Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0103

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd

/* KUMM/2006/0103 finali */

52006DC0103




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 09.03.2006

KUMM(2006) 103 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW

DWAR IT-TITJIB TAL-QAGĦDA EKONOMIKA TA' L-INDUSTRIJA TAS-SAJD

WERREJ

1. Daħla 3

2. L-għejun tad-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali 3

2.1. Id-dħul jonqos 4

2.1.1. L-istaġnar fil-prezzijiet tas-suq 4

2.1.2. Rendimenti anqas 4

2.2. Spejjeż telgħin 5

3. L-indirizzar tad-diffikultajiet ekonomiċi 5

3.1. Is-salvataġġ u r-ristrutturar f'qasir żmien 6

3.1.1. L-għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar 6

3.1.2. Il-kompatibbiltà ta' ċerta għajnuna operattiva 8

3.2. Miżuri u inizjattivi aktar fit-tul 9

3.2.1. It-tijib tal-ġestjoni tas-sajd 9

3.2.1.1. Lejn rendimenti massimi sostenibbli ( MSY ) 9

3.2.1.2. Il-ġestjoni ekonomika tas-sajd 9

3.2.1.3. It-titjib tat-treġija tal-politika tas-sajd 10

3.2.1.4. It-tlaqqigħ ta' l-isforz tas-sajd mar-riżorsi disponibbli 10

3.2.2. Ossrvanza aħjar tar-regoli tal-ġestjoni tas-sajd 10

3.2.2.1. Infurzar u kontrolli mtejba 11

3.2.2.2. L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra s-sajd illagali, mhux rappurtat u mhux irregolat ( IUU ) 11

3.2.3. L-organizzazzjoni u l-operazzjoni tas-swieq tal-ħut 11

3.2.4. Il-promozzjoni tar-riċerka dwar metodi tas-sajd aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent 12

3.3. L-appoġġ Komunitarju 12

4. Konklużjonijiet 13

ANNEX 14

Daħla

L-importanza ta' l-industrija tas-sajd tmur lil hinn mill-kontribut dirett tagħha lill-PGD ta' l-Unjoni Ewropea. Mhux biss tforni parti sostanzjali mill-proteina meħtieġa għall-konsum mill-bniedem, imma tagħti wkoll kontribut importanti għan-nisġa ekonomika u soċjali ta' bosta komunitajiet max-xtut ta' l-UE kollha kemm hi.

F'dawn l-aħħar snin, din l-industrija għaddiet minn bidliet diffiċli, hekk kif l-istokkijiet jonqsu tal-ħut u l-kundizzjonijiet ħżiena tas-suq naqqru l-kapaċità tagħha li tiġġenera l-qligħ. Ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tat spinta lill-modernizzazzoni tal-ġestjoni taż-żoni tas-sajd ta' l-Unjoni, u qabbdithom it-triq lejn is-sostenibbiltà. Dan se jwassal għal industrija tas-sajd li tkun aktar f'saħħitha ekonomikament, iżda l-proċess mhux ħieles mill-uġigħ u ma setax ma jinneċessitax miżuri biex jiġu ristretti sew il-qbid tas-sajjieda kif ukoll iż-żmien li jgħaddu fis-sajd, u allura wkoll il-qligħ. Fil-ġejjieni previdibbli, se jkomplu jagħmlu hekk.

Għalhekk, iż-żieda riċenti fl-ispejjeż operattivi minħabba l-prezzijiet ogħla tal-fjuwil waslet fi żmien partikolarment delikat, u ħolqot diffikultajiet mingħajr preċedent għal ħafna partijiet ta' l-industrija. L-okkorrenza flimkien ta' stokkijiet imnaqqsa, miżuri ta' ġestjoni inevitabbilment restrittivi, żieda qawwija fl-ispejjeż u dħul statiku jew li qed jonqos tfisser li ħafna bastimenti b'konsum għoli ta' fjuwil qed joperaw b'telf.

F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tidentifika l-għejun tad-diffikultajiet ekonomiċi u tissuġġerixxi t-toroq li għandhom jittieħdu biex jiġu affrontati l-isfidi fil-qosor u fit-tul li qed tħabbat wiċċha magħhom l-industrija tas-sajd.

L-għejun tad-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali

Matul dawn l-aħħar ftit snin, is-sitwazzjoni ekonomika ta' bosta intrapriżi tas-sajd ħżienet, prinċipalment minħabba tnaqqis fid-dħul. Il-qagħda dan l-aħħar aggravat ruħha b'żieda mgħaġġla fl-ispejjeż, minħabba l-prezzijiet ogħla tal-fjuwil, u din qiegħda thedded il-vijabbiltà finanzjarja ta' bosta intrapriżi tas-sajd. Din iż-żieda fl-ispejjeż qed tinħass ukoll, bil-qawwa, mill-membri ta' l-ekwipaġġi li jitħallsu billi jieħdu sehem mid-dħul tal-qabda (wara li jkunu tnaqqsu l-ispejjeż operattivi kollha, fosthom dawk tal-fjuwil); it-telfien tad-dħul għall-membri ta' l-ekwipaġġ jista', f'xi każi, jasal sa 25%[1]. Hemm ukoll ir-riskju li t-tnaqqis fil-qligħ jista' jwassal għal anqas sikurezza abbord.

Filwaqt li dawn id-diffikultajiet ekonomiċi, fi gradi differenti, jolqtu l-partijiet kollha tal-flotta tas-sajd, jaffettwaw partikolarment lill-bastimenti tat-tkarkir u li jistadu għall-ispeċijiet demersali, jiġifieri l-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ.

Id-dħul jonqos

L-istaġnar fil-prezzijiet tas-suq

Fatturi tas-suq taw sehemhom biex id-dħul mis-sajd jitnaqqar. Il-prezzijiet għal ħafna speċijiet kummerċjali importanti ma mxewx skond ix-xejriet ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni fis-snin riċenti. Għal għadd ta' speċijiet tal- whitefish ( Coregonus ), il-medja tal-prezzijiet ta' l-ewwel bejgħ jew staġnat jew saħansitra naqset bejn l-2000 u l-ewwel nofs ta' l-2005[2].

