsa mill-persunal meħtieġ. Ma ġiet adottata l-ebda leġiżlazzjoni kontra l-ħasil ta' flus, waqt li l-infurzar tal-liġi għadu limitat. Ittieħdu ċerti passi 'l quddiem fil-ġlieda kontra d- droga , permezz ta' l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni ta' l-Abbuż ta' Narkotiċi u Prekursuri. Jeħtieġ li tiġi żviluppata politika kontra d-droga fuq livell statali li tkun konformi ma' l-istandards ta' l-UE. Il-Bożnja u Ħerzegovina għamlet ċertu progress fil- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata , kontra t-traffikar tal-bnedmin u kontra t-terroriżmu . Ġiet adottata strateġija nazzjonali biex tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata. Il-qafas ġuridiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata ġie implimentat, minkejja li l-implimentazzjoni tal-liġijiet għad trid tkompli titjieb. Is- SIPA wettqet aktar investigazzjonijiet u arresti. Issa jeħtieġ li tilħaq il-kapaċità sħiħ tagħha, speċifikament rigward l-għadd tal-persunal. Qiegħed ikun implimentat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali ta' l-2005-2007 għall-Ġlieda kontra t- Traffikar tal-Bnedmin . Inkonsistenzi bejn il-leġiżlazzjoni statali u dik ta' l-Entitajiet għadhom ifixlu il-proċess ta' prosekuzzjoni. Il-Bożnja u Ħerzegovina adottat ukoll strateġija biex tiġġieled kontra t- terroriżmu . Rigward il- protezzjoni tad-dejta , ġiet adottata l-liġi dwar il-protezzjoni ta' dejta personali, għalkemm l-Aġenzija għall-Protezzjoni tad-Dejta għadha ma twaqqfitx. Is-sitwazzjoni rigward il-ħarsien tad-dejta personali għadha sors ta' tħassib. Il-Kroazja Il-Kroazja għadha tilħaq il- kriterji politiċi . Sar progress ġenerali, iżda jinħtieġu aktar sforzi kontinwi f'diversi oqsma. Intlaħqu parzjalment il-prijoritajiet fit-terminu qasir tal-Partenarjat għall-Adeżjoni. Komplew jissaħħu d- demokrazija u l-istat tad-dritt . Madankollu, għad kemm ħafna lok għat-titjib fil-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Titjib sinifikanti f'dawn l-oqsma huma ta' l-akbar importanza biex jinħolqu sisien sodi għall-implimentazzjoni sħiħa ta' l- acquis . Bdiet il-ħidma ta' tħejjija ta' strateġija għar- riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika . F'Settembru 2006, il-gvern adotta dokument ta' politika li bih jintrabat li jfassal Att rivedut dwar il-Proċedura Amministrattiva Ġenerali sa Lulju 2007. B'danakollu, l-adozzjoni ta' qafas strateġiku ġenerali li jindirizza din il-kwistjoni kruċjali ilha ġejja u ma tistax tkompli tistenna. Is-sistema leġiżlattiva ta' amministrazzjoni li hemm bħalissa hi mimlija xkiel, u jeħtieġ li tkun issimplifikata. Il-marġni diskrezzjonali wiesa' fil-leġiżlazzjoni jwassal għal nuqqas ta' effiċjenza u ta' ċertezza ġuridika, waqt li jiffaċilita l-korruzzjoni. Liġi ġdida għas-servizz pubbliku daħlet fis-seħħ f'Jannar 2006, u ġiet adottata xi leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni marbuta magħha. Min-naħa l-oħra, is-servizz pubbliku għadu jbati minn influwenza politika mhix xierqa, minn bdil frekwenti tal-persunal u minn nuqqas ta' persunal ikkwalifikat. Bdiet l-implimentazzjoni ta' strateġija għal riforma ġudizzjarja , li hija prijorità ewlenija tal-Partenarjat għall-Adeżjoni. Saru xi tibdiliet leġiżlattivi u ta' organizzazzjoni, immirati li jtejbu l-funzjonament tal-ġudikatura. Tnaqqas l-għadd ta' kawżi pendenti, għalkemm għadu kbir. Ir-riforma għadha tinsab fi stadju bikri, u s-sistema ġudizzjarja għadha tbati minn nuqqasijiet serji. Aktar xogħol irid isir biex jitnaqqas it-tul tal-proċedimenti fil-qorti, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-kawżi, in-netwerk tal-qrati jkun razzjonalizzat u biex ikun żgurat l-infurzar tas-sentenzi. Biex tkun żgurata l-imparzjalità, jeħtieġ li jittejbu l-proċeduri għall-ħatra, it-taħriġ u d-dixxiplinar ta' l-uffiċjali ġudizzjarji. F'Marzu 2006 ġie adottat programm ġdid kontra l-korruzzjoni . Issaħħaħ l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u tal-Kriminalità Organizzata (USKOK). Dan l-aħħar ittieħdu miżuri f'xi każijiet ta' korruzzjoni li qatt ma kienu ġew mistħarrġa. Dawn l-azzjonijiet jindirizzaw parzjalment prijorità ewlenija tal-Partenarjat għall-Adeżjoni. Madankollu, il-korruzzjoni għadha problema serja. Bosta allegazzjonijiet ta' korruzzjoni għadhom ma ġewx mistħarrġa, u l-prattiċi ta' korruzzjoni sikwit jitħallew jgħaddu mingħajr kastig. L-implimentazzjoni tal-programm kontra l-korruzzjoni għadha fi stadju bikri. L-USKOK u korpi oħrajn involuti f'dan il-programm iridu jkomplu jissaħħu, u jinħtieġ koordinament mtejjeb bejniethom. Jinħtieġu implimentazzjoni sħiħa tal-programm u volontà politika qawwija biex jitkattru l-isforzi, speċjalment fejn tidħol il-korruzzjoni ta' livell għoli. Ikompli l-progress fil-qasam tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , anki jekk b'ritmu kajman. Ġie implimentat qafas ġuridiku adegwat. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nnifisha għandha titħaffef. F'Ġunju 2006, ġie emendat il-Kodiċi Penali, fost l-oħrajn biex tneħħew is-sentenzi ta' priġunerija għal libell, u biex ġiet inkluża tifsira usa' ta' l-hekk imsejħa "delitti ta' mibegħda". Rigward il-minoranzi, saret żieda sinifikanti fil-finanzjament, u l-gvern qiegħed jagħti aktar kas tal-pjan ta' azzjoni tad-Deċennju ta' l-Inklużjoni tal-poplu Roma. Politiċi ta' livell għoli wrew l-impenn tagħhom lejn l-integrazzjoni tal-minoranzi. B'danakollu, jinħtieġu aktar sforzi fil-ġlieda kontra l-intolleranza u fit-tħeġġiġ ta' rikonċiljazzjoni, kif ukoll biex min ikun risponsabbli għal delitti li mid-dehra huma motivati etnikament jiġi mistħarreġ u mħarrek kif xieraq. L-implimentazzjoni tal-Liġi Kostituzzjonali dwar il-Minoranzi Nazzjonali għadha miexja wisq bil-mod, fuq kollox fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' impjieg għall-minoranzi. Dawn il-kwistjonijiet huma prijoritajiet ewlenin tal-Partenarjat għall-Adeżjoni. Strateġija u pjan ta' azzjoni komprensivi dwar kull għamla ta' diskriminazzjoni għadhom ma ġewx adottati. Saru xi każijiet ta' ndħil politiku fil-mezzi tal-komunikazzjoni. Ġew adottati pjanijiet immirati li jtejbu d-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, u issa għandhom jiġu implimentati. F'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali , tkompla l-koordinament bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja ( ICTY ), kif inhu meħtieġ bħala prijorità ewlenija tal-Partenarjat għall-Adeżjoni, waqt li ġiet żgurata l-konformità ġenerali mal-ftehimiet ta' Dayton u ta' Erdut. Kompliet titjieb il-prosekuzzjoni ta' reati tal-gwerra fil-Kroazja. Madankollu, ix-xaqlib kontra l-imputati Serbi għad irid ikun indirizzat. Il-kwistjoni tal-protezzjoni tax-xhieda qiegħda tiġi indirizzata mill-Prosekutur ta' l-Istat, iżda mhix qiegħda tiġi indirizzata kif xieraq fis-sistema ġudizzjarja usa'. Il-progress rigward ir-ritorn ta' rifuġjati, li hija prijorità ewlenija tal-Partenarjat għall-Adeżjoni, ma kienx kostanti. Filwaqt li l-kwistjonijiet tar-rikostruzzjoni u t-teħid lura ta' proprjetà ġeneralment ġew indirizzati tajjeb, hija relattivament dgħajfa l-implimentazzjoni ta' programmi ta' għajnuna għall-alloġġ għal min kellu drittijiet fuq proprjetà u jixtieq jirritorna l-Kroazja; ma sar ebda progress fl-ivvalidar tad-drittijiet għall-pensjoni. Sforzi biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali meħtieġa għas-sostenibbiltà tar-ritorn ta' rifuġjati għandhom jitħaffu. Sar progress kontinwu ġenerali fil-qasam tal-kooperazzjoni reġjonali. Dan il-progress jeħtieġ li jitkompla. Madankollu, ftit li xejn sar progress lejn is-sejba ta' soluzzjonijiet definittivi għal diversi kwistjonijiet bilaterali li għadhom pendenti mal-pajjiżi ġirien tal-Kroazja, fuq kollox fejn tidħol id-demarkazzjoni tal-fruntieri. Din il-kwistjoni hija prijorità ewlenija tal-Partenarjat għall-Adeżjoni. Jinħtieġu sforzi biex il-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien ikomplu mixjin 'il quddiem. Rigward il- kriterji ekonomiċi , il-Kroazja tista' titqies li għandha ekonomija tas-suq operattiva. Il-pajjiż suppost li għandu jiflaħ għall-pressjonijiet kompetittivi u għall-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fil-medda ta' żmien medju, dejjem jekk jimplimenta b'determinazzjoni l-programm tiegħu ta' riforma biex jitneħħew in-nuqqasijiet sinifikanti li baqa'. Ġeneralment, inżamm il-kunsens politiku dwar il-punti essenzjali tal-politika ekonomika. Politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà kkontribwixxew għal inflazzjoni baxxa, stabbiltà fir-rati tal-kambju u żieda żgħira fit-tkabbir ekonomiku. Żdied l-investiment privat u naqas il-qgħad. Tkompla t-tisħiħ fiskali bil-mod il-mod bl-għajnuna ta' żieda qawwija fid-dħul. Ittieħdu xi miżuri biex in-nefqa fuq is-saħħa tkun ikkontrollata aħjar. Komplew jiġu ssimplifikati l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta' impriżi. Is-settur bankarju kompla jikber, u twaqqfet aġenzija ġdida għas-sorveljanza tas-settur finanzjarju mhux bankarju. Tjiebet l-infrastruttura tat-toroq. Sar aktar progress fit-tisħiħ tal-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Ittieħdu passi inizjali lejn ir-ristrutturar tas-sistema ferrovjarja, li s'issa qiegħda tagħmel telf. L-ekonomija tal-Kroazja tinsab integrata sew ma' dik ta' l-UE. Madankollu, żbilanċi sinifikanti li kull ma jmorru qed jikbru fil-kontijiet kurrenti u tal-kummerċ, flimkien ma' dejn barrani għoli, ifissru riskji potenzjali għall-istabbiltà makroekonomika. Is-sussidji lil impriżi li qegħdin jagħmlu telf, u livell għoli ta' nefqa attwali, għadhom itaqqlu l-baġit pubbliku. Ir-ritmu tar-riformi strutturali kien ġeneralment kajman. Ftit sar progress fl-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' privatizzazzjoni u fir-ristrutturar ta' l-impriżi. L-iżvilupp ta' settur privat aktar dinamiku tfixkel minn nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika u fil-ġudikatura, sitwazzjoni li ttellef il-proċeduri tad-dħul fis-suq u tal-ħruġ mis-suq, kif ukoll l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà u tal-kreditur. L-interventi statali fl-ekonomija baqgħu sinifikanti. Jinħtieġu sforzi akbar sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-Kroazja tejbet il- kapaċità tagħha biex tassumi l-obbligi ta' l-adeżjoni . Sar xi progress fil-biċċa l-kbira ta' l-oqsma, fuq kollox f'termini ta' konformità tal-leġiżlazzjoni. Il-progress varja ħafna fost il-kapitoli. Rigward il-livell ġenerali tal-konformità u tal-kapaċità amministrattiva, għad baqa' ħafna xi jsir. Prijoritajiet fit-terminu qasir tal-Partenarjat għall-Adeżjoni għad iridu jintlaħqu f'bosta oqsma. Il-progress fir-rigward tal- moviment liberu tal-merkanzija kien limitat u irregolari. Sar inqas progress fl-istrateġija l-qadima milli fl-istrateġija globali l-ġdida. Għad jinħtieġu sforzi konsiderevoli fejn tidħol il-leġiżlazzjoni u f'kull qasam tal-kapaċità amministrattiva. F'dak li għandu x'jaqsam mal- moviment liberu tal-ħaddiema , il-progress kien limitat. Jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex tiġi żviluppata l-kapaċità għall-koordinament ta' sistemi ta' sigurtà soċjali. Sar progress limitat rigward il- libertà ta' stabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi . Il-konformità kumplessiva laħqet livell raġonevoli, għalkemm f'ċerti oqsma għad jinħtieġu sforzi kbar. Il-Kroazja għamlet xi progress rigward il- moviment liberu tal-kapital . Madankollu, jinħtieġu sforzi akbar, fuq kollox fil-qasam tal-ħasil ta' flus, u fejn jidħlu l-proċeduri għall-akkwist ta' proprjetà minn ċittadini ta' l-UE. Sar progress limitat fil-qasam ta' l- akkwist pubbliku . Jinħtieġu aktar sforzi konsiderevoli biex titfassal strateġija globali għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni u biex tissaħħaħ l-istruttura istituzzjonali. Rigward il- liġi tal-kumpaniji , sar progress tajjeb. Saru xi tibdiliet sinifikanti fil-leġiżlazzjoni tal-qasam tal-kontabilità ta' kumpaniji u l-ivverifikar. L-allinjament miexi sew, għalkemm il-monitoraġġ u l-infurzar ta' konformità minn kumpaniji jeħtieġu sforzi kontinwi. Sar xi progress fil- liġi tal-proprjetà intellettwali , partikolarment fejn jidħol l-infurzar tagħha. Madankollu, jinħtieġu sforzi kostanti. Fil-qasam tal- politika tal-kompetizzjoni , il-Kroazja kompliet tagħmel progress, sew fl- anti-trust sew fl-għajnuna mill-istat. Madankollu, għandha tkattar sew l-isforzi tagħha. Jinħtieġ aktar allinjament importanti tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll tisħiħ tal-kapaċità amminstrattiva u aktar effiċjenza fl-infurzar. Pjanijiet vijabbli ta' ristruttur fis-setturi ta' l-azzar u tal-bini tal-bastimenti għandhom jiġu adottati b'mod urġenti. L-għajnuniet fiskali għadhom joħolqu ħafna problemi. Għad iridu jinqdew l-obbligi fl-ambitu tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-Kroazja għamlet xi progress fil-qasam tas- servizzi finanzjarji , b'mod partikolari billi saħħet il-konformità tal-leġiżlazzjoni ta' l-assigurazzjoni u billi waqqfet awtorità integrata għas-sorveljanza tas-settur mhux bankarju. L-allinjament mexa 'l quddiem sew, iżda l-isforzi jridu jiżdiedu. Sar xi progress fil-qasam tas- soċjetà ta' l-informazzjoni u l-mezzi tal-komunikazzjoni . Issaħħet il-kompetizzjoni fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet. L-allinjament tal-leġiżlazzjoni rigward il-komunikazzjonijiet elettroniċi u t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni huwa moderatament avvanzat. Madankollu, jeħtieġ li l-Aġenzija Kroata għat-Telekomunikazzjonijiet tkompli tissaħħaħ. Jinħtieġ ukoll aktar allinjament tal-leġiżlazzjoni fil-qasam awdjoviżiv u tal-mezzi tal-komunikazzjoni. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l- agrikoltura nkiseb progress raġonevoli, b'mod partikolari fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' żvilupp rurali, f'politiki għall-kwalità u fil-biedja organika. Min-naħa l-oħra, it-twaqqif ta' strutturi amminstrattivi għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll tal-Politika Agrikola Komuni għadu fi stadju bikri. Rigward is- sajd , il-Kroazja għamlet xi progress biex tkompli żżid il-konformità tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġestjoni ta' flotot u riżorsi, kif ukoll biex issaħħaħ is-servizzi ta' spezzjoni. Jinħtieġu aktar sforzi biex jimtlew ċerti lakuni, inklużi l-ħolqien ta' reġistru kompjuterizzat tal-flotot tas-sajd, sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti ( VMS ), il-ġbir ta' dejta, u sistema msaħħa ta' spezzjoni. L-għajnuniet mill-istat għandhom ikunu allinjati wkoll. Sar ċertu progress fl-allinjament tal- politika veterinarja, fitosanitarja u alimentari . Madankollu, għad jinħtieġu sforzi kbar, inklużi l-adozzjoni ta' strateġija komprensiva għas-sikurezza alimentari u l-leġiżlazzjoni ta' qafas meħtieġa. Sar progress tajjeb fil- politika tat-trasport . Tkompla l-allinjament fit-trasport bit-triq, bl-ajru u dak marittimu. Madankollu trid tkun adottata aktar leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, u jinħtieġu aktar sforzi speċjalment fejn tidħol il-kapaċità amministrattiva. Sar ukoll xi progress fil-qasam ta' l- enerġija , inkluż fejn tidħol is-sigurtà tal-provvista ta' enerġija, kif ukoll is-suq intern ta' l-enerġija u tal-gass. Il-Kroazja rratifikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija. B'danakollu għad jinħtieġu aktar sforzi, partikolarment rigward l-effiċjenza ta' l-enerġija, is-sikurezza nukleari u t-tisħiħ regolatorju. Sar progress limitat fil-qasam tat- tassazzjoni . Il-progress ġenerali tal-konformità tal-leġiżlazzjoni għadu limitat. L-amministrazzjoni fiskali għandha bżonn tkun immodernizzata b'mod sinifikanti, u jeħtieġ li tittejjeb l-interkonnettività tas-sistemi informatiċi. Il-Kroazja għamlet xi progress fil-qasam ta' l- unjoni ekonomika u monetarja . It-tħejjijiet ġeneralment mixjin sew. Madankollu, għad jinħtieġu aktar sforzi, fuq kollox biex tkun żgurata l-indipendenza totali tal-Bank Ċentrali. Il-Kroazja għamlet progress tajjeb f'kull qasam ta' l- istatistika . Jinħtieġu sforzi kontinwi, u fuq kollox finanzjament nazzjonali sostenibbli. Rigward il- politika soċjali u ta' l-impjiegi , sar progress limitat. Hemm bżonn sforzi konsiderevoli biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva li f'dan il-qasam għadha dgħajfa. Il-Kroazja għamlet progress irregolari fejn tidħol il- politika industrijali u ta' l-impriża . Filwaqt li sar progress tajjeb fl-ambjent tan-negozju u fil-politika għall- SMEs , għad fadal sfidi ewlenin rigward ir-ristrutturar ta' l-impriżi, partikolarment fis-setturi ta' l-azzar u tal-bini tal-bastimenti. Sar xi progress fin- Netwerks Trans-Ewropej . Sar ukoll xi progress fejn jidħlu l- politika reġjonali u l-koordinament ta' l-istrumenti strutturali. B'danakollu, jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex jitwaqqfu l-istrutturi amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-finanzjament mill-UE. Sar xi progress f'dak li għandu x'jaqsam mal- ġudikatura u d-drittijiet fundamentali . Madankollu, jeħtieġ titjib sinifikanti fir-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Għad hemm aktar lok għat-titjib fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-Kroazja kisbet progress fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , partikolarment fil-ġestjoni tal-fruntieri, il-politika tal-viżi u l-ażil. Madankollu, il-pjan ta' azzjoni għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri għandu jkun aġġornat, u t-tagħmir irid jiġġedded. Jinħtieġu sforzi konsiderevoli u kostanti biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u ta' infurzar, fuq kollox rigward il-kriminalità organizzata. Sar aktar progress raġonevoli fil-kapitoli dwar ix- xjenza u r-riċerka u l- edukazzjoni u l-kultura . Fiż-żewġ każijiet, intlaħaq livell kumplessiv tajjeb ta' preparazzjoni. Fuq livell ġenerali, fil-qasam ta' l- ambjent sar progress tajjeb, fuq kollox rigward l-arja u l-ilma, il-ħarsien tan-natura, il-prodotti kimiċi u l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM). Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-firxa u tal-kumplessità ta' dan il-kapitolu, għad jinħtieġu sforzi kbar ħafna. Il-kapaċità amministrattiva hija dgħajfa ħafna, u jonqsu strateġiji għall-finanzjament ta' l-investimenti sinifikanti meħtieġa. Il-Kroazja għamlet progress limitat fejn jidħol il- ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa . Għad trid tiżdied ħafna l-konformità tal-leġiżlazzjoni, u s-sorveljanza tas-suq tinsab 'il bogħod mill-istandards ta' l-UE. Fil-qasam ta' l- unjoni doganali , il-Kroazja kisbet ċertu progress, partikolarment billi kompliet tallinja l-proċeduri doganali u l-protezzjoni doganali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali. Madankollu, jinħtieġ tisħiħ sinifikanti tal-kapaċità amministrattiva u ta' l-interkonnettività tas-sistemi informatiċi. Il-Kroazja kisbet xi progress fil-qasam tar- relazzjonijiet esterni . Rigward il- Politika Barranija, tas-Sigurtà u tad-Difiża , il-progress tkompla. Il-Kroazja kompliet tallinja ruħha sistematikament mad-dikjarazzjonijiet ta' l-UE u ma' strumenti oħrajn tal-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni (PESK). Sar xi progress fejn jidħol il- kontroll finanzjarju , fuq kollox rigward il-Kontroll Finanzjarju Intern fis-settur pubbliku, l-ivverifikar estern u l-protezzjoni ta' l-euro kontra l-iffalsifikar. B'danakollu, tinħtieġ aktar kapaċità għall-verifika interna u għall-ġestjoni finanzjarja. L-istrutturi biex iħarsu l-interessi finanzjarji ta' l-UE għad iridu jsiru operattivi. Ma sar ebda progress partikolari fejn jidħlu d- dispożizzjonijiet finanzjarji u tal-baġit . L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja Kif ġie nnutat fl-Opinjoni tas-sena li għaddiet dwar l-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja miexja sew fit-triq lejn is-sodisfazzjon tal- kriterji politiċi . Madankollu, fl-2006, ir-ritmu tar-riformi naqas, u l-pajjiż jeħtieġ ikattar l-isforzi tiegħu. Intlaħqu parzjalment il-prijoritajiet politiċi fit-terminu qasir tal-Partenarjat għall-Adeżjoni. L-implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehim ta' Qafas ta' Ohrid ikkontribbwiet għall-istabbiltà tal-pajjiż u għat-tisħiħ tad- demokrazija u l-istat tad-dritt . Sabiex jinkiseb aktar progress, jinħtieġ li l-partiti politiċi kollha jagħmlu l-isforzi neċessarji biex jibnu kunsens, f'konformità sħiħa ma' l-ittra u l-ispirtu tal-Ftehim. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għamlet progress fit-tisħiħ tal-proċess elettorali bħala tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari ta' Lulju. Ġie rriformat il-qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-elezzjonijiet, konformement mar-rakkomandazzjonijiet ta' l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ( ODIHR ). Din ir-riforma hija prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. F'Lulju, il-proċess elettorali sar fil-biċċa l-kbira f'konformità ma' l-istandards internazzjonali. B'danakollu, xorta kien hemm xi irregolaritajiet qabel l-elezzjonijiet u matulhom. Se jinħtieġu sforzi kbar biex jiġi żgurat li l-istandards jintlaħqu għalkollox fl-elezzjonijiet li jmiss. Jinħtieġ djalogu kostruttiv fost il-partiti politiċi kollha fil-gvern, speċjalment fil-Parlament, sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet jaħdmu kif xieraq. Rigward ir- riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika , tkompliet l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Ħaddiema tas-Servizz Pubbliku tas-sena 2000. Ittieħdu passi biex tittejjeb il-ġestjoni ta' l-amministrazzjoni u t-trasparenza fid-deċiżjonijiet pubbliċi. Il-proċess ta' deċentralizzazzjoni mexa 'l quddiem, u bdew jitjiebu s-servizzi pubbliċi. Jinħtieġ impenn qawwi kontinwu min-naħa tal-gvern u tal-muniċipalitajiet biex jilqgħu għall-isfidi li fadal. Madankollu, il-ħatriet u s-sensji fl-amministrazzjoni għadhom qed ikunu influwenzati politikament. Saru tibdiliet fuq skala kbira fl-amministrazzjoni wara l-bidla tal-gvern. Jinħtieġ li jissaħħu l-indipendenza u l-professjonalità ta' l-amminstrazzjoni, kif ukoll il-kapaċità amministrattiva. Bdiet riforma importanti tas- sistema ġudizzjarja , kif inhu mitlub fil-Partenarjat Ewropew. Fil-biċċa l-kbira, il-qafas ġuridiku u kostituzzjonali għal ġudikatura indipendenti u effiċjenti sal-lum ġie implementat. L-implimentazzjoni b'suċċess tar-riforma għadha sfida kbira u prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, u se titlob sforzi kontinwi u ritmu kostanti ta' ħidma. Għad iridu jittieħdu passi biex ikun żgurat stat tad-dritt effikaċi madwar il-pajjiż kollu. L-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-korp tal-pulizija wettqet prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, wara dewmien li kien naqqas ir-ritmu tar-riforma tal-korp tal-pulizija. Tinħtieġ kooperazzjoni kostruttiva bejn il-gvern u l-oppożizzjoni biex tiżgura li l-implimentazzjoni tagħha timxi ħarir. Issaħħaħ il-qafas ġuridiku u istituzzjonali għall- ġlieda kontra l-korruzzjoni . Tjiebu l-kooperazzjoni u l-koordinament fost il-korpi involuti. B'danakollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa sew. Bosta allegazzjonijiet ta' korruzzjoni għad iridu jkunu mistħarrġa. Jinħtieġu implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni u volontà politika qawwija biex jitkattru l-isforzi. F'dak li għandu x'jaqsam mad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , tkompliet l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Ohrid. Fuq livell ġenerali, ir-relazzjonijiet bejn il-gruppi etniċi komplew jitjiebu. Madankollu, għad jinħtieġu aktar sforzi konsiderevoli f'għadd ta' oqsma. Ġie emendat il-Kodiċi Penali biex tneħħew is-sentenzi ta' priġunerija għal libell. Jinħtieġ li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-investigazzjoni tat-trattament ħażin tad-detenuti, inkluż permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Ombudsman u l-Ministeru ta' l-Intern. L-interċettar tat-telekomunikazzjonijiet għadu jsir fin-nuqqas ta' qafas ġuridiku xieraq. Jinħtieġu aktar sforzi biex titrawwem il-fiduċja fost il-komunitajiet etniċi. Ir-rappreżentazzjoni tal-komunitajiet differenti fl-amministrazzjoni pubblika mhix indaqs. Sar xi progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni fl-ambitu tad-Deċennju ta' l-Inklużjoni tal-poplu Roma 2005-2015. Madankollu, il-qagħda tal-komunità Roma għadha waħda li tqajjem tħassib. Rigward il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompliet tikkoopera bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja ( ICTY ). Aktar progress fir-riforma tal-ġudikatura huwa fundamentali biex jitħejja t-trasferiment tal-kawżi li għandhom jintbagħtu lura mill- ICTY . Il-pajjiż żamm pożizzjoni kostruttiva fit-taħditiet dwar l-istatus tal-Kosovo. Il-ftehim bilaterali ta' non-ċediment ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika għadu mhux konformi mal-prinċipji ta' gwida ta' l-UE rigward arranġamenti bejn Stat parti mill-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Istati Uniti. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja baqgħet imsieħba attiva fil-kooperazzjoni reġjonali. Ir-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien imxew 'il quddiem; madankollu, ma sar ebda progress fil-kwistjoni ta' isem il-pajjiż, li għadha problema bla soluzzjoni. Dwar il-kwistjoni ta' l-isem, jinħtieġu sforzi mġedda bi strateġija kostruttiva sabiex tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata u li tkun aċċettabbli sew għall-Greċja sew għall-pajjiż innifsu, taħt l-awspiċji tan-NU, li b'hekk tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni reġjonali u għar-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien. Rigward il- kriterji ekonomiċi , l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mxiet 'il quddiem sew fil-ħolqien ta' ekonomija tas-suq operattiva. Jinħtieġu sforzi kontinwi ta' tisħiħ u riforma sabiex l-ekonomija tkun tista' tiflaħ għall-pressjoni kompetittiva u għall-forzi tas-suq fl-Unjoni fit-terminu medju. Il-pajjiż żamm kunsens wiesa' dwar il-punti essenzjali tal-politika ekonomika. Bħala konsegwenza ta' taħlita soda ta' politiki, komplew jiżdiedu l-istabbiltà tal-makroekonomija u l-kapaċità ta' tbassir dwarha. L-inflazzjoni baqgħet taħt kontroll. Il-kontijiet tas-settur pubbliku nżammu qrib l-ekwilibriju, waqt li kompla jonqos il-livell relattivament baxx tad-dejn tas-settur pubbliku. Il-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet u tal-kummerċ hija kważi kompluta, u tkompliet il-privatizzazzjoni ta' l-impriżi pubbliċi. Tnaqqas ix-xkiel għad-dħul fis-suq u l-ħruġ mis-suq billi ġew issimplifikati u mħaffa l-proċeduri marbutin mal-falliment, kif ukoll il-proċeduri ta' reġistrazzjoni, fi qbil ma' prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Tjiebet l-istabbiltà tas-settur finanzjarju. Barra minn hekk, ittieħdu miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-kapital uman u biex tiġġedded l-infrastruttura tal-pajjiż. Żdied b'mod sinifikanti d-dħul ta' l-investiment dirett barrani, l-aktar bis-saħħa ta' sforzi ta' privatizzazzjoni. L-integrazzjoni ekonomika ma' l-UE tinsab fi stadju avvanzat sew. Madankollu, il-funzjonament ta' l-ekonomija tas-suq għadu qed jitfixkel minn nuqqasijiet istituzzjonali, bħar-ritmu kajman tal-proċeduri amministrattivi, il-korruzzjoni, burokrazija żejda u livell baxx ta' ċertezza ġuridika. Nuqqasijiet fil-ġudikatura għadhom qed joħolqu ħafna xkiel għat-titjib aktar rapidu tal-klima tan-negozju. Barra minn hekk, is-swieq tax-xogħol u finanzjarji għadhom mhux qegħdin jaħdmu sew, sitwazzjoni li qiegħda tfixkel it-tnaqqis fil-qgħad, li huwa relattivament għoli, kif ukoll l-għoti ta' kreditu lill-impriżi. Is-sistema edukattiva ma tirriflettix biżżejjed il-ħtiġijiet tal-pajjiż. Dawn il-fatturi ppermettew biss tkabbir ekonomiku moderat. L-eżistenza ta' settur informali mdaqqas għadha toħloq ħafna tagħwiġ fl-ekonomija. Hemm konċentrazzjoni qawwija fil-firxa tal-prodotti esportati. Il-pajjiż kompla jagħmel sforzi biex itejjeb il- kapaċià tiegħu biex jassumi l-obbligi ta' l-adeżjoni . Għadu jħabbat wiċċu ma' sfidi kbar fejn jidħlu l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tal-leġiżlazzjoni. Sar xi progress fil-qadi ta' l-aktar prijoritajiet immedjati tal-Partenarjat Ewropew. Rigward il- moviment liberu tal-merkanzija , sar xi progress fejn jidħlu l-miżuri orizzontali. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' l- acquis settorjali għad trid tkun trasposta u implimentata. Sar żvilupp limitat fil-qasam tal- moviment liberu tal-ħaddiema , waqt li t-tħejjijiet għadhom fi stadju bikri. Ma sar ebda progress rigward il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi . Jinħtieġu aktar sforzi fl-allinjament ma' l- acquis . Sar xi progress fil-qasam tal- moviment liberu tal-kapital , fuq kollox fejn jidħlu s-sistemi ta' pagamenti. Madankollu, għad jinħtieġu aktar sforzi. B'mod partikolari, jinħtieġ li jissaħħaħ il-qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus. Ġie rrappurtat progress sinifikanti fil-qasam ta' l- akkwist pubbliku , fejn tqiegħdu s-sisien għall-iżvilupp ta' sistema effikaċi għalih. Madankollu ser jinħtieġu aktar sforzi, partikolarment fil-ħolqien ta' sistema effikaċi ta' rimedju. Sar progress notevoli fil-qasam tal- liġi tal-kumpaniji , partikolarment bl-introduzzjoni ta' sistema one-stop-shop li joffri servizz komplut għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, kif inhu mitlub fil-Partenarjat Ewropew. Jinħtieġu aktar sforzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli adottati. Dwar il- liġi tal-proprjetà intellettwali , sar xi progress partikolarment fil-qasam tad-drittijiet fuq il-proprjetà industrijali. Madankollu, jinħtieġ li jitkattru l-isforzi biex jissaħħu l-kapaċità ta' infurzar, l-istrutturi amministrattivi u l-volontà politika biex jkunu miġġielda l-piraterija u l-iffalsifikar, bil-għan li jkun hemm konformità mal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. It-tħejjijiet għall-allinjament ma' l- acquis għadhom fi stadju bikri. Fil-qasam tal- kompetizzjoni , ġie rrappurtat ċertu progress, għalkemm limitat l-aktar għall-qafas ġuridiku. Jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata b'mod ħafna aktar effikaċi, partikolarment rigward il-funzjonament tal-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Kompetizzjoni. Sar xi progress fil-qasam tas- servizzi finanzjarji , għax il-pajjiż kompla l-isforzi tiegħu biex iġib il-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi ma' l-istandards ta' l-UE fis-setturi varji. Madankollu għad baqa' xi nuqqasijiet, partikolarment fejn jidħol l-istandard tas-sorveljanza fis-settur bankarju u dak ta' l-assigurazzjoni. Sar progress notevoli f'ċerti sezzjonijiet tal-qasam tas- soċjetà ta' l-informazzjoni u l-mezzi tal-komunikazzjoni . Sar aktar allinjament tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni, kif ukoll fis-settur awdjoviżiv. Min-naħa l-oħra, jinħtieġ progress fil-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, sabiex ikunu żgurati l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fost l-operaturi u l-indipendenza ta' l-awtorità ta' regolamentazzjoni. B'hekk jintemm il-ksur tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tintlaħaq prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Sar xi progress fil-qasam ta' l- agrikoltura u l-iżvilupp rurali . Il-proċess ta' allinjament beda iżda għadu fi stadju bikri. Sar progress f'ċerti sezzjonijiet ta' l-oqsma tas- sikurezza alimentari, il-politika veterinarja u fitosanitarja . Madankollu, it-twettiq u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex din tinġieb konformi ma' l- acquis għadhom lura. Fil-qasam tas- sajd , it-tħejjijiet għall-allinjament fejn meħtieġ ma' l- acquis għadhom fi stadju bikri. Sar progress tajjeb f'ċerti oqsma tal- politika tat-trasport . Madankollu, jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex il-kapaċità amministrattiva fis-setturi kollha tat-trasport tissaħħaħ u tkun indaqs. Sar progress notevoli f'parti mis-settur ta' l-enerġija. L-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni hija prijorità, partikolarment fid-dawl ta' l-impenji fl-ambitu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija, li ġie rratifikat mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f'Mejju ta' l-2006. Ġie rrappuratat progress fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni marbuta mat- tassazzjoni . B'danakollu, ser jinħtieġu sforzi kbar biex tiżdied il-konformità tal-leġiżlazzjoni, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tagħha, u biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-ġbir tat-taxxa. Sar progress limitat fil-qasam tal- politika ekonomika u monetarja . Madankollu, kollox ma' kollox, it-tħejjijiet huma avvanzati sew. Sar xi progress fil-qasam ta' l- istatistika . Jinħtieġ aktar allinjament ma' l- acquis , waqt li l-kapaċità amministrattiva għandha bżonn tissaħħaħ b'mod sostanzjali. Sar progress notevoli fil-qasam tal- politika soċjali u ta' l-impjiegi , l-aktar fil-qasam tax-xogħol u fil-leġiżlazzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs. Madankollu, biċċa kbira mill- acquis għad trid tiġi trasposta, partikolarment fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol, filwaqt li jinħtieġu sforzi konsiderevoli fil-politika ta' l-impjiegi sabiex tkun indirizzata s-sitwazzjoni iebsa li s-suq tax-xogħol jinsab fiha. Sar progress limitat fil-qasam tal- politika industrijali u ta' l-impriżi . Il-pajjiż għadu nieqes minn strateġiji għall-industrija, t-teknoloġija u l-innovazzjoni, u jinħtieġu aktar sforzi fl-iżvilupp ta' strumenti u ta' politiki settorjali. Rigward in-netwerks Trans-Ewropej, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qiegħda tieħu sehem fl-inizjattivi reġjonali. Il-ħtieġa għal kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali għadha toħloq xkiel għat-tiġdid ta' l-infrastrutturi. Sar progress limitat fil-qasam tal- politika reġjonali u l-koordinament ta' strumenti strutturali . Ser jinħtieġu sforzi konsiderevoli biex tiżdied il-konformità tal-leġiżlazzjoni dwar l-iżvilupp reġjonali, kif ukoll biex jissaħħu l-qafas istituzzjonali u l-kapaċità amministrattiva. Fil-qasam tal- ġudikatura u d-drittijiet fundamentali , il-Kostituzzjoni u l-qafas ġuridiku ġew emendati biex jippermettu l-implimentazzjoni tar-riforma ġudizzjarja. Sar xi progress fil-qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Madankollu, it-titjib fl-indipendenza u fl-effiċjenza tal-ġudikatura għadu sfida kbira, u tinħtieġ volontà politika qawwija biex tkun miġġielda l-korruzzjoni. Għad hemm aktar lok għat-titjib fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Is-sitwazzjoni rigward il-ħarsien tad-dejta personali għadha sors ta' tħassib. Sar progress f'ċerti sezzjonijiet tal-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , partikolarment fejn jidħlu l-migrazzjoni u l-politika tal-viżi, kif ukoll il-ġestjoni tal-fruntieri. Teħtieġ aktar implimentazzjoni ta' l-istrateġija għall-ġestjoni tal-fruntieri. Kien aktar limitat il-progress fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, fil-kooperazzjoni mal-pulizija, u fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u d-droga. Jinħtieġu sforzi konsiderevoli u kostanti biex jissaħħu l-infurzar u l-kapaċità amministrattiva. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bdiet tfassal politika aktar integrata fil-qasam tax- xjenza u r-riċerka . Sar progress fil-qasam ta' l- edukazzjoni u l-kultura . F'dak li għandu x'jaqsam ma' l- ambjent , sar xi progress fit-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv. Madankollu, it-tħejjijiet għall-allinjament ma' l- acquis f'dan il-kapitolu għadhom fi stadju bikri, u ser jinħtieġu sforzi sinifikanti biex ikunu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Dwar il- ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa , sar xi progress fil-leġiżlazzjoni, l-aktar fil-qasam tal-miżuri marbutin mas-sikurezza. Jinħtieġ aktar allinjament leġiżlattiv, kif ukoll sforzi kostanti biex tinħoloq sistema effikaċi għall-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa madwar il-pajjiż kollu. Sar progress sostanzjali fil-leġiżlazzjoni marbuta ma' l- unjoni doganali . Fi qbil ma' prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, ġew aboliti ħlasijiet li kienu qegħdin jiksru l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Madankollu, ser ikun meħtieġ aktar tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva f'termini ta' persunal, teknoloġija informatika u tagħmir ieħor, biex tkun tista' tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni. Sar progress f'ċerti oqsma tar- relazzjonijiet esterni , partikolarment fil-qasam ta' l-oġġetti b'użu doppju, kif ukoll fl-integrazzjoni reġjonali permezz ta' l-inizjattiva CEFTA . Sar progress f'ċerti sezzjonijiet tal-qasam tal- politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża . Ser ikun meħtieġ aktar allinjament, b'mod partikolari rigward miżuri restrittivi adottati fuq livell internazzjonali. Sar progress leġiżlattiv fil-qasam tal- kontroll finanzjarju . Madankollu ser jinħtieġu sforzi konsiderevoli, partikolarment biex jissaħħu l-kontroll finanzjarju intern fis-settur pubbliku, l-ivverifikar estern u l-kapaċitajiet kontra l-frodi. Sar progress limitat fil-qasam tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u tal-baġit . Madankollu, il-prinċipji u l-istituzzjonijiet bażiċi huma fis-seħħ. Il-Montenegro Il-Montenegro għamel xi progress f'dak li għandu x'jaqsam mal- kriterji politiċi . Huwa indirizza b'mod ġenerali l-prijoritajiet ewlenin tal-Partenarjat Ewropew, iżda għad m'hemmx riżultati sinifikanti. Il-Montenegro mexxa mingħajr problemi l-proċess ġenerali li wassal għall-indipendenza, inklużi l-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tar-referendum fil-21 ta' Mejju 2006 skond ir-rekwiżiti tal-Karta Kostituzzjonali u r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Montenegro jinsab fil-proċess li jwaqqaf l-istruttura ġuridika u istituzzjonali meħtieġa mill-kompetenzi ġodda tiegħu bħala stat indipendenti. B'mod partikolari, għandu jadotta kostituzzjoni ġdida. Il-kostituzzjoni għandha tkun konformi ma' l-istandards Ewropej u adottata b'kunsens wiesa'. Il-Montenegro għandu wkoll jiffirma u jirratifika l-ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni Statali tas-Serbja u Montenegro kienet parti. Rigward id- demokrazija u l-istat tad-dritt , l- elezzjonijiet parlamentari ta' l-10 ta' Settembru 2006 tmexxew skond l-istandards internazzjonali. Il- gvern u l- parlament għamlu sforzi kostanti biex żiedu l-effiċjenza tagħhom. Il-gvern waqqaf mekkaniżmi ta' koordinament f'oqsma ewlenin ta' l-attivitajiet tiegħu. Il-parlament adotta regoli ta' proċedura ġodda. Bdew ifiġġu elementi għall-ilħiq ta' kunsens politiku dwar għażliet fundamentali inkluż dwar l-integrazzjoni Ewropea. Dan il-proċess għandu jitkompla b'determinazzjoni u jirrifletti b'mod partikolari fil-ħidma tal-parlament. Tkompla l-progress għat-twaqqif ta' qafas leġiżlattiv għar-riforma ta' l- amministrazzjoni pubblika u ġiet implimentata sistema ġdida ta' reklutaġġ. Ittejjeb it-taħriġ mogħti lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Madankollu, l-amministrazzjoni pubblika għadha tbati minn dgħjufijiet gravi. Skond prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, id-depolitiċizzazzjoni u l-professjonalità tagħha għandhom jiġu garantiti. Tkompla t-tisħiħ ġenerali tas- sistema ġudizzjarja . Dan jikkostitwixxi prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. L-adozzjoni ta' liġi dwar it-taħriġ fil-qasam ġudizzjarju u t-twaqqif ta' Ċentru statali għal Tagħlim fil-qasam ġudizzjarju huma passi lejn id-direzzjoni t-tajba. Madankollu, fadal, fil-prattika, problemi ta' effiċjenza u indipendenza. Il-kunsens emerġenti dwar ir-riformi fil-qasam ġudizzjarju għandhom ikunu segwiti minn passi konkreti għall-implimentazzjoni, u pjanijiet dalwaqt għandhom jiġu finalizzati u jaqblu ma' l-allokazzjoni ta' riżorsi xierqa. Jeħtieġ li l-ħatra u l-avvanzament ta' mħallfin u prosekuturi jkunu depolitiċizzati u bbażati fuq kriterji professjonali u oġġettivi. Żdiedet ir-rieda li jsir progress fil-qasam tal- ġlieda kontra l-korruzzjoni , partikolarment permezz ta' l-adozzjoni ta' għadd ta' dokumenti ta' ppjanar mill-Gvern, kif ukoll permezz ta' titjib fir-rappurtar. Id-direttorat ta' kontra il-korruzzjoni beda jibgħat każijiet lill-korpi kompetenti. Madankollu, il-korruzzjoni għadha problema mifruxa fil-Montenegro u l-istruttura ġuridika u istituzzjonali ġenerali turi lakuni li jippermettu l-korruzzjoni u jillimitaw il-kapaċità ta' l-istat li jipprevjeni u jieħu azzjoni kontra l-korruzzjoni b'mod effikaċi. Il-Parlament naqas milli jemenda l-liġi dwar il-kunflitt ta' interessi, li teħtieġ tkun riveduta sostanzjalment u infurzata b'determinazzjoni. Fil-qasam tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , il-Montenegro jinsab fi stadju bikri fil-proċess biex iwaqqaf struttura ġuridika u istituzzjonali minħabba l-indipendenza. Attenzjoni partikolari għandha tingħata, fil-perjodu li ġej, lill-garanziji kostituzzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, inklużi dawk fil-ħabs, il-libertà reliġjuża, in-non-diskriminazzjoni u l-qagħda tal-poplu Roma u r-rifuġjati. Għandhom jissaħħu l-indipendenza u l-professjonalità fil-mezzi ta' komunikazzjoni u l-liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni għandha tkun implimentata b'akbar determinazzjoni. L-indipendenza ta' l-awtorità tax-xandir għandha tinżamm. Dwar il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , attwalment, il- kooperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjoni għall-ex Jugoslavja hija sodisfaċenti, konformement ma' prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Din il-kooperazzjoni għandha tinżamm. L-investigazzjoni li għadha għaddejja fir-rigward tal-każ ta' l-għajbien ta' numru ta' rifuġjati Bożnijaċi fl-1992 tqajjem tħassib. Il-Montenegro jimpenja ruħu fil- kooperazzjoni reġjonali . Huwa jieħu sehem attiv fl-inizjattivi reġjonali bħal fl-oqsma ta' l-avjazzjoni, ta' l-infrastruttura tat-trasport u ta' l-enerġija. Għandu relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien. Wara l-indipendenza, is-soluzzjoni bla tfixkil ta' kwistjonijiet pendenti mas-Serbja tat kontribut siewi għall-istabbiltà reġjonali. Il-Montenegro żamm approċċ kostruttiv dwar il-Kosovo, li kien prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Rigward il- kriterji ekonomiċi , il-Montenegro għamel xi progress biex ikollu ekonomija tas-suq operattiva. Sforzi ulterjuri għal riformi għandhom ikunu segwiti sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Il-pajjiż żamm kunsens wiesa' dwar il-punti essenzjali tal-politika ekonomika. L-istabbiltà makroekonomika qiegħda tissaħħaħ. Partikolarment, it-tkabbir ekonomiku qabad ir-ritmu u l-inflazzjoni baqgħet imrażżna. Id-dejn pubbliku naqas u d-dħul tal-baġit kompla jiżdied. L-investiment dirett barrani baqa' b'saħħtu filwaqt li l-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet hija kważi lesta. Il-programm ta' privatizzazzjoni jinsab fi stadju avvanzat sew u r-reġistrazzjoni ta' l-impriżi kompliet tiġi ffaċilitata. Ittejbet il-kapaċità tal-ġudikatura biex tittratta tilwim kummerċjali. Żdiedet l-intermedjazzjoni finanzjarja u qed isir ristruttrar ta' l-industriji li joperaw b'netwerk. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku jibqa' dipendenti minn ftit setturi u impriżi prinċipali. Twessgħu l-iżbilanċi esterni. Is-suq tax-xogħol għadu riġidu u l-qgħad għadu għoli. Jeħtieġ li s-sistema ta' verifika finanzjarja ( financial audit system ) titjieb, kemm għall-kontrolli interni, kif ukoll għal dawk esterni. Il-kuntest kummerċjali għadu mxekkel mill-ambjent regolatorju, f'livell muniċipali wkoll. Il-livell ta' l-investiment fl-infrastruttura huwa baxx. Id-dejn u l-arretrati ta' xi impriżi pubbliċi għall-gvern huma mdaqqsin ferm. Jeħtieġ li tissaħħaħ l-istruttura għall-għajnuna mill-istat kif ukoll li titwaqqaf sistema ta' kontroll ex ante tal-miżuri ta' għajnuna ġodda kollha. L-impriżi pubbliċi għadhom jistennew ristrutturar ulterjuri u l-pjan ta' privatizzazzjoni għadu mhux lest. Dan l-aħħar, il-ftuħ tal-kummerċ u l-integrazzjoni kummerċjali ma' l-UE żdiedu, iżda għadhom f'livelli pjuttost baxxi. Jeħtieġ li l-proċeduri għall-privatizzazzjoni jkunu effiċjenti u ġusti. Il-Montenegro għamel xi progress fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politika tiegħu ma' l- istandards Ewropej fil-parti l-kbira tas-setturi, u mexa 'l quddiem fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tiegħu, partikolarment fil-koordinament ta' kwistjonijiet ta' integrazzjoni Ewropea, inkluż dwar in-negozjati għal Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Madankollu, għadu fi stadju bikri tal-preparattivi u jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi konsiderevoli għall-finalizzazzjoni tal-proċess tat-tfassil u t-twettiq tal-leġiżlazzjoni. Għal dak li għandu x'jaqsam mas- suq intern , il-Montenegro beda l-preparattivi leġiżlattivi u amministrattivi biex jassumi bis-sħiħ il-kompetenzi ġodda fl-oqsma ta' standardizzazzjoni, ċertifikazzjoni, metroloġija, sorveljanza tas-suq u drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-ħarsien tal-konsumatur u tas-saħħa, inklużi l-kontrolli veterinarji, fitosanitarji u tas-sajd għadhom ukoll fi stadju bikri ta' preparazzjoni. Jeħtieġ titjib fl-infurzar ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-Montenegro għandu wkoll jissieħeb fil-ftehimiet internazzjonali kollha f'dan il-qasam li tagħhom l-Unjoni Statali kienet parti. Sar progress fil-qasam tas- servizzi u d- dritt ta' stabbiliment u l- moviment liberu tal-kapital . Ir-riforma doganali mxiet 'il quddiem, iżda għad hemm problemi sinifikanti rigward il-qafas ġuridiku u l-implimentazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini. Huwa essenzjali li jsir adattament għall-istandards Ewropej f'dan il-qasam minħabba l-konklużjoni u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Dan l-aħħar, twaqqfu ħwienet duty-free mal-fruntieri ta' l-art, sitwazzjoni li tagħti lok għal tħassib billi dan iżid ir-riskju ta' kuntrabandu. Għandhom jitkomplew riformi fil-qasam tat-tassazzjoni. Intlaħaq xi progress fil-qasam tal- kompetizzjoni . Madankollu, jeħtieġ aktar progress biex tiġi stabbilita l-indipendenza operattiva u jingħataw riżorsi lill-awtorità tal-qasam tal-kompetizzjoni u fl-avvanz fil-preparattivi biex jiddaħħal u jiġi implimentat il-qafas ġuridiku għall-għajnuniet mill-istat. Sar xi progress fil-qasam ta' l- akkwist pubbliku u attwalment, il-leġiżlazzjoni emendata u sekondarja li tinsab preparata mistennija ssaħħaħ ir-rendiment tal-korpi relevanti. Madankollu, l-implimentazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta' l-akkwist pubbliku għadha mhux sodisfaċenti u teħtieġ li titjieb. Il-progress f'dawn l-oqsma huwa essenzjali għall-implimentazzjoni ta' l- SAA . Ġie rreġistrat progress limitat rigward il- politika ta' l-impjiegi . Il-qgħad għadu problema sinifikanti fil-Montenegro, mingħajr azzjonijiet adegwati biex ilaqqgħu l-ħtiġijiet mal-ħiliet. Il-biċċa l-kbira ta' l- acquis għad trid tiġi trasposta fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Fil-qasam ta' l- edukazzjoni , riformi attwali jfissru integrazzjoni fil-qasam Ewropew ta' l-Edukazzjoni Ogħla fil-kuntest tal-proċess ta' Bologna I li għaddej. Madankollu, għadhom meħtieġa sforzi sinifikanti għall-iżvilupp ta' ħiliet skond ir-rekwiżiti ta' l-ekonomija. Għal dak li għandu x'jaqsam mal- politiki settorjali , il-Montenegro għamel progress moderat fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew fil-qasam ta' l-industrija u ta' l- SMEs . Madankollu, il-Montenegro għamel ftit progress fis-simplifikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji. Jeħtieġ li l-ambjent tan-negozju jitjieb billi l-proċeduri amministrattiva jkunu ssimplifikati. Is-settur ta' l-azzar jeħtieġ ristrutturar biex jilħaq il-vijabbiltà u l-kompetittività. Sar xi progress fil-qasam ta' l- agrikoltura . Il-Gvern adotta strateġiji għall-iżvilupp agrikolu u għas-sajd u fetaħhom għad-diskussjoni mal-pubbliku. Il-Montenegro fassal pjanijiet għall-iżvilupp tas-settur veterinarju. Fuq livell ġenerali, għamel xi avvanzi moderati fir-riformi bis-sostenn ta' l-UE u l-allokazzjoni ta' riżorsi tal-baġit. Madankollu, l-implimentazzjoni għadha iktar baxxa mill-istandards Ewropej u jeħtieġ titjib. Il-preparattivi fil-qasam ta' l- ambjent għadhom fi stadju bikri. Ġew adottati dokumenti strateġiċi u leġiżlattivi, iżda l-kapaċità amministrattiva ambjentali fil-korpi ta' ġestjoni u kontroll għandha tissaħħaħ sostanzjalment. Rigward it- trasport u l- enerġija , ġie rreġistrat xi progress. Il-Montenegro qed jieħu sehem attiv fin-netwerks tat-trasport reġjonali u jiddeċiedi l-prijoritajiet tiegħu f'dan is-sens. Ġie rreġistrat xi progress fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport bit-triq. Fil-qasam ta' l-enerġija, ġie rreġistrat progress, partikolarment fil-qasam tar-ristrutturar tas-setturi ta' l-elettriċità u tal-gass u fil-promozzjoni ta' l-effiċjenza enerġetika. Il-Montenegro rratifika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija. Ġie nnutat xi progress fl-oqsma tal- kontroll finanzjarju intern fis-settur pubbliku u tal- verifika esterna . L-istituzzjoni statali responsabbli mill-verifika għamlet progress fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha. Madankollu, il-Montenegro se jkollu jtejjeb sostanzjalment is-sistema tiegħu ta' kontroll intern u estern, u l-istituzzjoni statali responsabbli mill-verifika għandha titjieb biex issir istituzzjoni suprema ta' verifika b'garanziji kostituzzjonali konformi ma' l-aħjar prassi ta' l-UE. Fl- istatistika , sar xi progress fir-rigward tat-twaqqif ta' sistema statistika nazzjonali fil-Montenegro. Madankollu, il-kwalità kumplessiva ta' l-istatistika għadha baxxa. L-Uffiċċju Statistiku tal-Montenegro u l-bqija tas-sistema statistika nazzjonali jeħtiġilhom titjib sostanzjali biex jimplimentaw l-impenji u biex joħorġu statistika fil-ħin, affidabbli u preċiża skond l-istandards ta' l-UE. Fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , intlaħaq xi progress dwar il- ġestjoni tal-fruntieri . Minħabba l-indipendenza, il-Montenegro assuma responsabbiltà sħiħa fil-qasam tal- politika tal-viżi, l-ażil u l-migrazzjoni . Bdew il-preparattivi biex jitwaqqaf il-qafas ġuridiku u istituzzjonali meħtieġ għall-implimentazzjoni. Ġie rreġistrat xi progress fil-qasam tal- ġlieda kontra l-ħasil ta' flus . Id-Direttorat kontra l-Ħasil ta' Flus, li jopera bħala Unità ta' Intelligence Finanzjarja, tejjeb il-kooperazzjoni tiegħu ma' l-organi għall-infurzar tal-liġi u mal-pajjiżi ġirien. Madankollu, il-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jissaħħu sostanzjalment. Sar xi progress fil-ġlieda kontra d- drogi . Il-Montenegro huwa pajjiż ta' tranżitu għat-traffikar tad-droga, u l-użu tad-droga qed jiżdied. Il-Montenegro għamel xi progress f'dak li għandu x'jaqsam mar-ristrutturar ġenerali tal- korp tal-pulizija . Madankollu, ir-riżorsi u l-mezzi disponibbli għall-pulizija, partikolarment fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, għadha mhix adegwata. Il-Montenegro rnexxielu jagħmel xi progress fir-rigward tal- ġlieda kontra l-kriminalità organizzata . F'Awissu 2006, ġie adottat pjan ta' azzjoni biex jimplimenta l-istrateġija għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Għandu jsegwi titjib tal-kapaċità ta' implimentazzjoni ta' l-organi għall-infurzar tal-liġi. Intlaħaq xi progress fil- ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin . Permezz tal-finanzjamenti pubbliċi, twaqqaf kenn għall-vittmi. Il-preparattivi qegħdin javvanzaw biex titfassal liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, rekwiżit ewlieni ta' l- SAA . Il-qagħda tal-protezzjoni tad-dejta personali għadha tqajjem tħassib. Il-Montenegro jinsab fil-proċess li jtejjeb il-kapaċitajiet tiegħu fil-qasam tal-ġlieda kontra t- terroriżmu . Is-Serbja Is-Serbja għamlet xi progress konformi mal-Partenarjat Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam mal- kriterji politiċi . Minkejja dan, għadd ta' sfidi għad iridu