This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006DC0159
Communication from the Commission - Guidance on the posting of workers in the framework of the provision of services {SEC(2006) 439}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida dwar l-issekondar ta’ ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta’ forniment ta’ servizzi {SEG(2006) 439}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida dwar l-issekondar ta’ ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta’ forniment ta’ servizzi {SEG(2006) 439}
/* KUMM/2006/0159 finali */
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida dwar l-issekondar ta’ ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta’ forniment ta’ servizzi {SEG(2006) 439} /* KUMM/2006/0159 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 4.4.2006 KUMM(2006) 159 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji gwida dwar l-issekondar ta’ ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta’ forniment ta’ servizzi {SEG(2006) 439} KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji gwida dwar l-issekondar ta’ ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta’ forniment ta’ servizzi 1. L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI PREŻENTI L-Artikolu 49 tat-Trattat KE (minn issa ’l quddiem imsejħa “KE”) jistabbilixxi l-prinċipju skond liema l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-libertà tal-forniment tas-servizzi ġewwa l-Komunità. Din il-libertà fundamentali tinkludi d-dritt għal fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru li jissekonda ħaddiema temporanjament fi Stat Membru ieħor biex jipprovdu servizz hemmhekk. Dan huwa riżultat tal-liġi li, bħala prinċipju fundamentali tat-Trattat, il-forniment liberu ta’ servizzi ma jistax ikun limitat ħlief minn regoli ġustifikati mir-raġunijiet enumerati mill-Artikolu 46 KE u minn raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, u fir-rispett tal-prinċipji ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Id-Direttiva 96/71/KE (minn issa ’l quddiem imsejħa “id-Direttiva”) tiddefinixxi r-regoli mandatorji fis-seħħ fil-pajjiż ospitanti li għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema ssekondati billi jiġi stabbilit “nukleu sod” ta’ kundizzjonijiet u termini ta’ impjieg u billi jkunu magħmula obbligatorji għall-intrapriżi li jissekondaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor minn dak li fit-territorju tiegħu dawn il-ħaddiema jaħdmu abitwalment. Id-Direttiva għandha għan soċjali ċar: li tiggarantixxi li, min iħaddem jirrispetta ċerti regoli protettivi ta’ l-Istat Membru li l-ħaddiema jkunu ssekondati fih. Dawn ir-regoli jikkonċernaw partikolarment: - il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ serħan, - id-dewmien minimu tal- leave annwali mħallas, - ir-rati minimi ta’ ħlas, - il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema, partikolarment minn impriżi ta' impjieg temporanju, - is-sigurtà, is-saħħa u l-iġjene fuq il-post tax-xogħol, u - il-miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg tan-nisa tqal u tan-nisa li għadhom kif weldu reċentement, tat-tfal u taż-żgħażagħ. L-Istati Membri huma marbuta bil-liġi biex jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva, biex jieħdu l-miżuri adattati fil-każ li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux rispettati u biex jiżguraw li l-miżuri adattati jkunu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema u/jew tar-rappreżentanti tagħhom biex jiġu rispettati l-obbligi definiti minn din id-Direttiva, kif ukoll biex jipprovdu kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Id-Direttiva għandha l-għan li tgħaqqad, minn naħa, id-dritt ta’ l-intrapriżi li jipprovdu servizzi bejn pajjiż u ieħor f’konformità ma’ l-Artikolu 49 KE u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tal-ħaddiema li jiġu ssekondati għal perjodu temporanju barra mill-pajjiż biex jipprovdu dawn is-servizzi. Wara l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva dwar il-proposta għal direttiva relatata mas-servizzi fis-suq intern fis-16 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata li fiha ma dehrux aktar l-Artikoli 24 u 25 tal-proposta inizjali, li kienu jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-issekondar ta’ ħaddiema. Permezz ta’ dawn l-Artikoli, il-Kummissjoni pproponiet li tneħħi ċerti rekwiżiti amministrattivi relatati ma’ l-issekondar tal-ħaddiema. It-tneħħija ta’ dawn ir-rekwiżiti kienet akkumpanjata minn miżuri bl-iskop li jsaħħu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni intrabtet li tistabbilixxi linji gwida li jirriflettu l-istat attwali tal-liġi Komunitarja fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi ttrattati fl-Artikoli 24 u 25. Il-komunikazzjoni preżenti tindika lill-Istati Membri d-direzzjoni li għandha tiġi segwita biex jikkonformaw ma’ l- Acquis Komunitarju skond kif dan huwa interpretat mil-liġi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej b’referenza għall-Artikolu 49 KE u biex jintlaħqu b’mod aktar effikaċi r-riżultati meħtieġa minn din id-Direttiva. It-tagħrif miġbur mis-servizzi tal-Kummissjoni fir-rapport SEG(2006) 439[1], li huwa mehmuż mal-komunikazzjoni preżenti, juri li l-aċċess għall-informazzjoni, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-kontroll tar-rispett tal-leġiżlazzjoni jistgħu jittejbu b’mod konsiderevoli, bis-saħħa notevolment tad-definizzjoni u tat-tixrid ta’ l-aħjar prassi. Din il-komunikazzjoni la taffettwa l-prerogattivi tal-Kummissjoni, hekk kif previsti mit-Trattat, sabiex jiggarantixxu r-rispett tal-liġi komunitarja mill-Istati Membri, u lanqas ir-regoli ġenerali fi kwistjonijiet ta’ rekwiżiti dwar il-viżi. 2. ELEMENTI TA’ LINJI GWIDA: MIŻURI TA’ KONTROLL Fil-liġi tagħha[2], il-Qorti aċċettat li l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw li ma jkunx hemm użu abużiv tal-forniment liberu ta’ servizzi, pereżempju billi jitqiegħdu ħaddiema minn pajjiżi terzi fuq is-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti. Hija aċċettat ukoll il-leġittimità ta’ miżuri ta’ kontroll meħtieġa biex jiġi vverifikat ir-rispett ta’ rekwiżiti li dawn stess ikunu ġustifikati minn raġunijiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li waqt kontrolli effettwati fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta li jirrispettaw l-Artikolu 49 tat-Trattat u li joqogħdu lura milli joħolqu jew milli jżommu restrizzjonijiet mhux ġustifikati jew sproporzjonati fil-forniment liberu ta’ servizzi ġewwa l-Komunità. Il-Qorti fil-fatt enfasizzat ħafna drabi li dawn il-kontrolli għandhom ikollhom il-kompetenza li jilħqu l-għanijiet meħtieġa, b’rispett lejn il-proporzjonalità, mingħajr ma joħonqu din il-libertà aktar milli hemm bżonn[3]. 2.1. Miżuri ta’ applikazzjoni ġenerali Fost il-miżuri ta’ kontroll implimentati minn ċerti Stati Membri li jitolbu kjarifika fuq il-bażi tal-liġi tal-Qorti bbażata fuq l-Artikolu 49 KE dawn li ġejjin huma partikularment importanti[4]: - ir-rekwiżit li jkun hemm rappreżentant fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti; - ir-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti jew li ssir reġistrazzjoni ma’ dawn, jew kull obbligu ieħor ekwivalenti; - ir-rekwiżit li ssir dikjarazzjoni; - ir-rekwiżit li jkun hemm u li jinżammu dokumenti soċjali fuq it-territorju tal-pajjiż ospitanti u/jew skond il-kundizzjonijiet applikabbli fit-territorju tiegħu. a) Ir-rekwiżit li jkun hemm rappreżentant residenti fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti Il-Qorti[5] ddeskriviet ir-rekwiżit li jkun hemm fergħa fuq it-territorju nazzjonali bħal li kieku din tikkostitwixxi "n-negazzjoni stess tal-forniment liberu ta’ servizzi" . Billi kellha x’taqsam ma’ l-obbligu għal fornitur ta’ servizzi li jinnomina rappreżentant li jkollu domiċilju fl-Istat Membru biex ikun jista’ joffri s-servizzi tiegħu hemmhekk, tali obbligu, li huwa simili għar-rekwiżit li rappreżentant uffiċjali jieħu domiċilju kif ordnat mill-Qorti, deher inkompatibbli fir-rigward ta’ l-Artikolu 49 KE[6]. Fis-sentenza Arblade u oħrajn [7], il-Qorti ġġudikat li obbligu li jkun hemm għad-dispożizzjoni u li jinżammu ċerti dokumenti fid-domiċilju ta’ persuna fiżika residenti fl-Istat Membru ospitanti, li jżommhom kemm bħala rappreżentant jew uffiċjal tal-fornitur li nnominah, anke wara li l-fornitur ikun waqaf jimpjega ħaddiema f’dan l-Istat, ma jistax ikun aċċettat ħlief jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux f’pożizzjoni li jattwaw il-missjoni ta’ kontroll b’mod effikaċi fin-nuqqas ta’ tali obbligu. L-interpretazzjoni ta’ din il-liġi trid issir każ b’każ, iżda wieħed jista’ jikkunsidra li, biex titwettaq din il-missjoni, in-nomina ta’ persuna fost il-ħaddiema ssekondati, pereżempju formen, li jservi ta’ rabta bejn l-intrapriża barranija u l-ispezzjoni ta’ xogħol, għandha tkun biżżejjed. Konklużjoni: Fuq il-bażi tal-liġi eżistenti, għandu jiġi konkluż li r-rekwiżit magħmul minn Stat Membru lill-intrapriżi li jissekondaw ħaddiema fit-territorju tiegħu li jkun hemm rappreżentant residenti fl-Istat Membru ospitanti, huwa sproporzjonat meta mqabbel ma’ l-għan biex jiġi żgurat il-kontroll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema. In-nomina ta’ persuna fost il-ħaddiema ssekondati, pereżempju formen, li jservi ta’ rabta bejn l-intrapriża barranija u l-awtorità ta’ kontroll kompetenti, għandha tkun biżżejjed. | b) Ir-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti jew li ssir reġistrazzjoni ma’ dawn, jew kull obbligu ieħor ekwivalenti Skond il-każistika tal-Qorti, ir-regoli nazzjonali li jissubordinaw, b’mod ġenerali u għall-attivitajiet kollha, l-eżerċizzju ta’ forniment ta’ servizzi fuq it-territorju nazzjonali minn intrapriża stabbilita fi Stat Membru ieħor mal-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-forniment liberu ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE (ara notevolment is-sentenza Vander Elst[8]). Hemm ċertu numru ta’ attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom huwa rregolat fl-Istati Membri mill-miżuri legali jew regolatorji li jinkludu sistema ta’ awtorizzazzjoni speċifika għal kull attività. Numru importanti ta’ Stati Membri jipprevedu, pereżempju, fuq il-pjan intern, sistemi ta’ awtorizzazzjoni għall-intrapriżi ta’ xogħol temporanju, bil-ħsieb li jiżguraw li dawn l-intrapriżi jippreżentaw il-garanziji suffiċjenti biex jeżerċitaw din l-attività. L-Istat Membru ospitanti m’huwiex fi dritt li jitlob awtorizzazzjoni preliminari ħlief għall-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet, indipendentement mis-sitwazzjoni ta’ l-issekondar, bil-kundizzjoni li tista’ tkun ġustifikata minn raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, u tkun proporzjonata u kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi. Dan ir-rekwiżit għandu jikkunsidra l-kontrolli u l-verifiki li diġà ġew effettwati fl-Istati Membru ta’ oriġini. Konklużjoni: Fuq il-bażi tal-liġi eżistenti, għandu jiġi konkluż li regoli li jissubordinaw l-issekondar ta’ ħaddiema għall-kontroll sistematiku preliminari, inkluż permezz ta’ rekwiżit minn qabel ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni speċifika għall-issekondar, ikun sproporzjonat. | c) Ir-rekwiżit li ssir dikjarazzjoni Kważi nofs l-Istati Membri jimponu lill-fornituri ta’ servizzi li jissekondaw ħaddiema fuq it-territorju tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni preliminari lill-awtoritajiet tagħhom.[9] Jidher li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom l-għan, minn naħa, li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali li jivverifikaw l-informazzjoni dwar l-issekondar miksuba minn kontrolli fuq il-post, u min-naħa l-oħra, li jgħinu l-ispezzjonijiet tax-xogħol biex jipproċedu għall-evalwazzjoni tar-riskji biex jimmiraw il-kontrolli tagħhom fuq is-sitwazzjonijiet jew l-intrapriżi b’riskju għoli. Ma teżistix, f’dan l-istadju, sentenza tal-Qorti li tirreferi speċifikament għall-ammissibbiltà ta’ obbligu ta’ dikjarazzjoni għall-issekondar. Fil-Każ il-Kummissjoni kontra l-Lussemburgu [10], li kellu l-iskop ta’ l-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ permess tax-xogħol għal ħaddiem issekondat, li jkun ġej minn Stat terz, fil-qafas ta’ forniment ta’ servizz, il-Qorti ddikjarat li "l-obbligu impost fuq intrapriża li tipprovdi servizzi biex tindika minn qabel lill - awtoritajiet lokali dwar il-preżenza ta’ impjegat jew bosta impjegati ssekondati, id-dewmien maħsub għal din il-preżenza u l-forniment ta’ servizzi li jiġġustifikaw l-issekondar jikkostitwixxi miżura ugwalment effikaċi u anqas restrittiva mir-rekwiżit inkawża. Dan għandu jippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jikkontrollaw ir-rispett tar-regolament soċjali tal-Lussemburgu matul il-perjodu ta’ l-issekondar filwaqt li jkunu kkunsidrati l-obbligi li għalihom l-intrapriża hija diġà sottomessa skond ir-regoli tal-liġi soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini" . Rigward l-issekondar ta’ ħaddiema li ġejjin minn Stat terz minn fornitur ta’ servizzi Komunitarju, il-Qorti kkonkludiet fis-sentenza tagħha Kummissjoni/Ġermanja[11], li " hekk kif intqal mill-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ sempliċi dikjarazzjoni preliminari li tattesta li l-ħaddiema kkonċernati huma f’pożizzjoni regolari (…) fl-Istat Membru fejn din l-intrapriża timpjegahom, toffri lill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod anqas restrittiv u ugwalment effikaċi daqs i l-kontroll preliminari għall-issekondar, garanziji kemm għar-regolarità tal-pożizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema kemm għall-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-intrapriża li tipprovdi s-servizzi. Rekwiżit bħal dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jikkontrollaw dawn il-fatti b’mod induttiv u biex jieħdu l-miżuri meħtieġa f’każ ta’ irregolarità tal-pożizzjoni tal-ħaddiema msemmija ". Din il-liġi tal-Qorti tirrikonoxxi d-dikjarazzjoni bħala miżura li fl-istess ħin hija ugwalment effikaċi u inqas restrittiva minn awtorizzazzjoni preliminari biex tippermetti lill-Istati Membri li jkunu infurmati f’kull ħin dwar il-preżenza