Il-ħtija għall-istaġnar jew it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ħut spiss tingħata lis-sehem ikbar ta' l-importazzjonijiet fis-suq tal-ħut ta' l-UE u lill-iżvilupp ta' l-akkwakultura. Madankollu, il-kontribut tagħhom lejn it-tnaqqis tad-dħul tas-sajjieda x'aktarx li huwa anqas importanti minn fatturi oħrajn, bħalma huma l-konċentrazzjoni tal-bejgħ fi ktajjen kbar ta' distribuzzjoni u aktar kompetizzjoni bejn il-ħut u prodotti oħra ta' l-ikel, li tqiegħed il-bejjiegħa bl-ingrossa taħt pressjoni biex inaqqsu l-prezzijiet u l-marġnijiet ta' profitt tagħhom. Dan ikollu eku mat-tul kollu tal-katina tas-suq, imma l-iktar li jolqot huwa lill-produtturi primarji, jiġifieri s-sajjieda. Għal speċijiet bħall-bakkaljaw jew il-pollakkju, l-industrija tas-sajd ta' l-UE ma għadhiex fil-qagħda li tiżgura d-daqsijiet u l-kwantitajiet meħtieġa, u l-forniment bħalissa huwa għal kollox importat.

Rendimenti anqas

Is-sajd intensiv, li ġeneralment għabba l-livelli ta' l-imwiet tal-ħut 'il fuq sewwa mill-massimu possibbli għas-sajd sostenibbli, baxxa l-istokkijiet tal-ħut u lis-sajjieda naqqsilhom drastikament il-produzzjoni ekonomika tagħhom[3].

Għall-Atlantiku tal-Grigal u l-ilmijiet fil-viċin, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni ta' l-Ibħra ( ICES ) evalwa r-relazzjoni bejn ir-rata ta' l-isfruttament ta' l-istokkijiet tal-ħut u s-sostenibbiltà[4]. Mit-43 stokk evalwat, 35 (jiġifieri 81%) kienu batew mis-sajd żejjed u 8 biss kienu qed jiġu mistada f'livelli li jikkorrispondu ma' l-ogħla rendimenti fit-tul (jiġifieri r-rendiment massimu sostenibbli, MSY )[5]. Is-sajd żejjed kien għaddej b'rata ta' darbtejn sa ħames darbiet il-livell li jiġġenera l-ogħla rendiment; kien partikolarment għoli għall-ispeċijiet demersali. Imma s-sajd żejjed ma jseħħx biss fl-Atlantiku tal-Grigal; jiġri kullimkien.

Minħabba f'hekk, is-sajjieda kellhom jiffaċċaw tnaqqis sinifikanti fil-possibbiltajiet tagħhom ta' qbid. Il-kwoti allokati lill-bastimenti fil-Punent ta' l-Ewropa għall-ispeċijiet demersali ewlenija (il-bakkaljaw, il-merluzz, il- whiting u l-pollakkju) u l-ispeċijiet tal-qiegħ (il-barbun tat-tbajja', il-lingwata, il-petriċa u l-awwista) ilhom neżlin min-nofs id-disgħinijiet. Għall-bakkaljaw, pereżempju, il-qabdiet totali permissibbli ( TACs ) bejn l-1998 u l-2005 tnaqqsu b'54%[6]. L-istokkijiet ta' speċijiet demersali oħra wkoll juru li ħadu xejra 'l isfel. Dan it-tnaqqis fil-possibbiltajiet ta' qbid għall-istokkijiet tal-bakkaljaw wassal għal- restrizzjonijiet fis-sajd għal speċijiet assoċjati fil-kuntest ta' żoni ta' sajd imħallat, li huma partikolarment komuni fil-Baħar tat-Tramuntana.

Sadattant, il-kapaċità tas-sajd (it-tunnellaġġ tal-bastimenti u l-qawwa tal-magna) naqset bil-mod ħafna matul l-aħħar għaxar snin (tnaqqis ta' 2% fil-qawwa tal-magni)[7]. Għal dan it-tnaqqis ċkejken pattiet għal kollox iż-żieda fl-effiċjenza tal-bastimenti tas-sajd[8]. Minkejja t-tnaqqis fil-kapaċità tas-sajd, il-pariri xjentifiċi ma jissuġġerixxu l-ebda titjib sinifikanti fl-istokkijiet ta' importanza kummerċjali[9].

Is-sajd żejjed iqiegħed l-istokkijiet taħt pressjoni akbar, u jaċċelera t-tnaqqis ta' l-istokkijiet. Dan it-tnaqqis imbagħad iġiegħel il-bastimenti jqawwu l-isforz tagħhom tas-sajd, u jbaxxi l-inċentivi biex jikkonformaw mar-regoli tal-ġestjoni tas-sajd. Jeħtieġ li dan l-ispirall li 'l isfel, li jwassal għal anqas rendiment u qbid għas-sajjieda, neqilbulu d-direzzjoni. L-isforz tas-sajd jeħtieġlu jerġa' lura għal livelli li jkunu kompatibbli ma' rendimenti ogħla u sostenibbli mis-sajd. Hemm diversi modi kif jitnaqqas, imma huwa ċar li l-kapaċità żejda hija fattur ewlieni li jwassal għas-sajd żejjed; għalhekk, it-twarrib ta' din il-kapaċità żejda huwa mira importanti.

