This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52004PC0847
Proposal for a Council Decision concerning the conclusion of an Agreement between the Government of the Socialist Republic of Vietnam and the European Community on market access
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għas-suq
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għas-suq
/* KUMM/2004/0847 finali - ACC 2004/0291 */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għas-suq /* KUMM/2004/0847 finali - ACC 2004/0291 */
Brussel 4.1.2005 KUMM(2004) 847 finali 2004/0291 (ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għas-suq (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Fid-9 ta’ Ottubru 2004, il-Komunità Ewropea kkonkludiet negozjati bilaterali mar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam rigward l-adeżjoni tagħha mad-WTO. Ir-riżultati jipprovdu impenji importanti kemm għal oġġetti kif ukoll servizzi ta’ benefiċċju għan-negozju tal-KE. Il-gvern Vjetnamiż esprima wkoll l-interess tiegħu li jfittex “ftehim ta’ ħsad kmieni” li għandu jġib ’il quddiem l-implimentazzjoni ta’ ċerti impenji fl-interess taż-żewġ sħab. Fit-3 ta’ Diċembru 2004, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Gvern Vjetnamiż taw bidu għall-Ftehim li jinsab hawn bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Vjetnam. Il-Ftehim jistipula l-obbligi li ġejjin mill-Vjetnam: - Il-Vjetnam jimpenja ruħu li jnaqqas id-dazji tad-dwana tiegħu għall-importazzjonijiet tal-KE ta’ ħjut tas-suf ta’ materjal sintetiku għal 5%. - Il-Vjetnam jimpenja ruħu li jnaqqas id-dazji tad-dwana għall-importazzjonijiet tal-KE ta’ nbejjed u spirti għal 65%. - Il-Vjetnam jimpenja ruħu li jipprovdi trattament mhux inqas favorevoli lill-investituri u fornituri tas-servizzi mill-KE minn dak mogħti lill-investituri u fornituri tas-servizz mill-Istati Uniti a bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kummerċjali Bilaterali Stati Uniti-Vjetnam. - Il-Vjetnam jimpenja ruħu li jipprovdi trattament mhux inqas favorevoli lill-investituri mill-KE minn dak ipprovdut lill-investituri Ġappuniżi permezz tal-Ftehim ta’ Investiment Bilaterali Ġappun-Vjetnam. - Il-Vjetnam għandu jintroduċi numru ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni f’setturi oħrajn: - Mill-1.1.2005, hu għandu jippermetti operaturi mill-KE biex jinvestu fis-settur tas-siment u l-produzzjoni tal-gagazza fuq l-istess termini ta’ l-industrija Vjetnamiża. - Mill-1.1.2005, hu għandu jippermetti lill-operaturi eżistenti mill-KE fis-settur tat-telekomunikazzjonjiet, li bħalissa joperaw fil-Vjetnam a bażi tal-Kuntratti ta’ Kooperazzjoni fin-Negozju ma’ operaturi Vjetnamiżi, biex ikollhom l-għażla li jew iġeddu l-arranġamenti kurrenti jew ibidluhom f’forma oħra ta’ stabbiliment, taħt kondizzjonijiet li mhumiex inqas favorevoli minn dawk li jgawdu bħalissa. - Mill-1.1.2005, hu għandu jneħħi r-restrizzjonijiet kollha fir-rigward ta’ klijenti li għalihom il-fornituri eżistenti mill-Komunità Ewropea ta’ servizzi ta’ kompjuters, servizzi ta’ kostruzzjoni, inġinerija, inġinerija integrata, servizzi arkitettoniċi u servizzi ta’ ppjanar urban, li bħalissa joperaw fil-Vjetnam, jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi. - Mill-1.1.2005, l-operaturi mill-Komunità Ewropea jkunu jistgħu jingħataw liċenzji biex jistabbilixxu impriżi li jkunu 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea fil-Vjetnam biex jipprovdu servizzi ta’ kompjuters, servizzi ta’ kostruzzjoni, inġinerija, inġinerija integrata, servizzi arkitettoniċi u servizzi ta’ ppjanar urban, mingħajr restrizzjonijiet fuq il-klijenti li għalihom dawn is-servizzi jkunu pprovduti. - Mill-1.1.2005, hu għandu joħroġ 4 liċenzji lil impriżi farmaċewtiċi mill-Komunità Ewropea li jippermettulhom iwettqu manifattura bi ħlas fil-Vjetnam mingħajr ma jkunu jeħtieġu t-trasferiment tal-liċenzji lil sħab Vjetnamiżi, filwaqt li jżommu wkoll kwalunkwe awtorizzazzjoni eżistenti