jkunu indirizzati. Partikolarment, is-Serbja għadha ma ssodisfatx l-obbligi internazzjonali tagħha biex tikkoopera bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni biex jissuktaw in-negozjati għall-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Dwar il- demokrazija u l-istat tad-dritt , wara l-indipendenza tal-Montenegro, is-Serbja saret l-istat suċċessur ta' l-Unjoni Statali tas-Serbja u Montenegro, skond il-Karta Kostituzzjonali ta' l-Unjoni Statali. L-awtoritajiet mexxew din it-tranżizzjoni b'mod responsabbli. Is-soluzzjoni ta' kwistjonijiet bejn iż-żewġ Repubbliki mxiet 'il quddiem mingħajr problemi. Is-Serbja wirtet il-politika u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Statali. Dan il-proċess għadu mhux totalment lest. L-adozzjoni ta' Kostituzzjoni ġdida tikkostitwixxi żvilupp li ntlaqa' tajjeb. Madankollu, hemm xi tħassib, partikolarment rigward l-indipendenza tal-ġudikatura. Il-qafas kostituzzjonali għandu jkun żviluppat bir-reqqa u implimentat biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jiggarantixxi l-kompatibbiltà f'każ ta' adeżjoni fil-ġejjieni tal-pajjiż ma' l-UE. Fir-rigward tal-Kosovo, l-istatus futur tar-reġjun se jkun iddeterminat mill-proċess politiku stabbilit skond ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il- Parlament Serb kompla l-attività leġiżlattiva intensiva tiegħu, li saret iktar trasparenti u miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Intlaqgħet tajjeb ir-reviżjoni tar-regoli ta' proċedura tiegħu. Madankollu, il-funzjonament tiegħu wera xi dgħjufijiet. Partikolarment, uħud mill-membri tal-Parlament tneħħewlhom il-mandati tagħhom b'mod kontroversjali. L-attivitajiet tal- Gvern saru iktar trasparenti. L-Uffiċċju għall-Integrazzjoni Ewropea kompla xogħlu, prinċipalment rigward il-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Partenarjat Ewropew. Madankollu, jippersisti n-nuqqas ta' koordinament fi ħdan il-Gvern. Il-ministeri kompetenti għad għandhom livelli li jvarjaw ħafna ta' kapaċitajiet u riżorsi biex jittrattaw kwistjonijiet marbuta ma' l-integrazzjoni Ewropea. Rigward ir- riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika , prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, sar progress ulterjuri fit-twaqqif ta' qafas ġuridiku għall-ħaddiema tas-servizz pubbliku. Dan issa huwa konformi ma' l-istandards Ewropej. Is-Serbja għandha kapaċità amministrattiva tajba f'għadd ta' oqsma. Jeħtieġ li din il-kapaċità tiġi żviluppata iktar fl-amministrazzjoni kollha. Il-Parlament għadu ma ħatarx Ombudsman kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni relevanti. Tkompliet ir-riforma tal- forzi armati iżda b'diffikultajiet u reżistenza minn xi elementi fi ħdan l-armata. Is-sorveljanza ċivili tal-forzi armati, li hija prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, għadha mhix sodisfaċenti. Il-Kostituzzjoni l-ġdida u r-regoli parlamentari ta' proċedura riveduti stabbilixxew il-bażi li fuqha ssir sorveljanza ċivili effikaċi. Ġiet adottata l-istrateġija ta' riforma tas- sistema ġudizzjarja u bdiet l-implimentazzjoni tagħha. Madankollu, l-indipendenza tal-ġudikatura, kwistjoni msemmija f'prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, għadha milquta mill-influwenza politika. Jistgħu jiġu nnutati tendenzi pożittivi rigward it-tħaffif tal-proċeduri fil-qrati kummerċjali. Minkejja dan, l-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja għadha mhijiex sodisfaċenti. It-twaqqif ta' qrati amministrattivi u ta' qrati ta' l-appell reġa' ġie pospost. Ġew adottati l-istrateġija nazzjonali u l-pjan ta' azzjoni relevanti għall- ġlieda kontra l-korruzzjoni . Inkisbu riżultati konkreti f'xi setturi. B'danakollu, il-korruzzjoni għadha tqajjem tħassib. Għad jeħtieġ li titwaqqaf struttura istituzzjonali ċara u effikaċi. Fir-rigward tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem kompliet titjieb fuq livell ġenerali. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħa post il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Minoranzi ta' l-Unjoni Statali. Minkejja dan, ir-rendiment ta' l-Uffiċċju għad irid ikun ivverifikat. Il-liġi l-ġdida għall-knejjes u l-organizzazzjonijiet reliġjużi ma tiggarantixxix it-trattament indaqs tal-gruppi reliġjużi. Għadha tonqos liġi komprensiva għall-anti-diskriminazzjoni u jinħtieġu iktar sforzi għall-promozzjoni tat-tolleranza. Jeħtieġu wkoll aktar sforzi biex ikun prevenut ir-rikors għat-tortura. Il-kwistjoni tar-restituzzjoni tal-proprjetà għadha pendenti. Ittieħdu miżuri bil-għan li jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-membri tal-minoranzi fis-sistema edukattiva u r-rappreżentanza tagħhom fl-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, fil-qasam ta' l-informazzjoni mogħtija bil-lingwi minoritarji, il-problemi ppersistew. Kompliet titjieb il-qagħda interetnika fil-Vojvodina. Għadha preżenti s-sitwazzjoni ta' tensjoni fin-Nofsinhar tas-Serbja. F'Sandžak, saru xi inċidenti fil-komunità Bożnijaka. Il-Gvern adotta għadd ta' pjanijiet ta' azzjoni dwar il-poplu Roma. Madankollu, il-qagħda tagħhom għadha prekarja. L-integrazzjoni lokali tar-rifuġati, partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli, tibqa' diffiċli. Dwar il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , is-Serbja kompliet tagħti l-kontribut tagħha lill-kooperazzjoni reġjonali u tħaddan politika mmirata lejn it-titjib tar-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha. Sar progress fil-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' l-avjazzjoni, l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija. Is-Serbja għadha ma ssodisfatx l-obbligi internazzjonali tagħha biex tikkoopera bis-sħiħ mal-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja, li tikkostitwixxi prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. L-awtoritajiet Serbi jipparteċipaw fit-taħditiet politiċi dwar l-istatus futur tal-Kosovo, imnedija fl-2005 taħt l-awspiċi tan-NU. Madankollu, il-gvern ta' Belgrad skoraġġixxa l-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fl-istituzzjonijiet provviżorji ta' tmexxija awtonoma. Jeħtieġ li s-Serbja tadotta approċċ kostruttiv, konformi mal-prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Rigward il- kriterji ekonomiċi , is-Serbja għamlet progress notevoli biex ikollha ekonomija tas-suq operattiva. Sforzi għal stabilizzazzjoni u għal riformi għandhom ukoll ikomplu sabiex tkun tista' tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Ġeneralment, fl-2005, inżamm kunsens dwar id-direzzjoni tal-politika u r-riforma ekonomika. It-tkabbir ekonomiku tkompla. Bl-għajnuna ta' l-irkupru mill-esportazzjonijiet, id-defiċit tal-kont kurrenti naqas. Tqawwew ir-riżervi f'munita barranija minħabba l-influssi tal-kapital f'forma ta' dħul mill-privatizzazzjoni kif ukoll minn self minn impriżi u banek kummerċjali barranin. L-investiment dirett barrani kompla jikber, l-aktar dak relatat mal-privatizzazzjoni. Il-politika monetarja saret iktar stretta u l-konsolidament fiskali tkompla fl-2005 bis-saħħa ta' tnaqqis fl-infiq u ta' dħul fiskali qawwijin. Naqas id-dejn pubbliku ġenerali. Sar progress konkret fir-riforma tal-pensjonijiet u r-reġistrazzjoni ta' kumpaniji. Avvanzat il-privatizzazzjoni ta' kumpaniji kollettivi u tas-settur bankarju. Il-preparattivi għar-ristrutturar u l-privatizzazzjoni ta' kumpaniji ta' l-istat saru iktar intensi. Sar ċertu progress fil-ħolqien tal-qafas regolatorju meħtieġ għall-industriji li joperaw b'netwerk. L-integrazzjoni ekonomika ma' l-UE mxiet 'il quddiem. Madankollu, l-inflazzjoni u d-defiċit estern baqgħu relattivament għoljin. Mill-bidu ta' l-2006, il-konsolidament fiskali waqaf. L-aċċelerazzjoni prevista ta' l-investiment pubbliku tirriskja li tipperikola konsolidament fiskali ulterjuri u l-istabbiltà makroekonomika. Żdied id-dejn estern billi kiber is-self tas-settur privat. Il-qgħad kompla jżid u l-investiment f'żoni ġodda għadu negliġibbli. Is-settur ta' l-impriżi għadu kumplessivament dgħajjef, ukoll minħabba n-nuqqas ta' kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali u progress kajman fir-ristrutturar tal-kumpaniji, il-privatizzazzjoni u l-proċeduri ta' ħruġ mis-suq. Il-leġiżlazzjoni dwar il-falliment il-ġdida għadha mhijiex applikata ta' spiss. Is-swieq tal-kapital għadhom fi stadju bikri ħafna. L-intervent ta' l-Istat fl-ekonomija baqa' prevalenti. Is-Serbja għamlet progress tajjeb fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika tagħha ma' l- istandards Ewropej fil-parti l-kbira tas-setturi. Fuq livell ġenerali, is-Serbja kompliet issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħha biex tkun tista' timplimenta sew l- SAA . Madankollu, fid-dawl tal-mixja tagħha lejn l-integrazzjoni ma' l-UE, jinħtieġu sforzi għat-tlestija tal-proċess u l-implimentazzjoni leġiżlattiva, primarjament f'oqsma fejn hemm interessi qawwijin involuti. Is-Serbja mxiet 'il quddiem sew fl-approssimazzjoni fuq livell ta' leġiżlazzjoni u amministrazzjoni tagħha ma' l- acquis Komunitarju fil-qasam tas- suq intern . Bil-għan li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, is-Serbja għamlet sforzi kontinwi fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ma' dik ta' l-UE matul is-sena li għaddiet. Ġie rappurtat progress partikolari fl-oqsma ta' l- istandardizzazzjoni, l-evalwazzjoni tal-konformità, l-akkreditament, il-metroloġija, il-moviment tas-servizzi, l-anti-trust, il-liġi tal-kumpaniji u d-dwana. Il-qafas leġiżlattiv fil-qasam ta' l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-metroloġija ġie issa stabbilit u jeħtieġ ikun implimentat. Ġiet adottata sensiela ta' liġijiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex ir-regoli ta' l-UE jkomplu jkunu approssimati. Sa fl-aħħar, twaqqaf korp indipendenti għall- anti-trust . L-amministrazzjoni doganali għamlet progress sostanzjali fil-kontroll u l-ġestjoni tal-leġiżlazzjoni doganali. F'ċerti oqsma, jeħtieġ li s-Serbja tagħmel sforzi mhux biss biex timplimenta iżda wkoll biex tibbenefika bis-sħiħ mill-Ftehim tal-ġejjieni. Jeħtieġ li s-Serbja ssaħħaħ l-istrutturi amministrattivi, b'mod partikolari f'xi oqsma bħat- tassazzjoni, il-kontroll ta' l-għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ħarsien tal-konsumatur. Il-qafas leġiżlattiv huwa relattivament avvanzat fl-ambitu ta' l-akkwist pubbliku u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Jeħtieġu aktar sforzi biex tintlaħaq implimentazzjoni u infurzar adegwati. Is-Serbja teħtieġ tirrevedi t-tassazzjoni diskriminatorja tal-merkanzija barranija u timpenja ruħha għall-kodiċi ta' kondotta ta' l-UE dwar it-tassazzjoni ta' l-impriżi. Għad irid jiġi adottat il-qafas ġuridiku għall-kontroll ta' l-għajnuna mill-istat u tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva. Jeħtieġ li l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Konsumatur jissaħħaħ iktar. Fir-rigward tal- politiki settorjali , is-Serbja għamlet progress tajjeb f'għadd ta' oqsma: l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-politika soċjali, il-politika dwar l-SMEs, il-politika agrikola, l-istatistika, l-enerġija, l-avjazzjoni u l-infrastruttura tat-trasport . Is-Serbja waqqfet qafas ġuridiku ġdid għall-edukazzjoni ogħla u kompliet timplimenta b'mod effikaċi l-Karta Ewropea għall- SMEs . Is-Serbja għamlet iktar sforzi biex tirriforma u timmodernizza s-settur agrikolu tagħha u ħadet sehem attiv fit-titjib tan-netwerks tat-trasport fir-reġjun. Is-Serbja ffirmat l-Ftehim li jistabbilixxi Żona ta' l-Ajru Ewropea Komuni. Is-Serbja qed tieħu sehem attiv fl-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Netwerk ta' Qofol tat-Trasport Reġjonali u l-Osservatorju tat-Trasport ta' l-Ewropa tax-Xlokk. Is-Serbja rratifikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija. Jinħtieġu aktar sforzi f'ċerti oqsma biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' l- SAA u l-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew. Dan jinkludi l-approssimazzjoni ma' l-UE fl-oqsma tas- sikurezza alimentari, l-ambjent, is-soċjetà ta' l-informazzjoni u l-kontroll finanzjarju . Dwar is-sikurezza alimentari, jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva tissaħħaħ iktar, speċjalment fl-qasam fitosanitarju. Fejn jidħol l-ambjent, jeħtieġ li s-Serbja ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, tiżviluppa leġiżlazzjoni ġdida u tiggarantixxi implimetazzjoni u infurzar xierqa. Fir-rigward tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni, jeħtieġ li l-awtorità għar-regolamentazzjoni tat-telekomunikazzjoni tissaħħaħ biex ittejjeb il-kompetizzjoni fis-settur. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-mezzi ta' komunikazzjoni, il-qafas ġuridiku jqajjem tħassib, primarjament fir-rigward tal-kapaċitajiet tal-korp ta' regolamentazzjoni. Fil-qasam tal-kontroll finanzjarju, jeħtieġ li s-Serbja tintroduċi strateġija li twaqqaf sistema ta' Kontroll Finanzjarju Intern fis-settur pubbliku. Fir-rigward tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , is-Serbja wirtet il-kompetenzi relevanti ta' l-Unjoni Statali fl-oqsma ta' l-amministrazzjoni tal-viżi, il- ġestjoni tal-fruntieri , l- ażil u l- migrazzjoni . Għad għandha tkun adottata l-Liġi dwar il-Barranin li tiddefinixxi r-reġim tal-viżi tal-ġejjieni. Ġew adottati l-istrateġija nazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-pjan ta' azzjoni ta' implimentazzjoni. Il-Liġi dwar il-Fruntieri ta' l-Istat ma ġietx adottata. It-trasferiment tal-kontroll tal-fruntieri mill-awtoritajiet militari għal dawk ċivili għadu għaddej. Fil-qasam ta' l-ażil, għad trid tiġi adottata l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni li tirregola l-proċeduri biex jintlaqgħu u jitħarsu l-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil. Hemm nuqqas ta' infrastruttura adegwata u persunal ikkwalifikat. Ġew iffirmati għadd ta' ftehimiet ta' ammissjoni mill-ġdid. Għad jonqos qafas ġuridiku u finanzjarju għall-integrazzjoni ta' persuni li ġew ammessi mill-ġdid. Inkisbu xi riżultati fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali, iżda dan il-qasam ikompli jqajjem tħassib. Il-liġi l-ġdida dwar il- korp tal-pulizija ġiet implimentata pjuttost bil-mod. Għadha ma ġietx adottata l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi ta' sigurtà. Dwar il-ġlieda kontra l- ħasil ta' flus , il-leġiżlazzjoni ġiet approvata iżda għad mhemmx biżżejjed kooperazzjoni bejn l-aġenziji kompetenti. Il- kriminalità organizzata għadha tqajjem tħassib. Il-pjan ta' azzjoni biex jimplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata għadu ma ġiex iffinalizzat. Hemm ħtieġa għal servizzi speċjalizzati aktar b'saħħithom fi ħdan il-korp tal-pulizija, l-aktar dawk inkarigati mill-investigazzjoni ta' reati finanzjarji. Għad trid tiġi adottata leġiżlazzjoni xierqa dwar il-qbid u l-iffriżar tal-beni, il-kontijiet bankarji u d-dħul minn reati kriminali. L-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tax-Xhieda wriet nuqqasijiet. Dwar it- traffikar tal-bnedmin , il-leġiżlazzjoni kriminali ġiet emendata u bdew jinqatgħu l-ewwel kundanni. It- terroriżmu u l-iffinanzjar tiegħu ġew introdotti bħala reati speċifiċi fil-Kodiċi Kriminali. Jeħtieġ li jitħaffu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti. Il-qagħda tal-protezzjoni tad- dejta personali għadha tqajjem tħassib. Il-Kosovo Fir-rigward tal- kriterji politiċi , il-Kosovo baqa' stabbli u għamel progress fit-trasferiment tar-responsabbiltajiet għall-istituzzjonijiet provviżorji ta' tmexxija awtonoma ( provisional institutions of self government – PISG ). Jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Ġew indirizzati biss parzjalment il-prijoritajiet ewlenin għal żmien qasir tal-Partenarjat Ewropew. Għal dak li għandu x'jaqsam mad- demokrazija u l-istat tad-dritt , il- kwistjoni ta' l-istatus iddominat il-politika tal-Kosovo. Il-partiti politiċi Albaniżi ewlenin tal-Kosovo żviluppaw djalogu iktar kostruttiv li jeħtieġ ikun sostnut. L-attenzjoni ewlenija mogħtija lill-kwistjoni ta' l-istatus wasslet għall-implimentazzjoni rapida ta' ċerti standards tan-NU iżda dewmet ir-riformi. Is-soluzzjoni tal-kwistjoni ta' l-istatus għandha toffri l-bażi għal demokrazija stabbli għan-nies kollha tal-Kosovo indipendentement min-nisel etniku tagħhom, u b'hekk tikkonsolida l-istat tad-dritt u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi. L-istituzzjonijiet tal-Kosovo għandhom jibdew jiżviluppaw viżjoni għall-ġejjieni tal-Kosovo lil hinn mill-istatus b'attenzjoni speċifika għal teħid ta' deċiżjonijiet sod, politiki fiskali prudenti, istituzzjonijiet effiċjenti u governanza tajba fil-livelli kollha. Sar progress fit-tisħiħ tar-rwol ta' l- Assemblea . Ġie adottat pakkett importanti ta' riformi, li jtejjeb is-sorveljanza fuq l-eżekuttiv, ir-responsabbiltà u t-trasparenza finanzjarja. Madankollu, il-kumitati ta' l-Assemblea mhumiex dejjem kapaċi jiżvolġu r-rwol tagħhom fil-proċess leġiżlattiv. Dan parzjalment huwa minħabba nuqqas ta' persunal ikkwalifikat li jaħdem għas-segretarjati tal-kumitati. S'issa għad ma għandhomx il-prattika ta' rapporteurs maħtura. Is-suċċessjoni tal-mejjet President Rugova u t-twaqqif ta' gvern ġdid saru mingħajr problemi. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-gvern huwa l-progress tal-Kosovo fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-gvern waqqaf aġenzija għall-integrazzjoni Ewropea u adotta pjan ta' azzjoni biex jindirizza l-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew. Rigward l- amministrazzjoni pubblika , l-istituzzjonijiet provviżorji waqqfu bord ta' sorveljanza indipendenti u kumitat pubbliku għall-ħatra ta' uffiċjali għolja. Waqqfu ministeri ġodda għall-ġustizzja u għall-intern. Il-gvern għamel xi progress fit-titjib tal-kapaċitajiet ta' koordinament u tat-tfassil ta' politika. L-awtoritajiet eżerċitaw kontroll limitat fuq ċerti żoni Serbi tal-Kosovo, partikolarment fil-muniċipalitajiet tat-Tramuntana. Madankollu, il-kapaċità amministrattiva tal-Kosovo għadha dgħajfa u fis-servizz pubbliku hemm persunal żejjed. Tinħtieġ riforma komprensiva tas-servizz pubbliku. Il-ħatriet fl-amministrazzjoni jkomplu jkunu influwenzati politikament. Fir-rigward tas- sistema ġudizzjarja , twaqqfu l-Kunsill Ġudizzjarju u l-Istituzzjoni Ġudizzjarja tal-Kosovo. Ġew trasferiti responsabbiltajiet sostanzjali lill-istituzzjonijiet provviżorji sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà lokali. Ir-rwol attwali ta' l-Assemblea fil-ħatra ta' mħallfin u prosekuturi jikkomprometti l-indipendenza tal-ġudikatura u jippermetti li kunsiderazzjonijiet politiċi u etniċi jindaħlu f'proċess ta' reklutaġġ li għandu jkun oġġettiv u tekniku. L-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Kosovo għamlu ftit progress fil-ġustizzja ċivili u kriminali. Żdiedu l-kawżi pendenti u s-sentenzi mhux dejjem qed jiġu infurzati. Fil-kawżi ta' profil għoli rigward l-irvellijiet li saru f'Marzu 2004, is-sentenzi jibqgħu problematiċi minħabba n-negliġenza tal-pulizija fl-investigazzjonijiet tal-każijiet, pieni wisq klementi u nuqqas ta' kollaborazzjoni mix-xhieda. Bħala tweġiba għal prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, il-gvern approva pjan ta' azzjoni kontra l- korruzzjoni , waqqaf kunsill ta' kontra l-korruzzjoni u l-Assemblea nnominat id-direttur ta' l-aġenzija ta' kontra l-korruzzjoni. Minkejja dan, il-korruzzjoni għadha mifruxa fil-Kosovo u ftit sar progress biex il-korruzzjoni tingħeleb b'mod effikaċi. Fil-qasam tad- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , twaqqaf bord konsultattiv biex jieħu ħsieb l-ilmenti minn persuni li jiddikjaraw ruħhom vittmi ta' ksur tad- drittijiet tal-bniedem mill-UNMIK. Il-mandat ta' l-ombudsperson internazzjonali jiskadi fi tmiem l-2005 u l-assemblea nnominat aġent ombudsperson mill-Kosovo. Fir-rebbiegħa ta' l-2006, il-President u l-Prim Ministru bdew kampanja viżibbli ħafna lejn il- minoranzi . It-tnejn li huma stiednu l-komunitajiet minoritarji biex jikkunsidraw il-Kosovo bħala pajjiżhom u biex jikkooperaw ma' l-istituzzjonijiet provviżorji ta' tmexxija awtonoma. Madankollu, il-minoranzi għadhom f'qagħda ta' żvantaġġ u aktar sforzi huma meħtieġa biex tingħeleb l-intolleranza. Saru għadd ta' attakki vjolenti kontra Serbi tal-Kosovo, partikolarment matul is-sajf ta' l-2006. Il-kundizzjonijiet jibqgħu diffiċli għal ritorn dejjiemi ta' rifuġjati u ta' persuni li kienu mġiegħla jħallu darhom. Ir-relazzjonijiet bejn is-Serbi tal-Kosovo u l-Albaniżi tal-Kosovo baqgħu kkaratterizzati minn tensjoni. Il-gvern ta' Belgrad skoraġixxa s-Serbi tal-Kosovo milli jieħdu sehem fl-istituzzjonijiet provviżorji, u s-Serbi tal-Kosovo komplew jibbojkotjawhom. Dwar il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , il-Kosovo pparteċipa b'mod aktar attiv fil-fora reġjonali u fl-inizjattivi ta' kooperazzjoni, prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew, partikolarment fl-oqsma tat-trasport u l-enerġija. Daħal fis-seħħ ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u ġew iffirmati ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Kroazja u mal-Bożnja u Ħerzegovina. Rigward il- kriterji ekonomiċi , il-Kosovo għamel progress limitat biex ikollu ekonomija tas-suq operattiva. Jeħtieġu wkoll sforzi addizzjonali konsiderevoli sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Ġeneralment, inżamm kunsens dwar il-punti essenzjali tal-politika ekonomika fil-Kosovo. L-istabbiltà monetarja kompliet tkun sostnuta mill-użu ta' l-euro bħala l-unika valuta legali. Il-politika fiskali saret iktar stretta, li tirrifletti tnaqqis mgħaġġel tas-sostenn tad-donaturi u l-eżawriment prevedibbli tar-riżervi ta' depożiti ta' flus kontanti akkumulati. B'konformità ma' rakkomandazzjoni tal-Partenarjat Ewropew, twaqqaf qafas għall-politika ekonomika tal-Kosovo għal medda ta' żmien medju, bil-għan li jiggarantixxi qagħda finanzjarja stabbli. Ġie adottat l-ewwel Qafas ta' Nfiq għal medda ta' żmien medju, li jagħti ħarsa ġenerali kkonsolidata tal-baġit u tal-ħtiġijiet ta' finanzjament barra mill-baġit, fosthom il-proġetti ta' investiment pubbliku. Il-privatizzazzjoni ta' impriżi kollettivi avvanzat sew. Intlaħaq progress konsiderevoli fl-inkorporazzjoni ta' impriżi pubbliċi, li hija prijorità ewlenija tal-Partenarjat Ewropew. Madankollu, l-istabbiltà makroekonomika għadha ma ntlaħqitx b'mod sodisfaċenti, l-aktar minħabba l-qagħda fiskali fraġli u tal-pożizzjoni insostenibbli ma' barra. Il-qgħad għadu għoli, ukoll minħabba spejjeż tal-ħaddiema eċċessivi. Dawn l-ispejjeż idgħajfu l-iżvilupp tas-settur privat u l-kompetittività ta' l-esportazzjonijiet. L-implimentazzjoni ta' l-impenji politiċi meħuda mill-awtoritajiet, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' politika fiskali sostenibbli għal tul ta' żmien medju, tibqa' sfida serja. L-attività ekonomika għadha mxekkla minn ġudikatura mhux effiċjenti u inċertezza ġuridika fir-rigward ta' l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà. L-aċċess ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju għall-finanzjament estern huwa limitat. L-infrastruttura għadha mhix soda biżżejjed u spiss hi ta' kwalità baxxa. Il-provvista enerġetika baqgħet inaffidabbli, b'hekk l-iżvilupp ekonomiku huwa ostakolat. Jeħtieġ li jkompli jitħaffef ir-ristrutturar ta' impriżi pubbliċi, partikolarment il- Kosovo Energy Corporation . Il-Kosovo għamel progress tajjeb fl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tiegħu ma' l- istandards Ewropej . Madankollu, sar progress limitat fl-implimentazzjoni effikaċi u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni adottata. Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jinħoloq ambjent amministrattiv li jiggarantixxi approssimazzjoni ulterjuri ma' l-istandards Ewropej. Fil-qasam tas- suq intern , sar xi progress fit-twaqqif ta' sistema għall- istandardizzazzjoni , iċ-ċertifikazzjoni , il-metroloġija , l-akkreditament , u l-evalwazzjoni tal-konformità . Ftit li xejn sar progress f'għadd ta' oqsma importanti oħra, pereżempju l- akkwist pubbliku , il- kompetizzjoni , u l-protezzjoni tad- drittijiet tal-proprjetà intellettwali . Ftit kien il-progress li sar fl-oqsma ta' l- impjiegi , il-politika soċjali u l- edukazzjoni . Sar progress limitat fil- moviment liberu tal-kapital . Fuq livell ġenerali, il-leġiżlazzjoni doganali hija konformi ma' l- acquis u ntlaħaq progress tajjeb bi tweġiba għall-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew f'bosta oqsma marbutin mal-kapaċità amministrattiva fil-qasam tad-dwana (eż. il-kompjuterizzazzjoni, l-analiżi tar-riskju, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni). Daħlet fis-seħħ Tariffa Integrata riveduta għall-Kosovo. Saret riorganizzazzjoni komprensiva tad-dwana tal-UNMIK u ssaħħew l-unitajiet ta' intelligence u ta' investigazzjoni. Sar xi progress fil-qasam tat-tassazzjoni, minkejja li l-ġbir ta' taxxi nazzjonali għadu dgħajjef. Dwar l-iżvilupp tal- politiki settorjali , intlaħaq progress tajjeb fis-settur tat- trasport skond il-prijoritajiet tal-Partenarjat Ewropew. Il-gvern adotta dokument politiku tat-trasport multimodali. Il-Kosovo ffirma l-Ftehim li jistabbilixxi Żona ta' l-Ajru Ewropea Komuni. Kien hemm xi titjib fir-rigward tar-ristrutturar ta' l-utilità enerġetika . L-uffiċċju għar-regolamentazzjoni ta' l-enerġija sar operattiv u ppubblika numru sostanzjali ta' liġijiet ta' implimentazzjoni. Il-Kosovo rratifika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità ta' l-Enerġija. Madankollu, il-vijabbiltà finanzjarja u l-affidabbiltà tas-settur enerġetiku jibqgħu prekarji. Ir-rati tal-ġbir tal-kontijiet għadhom f'livelli insostenibilment baxxi u s-serq u t-telf minħabba problemi tekniċi għadhom għoljin ħafna. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l- ambjent , il-progress kien pjuttost tajjeb mil-lat leġiżlattiv. Intlaħaq xi progress fis-settur agrikolu, partikolarment fil-qasam veterinarju. Intlaħaq progress tajjeb fil-qasam tal- kontroll finanzjarju . Sar progress tajjeb fil-politika awdjoviżiva u l-mezzi tal-komunikazzjoni. Il-liġi dwar ir-Radju u t-Televiżjoni tal-Kosovo ġiet ippromulgata f'April 2006. Ftit sar progress fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-soċjetà ta' l-informazzjoni. Sar xi progress fl- istatistika . Qed isiru t-tħejjijiet għaċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar. Ġiet stabbilita operazzjoni internazzjonali ta' monitoraġġ biex tgħin l-uffiċċju statistiku jħejji ċ-ċensiment u jiżgura li jsir skond l-istandards internazzjonali. Ittieħdu sforzi biex il-minoranzi jitħeġġu jieħdu sehem fl-eżerċizzji pilota taċ-ċensiment. Il-kapaċitajiet ta' l-uffiċċju statistiku jibqgħu globalment dgħajfa. Dwar il- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , intlaħaq xi progress fl-oqsma tal- ġestjoni tal-fruntieri . F'Jannar ta' l-2006, ġie ffirmat memorandum ta' ftehim bejn il-pulizija tal-fruntieri u d-dwana biex jiffaċilita l-ġestjoni integrata tal-fruntieri. Iċ-Ċentru għall-Informazzjoni Finanzjarja rriveda r-regolamenti ta' kontra l-ħasil ta' flus , b'kontributi mill-awtorità bankarja u tal-pagamenti tal-Kosovo. Ma jista' jiġi rrappurtat ebda progress fil-ġlieda kontra d- drogi . Jeħtieġ li l-kapaċitajiet tal-korp tal-pulizija lokali biex jiġġieldu d-drogi jissaħħu. Is-servizz tal-pulizija tal-Kosovo kompla jagħmel progress biex isir korp tal-pulizija professjonali. Inħatru viċi Kummissarju tal-pulizija mill-Kosovo u erba' assistenti kummissarji tal-pulizija tas-servizz tal-pulizija mill-Kosovo. Jinħtieġu aktar sfrozi biex ikun żviluppat servizz tal-pulizija effikaċi u biex jissaħħu l-kapaċitajiet lokali fl-investigazzjonijiet fl-oqsma tal-korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata. Qed isiru sforzi għall-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l- kriminalità organizzata , li tibqa' problema gravi fil-Kosovo. In-netwerks kriminali jinsabu f'bosta setturi soċjoekonomiċi u fil-politika. Li jinsab persunal tal-pulizija mill-Kosovo ta' livell għoli għadu sfida ewlenija. Għad jonqos il-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-kunfidenzjalità ta' l-identità ta' l-informaturi fil-qrati. Ftit sar progress fil-ġlieda kontra t- traffikar tal-bnedmin u l-Kosovo għadu sors u pajjiż ta' tranżitu u ta' destinazzjoni għal dan it-traffikar. Ma sar ebda progress fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali u dan iqajjem tħassib. It-Turkija It-Turkija għadha tissodisfa b'mod suffiċjenti il- kriterji politiċi ta' Kopenħagen u kompliet it-riformi politiċi. Madankollu, matul is-sena li għaddiet, ir-ritmu naqas. Jinħtieġu aktar sforzi sinifikanti partikolarment għal-libertà ta' espressjoni. Jinħtieġ ukoll aktar titjib għad-drittijiet tal-komunitajiet reliġjużi mhux Musulmani, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tat- trade unions u l-kontroll ċivili tal-forzi armati. Fir-rigward tad- demokrazija u l-istat tad-dritt , fil-qasam ta' l- amministrazzjoni pubblika , ġiet adottata liġi li tistabbilixxi Ombudsman. Ma ġie rrappurtat ebda progress fir-rigward tar-riforma tas-servizz pubbliku. Fil-qasam tar- relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ċivili u dawk militari , il-parlament adotta proċeduri riveduti għall-qrati militari. B'hekk jissaħħu l-garanziji għall-imputati. Madankollu, membri għoljin tal-forzi armati komplew jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi biex jinfluwenzaw oqsma lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom. Sar xi progress fil-qasam tar- riforma ġudizzjarja . Madankollu, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida mill-ġudikatura tippreżenta sal-lum stampa mħallta u jeħtieġ li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun aktar stabbilita. Kien hemm progress limitat fir-riformi leġiżlattivi għall-ġlieda kontra l- korruzzjoni . Il-korruzzjoni għadha mifruxa. Il-politika ta' kontra l-korruzzjoni hija dgħajfa u jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni jissaħħu. Dwar id- drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi , kien hemm tnaqqis ulterjuri fir-rapporti ta' rikors għat- tortura u trattament ħażin . Madankollu, allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin barra miċ-ċentri ta' detenzjoni u fix-Xlokk tal-pajjiż jagħtu lok għal tħassib. L-impunità li jgawdu minnha dawk responsabbli mir-reat tat-tortura għadha wkoll problema. Jeħtieġ li l-impatt fuq il-libertajiet fundamentali ta' l-emendi għal-liġi kontra t-terroriżmu jkun segwit mill-qrib. Dawn l-emendi introduċew lista twila ta' reati terroristiċi u dgħajfu l-garanziji għall-imputati. Fuq livell ġenerali, żdied id-dibattitu miftuħ fis-soċjetà Torka dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, inklużi suġġetti tradizzjonalment sensittivi. Minkejja din it-tendenza, il- libertà ta' espressjoni konformi ma' l-istandards Ewropej għadha mhijiex garantita mill-qafas ġuridiku attwali. Deċiżjoni reċenti tal-Qorti ta' Kassazzjoni stabbiliet ġurisprudenza dwar l-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali li tirrestrinġi l-libertà tal-kelma. Barra minn hekk, għadd sinifikanti ta' persuni ġew mħarrka minħabba li esprimew opinjonijiet mhux vjolenti. Jeħtieġ li l-Artikolu 301, u dispożizzjonijiet oħra tal-Kodiċi Penali Tork li jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni, jinġiebu konformi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ( ECHR ). Ir-restrizzjonijiet għal- libertà ta' għaqda u l- libertà ta' assoċjazzjoni naqsu, bl-implimentazzjoni mtejba tal-miżuri meħuda f'dawn l-aħħar snin. Minkejja dan, f'ċerti każijiet, il-forzi tas-sigurtà għamlu użu minn forza eċċessiva matul dimostrazzjonijiet. Għad hemm diffikultajiet fit-twaqqif ta' assoċjazzjonijiet għall-promozzjoni ta' identità kulturali speċifika. Fir-rigward tal- libertà ta' reliġjon , l-adozzjoni ta' liġi li kienet mistennija ttejjeb il-qagħda tal- minoranzi reliġjużi ġiet posposta bosta drabi, u ma sar ebda tibdil tad-diffikultajiet li l-komunitajiet mhux Musulmani jħabbtu wiċċhom magħhom fil-konkret. Il-qagħda tal-komunità ta' l-Alevisti ma nbidlitx. Għandu jitwaqqaf qafas ġuridiku konformi ma' l- ECHR sabiex il-komunitajiet reliġjużi kollha jkunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr limitazzjonijiet bla bżonn. Id- drittijiet tan-nisa qed tingħatalhom attenzjoni pubblika akbar fit-Turkija, u s-soċjetà ċivili kulma tmur qiegħda ssir aktar kapaċi tiżvolġi rwol pożittiv f'dan il-qasam. Fuq livell ġenerali, il-qafas ġuridiku huwa sodisfaċenti. Madankollu, fil-prattika, id-drittijiet tan-nisa mhumiex dejjem imħarsa, partikolarment fl-ifqar żoni tal-pajjiż. Jeħtieġ li r-'reati ta' l-unur' jkunu investigati b'mod iżjed sistematiku u, jekk hu l-każ, segwiti minn prosekuzzjoni u kundanni. Ma tantx kien hemm tibdil fil-qagħda tad- drittijiet tat-tfal . Jeħtieġ li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar l-edukazzjoni u x-xogħol taħt l-età ta' ħmistax-il sena titjieb. Dwar id- drittijiet tat-trade unions , ma kien hemm l-ebda progress mil-lat leġiżlattiv. It-Turkija għadha ma tissodisfax l-istandards ta' l-UE u ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ( ILO ), partikolarment fir-rigward tad-drittijiet ta' l-istrajk u d-dritt ta' negozjar kollettiv. L-approċċ tat-Turkija rigward id- drittijiet tal-minoranzi għadha restrittiva. It-Turkija ma rratifikatx l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi. Fir-rigward tad- drittijiet kulturali , huwa permess xandir limitat f'lingwi li mhumiex dik Torka. Ir-restrizzjonijiet għat-tagħlim f'dawn il-lingwi jinżammu għas-sistema skolastika pubblika. L-istituti privati kollha li joffru korsijiet bil-lingwa Kurda għalqu f'Awissu 2005. Ir-restrizzjonijiet ġenerali għall-użu tal-lingwi li mhumiex dik Torka għadhom stretti kemm fil-ħajja politika kif ukoll għall-aċċess ta' servizzi pubbliċi. It-Turkija kienet il-mira ta' attakki terroristiċi kull darba ikbar, partikolarment mill-PKK, li jinsab fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi ta' l-UE. L-UE kkundannat bil-qawwa dawn l-atti terroristiċi. Hemm ħtieġa li t-Turkija tindirizza l-problemi ekonomiċi u soċjali gravi tan-naħa tax- Xlokk tal-pajjiż u tiggarantixxi li l-popolazzjoni Kurda tgawdi d-drittijiet u l-libertajiet bis-sħiħ. L-għadd kbir ta' rifuġati interni jkompli jqajjem tħassib. Dwar il- kwistjonijiet reġjonali u l-obbligi internazzjonali , it-Turkija esprimiet sostenn kontinwu għall-isforzi tan-NU biex tinstab soluzzjoni komprensiva għall- problema Ċiprijotta . Madankollu, ma sar ebda progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta' Ċipru. Minn meta ġie ffirmat il-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni f'Lulju 2005, it-Turkija għadha ma ressqitx lejn l-implimentazzjoni totali tiegħu u lejn it-tneħħija ta' l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi r-restrizzjonijiet għall-kollegamenti tat-trasport diretti ma' Ċipru. Fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju ta' l-2006, il-Kunsill Ewropew fakkar li l-Kunsill għandu jirrevedi l-implimentazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali matul l-2006 u jiggarantixxi segwitu għall-kwistjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta' l-UE tal-21 ta' Settembru 2005. Ir- relazzjonijiet mal-Greċja evolvew f'direzzjoni pożittiva, iżda ma sar ebda progress biex tissolva t-tilwima pendenti dwar il-fruntiera. F'laqgħa tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, dawn qablu dwar pakkett ta' miżuri għall-bini ta' fiduċja. Ir-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien jibqgħu fundamentali. Fir-rigward tal- kriterji ekonomiċi , it-Turkija tista' titqies li għandha ekonomija tas-suq operattiva, sakemm iżżomm bis-sod il-kisbiet reċenti ta' stabilizzazzjoni u riformi. It-Turkija għandha wkoll tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni għal tul ta' żmien medju, bil-kundizzjoni li żżomm bis-sod il-politika ta' stabilizzazzjoni tagħha u tieħu passi deċiżivi ulterjuri lejn riformi strutturali. Fuq livell ġenerali, il-kunsens dwar il-punti essenzjali ta' ekonomija tas-suq baqa' bla mittiefsa. Il-politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà kkontribwixxew għal tkabbir ekonomiku b'saħħtu u għal reżistenza għax-xokkijiet ekonomiċi esterni. Id-defiċit fil-baġit u l-livelli tad-dejn pubbliku tnaqqsu b'mod sinifikanti u ttieħdu xi miżuri fundamentali biex tissaħħaħ is-sistema ta' sigurtà soċjali. L-indipendenza ta' l-aġenziji ta' regolamentazzjoni u ta' sorveljanza ġew ikkonfermati u l-privileġġi speċjali tal-banek pubbliċi qegħdin jitneħħew gradwalment. Ingħatat spinta lill-proċess ta' privatizzazzjoni. Is-setturi finanzjarji bankarji u mhux bankarji komplew jikbru u s-superviżjoni ssaħħet iktar. L-ekonomija hija iktar miftuħa għall-kummerċ estern u għall-investimenti barranin. Il-Bank Ċentrali u l-gvern komplew jimplimentaw il-politika ta' diżinflazzjoni. Il-ħtiġijiet fil-qasam tal-finanzjament pubbliku u dak estern, li huma relattivament għoljin, għadhom dipendenti mill-fiduċja ta' l-investituri, sitwazzjoni li timplika theddida potenzjali għall-istabbiltà makroekonomika. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-konsolidament fiskali jissaħħaħ iktar u jkun appoġġat b'mod effikaċi minn miżuri strutturali. Għandha tingħata attenzjoni lill-ġlieda kontra x-xogħol mhux reġistrat. L-iżbilanċi tas-suq tax-xogħol jippersistu. Ir-rati ta' l-impjieg, li diġà huma baxxi ħafna, qed jonqsu, partikolarment għall-popolazzjoni femminili. Il-miżuri li ttieħdu biex isolvu dawn l-iżbilanċi kienu limitati u l-ispejjeż ta' reklutaġġ ta' ħaddiema lil hinn mill-paga għadhom għoljin. Il-livell medju ta' edukazzjoni huwa relattivament baxx u jippersistu differenzi kbar. L-eżistenza ta' ostakli għall-ħruġ mis-suq u t-trasparenza baxxa fil-qasam ta' l-għajnuniet mill-Istat jolqtu ħażin l-ambjent tan-negozju. Il-proċess ta' ristrutturar tas-settur ta' l-enerġija miexi pjuttost bil-mod. It-Turkija tejbet il- kapaċità tagħha biex tassumi l-obbligi ta' l-adeżjoni . Sar progress fil-parti l-kbira ta' l-oqsma. Madankollu, f'ħafna oqsma, it-twettiq tal-prijoritajiet għal medda ta' żmien qasir skond il-Partenarjat għall-Adeżjoni għadu lura. It-Turkija għadha ma qdietx għadd ta' obbligi fl-ambitu ta' l-Unjoni Doganali. Għad fadal xi jsir biex jitjieb il-livell ta' allinjament u l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva. Il-progress fil- moviment liberu tal-merkanzija ma kienx kostanti. Kien hemm titjib fl-oqsma ta' l-akkreditament, l-istandardizzazzjoni u l-evalwazzjoni tal-konformità. Madankollu, għadd ta' dispożizzjonijiet għadhom jiksru l-prinċipji ġenerali taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija, u għadhom jeżistu ostakli tekniċi għall-kummerċ. Ma sar ebda żvilupp għall- moviment liberu tal-ħaddiema . L-allinjament ma' l- acquis tad- dritt ta' stabbiliment u l- libertà tal-provvista ta' servizzi għadu limitat. It-Turkija għamlet ftit progress fil- moviment liberu tal-kapital . B'mod partikolari, l-allinjament mhuwiex lest fejn tidħol il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus. L-akkwist ta' proprjetà immobbli minn barranin huwa ristrett. Il-progress fil-qasam ta' l- akkwist pubbliku huwa limitat ħafna. L-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet naqqas l-ambitu ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. It-Turkija ma għandhiex organizzazzjoni li tiggarantixxi politika koerenti fl-oqsma kollha relatati ma' l-akkwist pubbliku. Sar progress limitat fir-rigward tal- liġi tal-kumpaniji . It-Turkija adottat il-parti l-kbira ta' l-istandards ta' kontabilità internazzjonali. Madankollu, dawn ma jorbtux ġuridikament il-maġġoranza tal-kumpaniji Torok, li huma suġġetti biss għal rekwiżiti ta' rappurtaġġ għal skopijiet fiskali. Il-livell ta' allinjament huwa baxx. Rigward il- leġiżlazzjoni dwar il-proprjetà intellettwali , l-allinjament mexa 'il quddiem sew u tjiebet il-kapaċità amministrattiva. Madankollu, għad jeħtieġ aktar progress, partikolarment fil-qasam tar-repressjoni tal-piraterija organizzata u l-iffalsifikar. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jissaħħu. Il-qrati inferjuri mhux speċjalizzati qegħdin isibuha bi tqila jimplimentaw sew il-leġiżlazzjoni. Il-progressi li saru fil-qasam tal- politika dwar il-kompetizzjoni mhumiex ugwali. L-allinjament ta' l- acquis fil-qasam ta' l- anti-trust jinsab fi stadju avvanzat u l-infurzar mill-Awtorità responsabbli mill-Kompetizzjoni hija sodisfaċenti. Madankollu, ma hemm l-ebda progress dwar l-għajnuna mill-Istat: it-Turkija la għandha l-qafas leġiżlattiv meħtieġ u lanqas l-istrutturi amministrattiva biex timplimenta r-regoli Komunitarji. Għadhom ma ġewx sodisfatti l-obbligi relevanti fl-ambitu tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. It-Turkija għamlet xi progress fis- servizzi finanzjarji . L-adozzjoni ta' liġi ġdida għas-settur bankarju u l-leġiżlazzjoni tal-falliment fis-setturi ta' l-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet supplimentari jikkostitwixxu titjib. L-allinjament tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta' l-assigurazzjoni huwa limitat. Fil-qasam tas-servizzi ta' investiment u s-swieq tat-titoli, aktar adattament huwa meħtieġ għall-iskema ta' kumpens għall-investitur, il-provvista ta' servizzi transkonfinali, ir-rekwiżiti ta' żvelar u l-prospetti. Jeħtieġ li l-kapaċità ta' superviżjoni tissaħħaħ aktar, partikolarment fis-settur ta' l-assigurazzjoni u tas-suq tat-titoli. Sar progress f'partijiet ta' l-oqsma tas- soċjetà ta' l-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni , inkluż ix-xandir lokali f'lingwi oħra. It-Turkija miexja fuq it-triq it-tajba għal aktar allinjament fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni. L-allinjament ġenerali fil-qasam tal-politika għall-mezzi ta' komunikazzjoni u dik awdjoviżiva għadu limitat ħafna. Dwar l- agrikoltura , intlaħaq progress limitat fl-iżvilupp rurali. Madankollu, l-implimentazzjoni ġiet f'riskju minħabba dewmien fl-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi u l-ħolqien ta' strutturi amministrattivi relatati. Għad iridu jkunu żviluppati l-parti l-kbira ta' l-istrutturi biex jimplimentaw il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-politika Torka li torbot dejjem aktar is-sostenn finanzjarju mal-livell ta' produzzjoni mhijiex konformi mar-riforma tal-PAK. Fuq livell ġenerali, l-allinjament huwa limitat. Dwar is- sajd , it-Turkija ma għamlet l-ebda progress. Elementi importanti ta' l- acquis ma jinsabux fil-leġiżlazzjoni Torka. Ma twaqqfux l-istruttuti biex jimplimentaw il-Politika Komuni tas-Sajd. Sar progress limitat fl-allinjament tal- politika veterinarja, fitosanitarja u alimentari . Ma twaqqfu la l-qafas leġiżlattiv u lanqas l-istrutturi amministrattivi li jippermettu l-implimentazzjoni ta' l- acquis . Fuq livell ġenerali, is-sistemi ta' kontroll huma dgħajfa. L-ikbar diffikultà tinsab fis-settur veterinarju, partikolarment minħabba l-qagħda ta' saħħet l-annimali, jiġifieri, in-nuqqas ta' sistema effikaċi ta' kontroll tal-mard ta' l-annimali. Sar xi progress fil- politika tat-trasport . Dwar it-trasport bit-triq, l-allinjament jinsab fi stadju pjuttost avvanzat, iżda mhux kostanti f'setturi oħrajn. Il-kapaċità ta' implimentazzjoni u infurzar teħtieġ attenzjoni. Huwa mistenni li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-istruttura tas-settur ferrovjarju. Il-ftehimiet fil-qasam tat-trasport internazzjonali marittimu u bl-ajru ma ġewx kumplimentati minn traspożizzjoni ta' l- acquis . Kien ftit il-progress fin- Netwerks Trans-Ewropej . Sar xi progress f'dak li għandu x'jaqsam ma' l- enerġija . Minkejja dan, l-allinjament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma' l- acquis mhuwiex kostanti. Għad trid tiġi żviluppata liġi ta' qafas għall-effiċjenza enerġetika. Jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva u l-indipendenza tal-korpi ta' regolamentazzjoni jissaħħu. Sar progress limitat fit- tassazzjoni . Ir-reġim fiskali Tork huwa parzjalment konformi ma' l- acquis , iżda jinħtieġu sforzi addizzjonali partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-firxa u r-rati tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-istruttura u r-rati tas-sisa, kif ukoll it-tassazzjoni diretta in ġenerali. Jeħtieġ li l-elementi diskriminatorji kollha għat-tassazzjoni ta' prodotti alkoħoliċi u tat-tabakk jiġu aboliti b'mod urġenti. It-Turkija għamlet progress fil-qasam ta' l- unjoni ekonomika u monetarja . Fuq livell ġenerali, il-preparattivi għaddejjin. Madankollu, il-leġiżlazzjoni li tipprevjeni l-finanzjament monetarju tas-settur pubbliku, kif ukoll projbizzjoni ta' aċċess privileġġjat ta' awtoritajiet pubbliċi għal istituzzjonijiet finanzjarji, mhijiex konformi ma' l- acquis . Barra minn hekk, l-effikaċja tal-politika ekonomika hija limitata min-nuqqas ta' prassi ta' koordinament u kooperazzjoni effiċjenti. It-Turkija għamlet xi progress fl-użu ta' klassifikazzjonijiet uniformi u d-disponibilità ta' statistika settorjali. Jekk l-allinjament għadu limitat, l-adozzjoni ta' liġi ġdida tippermetti progress sinifikanti. It-Turkija għamlet xi progress limitat fil- politika soċjali u ta' l-impjiegi ta' l-UE, partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida għall-persuni b'diżabbiltà. Minkejja dan, jeħtieġ li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tat- trade unions . Għandha tingħata attenzjoni lill-ġlieda kontra x-xogħol mhux reġistrat. Jeħtieġ li l-kapaċità amministrattiva titqawwa biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni. It-Turkija għamlet progress tajjeb fil- politika industrijali u ta' l-impriżi , partikolarment fit-twaqqif legali ta' Aġenzija għall-Promozzjoni u s-Sostenn għall-Investimenti. Sar progress ukoll fil-qasam tal-privatizzazzjoni, allinjament mad-definizzjoni ta' SME u l-programmazzjoni tal-politika. L-allinjament jinsab fi stadju avvanzat. Sar progress fil- politika reġjonali u l-koordinament ta' strumenti strutturali , primarjament bl-adozzjoni ta' liġi li tistabbilixxi aġenziji għall-iżvilupp. Madankollu, ir-rwol u l-operar ta' dawn l-aġenziji jqajmu tħassib. Il-proċess ta' approprjazzjoni u assunzjoni ta' responsabbiltajiet jeħtieġ titjib, inkluż li jiġi kkunsidrat qsim mill-ġdid tal-kompetenzi bejn il-ministeri kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f'dak reġjonali. L-allinjament għadu limitat. Fir-rigward tal- ġudikatura u d-drittijiet fundamentali , sar xi progess. Fuq livell ġenerali, kompla l-progress fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida mill-ġudikatura tippreżenta sal-lum stampa mħallta u jeħtieġ li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun aktar stabbilita. Sar xi progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, primarjament fiż-żieda ta' trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, il-korruzzjoni għadha mifruxa u l-awtoritajiet u l-politika ta' kontra l-korruzzjoni għadhom dgħajfa. Il-firxa ta' l-immunità parlamentari hija wiesgħa wisq. Dwar il-libertajiet fundamentali, sar progess leġiżlattiv limitat, iżda l-implimentazzjoni tar-riformi kompliet. Fil-qasam tal- ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà , it-Turkija għamlet progress fil-qasam ta' l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin, id-dwana u l-kooperazjoni bejn il-korpi tal-pulizija. L-allinjament qed isir, iżda għadu mhux komplut f'oqsma bħall-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ħasil ta' flus, kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'affarijiet ċivili u kriminali. Sar xi progress fil-qasam tax- xjenza u r-riċerka , primarjament bil-parteċipazzjoni fil-programmi ta' riċerka ta' l-UE, u fl-allokazzjonijiet tal-baġit. Sar iktar progess fl- edukazzjoni u l-kultura . L-allinjament fiż-żewġ oqsma jinsab fi stadju avvanzat. L-allinjament miexi fir-rigward ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart u l-kwistjoni ta' l-istorbju. Dwar aspetti oħra, fosthom il-konvenzjonijiet internazzjonali, l-allinjament fil-qasam ta' l- ambjent għadu baxx. In-nuqqas ta' progress fil-leġiżlazzjoni orizzontali, partikolarment għal kwistjonijiet transkonfinali u konsultazzjoni pubblika, kull ma jmur qed iqajjem aktar tħassib. Kien limitat il-progress li ntlaħaq fit-traspożizzjoni ta' l- acquis fil-qasam tal-kwalità ta' l-arja, il-ħarsien tan-natura u l-kwalità ta' l-ilma. Il-Liġi emendata dwar l-Ambjent, ladarba implimentata, se ssaħħaħ il-kapaċitajiet istituzzjonali. Ir-riżultati fil-qasam ta' l-infurzar huma dgħajfa. Dwar il- ħarsien tal-konsumatur u ta' l-ambjent , tjieb il-ħarsien tal-konsumatur, primarjament permezz ta' l-introduzzjoni ta' sistema ta' sorveljanza tas-suq. Fil-qasam tas-saħħa pubblika sar ukoll titjib, partikolarment bit-twaqqif ta' netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika u l-kontroll tal-mard li jittieħed. Madankollu, l-implimentazzjoni fiż-żewġ oqsma għadha dgħajfa. L- unjoni doganali ħejjiet it-Turkija għal allinjament ta' livell għoli f'dan il-qasam. Minkejja dan, għal ċerti kwistjonijiet speċifiċi, bħalma huma ż-żoni ta' kummerċ ħieles, l-eżenzjoni mid-dazji doganali, il-ġlieda kontra il-prodotti foloz u l-kontroll wara r-rilaxx mid-dwana, il-leġiżlazzjoni mhijiex allinjata. L-amministrazzjoni doganali għandha bżonn li tissaħħaħ, inkluż billi jibdew il-preparattivi għall-interkonnettività tas-sistemi informatiċi. It-Turkija laħqet livell avvanzat ta' allinjament fil-qasam tar- relazzjonijiet esterni . Madankollu, għadu mhux lest l-allinjament mal-Politka Kummerċjali Komuni ta' l-UE. Tkompla l-allinjament mal- Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u l- Politika Ewropea tas-Sigurtà u tad-Difiża . Fil-qasam tal-politika barranija, it-Turkija intensifikat l-attività tagħha fil-Lvant Nofsani, bil-promozzjoni ta' l-istabbiltà reġjonali. Il-fruntiera ma' l-Armenja għadha magħluqa. It-Turkija ħadet sehem fil-missjonijiet tal-Politika Ewropea tas-Sigurtà u tad-Difiża (PESD). Madankollu, il-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-PESD għadha tippreżenta diffikultajiet. It-Turkija għadha tfixkel il-parteċipazzjoni ta' Ċipru u ta' Malta fil-kooperazzjoni strateġika bejn l-UE u n-NATO. Bl-istess mod, it-Turkija topponi li Ċipru jissieħeb fil-Ftehim ta' Wassenaar. It-Turkija għad trid tiffirma l-istatut tal-Qorti Internazzjonali Kriminali. Sar xi progress fil- kontroll finanzjarju . Twaqqfu xi strutturi amministrattivi u ġiet implimentata leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, għalkemm il-Liġi dwar il-Ġestjoni u l-Kontroll tal-Finanzi Pubbliċi mhijiex totalment operattiva. Minkejja li xi miżuri temporanji ġew adottati, l-istrutturi biex jipproteġu l-interessi finanzjarji Komunitarji għadhom mhux lesti. Fir-rigward tad- dispożizzjonijiet finanzjarji u tal-baġit , it-Turkija se jeħtiġilha eventwalment tistabbilixxi l-istrutturi ta' koordinament u r-regoli ta' implimentazzjoni biex tiggarantixxi il-kalkolu, il-ġbir, il-ħlas u l-kontroll tar-riżorsi proprji b'mod korrett. [1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – It-Tkabbir, Sentejn Wara – Suċċess Ekonomiku – COM(2006) 200 tat-03.05.2006. [2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Rapport dwar il-Funzjonament ta’ l-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 (il-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006) – COM(2006) 48 tat-08.02.2006. [3] Ftuħ totali: Mejju 2004: l-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Iżvezja - Mejju 2006: Spanja, il-Greċja, il-Finlandja, il-Portugall - Ġunju 2006: l-Italja. Ftuħ parzjali: il-Belġju, Franza. [4] Il-Patt ta' Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk huwa qafas politiku reġjonali stabbilit mill-komunità internazzjonali f'Ġunju 1999 biex isostni l-isforzi tal-pajjiżi favur il-paċi, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prosperità ekonomika, u biex tintlaħaq l-istabbiltà fir-reġjun kollu. Attwalment qed jiġi ttrasformat fi proċess ta' kooperazzjoni b'dimensjoni aktar reġjonali. [5] Ara l-paġna 10 għal iktar informazzjoni dwar il-faċilitazzjoni għall-viżi. [6] Skond ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. [7] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – It-Tkabbir, Sentejn Wara – Suċċess Ekonomiku – COM(2006) 200 tat-03.05.2006. [8] Skond ir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.