Spejjeż telgħin

Iż-żieda riċenti fil-prezzijiet tal-fjuwil kellha effett sinifikanti fiż-żieda ta' l-ispejjeż operattivi għall-bastimenti tas-sajd. Bejn Jannar 2003 u Diċembru 2005, il-prezzijiet għall-fjuwils marittimi tal-banker żdiedu b'mod sinifikanti[10]. Il-prezzijiet għall-fjuwil użat fis-sajd fuq meded kbar (380CST) bqagħu relattivament stabbli fl-2004; madankollu, fl-2005 dawn il-prezzijiet kważi rduppjaw. Il-prezzijiet għall-fjuwil użat fis-sajd mal-kosta ( iż-Żejt tad-Diżil Marittimu ) żdiedu kostantement sa' Settembru 2005, u mbagħad battew xi ftit. Dan l-iżvilupp kellu effetti serji fuq il-kapaċità ta' l-impriżi tas-sajd biex jiġġeneraw il-profitti, minkejja li l-impatt fuq l-ispejjeż jiddependi mit-tip ta' tagħmir (tat-tkarkir jew le) u l-ispeċijiet tal-mira.

Bejn l-2003 u l-2005, l-ispejjeż tal-fjuwil żdiedu minn bejn wieħed u ieħor 18% sa 36% tal-valur tal-qbid għall-bastimenti tat-tkarjir, u minn 9% sa' 18% għall-flotot li jużaw it-tagħmir statiku. Dan jissuġġerixxi li għall-parti l-kbira tal-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ – fil-wisa' l-akbar parti mill-flotta tas-sajd - il-profitt operattiv nett huwa negattiv[11].

L-indirizzar tad-diffikultajiet ekonomiċi

Jeħtieġ li titteħed azzjoni sew fil-qosor kif ukoll fit-tul biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet ekonomiċi ta' l-industrija tas-sajd.

Fil- qosor , jeħtieġ li l-istrumenti u r-riżorsi disponibbli jiġu mmobilizzati biex jgħinu f-s-salvataġġ u r-ristrutturar ta' l-impriżi tas-sajd li kapaċi jerġgħu jiksbu l-profitti permezz ta' bidliet strutturali. Għaldaqstant jeħtieġ li neżaminaw il-mod li bih jistgħu jiġu applikati l-istrumenti eżistenti u l-qafas ta' llum ta' l-għajnuniet Statali, fuq il-bażi tal-linji ta' gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet Statali għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' l-azjendi li jkunu fid-diffikultà[12] u l-linji ta' gwida għall-eżami ta' l-għajnuna Statali liż-żoni tas-sajd[13], biex isalvaw u jirristrutturaw l-impriżi tas-sajd li jkunu qed jiffaċċaw id-diffikultajiet.

Huwa vitali wkoll li dawn il-miżuri ta' salvataġġ u ristrutturar jitqiegħdu f'perspettiva aktar fit-tul ħalli l-industrija tas-sajd tkun tista' tadatta ruħha għas-sitwazzjoni l-ġdida kkaratterizzata mill-prezzijiet għolja tal-fjuwil. Matul dan il-proċess, il-Kummissjoni sejra tistieden lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti strutturali tal-Komunità għas-sajd[14] biex imorru flimkien ma' l-adattamenti neċessarji u jappoġġaw il-komunitajiet tas-sajd fit-tranżizzjoni.

Is-salvataġġ u r-ristrutturar f'qasir żmien

Fil-grad li tippermettih il-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jgħinu lill-impriżi tas-sajd li jkunu jidhru qrib il-falliment. Hemm possibbiltajiet biex tingħata għajnuna statali lil impriżi li jkunu fid-diffikultà, taħt il-kundizzjonijiet tal-Linji ta' Gwida applikabbli għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar. Din it-taqsima tiċċara kif il-Kummissjoni fi ħsiebha tapplika l-linji ta' gwida għall-industrija tas-sajd.

L-għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar

Bil-probabbiltà li l-prezzijiet tal-fjuwil jibqgħu għolja, l-impriżi tas-sajd jeħtiġilhom jadattaw irwieħhom għas-sitwazzjoni l-ġdida u jistrutturaw jekk iridu jerġgħu jiksbu l-vijabbiltà, partikolarment fil-każ ta' bastimenti tat-tkarkir u li jistadu għall-istokkijiet demersali.

L-għajnuna ta' salvataġġ għandha titqies bħala għajnuna għal qasir żmien biex iżżomm impriża batuta fil-wiċċ finanzjarjament għaż-żmien meħtieġ biex jitfassal pjan ta' ristrutturar jew likwidazzjoni. Għajnuna ta' salvataġġ ta' dan it-tip, li tulha ma jistax jaqbeż sitt xhur, jeħtiġilha tieħu s-sura ta' self jew garanzija li jitħallas/titħallas lura. Fejn l-għajnuna ta' salvataġġ tkun segwita minn pjan approvat ta' ristrutturar, l-għajnuna ta' salvataġġ tista' titħallas lura b'appoġġ mogħti lill-impriża fil-forma ta' għajnuna għar-ristrutturar.

Ristrutturar ulterjuri ta' l-impriżi tas-sajd biex jerġgħu lura għall-vijabbiltà ekonomika ta' spiss jinvolvi investiment għall-adattament tal-bastimenti tas-sajd. Ir-regoli ġenerali għal investimenti ta' dan it-tip jingħataw f'punt 4.4 tal-linji ta' gwida dwar l-għajnuna Statali għall-impriżi tas-sajd. Dawn jippermettu l-modernizzazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-istallazzjoni fihom tat-tagħmir, suġġetti għar-regoli stipulati fir-Regolament rigward l-Istrument Finanzjarju dwar il-Gwida lis-Sajd ( FIFG ). Il-kundizzjonijiet għal-għoti ta' l-għajnuna nazzjonali għal dawn il-finijiet għalhekk huma l-istess li japplikaw għall-għajnuna Komunitarja taħt ir-Regolament FIFG .