li huma jista’ jkollhom għall-immarkitjar tal-prodotti importati. - Mill-1.1.2005, hu għandu jippermetti li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti inizjattivi bi sħab bejn kumpaniji mill-Komunità Ewropea u sħab Vjetnamiżi sabiex jinvestu fil-kostruzzjoni ta’ bini ta’ uffiċini u appartamenti għall-bejgħ u l-kiri, mingħajr limitazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-kapital mill-Komunità Ewropea. - Sal-31.3.2005, hu għandu jipprovdi liċenzja waħda lil distributur mill-Komunità Ewropea biex jistabbilixxi impriża li tkun 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea fil-Vjetnam. - Sal-31.03.2005, hu għandu joħroġ liċenzja ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja addizzjonali lil azjenda mill-Komunità Ewropea. - Sal-31.03.2005, il-linji tat-tbaħħir mill-Komunità Ewropea għandhom ikunu awtorizzati li jidħlu f'inizjattivi bi sħab ma’ partners Vjetnamiżi b’kontribuzzjoni ta’ kapital mill-KE ta’ 51%. - Sal-31.03.2005, linja waħda tat-tbaħħir mill-Komunità Ewropea għandha tkun awtorizzata li tistabbilixxi impriża b’investiment ta’ 100% mill-Komunità Ewropea biex twettaq il-ħidmiet kollha tal-linja tat-tbaħħir tagħha, li attwalment mhumiex permessi għal azjendi li mhumiex Vjetnamiżi. - Sal-31.03.2005, hu għandu jagħti liċenzja lil fornitur wieħed ta’ servizzi mill-Komunità Ewropea biex jipprovdi sistema ta’ riservazzjoni bil-kompjuter fil-Vjetnam. - Sal-31.03.2005, hu għandu jintroduċi kwota ta’ tariffi għall-importazzjoni ta’ muturi u motoċikletti ta’ oriġini mill-KE, filwaqt li jiżgura li għall-inqas 50% ta’ din il-kwota tkun allokata speċifikament lil aġenti uffiċjali awtorizzati mill-manifatturi mill-Komunità Ewropea. - Sal-31.12.04, il-lista ta’ molekuli farmaċewtiċi li huma pprojbiti milli jkunu importati fil-Vjetnam għandha titnaqqas sa massimu ta’ 7. Mill-31.12.2005, din il-lista għandha tkun kompletament abrogata għall-manifatturi mill-Komunità Ewropea. - Matul il-perjodu 2005-2006, għandu jingħata total ta’ 3 liċenzi lil fornituri mill-Komunità Ewropea ta’ servizzi ambjentali biex joperaw fil-Vjetnam bħala impriżi li jkunu 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea, għall-iskop li jipprovdu servizzi ambjentali, fis-sotto-setturi li ġejjin: servizzi ta’ tindif ta’ gassijiet ta’ l-egżost, tnaqqis ta’ storbju, servizzi ta’ rimi ta’ l-iskart, servizzi ta’ drenaġġ. - Hu għandu jippermetti lil dawk id-distributuri mill-Komunità Ewropea li diġa qed joperaw legalment fil-Vjetnam biex jiftħu sa massimu ta’ 4 mħażen addizzjonali matul l-2005, u żewġ imħażen oħrajn fl-2006. - Matul l-2006, liċenzja waħda għandha tkun allokata lil distributur mill-Komunità Ewropea biex jopera fil-Vjetnam bħala impriża li tkun 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea. Bi tpattija għal dan, il-KE għandha tissospendi il-kwoti kollha fuq it-tessuti u l-ħwejjeġ li bħalissa huma imposti fuq il-Vjetnam. L-intenzjoni hi li tippermetti li l-Vjetnam jgawdi minn trattament ekwivalenti għal dak ta’ membri eżistenti tad-WTO u ħalli jikkompeti fuq l-istess bażi. Il-Ftehim għandu dispożizzjonijiet li skond huma l-KE tista’ terġa’ timponi l-kwoti fuq it-tessuti f’każ li l-Vjetnam ma jħarisx l-obbligi tiegħu. Il-Ftehim jieħu in konsiderazzjoni it-terminazzjoni tal-ftehim ATC u l-kapaċità ta’ membri importanti oħrajn tad-WTO f’dan is-settur, għalhekk is-sospenzjoni tal-kwoti għall-Vjetnam mhix mistennija li jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-interessi tas-settur Ewropew tat-tessuti u l-ħwejjeġ. 