ta’ ħaddiema ssekondati ta’ pajjiżi terzi fuq it-territorju tagħhom. L-Istati Membri jridu joqogħdu lura milli jużaw id-dikjarazzjonijiet għall-finijiet oħra li mhux għall-informazzjoni, notevolment għall-finijiet ta’ kontroll jew ta’ reġistrazzjoni ta’ intrapriżi li jipprovdu servizzi, li dan ikun ekwivalenti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni. Konklużjoni: Fuq il-bażi tal-liġi eżistenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru ospitanti, sabiex ikun jista’ jivverifika r-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg stabbiliti fid-Direttiva, ikun jista’ jitlob, fir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità, min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi dikjarazzjoni sa mhux aktar tard mill-bidu tax-xogħlijiet li tkun tinkludi indikazzjonijiet dwar il-ħaddiema ssekondati, id-dewmien, il-post u t-tip ta’ servizz tagħhom. Id-dikjarazzjoni tista’ tinkludi nota li tattesta li l-ħaddiema ssekondati tal-pajjiżi terzi huma f’pożizzjoni regolari fil-pajjiż fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizzi, inkluż fir-rigward ta’ rekwiżit tal-viża, u li huma legalment impjegati. | d) Ir-rekwiżit li jkun hemm u li jinżammu dokumenti soċjali fuq i t -territorju tal-pajjiż ospitanti u/jew fil-kundizzjonijiet applikabbli f it-territorju tiegħu Il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet dikjarazzjoni dwar l-obbligi li jkun hemm u li jinżammu dokumenti soċjali fl-Istat Membru ospitanti dwar il-ħaddiema ssekondati. Fis-sentenza tagħha Arblade u oħrajn [12], il-Qorti ddikjarat li l-protezzjoni effikaċi ta’ ħaddiema, notevolment fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa, kif ukoll fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, tista’ teżiġi li jinżammu ċerti dokumenti f’post aċċessibbli u identifikati b’mod ċar għad-dispożizzjoni tat-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għall-awtoritajiet ta’ dan l-Istat inkarigati li jeffettwaw il-kontrolli, "f’nuqqas, notevolment, ta’ sistema organizzata ta’ kooperazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, hekk kif speċifikat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE" . Madankollu, fl-istess sentenza, il-Qorti ppreċiżat li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ospitanti għandhom jivverifikaw qabel ma jimponu obbligu bħal dan lil fornitur ta’ servizzi li l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema kkonċernati ma tkunx imħarsa biżżejjed bil-preżentazzjoni, fi żmien raġonevoli, tad-dokumenti miżmuma fl-Istat Membru fejn hu stabbilit[13]. F’ Finalarte [14], il-Qorti rrikonoxxiet li l-intrapriżi stabbiliti barra mill-Istat Membru ospitanti jistgħu jkunu mġiegħla li jipprovdu aktar tagħrif mill-intrapriżi stabbiliti f’dan l-Istat, sakemm din id-differenza ta’ trattament tista’ tiġi attribwita għad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn dawn l-intrapriżi u dawk stabbiliti fl-Istat ospitanti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti stabbiliet ugwalment li jinħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tagħrif provdut mid-dokumenti mitluba mir-regolament ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment huwiex suffiċjenti, fl-intier tiegħu, biex jippermetti l-kontrolli neċessarji fl-Istat Membru ospitanti[15]. Wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fl-1999, u l-implimentazzjoni suċċessiva tal-kooperazzjoni fil-qasam ta’ tagħrif speċifikat fl-Artikolu 4, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jeżiġu ż-żamma ta’ ċerti dokumenti soċjali fl-Istat ta’ ssekondar issir aktar limitata. Madankollu, il-Kummissjoni taħseb li l-Istat Membru ospitanti dejjem jista’ jeżiġi ż-żamma, fuq il-post tax-xogħol, ta’ ċerti dokumenti li huma neċessarjament magħmula u miżmuma fuq il-post bħar-reġistri dwar il-ħin tax-xogħol effettiv jew dokumenti relatati mal-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Sabiex jippermettu lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ospitanti biex jikkontrollaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mad-Direttiva, ikun rikonoxxut li huma jistgħu jeżiġu mill-fornitur ta’ servizzi l-preżentazzjoni ta’ dokumenti kkunsidrati meħtieġa biex jiġu effettwati dawn il-kontrolli fi żmien raġonevoli. Madankollu m’huwiex aċċettabbli li l-Istat Membru ospitanti jeżiġi t-tieni sensiela ta’ dokumenti konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-uniku fatt li jeżistu ċerti differenzi ta’ forma jew ta’ kontenut mid-dokumenti konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment. Lanqas m’huwa aċċettabbli li d-dokumenti ta’ sigurtà soċjali jistgħu jiġu mitluba, billi dawn huma s-suġġett ta’ proċedura speċifika fil-pajjiż ta’ oriġini, konformi mar-Regolament (KEE) Nru 1408/71. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet f’ Arblade u oħrajn [16] li " l-elementi ta’ informazzjoni mitluba rispettivament mir-regoli ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment u dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti (…) jistgħu jkunu f’dan il-punt differenti mill-kontrolli meħtieġa mir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti ma jistgħux jiġu effettwati fuq il-bażi ta’ dokumenti miżmuma f’konformità mar-regoli ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment " . Konklużjoni: Fuq il-bażi tal-liġi msemmija qabel, għandu jiġi konkluż li l-Istat Membru ospitanti, sabiex ikun jista’ jivverifika r-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg stabbiliti fid-Direttiva, irid ikun jista’ jeżiġi, fir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità, iż-żamma fuq il-post tax-xogħol, ta’ dokumenti li, min-natura tagħhom, jinħolqu hemmhekk, bħat-time sheets jew id-dokumenti relatati mal-kundizzjonijiet ta’ saħħa u ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol. L-Istat Membru ospitanti ma jistax jeżiġi t-tieni sensiela ta’ dokumenti jekk l-informazzjoni provduta mid-dokumenti meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment tkun biżżejjed, fit-totalità tagħha, biex tippermetti l-kontrolli neċessarji fl-Istat Membru ospitanti. | 2.2. Miżuri applikabbli għal ħaddiema ssekondati li ġejjin minn pajjiżi terzi Fil-liġi eżistenti dwar il-libertà ta’ forniment ta’ servizzi skond l-Artikolu 49 KE (ara, pereżempju, is-sentenzi Vander Elst [17] u s-sentenza Kummissjoni / Lussemburgu [18]), il-Qorti kienet iġġudikat li l-ħaddiema, fil-każ fejn huma impjegati regolarment u abitwalment minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru (ta’ oriġini), jistgħu jiġu ssekondati fi Stat Membru ieħor (ospitanti), mingħajr ma jkunu sottomessi, f’dan l-Istat Membru l-ieħor, għal formalitajiet amministrattivi bħall-permess tax-xogħol. Il-Qorti ġġudikat ukoll li ċerti kundizzjonijiet addizzjonali li ċerti Stati Membri jimponu għall-issekondar ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi kienu sproporzjonati. Fil-Każ il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja[19], il-Qorti ddikjarat mhux konformi ma’ l-Artikolu 49 KE l-impożizzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża lill-ħaddiema ġejjin minn Stat terz li kienu suġġett ta’ ssekondar minn intrapriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jkunu impjegati mill-inqas sena minn din l-intrapriża, biex tinħarġilhom viża. F’dan il-każ, il-Qorti kkonfermat id-deċiżjoni tagħha fil-Każ il-Kummissjoni kontra l-Lussemburgu[20], fejn hija kienet iġġudikat li leġiżlazzjoni li timponi kundizzjoni ta’ perjodu ta’ impjieg preliminari ta’ sitt xhur teċċedi dak li jista’ jkun mitlub taħt il-ħarsien soċjali ta’ ħaddiema li ġejjin minn Stat terz u għalhekk m’hijiex ġustifikata. F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti ugwalment ikkundannat ir-rekwiżit ta’ kuntratt għal perjodu indefinit. Konklużjoni: Fuq il-bażi tal-liġi eżistenti, għandu jiġi konkluż li m’huwiex permess li l-Istat Membru ospitanti jeżiġi formalitajiet amministrattivi jew kundizzjonijiet supplementari mill-ħaddiema ssekondati li ġejjin minn pajjiż terz meta dawn huma impjegati regolarment minn fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju lejn id-dritt ta’ l-Istat ospitanti li jivverifikaw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu milħuqa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi. | 3. KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TA’ L-INFORMAZZJONI a) Aċċess għall-informazzjoni L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jimponi b’mod ċar lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri adattati sabiex l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u t-termini ta’ l-impjieg ikunu ġeneralment aċċessibbli għall-fornituri barranin ta’ servizzi u għall-ħaddiema. L-użu ta’ mezzi ta’ tixrid ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u t-termini ta’ l-impjieg waqt l-issekondar u dwar l-obbligi li għandhom jiġu rispettati jistgħu jitjiebu mhux ftit. It-titjib tanġibbli ta’ l-aspetti li ġejjin jeħtieġu sforzi supplementari: - filwaqt li żdied sostanzjalment in-numru ta’ siti nazzjonali ta’ l-internet iddedikati għall-issekondar, jibqa’ jinħtieġ li l-Istati Membri jisfruttaw aħjar il-possibiltajiet ta’ l-internet u jtejbu l-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza ta’ l-informazzjoni provduta fuq is-siti web nazzjonali[21]; - l-Istati Membri jridu jippreċiżaw liema parti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom trid tiġi applikata mill-fornituri barranin ta’ servizzi u jevitaw li jipprovdu biss l-informazzjoni dwar il-liġi tax-xogħol inġenerali mingħajr ma jindikaw liema kundizzjonijiet huma applikabbli għall-ħaddiema ssekondati; - l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’lingwi oħra barra mil-lingwa(i) nazzjonali tal-pajjiż ospitanti; - l-uffiċċji ta’ komunikazzjoni jrid ikollhom staff u riżorsi oħrajn biex jippermettulhom li jaqdu l-obbligi tagħhom fil-qasam ta’ l-informazzjoni; - l-Istati Membri jridu jinnominaw persuna ta’ kuntatt inkarigata li tieħu ħsieb it-talbiet għall-informazzjoni, għaliex dan il-mod ta’ azzjoni jwassal riżultati aħjar minn struttura anonima kbira; - l-uffiċċji ta’ komunikazzjoni jridu ugwalment jistrieħu fuq struttura effikaċi. Huma jridu jkunu kapaċi li jservu ta’ intermedjarji bejn il-persuni li jitolbu l-informazzjoni u l-organi nazzjonali kompetenti l-oħrajn. Sabiex jaqdu l-obbligi tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna biex jagħmlu sforzi addizzjonali biex itejbu u jagħmlu aktar faċilment aċċessibbli l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li jridu jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi kif ukoll biex jiżguraw li l-uffiċċji ta’ komunikazzjoni tagħhom ikunu jistgħu jwettqu l-missjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli ssostni lill-Istati Membri f’dan il-qasam, notevolment fi ħdan il-grupp ta’ esperti, u se tkompli ssegwi l-isforzi tagħhom sabiex tiżgura li huma jimxu lejn l-aħjar prassi. | b) Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri L-Artikolu 4, paragrafi 1 u 2 tad-Direttiva jistabbilixxi obbligi ċari fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u jinkariga lill-Istati Membri biex joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal din il-kooperazzjoni. Dan l-obbligu jimplika t-twaqqif ta’ awtorità ta’ kontroll kapaċi li tirrispondi għal talba motivata dwar, pereżempju, il-fatt li tkun taf jekk il-kumpanija li tipprovdi s-servizzi transnazzjonali hijiex verament stabbilita fl-Istat Membru ta’ oriġini jew għal talba ta’ dokumenti konklużivi li jippermettu li jistabbilixxu jekk il-ħaddiem huwiex ikkunsidrat bħala ħaddiem mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti. It-talba għall-informazzjoni tista’ ugwalment tiċċirkola fid-direzzjoni l-oħra meta, pereżempju, il-ħaddiem issekondat jixtieq ikun jaf, fi tmiem l-issekondar, jekk ikunx kiseb dak kollu li għalih kellu dritt matul il-perjodu ta’ ssekondar. Sabiex ikunu konformi ma’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri jridu joqogħdu attenti li l-uffiċċji ta’ komunikazzjoni u l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu organizzati u mgħammra b’mod li jippermettilhom li jeżerċitaw b’mod effikaċi l-funzjonijiet tagħhom u li jirrispondu malajr għat-talbiet. Jista’ jkun hemm bżonn, f’dan il-kuntest, li l-uffiċċji ta’ komunikazzjoni u/jew l-awtoritajiet ta’ kontroll imexxu investigazzjonijiet jew jiksbu tagħrif minn sorsi oħrajn jew organi (bħall-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali); għalhekk huma jipproċedu bl-istess mod bħal f’każijiet interni u f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-grupp ta’ esperti (b’mod partikulari l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta għal kooperazzjoni tajba u t-twaqqif ta’ formola multilingwi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet) jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn pajjiż u ieħor. L-iskambji ta’ informazzjoni jistgħu jkunu mħaffa bl-użu, fi żmien opportun, tas-sistema elettronika li se tinħoloq mill-Kummissjoni għall-bżonnijiet tad-Direttiva dwar is-servizzi. Sabiex jaqdu l-obbligi tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex l-uffiċċji ta’ komunikazzjoni tagħhom u/jew l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu mgħammra bit-tagħmir u r-riżorsi neċessarji biex jirrispondu b’mod effikaċi għat-talbiet ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn pajjiż u ieħor li jkunu ġejjin minn awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn. Il-Kummissjoni se tkompli ssostni lill-Istati Membri f’dan il-qasam, notevolment billi tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom sistemi elettroniċi aktar adattati, u se ssegwi mill-qrib il-progress tagħhom. | 4. KONTROLL TAR-RISPETT TAD-DIRETTIVA U MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F’KAŻ LI DIN MA TIĠIX RISPETTATA L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu ċerti termini u kundizzjonijiet lill-ħaddiema ssekondati fit-territorju tagħhom skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva u li jieħdu miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu kull komportament illegali min-naħa tal-prestaturi tas-servizzi, partikolarment ir-rifjut li jingħataw dawn it-termini u l-kundizzjonijiet. Din hija kundizzjoni fundamentali għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwa, li tiggarantixxi l-kredibilità tas-sekondar tal-ħaddiema bħala parti mill-forniment tas-servizzi bejn pajjiż u ieħor. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mekkaniżmi neċessarji jkunu fis-seħħ biex jiggarantixxu r-rispett tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni dwar l-issekondar tal-ħaddiema. Il-ħaddiema ssekondati u/jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom għandu jkollhom il-possibbiltà li jissottomettu ilment direttament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti u l-applikazzjoni tal-miżuri trid tkun ikkawżata mill-ilmenti tal-ħaddiema jew ta’ l-intrapriżi rivali. Għalkemm din il-fakultà tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-kontroll u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, hija timplika li l-awtorità ta’ kontroll għandha r-riżorsi u l-poteri neċessarji biex tiżgura li dawn l-ilmenti jiġu segwiti. L-Istati Membri huma marbuta li jevalwaw kontinwament l-effikaċja ta’ l-ispezzjonijiet tax-xogħol u tas-sistemi l-oħrajn ta’ kontroll u li jirriflettu fuq il-mezzi kif itejbuhom, f’konformità ma’ l-obbligi li tagħhom għandhom ir-responsabbiltà skond id-Direttiva. Din l-azzjoni tista’ tiġi sostnuta bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bil-kontrolli (fosthom l-ispezzjonijiet tax-xogħol) ta’ l-aspetti relatati mad-Direttiva. Ir-rappreżentanti ta’ l-ispezzjonijiet tax-xogħol jew ta’ l-organi l-oħrajn responsabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva jridu jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena fil-kuntest tal-grupp ta’ esperti dwar l-issekondar ta’ ħaddiema. F’każ li l-obbligi li ġejjin mid-Direttiva ma jiġux rispettati, l-Istati Membri huma marbuta skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva li jieħdu miżuri adattati. Huma għandhom jagħżlu l-istrumenti adattati biex jitwaqqfu, iżda dawn għandhom min-natura tagħhom jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati l-ħarsien effettiv tad-drittijiet tagħhom u jkunu simili għall-istrumenti applikati, f’sitwazzjonijiet purament nazzjonali, għall-każijiet ta’ ksur tal-liġi nazzjonali. Meta jiġu ddikjarati irregolaritajiet, hija r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jispeċifikaw miżuri, għadd ta’ sanzjonijiet, ta’ karattru effettiv, proporzjonali u dissważiv. Huma jistgħu ugwalment jistabbilixxu proċeduri adattati li jippermettu lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom biex jaffermaw id-drittijiet tagħhom. It-tħaffif għall-aċċess lill-ħaddiema ssekondati għall-qrati, inklużi għall-proċessi ta’ arbitraġġ u ta’ medjazzjoni, bl-istess dritt tal-ħaddiema nazzjonali, tikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli f’dan il-kuntest. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għamlet dikjarazzjoni f’każ preliminari[22] dwar sistema ta’ responsabbiltà konġunta u magħquda għall-intrapriżi ġenerali jew prinċipali. Il-Qorti kkunsidrat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva, interpretat skond l-Artikolu 49 KE, m’huwiex kontra l-użu ta’ tali sistema bħala miżura adattat f’każ meta d-Direttiva m’hijiex rispettata. Il-Qorti stabbilixxiet ukoll li miżura bħal din m’għandhiex tittieħed lil hinn aktar milli hemm bżonn biex jintlaħaq l-għan li qiegħda tipprova tikseb, u biex tintbagħat lura lill-qorti nazzjonali għall-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-każ inkwistjoni. L-Istati Membri huma mistiedna biex jevalwaw l-impatt ta’ l-introduzzjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom ta’ miżura proporzjonata u mhux diskriminatorja ta’ dan it-tip. L-Istati Membri li diġà għandhom sistema analoga għandhom jevalwaw l-effikaċja tagħha bħala miżura proporzjonata u mhux diskriminatorja fil-każ meta d-Direttiva ma tiġix rispettata. Sabiex jaqdu l-obbligi tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna li jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi ta’ kontroll tagħhom u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Dawn huma mitluba, partikolarment, li jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmu fis-seħħ biex isolvi n-nuqqasijietkif ukoll miżuri ta’ kontroll xierqa u proporzjonati, u biex ikunu jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet lill-fornituri tas-servizzi li jiksru l-obbligu tagħhom. Il-Kummissjoni tintrabat li taħdem ma’ l-Istati Membri sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn pajjiż u ieħor ta’ l-ispezzjonijiet tax-xogħol fl-oqsma koperti mid-Direttiva dwar l-issekondar ta’ ħaddiema. | 5. KONKLUŻJONIJIET Huwa urġenti li jiġu ċċarati l-miżuri ta’ kontroll li għalihom l-Istati Membri jistgħu jirrikorru skond l-Artikolu 49 KE kif interpretat mid-deċiżjonijiet tal-Qorti, u li jittejbu l-aċċess għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni amministrattiva. L-Istati Membri jridu jaġixxu malajr biex il-linji gwida inklużi fil-komunikazzjoni preżenti jkunu segwiti b’mod konkreti mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni se tadotta, fit-tnax-il xahar li ġejjin, rapport li jispjega s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha meta mqabbla ma’ l-aspetti kollha msemmija fil-komunikazzjoni preżenti b’mod li jiġi evalwat il-progress magħmul f’dan il-qasam. Biex issegwi l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri u tkun f’pożizzjoni li tagħmel evalwazzjoni oġġettiva, fuq il-bażi ta’ elementi ta’ linja gwida spjegati hawn fuq, il-Kummissjoni: - se tibgħat kwestjonarju dettaljat mill-iktar malajr possibbli lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-imsieħba soċjali fejn tistedinhom mhux biss biex jikkummentaw dwar il-miżuri tagħhom stess, iżda wkoll biex jindikaw kif huma jipperċepixxu u jiġġudikaw il-miżuri jew l-azzjonijiet meħuda minn awtoritajiet jew imsieħba soċjali oħrajn; - se tqiegħed formola għad-dispożizzjoni ta’ min juża s-sit ta’ l-internet tagħha biex tippermettilhom jaqsmu l-esperjenza tagħhom, pożittiva jew negattiva, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ksib ta’ informazzjoni, ta’ kooperazzjoni internazzjonali u ta’ kontroll u ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni; - se tosserva u tevalwa l-isforzi meħuda mill-Istati Membri biex iħaffu l-aċċess għall-informazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta tajba u l-formola standardizzata għall-iskambju ta’ l-informazzjoni. Jekk, wara dan l-eżerċizzju ta’ kontrolli, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li r-rispett tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja applikabbli f’dan il-mument u/jew il-kooperazzjoni bejn Stati Membri speċifikata fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva ma wasslux għal titjib sostanzjali, hija tieħu l-miżuri li għandhom ikunu imposti biex ikun hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni. [1] Dan ir-rapport jiġi wara t-talba indirizzata mill-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tagħha tal-15 ta’ Jannar 2004, P5_TA (2004)0030. [2] Il-Każ C-113/89 (Rush Portuguesa Lda kontra Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Immigrazzjoni), is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1990, il-punt 17 u l-Każijiet konġunti C-369/96 u 376/96 (Ministeru Pubbliku kontra Jean-Claude Arblade u oħrajn), is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, il-punt 62. [3] Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi il-Kummissjoni kontra l-Lussemburgu, il-każ C-445/03, is-sentenza tal-21 t’Ottubru 2004, il-punt 40, u l-Kummissjoni kontra l-Ġermanja, C-244/04, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, il-punt 36. [4] Dawn il-miżuri kienu identifikati fir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-istat tas-suq intern tas-servizzi – KUMM(2002) 441 tat-30 ta’ Lulju 2002. [5] Il-Każ C-279/00 (il-Kummissjoni kontra r-Repubblika Taljana), is-sentenza tas-7 ta’ Frar 2002, il-punt 18. [6] Ara, pereżempju, f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tas-6 ta’ Marzu 2003 fil-każ C-478/01, il-punt 19. [7] Ara n-nota 2, il-punt 76. [8] Il-Każ C-43/93 (Raymond Vander Elst kontra L-Uffiċċju ta’ l-Immigrazzjoni Internazzjonali), is-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994. [9] Dawn huma l-Istati li ġejjin: l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Greċja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Latvja, Malta, l-Olanda u l-Portugall. Is-Slovenja u r-Repubblika Ċeka jimponu obbligu simili għal min se jirċievi s-servizzi. [10] Ara n-nota 3, il-punt 31. [11] Ara n-nota 3, il-punt 41. [12] Ara n-nota 2, il-punt 61. [13] Ara n-nota 2, il-punt 65. [14] Il-każijiet konġunti C-49/98, 50/98, 52/98, 54/98, 68/98 u 71/98 (Finalarte Sociedade de Construção Civil Lda kontra Urlaubs- und Lohnausgleichskasse der Bauwirtschaft e. a.), is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, il-punti 69-74. [15] Ara n-nota 2, il-punti 64-65. [16] Ara n-nota 3. [17] Ara n-nota 3. [18] Ara n-nota 3. [19] Ara n-nota 11. [20] Ara n-nota 10. [21] Is-sit web tal-Kummissjoni ddedikat għall-issekondar ta’ ħaddiema joffri kollegamenti għas-siti web nazzjonali: http://europa.eu.int/comm/employment_social/labour_law/postingofworkers_fr.htm [22] Il-Każ C-60/03 (Wolff & Müller GmbH & Co. KG kontra José Filipe Pereira Félix), is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, il-punt 37.