Madankollu, l-għajnuna nazzjonali għal ċerti tipi ta' modernizzazzjoni tal-bastimenti u l-istallazzjoni fihom tat-tagħmir li skond punt 4.4. mhijiex permessa, tista' tiġi kkunsidrata jekk l-għan tagħha jkun ir-ristrutturar ta' impriżi tas-sajd bħala parti minn skemi ta' salvataġġ u ristrutturar awtorizzati mill-Kummissjoni[15]. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħtu għajnuna ta' dan it-tip jeħtiġilhom jiksbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni għall-qafas ġenerali ta' "l-iskemi nazzjonali ta' l-għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar" tagħhom jekk dawn ikunu jolqtu l-impriżi żgħar jew ta' daqs medju, li huma eżenti min-notifika individwali[16]. Il-Kummissjoni tevalwa dawn l-iskemi fuq il-bażi tal-linji ta' gwida Komunitarji dwar l-għajnuna Statali għall-impriżi li jkunu f'diffikultajiet, bil-kundizzjoni li r-ristrutturar ta' l-azjendi jkun imsejjes fuq preżunzjonijiet ekonomiċi realistiċi fil-kuntest ta' llum, u jqis ukoll il-qagħda u l-iżviluppi possibbli ta' l-istokks fil-mira. L-għajnuna ta' salvataġġ għandha tillimita ruħha għall-minimu meħtieġ. L-għan tar-ristrutturar jeħtieġlu jkun li jiżgura l-kapaċità ta' l-impriża li tagħmel il-qligħ skond it-tifsira tal-paragrafu 37 ta' dawn il-linji ta' gwida, billi jitbaxxew l-ispejjeż operattivi mingħajr żieda fl-isforz u fil-kapaċità tas-sajd kurrenti.

Il-Kummissjoni teżamina l-għajnuna Statali taħt dawn il-linji ta' gwida għall-investimenti li ġejjin fil-bastimenti tas-sajd, jekk dawn isiru fil-kuntest ta' skemi bħal dawn ta' salvataġġ u ristrutturar u fejn dawn l-investimenti jkunu meħtieġa għar-ritorn lejn il-vijabbiltà:

- bidla ta' l-ewwel tat-tagħmir tas-sajd li tirriżulta f'metodu ta' sajd li juża anqas fjuwil,

- ix-xiri ta' tagħmir biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, bħall- econometers , jew

- tibdil ta' darba tal-magna bil-kundizzjoni li,

- għall-bastimenti ta' tul anqas minn 12-il metru u li ma jużawx it-tkarkir, il-magna l-ġdida jkollha l-istess qawwa daqs il-qadima jew anqas qawwa mill-qadima,

- għall-bastimenti l-oħra kollha sa tul ta' 24 metru, il-magna l-ġdida jkollha talanqas 20% anqas qawwa mill-qadima, jew,

- għall-bastimenti ta' tul ta' aktar minn 24 metru il-magna l-ġdida jkollha talanqas 20% anqas qawwa mill-qadima u l-bastiment jibdel għal metodu tas-sajd li juża anqas fjuwil.

Il-qawwa tal-magni l-ġodda ta' aktar minn 130 kW li jkunu koperti minn għajnuna Statali bħal din tiġi vverifikata fuq il-bażi taċ-"ċertifikat NOx"[17]. Kwalunkwe tnaqqis fil-qawwa tal-magna li jkun marbut mat-tibdil tal-magna bl-għajnuna pubblika jitnaqqas mil-livelli ta' referenza nazzjonali u l-massimi tal-kapaċitajiet ta' flotot[18].

Fil-każ ta' impriżi individwali li joperaw aktar minn bastiment wieħed, il-Kummissjoni tkun tista' taċċetta li t-tnaqqis tal-qawwa tal-magni msemmi fit-tieni u t-tielet inċiż hawn fuq ikun jista' japplika "globalment", fuq il-livell ta' l-impriża, skond il-linji ta' gwida dwar l-għajnuna Statali lis-sajd. Id-dekommissjonar ta' bastiment mingħajr l-għajnuna pubblika wkoll jista' jingħadd mar-rata ta' tnaqqis rikjesta.

Bl-istess mod, jistgħu jkunu aċċettabbli wkoll skemi nazzjonali li jippermettu pjan ta' ristrutturar imressaq minn grupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju ( SMEs )[19]. F'dan il-każ, il-kapaċità għall-ġenerazzjoni ta' qligħ min-naħa ta' xi membri tal-grupp (jew ta' xi bastimenti minn fost dawk operati) tkun tista' tittejjeb minn azzjoni meħuda minn oħrajn, pereżempju d-dekommissjonar imsemmi fil-paragrafu ta' qabel.

Barra minn hekk, fuq l-istess raġunament applikat għall-għajnuna fl-immodernizzar u t-tagħmir, l-għajnuna Statali għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet għat-tul ta' żmien meħtieġ biex isir l-investiment imsemmi hawn fuq abbord il-bastimenti tas-sajd wkoll tkun aċċettabbli taħt punt 4.1.2 tal-linji ta' gwida Komunitarji dwar l-għajnuna Statali lis-sajd jekk din tingħata bħala parti minn skemi bħal dawn ta' salvataġġ u ristrutturar.

Kwalunkwe għajnuna pubblika oħra, inkluż l-appoġġ Komunitarju, li tingħata lil kumpanija fid-diffikultà tkun trid tiġi kkunsidrata fl-evalwazzjoni globali tal-pjanijiet ta' ristrutturar u l-vijabbiltà fit-tul.

Il-Kummissjoni lesta teżamina malajr kemm jista' jkun "l-iskemi nazzjonali ta' l-għajnuna ta' salvataġġ u ristrutturar" stabbiliti mill-Istati Membri għall- SMEs biex jindirizzaw id-diffikultajiet ekonomiċi ta' llum. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-pubblikazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom jinnotifikawlha dawn l-iskemi, u, fejn dan ikun f'loku, il-pjanijiet individwali fil-każ ta' impriżi akbar. Il-Kummissjoni sejra teżamina l-iskemi fuq il-bażi tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-fondi strutturali applikabbli għas-sajd, u b'mod partikolari f'relazzjoni ma' l-entità ta' l-għajnuna fejn din ta' l-aħar tolqot investimenti fil-bastimenti tas-sajd. Fi żmien sentejn mill-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-pjan innotifikat, l-Istati Membri għandhom joħorġu d-deċiżjonijiet amministrattivi dwar il-pjanijiet ta' ristrutturar. Ġaladarba d-diffikultajiet ekonomiċi ta' llum jaffettwaw partikolarment il-bastimenti tat-tkarkir, il-Kummissjoni tqis li għajnuna tar-ristrutturar bħal din għandha timmira lejhom b'mod speċjali.

Il-kompatibbiltà ta' ċerta għajnuna operattiva

Id-diffikultajiet ta' llum fl-industrija tas-sajd ġew aggravati miż-żidiet riċenti fil-prezzijiet tal-fjuwil. Dawn wasslu biex l-industrija tas-sajd issejjaħ għall-intervent statali biex jikkumpensaha għal din iż-żieda f'daqqa ta' l-ispejjeż. Għajnuna bħal din tkun tikkostitwixxi għajnuna operattiva, li mhijiex kompatibbli mat-Trattat. Il-Kummissjoni ma tapprova l-ebda għajnuna li tiġi nnotifikata għal dan il-għan.

Bħala alternattiva għall-għajnuna diretta għall-ispejjeż tal-fjuwil, xi partijiet interessati argumentaw favur skema ta' garanzija, jew fuq il-livell nazzjonali jew dak Komunitarju, li fiha l-flus imħallas mill-industrija tas-sajd fi żminijiet favorevoli jkun jista' jitħallsilha lura bħala kumpens fl-eventwalità ta' żidiet f'daqqa fl-ispejjeż operattivi (pereżempju żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil). Skema bħal din, il-Kummissjoni tkun tista' tapprovaha biss jekk jingħataw garanziji tar-rifużjoni ta' l-għajnuna statali kollha taħt kundizzjonijiet kummerċjali, ħaġa li ftit li xejn tidher proababbli fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi ta' llum.

Miżuri u inizjattivi aktar fit-tul

Huwa ċar li l-prospetti pożittivi fit-tul ta' l-industrija jistgħu jiġu żgurati biss f'kuntest ta' rkupru ta' l-istokkijiet tal-ħut u prattiki sostenibli tas-sajd. Il-Kummissjoni sejra tkompli taħdem minn għadd ta' lati biex tilħaq dawn il-miri, u tistieden lill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jappoġġaw dawn il-miżuri.

It-tijib tal-ġestjoni tas-sajd

Lejn rendimenti massimi sostenibbli ( MSY )

Il-Politika Komuni tas-Sajd riformata kkonċentrat fuq l-irkupru ta' l-iktar stokkijiet mhedda, li huma wkoll fost dawk bl-ikbar importanza kummerċjali, biex jinġiebu fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri malajr kemm jista' jkun fid-dawl tal-fatturi ekonomiċi u soċjali. Din il-konċentrazzjoni fuq l-istokkijiet l-iktar mhedda tal-ħut hija sew inevitabbli kif ukoll meħtieġa, minħabba li stokkijiet aktar b'saħħithom u s-sajd sostenibbli jwasslu għal rendiment ekonomiku wisq akbar minn dawk tal-preżent.

Fis-Samit Dinji ta' Joahnessburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli l-komunità internazzjonali ħadet l-impenn li timmira li sa l-2015 tilħaq il-ġestjoni ta' l-istokkijiet tal-ħut fil-livelli ta' l- MSY . Għall-Komunità, li fir-riforma tal-PKS ta' l-2002 adottat approċċ għall-ġestjoni tas-sajd ibbażat fuq l-ekosistema, dan mhux biss ta' min jixtiequ bil-kbir għal raġunijiet tal-konservazzjoni ta' l-istokkijiet, imma wkoll għaliex jagħti kontribut ħalli l-industrija tas-sajd terġa' ssir kapaċi tiġġenera l-profitti. Sistema tal-ġestjoni tas-sajd li tagħti rendiment massimu sostenibbli ġġib magħha benefiċċji ekonomiċi akbar fis-sura ta' provvista aktar prevedibbli, żieda fil-kwantitajiet ta' ħut adult akbar u li jġib prezz ogħla, u żoni tas-sajd aktar għammiela li jagħtu aktar rendiment għal kull unità ta' sforz. L-isfida hija li jiġu implimentati l-miżuri li se jwasslu għall-irkupru ta' l-istokkijiet, li hija prerekwiżit biex isiru possibbli l-qabdiet fil-livelli ta' l- MSY .

Fl-ewwel nofs ta' l-2006, il-Kummissjoni biħsiebha tiftaħ dibattitu dwar strateġija Komunitarja biex fiż-żoni tas-sajd il-kbar kollha pass pass titbaxxa l-mortalità tal-ħut, permezz ta' Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mira ta' l- MSY sa l-2015. Fl-istess ħin, sejra tissokta l-ħidma fuq il-pjanijiet ta' l-irkupru u l-ġestjoni, minħabba li dawn jikkostitwixxu passi meħtieġa għall-istabbilizzar ta' żoni mhedda tas-sajd qabel ma jiġu żviluppati strateġiji ta' l- MSY .

Il-ġestjoni ekonomika tas-sajd

Filwaqt li l-ġestjoni ekonomika tad-drittijiet tas-sajd hija responsabbiltà esklussivament nazzjonali, il-metodi ta' l-allokazzjoni, il-qsim u t-trasferiment ta' l-opportunitajiet tas-sajd bejn il-bastimenti fuq il-livell nazzjonali wkoll għandhom effett fuq il-qagħda ekonomika tal-flotta. Aktar tard din is-sena maħsub li jsir dibattitu fuq il-livell Komunitarju dwar dawn il-kwistjonijiet, fuq il-bażi ta' Komunikazzjoni mill-Kummissjoni.

It-titjib tat-treġija tal-politika tas-sajd

Ir-riforma tas- CFP ta' l-2002 ippovdiet għall-istabbilment ta' Kunsilli Konsultattivi Reġjunali ( RACs ) biex jissaħħaħ l-involviment tal-partijiet interessati. Sallum twaqqfu tlieta, ieħor appik li jitwaqqaf, u tlieta oħra qed jiġu ffurmati. Billi jlaqqgħu flimkien rappreżentanti tal-partijiet kollha interessati biex lill-Kummissjoni jagħtuha l-pariri tagħhom dwar il-politika tas-sajd, l- RACs jistgħu jkollhom rwol importanti fil-bini tal-fiduċja u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn dawk li jkollhom interess, ix-xjenzati u l-awtoritajiet pubbliċi. Dan għandu jwassal għal osservanza aħjar tar-regoli, li twassal għal effikaċja akbar fil-bini mill-ġdid u l-protezzjoni ta' l-istokkijiet tal-ħut.

Sta għall-partijiet interessati li jagħmlu suċċess mill- RACs . Il-Kummissjoni Ewropea lesta tagħmel kull sforz biex tgħain f'dan il-proċess, u fl-2007 sejra teżamina mill-ġdid il-funzjonament ta' l- RACs biex tkabbrilhom kemm tista' l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-ġestjoni tas-sajd. Strutturi eżistenti għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, bħalma huma l-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura ( ACFA ) u l-Kumitat għad-Djalogu Soċjali, sejrin ikomplu jagħtu kontribut siewi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Komunità.

It-tlaqqigħ ta' l-isforz tas-sajd mar-riżorsi disponibbli

Il-kapaċità żejda tal-flotot hija kwistjoni ekonomika daqs kemm hi waħda ta' konservazzjoni. Mil-lat tal-konservazzjoni, teoretikament il-bilanċ mixtieq bejn ir-rati ta' sfruttament u d-disponibbiltà tar-riżorsa jkun jista' jintlaħaq bit-tħaddim ta' flotta akbar għal żmien iqsar, jew bi flotta iżgħar għal żmien itwal. Madankollu, huwa ċar li l-kapaċità żejda twassal għas-sajd żejjed u għal prestazzjonijiet ekonomiċi dgħajfa. Fid-dawl tat-tnaqqis f'bosta stokkijiet tal-ħut u l-ħtieġa ta' aktar tnaqqis fl-isforz tas-sajd, id-daqs preżenti ta' ħafna mill-flotot ta' l-UE huwa akbar sew minn dak li għandu jkun li kieku kull bastiment fil-flotta kellu jopera bil-qligħ, partikolarment fis-sajd demersali.

Biex l-industrija Komunitarja tas-sajd terġa' tiġi fil-qagħda li tagħmel il-profitti, dan l-iżbilanċ bejn l-isforz żejjed u r-riżorsi disponibbli jeħtieġlu jiġi indirizzat bħala kwistjoni urġenti. Id-dekommissjonar ġestit tal-bastimenti jkabbar il-possibbiltàjiet ta' qbid għall-bastimenti li jibqgħu operattivi.

Għadd ta' Stati Membri dan l-aħħar bdew iħaddmu, jew qed jikkunsidraw, skemi ta' dekommissjonar (pereżempju l-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, l-Olanda u r-Renju Unit). Għajnuna sew nazzjonali kif ukoll Komunitarja hija possibbli għad-dekommissjonar tal-bastimenti tas-sajd. L-Istati Membri u l-Komunità għandu jesploraw ukoll il-modi ta' kif jistgħu itejbu l-miżuri biex inaqqsu l-kapaċità żejda tal-flotot bl-għajnuna tal-Fond Ewropew tas-Sajd ( EFF ) tal-ġejjieni. Jista' wkoll isir użu minn miżuri oħra biex jgħinu fl-aġġustament tal-kapaċità tas-sajd, bħall-primju għar-rijallokazzjoni ta' bastimenti tas-sajd għal attivitajiet oħra.

Ossrvanza aħjar tar-regoli tal-ġestjoni tas-sajd

In-nuqqas ta' l-osservanza min-naħa ta' xi sajjieda hija theddida ekonomika serja għal dawk li jirrispettaw ir-regoli u s-saħħa ta' l-istokkijiet. Il-qbid u l-ħatt mhux rappurtat spiss jirrappreżenta perċentwal sinifikanti tal-qabdiet komprensivi. Dan ibaxxi l-kwalità tal-pariri xjentifiċi, u b'hekk ikompli jgħarraq il-qagħda ta' l-istokkijiet. Għaldaqstant huwa ta' importanza liema bħalha li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati jaħdmu flimkien biex itejbu l-osservanza.

Infurzar u kontrolli mtejba

L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw l-infurzar kif suppost tar-regoli tas- CFP . Il-Kummissjoni tiċċekkja li l-qafas ta' kontrolli stabbilit mill-Istati Membri jkun f'loku. L-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd f'Vigo, li għadha kemm twaqqfet u li mistennija tibda l-attività tagħha fl-2006, sejra tagħti lill-Komuità opportunità kbira biex ittejjeb il-kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd u l-infurzar tar-regoli tas-sajd fl-Unjoni kollha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni sejra taħdem mill-qrib ma' din l-Aġenzija. Kulfejn ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni sejra tieħu l-azzjoni adatta kontra Stati Membri li ma jkunux qdew l-obligi tagħhom ta' l-infurzar.

L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra s-sajd illagali, mhux rappurtat u mhux irregolat ( IUU )

Is-sajd IUU huwa sors ta' kompetizzjoni inġusta għall-flotta Komunitarja. Konformement mal-pjan ta' azzjoni tal-Komunità għall-qerda tas-sajd IUU [20], il-Kummissjoni biħsiebha tintensifika l-ġlieda tagħha kontra din il-prattika, sew fl-ibħra Komunitarji kif ukoll f'dawk internazzjonali. Is-sajd IUU jrendi ħafna profitt, u huwa parti integrali mill-istrateġija kummerċjali ta' l-operaturi involuti; biex taffronta din il-problema, il-Kummissjoni sejra tiffoka fuq li ma tħallix il-benefiċjarji ta' l- IUU jagħmlu l-qligħ li jkunu stennew.

L-organizzazzjoni u l-operazzjoni tas-swieq tal-ħut

Il-Kummissjoni biħsiebha tvara evalwazzjoni komprensiva ta' l-organizzazzjoni tas-suq ta' llum, biex teżamina, b'mod partikolari, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-mekkaniżmi eżistenti, imfassla biex ittejjeb ir-rendimant finanzjarju mill-ħatt tal-qbid u, kif ikun f'loku, għodod ġodda biex itejbu l-kummerċ fil-ħut u l-prodotti dderivati minnhom. Biħsiebha wkoll tesplora, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet professjonali, kull triq biex jitjieb il-valur miżjud għas-sajjieda li jikkumerċjalizzaw huma stess il-prodotti tagħhom.

Kodiċi ta' kondotta għas-suq tal-ħut fl-Unjoni Ewropea wkoll ikun ta' siwi; dan għandu jitmexxa mill-industrija. Il-Kummissjoni sejra tistieden lill-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura jfassal kodiċi ta' dan it-tip.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-użu kollu mill-possibbiltajiet ta' l-għajnuna Komunitarja ( FIFG , aktar tard EFF ) għall-investiment fit-titjib tal-kwalità u l-valur miżjud tal-prodotti tal-ħut jew l-istrutturi tal-kummerċ.

Skemi tat-tikkettar ekoloġiku ukoll ikunu jistgħu jipprovdu d-divrenzjar tal-prodotti fis-suq, u jservu ta' inċentiv kummerċjali għal sajd aktar sostenibbli u ta' valur. Il-Kummissjoni tixtieq tara aktar użu tal-benefiċċji potenzjali ta' l-iskemi tat-tikkettar ekoloġiku għall-prosotti tas-sajd, u tistenna li d-dibattitu varat mill-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar dan is-suġġett[21] jagħti l-frott.

Il-promozzjoni tar-riċerka dwar metodi tas-sajd aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent

Il-Kummissjoni sejra tiżgura li l-ħtiġijiet ta' l-industrija tas-sajd ikunu koperti adegwatament fil-programmi annwali tal-ħidma ta' l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Qafas għall-appoġġ Komunitarju lir-riċerka, u pproponiet li ssir riċerka dwar it-titsħiħ tas-sostenibbiltà u l-kompetittività fis-sajd u fl-akkwakultura, kif ukoll dwar mezzi kif jitnaqqas l-impatt ambjentali. Wieħed mill-oqsma prijoritarji għandu jkun l-Iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, partikolarment it-titjib tad-disinn tat-tagħmir tas-sajd.

Qed issir enfasi speċjali fuq il-produzzjoni ta' l-enerġija li tiġġedded, partikolarment fuq l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' tipi ġodda ta' bijofjuwils. Sejra tingħata wkoll prijorità lill-effiċjenza enerġetika u l-ekonomija ta' l-enerġija permezz ta' l-ottimizzazzjoni, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta' kunċetti u teknoloġiji ġodda għall-industrija. Il-Kummissjoi biħsiebha torganizza laqgħa ta' ħidma dwar l-ekonomija ta' l-enerġija fl-industrija tas-sajd fir-Rebbiegħa ta' l-2006. Din tkun tista' twassal għal inizjattivi oħra mill-Kummissjoni aktar tard din is-sena.

L-appoġġ Komunitarju

Il-Kummissjon tipproponi li l-Istati Membri jużaw l-istrumenti finanzjarji Komunitarji għas-sajd matul il-proċess kollu ta' aġġustament, biex jimxu pass pass mat-tibdiliet meħtieġa u jgħinu lill-komunitajiet tas-sajd jadattaw irwieħhom għall-qagħda l-ġdida. Sew l- FIFG (sa tmiem il-perjodu ta' l-ipprogrammar) kif ukoll l- EFF (mill-1 ta' Jannar 2007 'il quddiem) jistgħu jappoġġaw il-miżuri ta' ristrutturar adottati mill-Istati Membri fl-iskemi nazzjonali tagħhom ta' salvataġġ u ristrutturar, jgħinu fil-finanzjament tal-miżuri għall-aġġustament tal-flotot aktar fit-tul u wkoll jappoġġaw il-komuitajiet tas-sajd affettwati fit-tibdiliet soċjali meħtieġa.

Jekk ir-Regolament EFF jiġi adottat kmieni fir-Rebbiegħa ta' l-2006, il-Kummissjoni tkun tista' tikkunsidra lil r-Regolament FIFG jiġi emendat biex tarmonizza xi wħud mid-dispożizzjonjiet ta' dan ta' l-aħħar mar-Regolament EFF , sabiex il-fondi li jifdal ta' l- FIFG jkunu jistgħu jintużaw għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar. Sadanittant, il-Kummissjoni sejra, eċċezzjonalment, tilqa' t-talbiet li xi Stati Membri diġà għamlu, barra miż-żmien iffissat għat-tressiq tal-modifiki, biex jimmodifikaw il-programmi tagħhom ta' l- FIFG għall-2005, bil-għan li jindirizzaw il-qagħda deskritta f'din il-Komunikazzjoni.

L-Istati Membri mistennija jiżguraw l-allokazzjoni adatta tar-riżorsi finanzjarji bejn il-prijoritajiet ta' finanzjament differenti ta' l- EFF . Il-livell ta' finanzjament allokat għal miżuri ta' l-aġġustament u l-adattament tal-flotot tas-sajd fil-programmi operattivi ta' l-Istati Membri għandu jirrifletti l-gravità tal-qagħda ekonomika preżenti, kif ukoll il-ħtieġa li l-industrija tas-sajd terġa' tingħata l-kapaċità li tiġġenera l-profitt.

Konklużjonijiet

Ma hemm l-ebda soluzzjoni faċli għad-diffikultajiet li l-industrija tas-sajd qed taffaċċa llum. Imma li l-industrija titreġġa' lura għas-sostenibbiltà huwa possibbli u indispensabbli fid-dawl ta' l-importanza ekonomika, soċjali u kulturali tagħha għal komunitajiet fuq ix-xtut ta' l-UE kollha kemm hi.

Dawk kollha involuti, fuq il-livelli Komunitarji, nazzjonali u lokali, għandhom jappoġġaw l-industrija tas-sajd fl-isforzi tagħha ta' ristrutturar, iċċentrati fuq l-għan komuni tas-sajd sostenibbli.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi qafas li fih il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jistgħu jagħtu sehemhom sew f'miżuri ta' qasir żmien għas-salvataġġ ta' l-impriżi tas-sajd li jkunu f id-diffikultà, kif ukoll fl-aġġustament strutturali fi ħdan l-industrija tas-sajd li huma meħtieġa għas-sostenibbiltà u l-prosperità tagħha fit-tul.

ANNEX

Graph 1: average market prices 2000 – 2005 for cod, haddock and hake (fresh)

[pic]

Graph 2a: evolution of TACs for demersal species

[pic]

Graph 2b: evolution of TACs for benthic species

[pic]

Graph 2c: evolution of TACs for pelagic species

[pic]

Graph 3: evolution of fleet capacity (power)

[pic]

Graph 4: Trend in fuel prices 2003-2005

[pic]

Source: International Energy Agency (IEA )

Table 1: Estimated impact of increase of fuel costs on income of crew members (‘share fishermen’)

2004 | 2005 | Difference |

% | % |

Gross Value | 100 | 100 |

Taxes and Fees | 10 | 10 |

Operating Costs: - other than fuel. - fuel | 15 15 | 15 30 |

Total Operating Costs | 30 | 45 |

Remainder to be shared | 60 | 45 |

Share for the Ship-owner | 30 | 22,5 | -25% |

Share for the Crew | 30 | 22,5 | -25% |

Assumptions:

1. Marine fuel oil has doubled in price between 2003 and 2005, from 0,30€ to 0,60€/litre.

2. All other factors in income and costs function are supposed to have remained unchanged in % between 2003 and 2005.

Table 2: ICES report 2005 – long-term high yields evaluation

Area | Number of stocks | Number of stocks evaluated | Number of stocks overfished |

North Sea, eastern channel, Skagerrak and Kattegat | 23 | 12 | 8 |

West of Scotland | 10 | 3 | 2 |

Western waters | 26 | 14 | 13 |

Iberian Atlantic | 11 | 7 | 5 |

Baltic Sea | 13 | 2 | 2 |

Widely distributed[22] | 5 | 5 | 2 |

Total | 91 | 43 | 35 |

[pic]

[1] Ara t-Tabella 1.

[2] Ara l-Grafika 1.

[3] Jista' jkun li fatturi oħra, bħat-tibdil fil-klima u t-tniġġis, jikkontribwixxu wkoll għat-tnaqqis fl-istokkijiet, biss fi grad wisq anqas mis-sajd żejjed. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Ibħra għandha l-għan li tilħaq ambjent ta' l-ibħra b'saħħtu li, fost l-oħrajn, iwassal għal stokkijiet tajbin tal-ħut.

[4] Ir-Rapport tal-Kumitati Konsultattivi ta' l- ICES dwar il-Ġestjoni tas-Sajd ( ACFM ), dwar l-Ambjent ta' l-Ibħra ( ACME ) u dwar l-Ekosistemi ( ACE ), 2005; ICES Advice , Volumi 1-11, 1418 pp. Kopenħagen, 2005.

[5] Ara t-Tabella 2.

[6] Ara l-Grafiċi 2a, b u ċ.

[7] Ara l-Grafika 3.

[8] Skond rapport miktub għall-Kummissjoni f'Ġunju 2001 ("L-impat tal-progress teknoloġiku fuq l-attività tas-sajd"), fil-medja, il-bastimenti tas-sajd qed isiru bejn 2% u 4% aktar effiċjenti kull sena, skond it-tip ta' żona tas-sajd.

[9] Ir-Rapport ta' l- ICES 2005.

[10] Ara l-Grafika 4.

[11] Fuq il-bażi talċ-ċifri tal-karti tal-bilanċ għall-2003, li jidhru fi "Il-Prestazzjoi Ekonomika ta' Flotot Magħżula Ewropej tas-Sajd – Rapport Annwali 2004 (ara n-nota tal-qiegħ ta' qabel u t-Tabella 3).

[12] ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

[13] ĠU C 229, 14.9.2004, p.5, partikolarment punt 4.1.2.

[14] L-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd ( FIFG ), ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10, ir-Regolament kidf emendat l-aħħar mir-Regolament 485/2005 (ĠU L 81, 30.3.2005, p. 1); mill-1 ta' Jannar 2007, il-Fond Ewropew tas-Sajd ( EFF ) (COM/2004/0497 finali).

[15] Ara punt 4.1.2 tal-linji ta' gwida Komunitarji dwar l-għajnuna Statali lis-sajd.

[16] Ara punti 18 u 19 tal-linji ta' gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna Statali għall-impriżi li jkunu f'diffikultajiet.

[17] Ċertifikat EIAPP (Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis ta' l-Arja mill-Magni) maħruġ skond l-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL (il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata mill-Protokoll relatat ta' l-1978) ( MARPOL 73/78).

[18] Il-Kapitolu III tar-Regolament 2371/2002 (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.).

[19] Raggruppamenti bħal dawn ikunu jistgħu jissejsu fuq is-sajd li jsir, il-lok tal-bastimenti jew ir-rabtitet kummerċjali.

[20] COM(2002) 180 finali.

[21] COM(2005) 275 finali.

[22] Including depleted pelagic shark stocks.

Top