2004/0291 (ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għas-suq IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien ma’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Billi: (1) Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ftehim bilaterali dwar implimentazzjoni minn kmieni ta’ l-impenji ta’ l-aċċess għas-suq marbuta ma' l-adeżjoni tal-Vjetnam mad-WTO; (2) Il-Ftehim inbeda fit-3 ta’ Diċembru 2004; (3) Il-Ftehim għandu jkun approvat f’isem il-Komunità; IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea dwar l-aċċess għas-suq hu hawnhekk approvat f’isem il-Komunità. It-test tal-Ftehim hu anness ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill hu hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna bil-jedd li tiffirma, f’isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim imsemmi fl-Artikolu 1 sabiex torbot il-Komunità. Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni għandha, b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 3030/93 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi[2] tadotta l-miżura stipulata fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Ftehim, li tikkonsisti fl-applikazzjoni mill-ġdid tal-kwoti fuq it-tessuti u l-ħwejjeġ fil-każ li l-Vjetnam jonqos milli jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan il-Ftehim u l-paragrafu 9 tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ ittri, li nbeda fil-15 ta’ Frar 2003. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni li japprovaw il-Ftehim għandhom jipprevalu fuq ir-Regolament (KEE) Nru 3030/93 sakemm l-istess suġġett hu konċernat. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS FTEHIM BEJN IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA SOĊJALISTA TAL-VJETNAM U L-KOMUNITÀ EWROPEA DWAR L-AĊĊESS GĦAS-SUQ Il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem riferuti kollettivament bħala l-“Partijiet” u individwalment bħala l-“Parti”); Jagħarfu l-importanza li jikkoordinaw u jsaħħu l-ħbiberija, il-kooperazzjoni u l-interazzjoni bejn ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea; u Jixtiequ li jiżviluppaw u jwessgħu l-kummerċ u r-relazzjonijiet ta’ investiment bejn ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Komunità Ewropea; Huma ftehmu kif ġej: ARTIKOLU 1 Mill-1 ta’ Jannar 2005, il-Komunità Ewropea għandha tissospendi bil-għan ta’ eleminazzjoni l-kwoti fuq it-tessuti u l-ħwejjeġ imposti fuq ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam. ARTIKOLU 2 Mill-1 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għandha: - Tapplika t-tariffi għall-ħwejjeġ, drappijiet u oġġetti manifatturati, u fibri fil-livelli kif impenja ruħu bihom il-Vjetnam fil-Ftehim fuq il-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ u miżuri oħrajn ta’ ftuħ ta’ swieq li ngħataw bidu f’Hanoi fil-15 ta’ Frar 2003[3]; - Tapplika rata tariffarja ta’ 5% għal ħjut tas-suf ta’ materjal sintetiku; - Tapplika rata tariffarja ta’ 65% għal inbejjed u spirti; - Tagħti lil investituri u fornituri tas-servizzi mill-Komunità Ewropea trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lill-investituri u fornituri tas-servizzi mill-Istati Uniti kif stipulat fil-Kapitoli dwar l-Investiment u l-Kummerċ tas-Servizzi tal-Ftehim Kummerċjali Bilaterali bejn ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Annessi relevanti tagħhom; - Tippermetti operaturi mill-Komunità Ewropea biex jinvestu fil-produzzjoni tas-siment u tal-gagazza, bla ħsara għar-regolamenti applikati f’dan is-settur fil-Vjetnam. Dawn ir-regolamenti mhumiex diskriminatorji; - Tippermetti investituri mill-Komunità Ewropea fis-settur tat-telekommunikazzjonijiet, li bħalissa joperaw taħt Kuntratti ta' Kooperazzjoni fin-Negozju ma' operaturi Vjetnamiżi, li jkollhom il-possibilità li jġeddu l-arranġamenti attwali jew li jikkonvertuhom f’forma oħra ta’ stabbiliment b’kondizzjonjiet mhux inqas favorevoli minn dawk li jgawdu bħalissa, b’mod konformi ma’ l-arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004; - Telimina r-restrizzjonijiet fuq klijenti li għalihom fornituri mill-Komunità Ewropea ta’ servizzi ta’ kompjuters, servizzi ta’ kostruzzjoni, inġinerija, inġinerija integrata, servizzi arkitettoniċi u servizzi ta’ ppjanar urban, li bħalissa qed joperaw fil-Vjetnam, jipprovdu servizzi. - Tikkunsidra li tagħti liċenzji, a bażi ta’ każ b’każ u taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004, lil operaturi mill-Komunità Ewropea biex jistabbilixxu impriżi li huma 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea fil-Vjetnam li jipprovdu servizzi ta’ kompjuters, servizzi ta’ kostruzzjoni, inġinerija, inġinerija integrata, servizzi arkitettoniċi u servizzi ta’ ppjanar urban mingħajr restrizzjonijiet fuq il-klijenti li għalihom dawn is-servizzi jkunu pprovduti; - Tippermetti 04 (erbgħa) impriżi farmaċewtiċi mill-Komunità Ewropea li jwettqu l-manifattura bi ħlas fil-Vjetnam mingħajr trasferiment ta’ liċenzja u filwaqt li jżommu l-awtorizzazzjoni tagħhom biex jimmarkitjaw il-prodotti importati; - Tippermetti kumpaniji mill-Komunità Ewropea li jistabbilixxu impriżi bi sħab ma’ partners Vjetnamiżi, mingħajr limitazzjoni fuq il-kontribuzzjoni tal-kapital mill-Unjoni Ewropea, sabiex jinvestu fil-kostruzzjoni ta’ uffiċini u appartamenti għall-bejgħ u l-kera, bla ħsara għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Vjetnam fuq il-bejgħ u l-kiri ta’ propjetà. ARTIKOLU 3 Mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2005, ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għandha: - Tagħti lil distributur 01 (wieħed) mill-Komunità Ewropea liċenzja sabiex jistabbilixxi impriża li tkun 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea fil-Vjetnam, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004; - Tagħti lil assiguratur 01 (wieħed) mill-Komunità Ewropea liċenzja biex jopera fis-settur ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja fil-Vjetnam; - Tippermetti impriżi bi sħab b’kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ 51% minn linji tat-tbaħħir mill-Komunità Ewropea, u tippermetti linja tat-tbaħħir 01 (waħda) mill-Komunità Ewropea biex tistabbilixxi impriża li tkun 100% investiment mill-Komunità Ewropea fil-Vjetnam biex twettaq l-attivitajiet tal-linja tat-tbaħħir tagħha, taħt il-kondizzjonjiet stipulati fl-Arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004; - Tagħti lil fornitur 01 (wieħed) ta’ servizz mill-Komunità Ewropea liċenzja biex jipprovdi servizzi ta’ sistema ta’ riservazzjoni bil-kompjuter fil-Vjetnam, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004; - Tagħti kwota tariffarja għall-importazzjoni ta’ 3500 unità ta’ Completely Built Units (CBU) ta’ muturi jew motorċikletti ta’ oriġini mill-Komunità Ewropea ta’ 70 % tar-rata tariffarja attwali. Għall-inqas 50% ta’ dawn il-kwoti għandhom ikunu allokati lil aġenti u distributuri Vjetnamiżi awtorizzati kif xieraq mill-manifatturi mill-Komunità Ewropea. ARTIKOLU 4 Ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għandha: Tagħti lill-investituri mill-Komunità Ewropea trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti lil investituri Ġappuniżi kif stipulat fil-Ftehim ta’ Investiment Bilaterali (BIT) bejn ir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetanm u l-Ġappun, mad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Ftehim; - Fl-2005 u l-2006, tagħti 03 (tlett) liċenzji lil fornituri mill-KomunitàEwropea ta’ servizzi ambjentali biex joperaw fil-Vjetnam bħala impriżi li jkunu 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea, għall-forniment ta’ serivizzi ambjentali, għajr servizzi ta’ assessjar ta’ impatt ambjentali, bla ħsara għall-iskop ta’ l-attivitajiet u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004, - Tippermetti distributuri mill-Komunità Ewropea, li joperaw legalment fil-Vjetnam, biex jiftħu 04 (erba’) imħażen oħra fl-2005 u 02 (żewġ) imħażen addizzjonali fl-2006; - Tagħti lil-distributur 01 (wieħed) mill-Komunità Ewropea liċenzja biex jopera fil-Vjetnam bħala impriża li tkun 100% ta’ sidien mill-Komunità Ewropea fil-Vjetnam fl-2006, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Arranġament tad-WTO li ngħata bidu mill-Vjetnam u l-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Ottubru 2004; - Tnaqqas il-lista ta’ molekuli pprojbiti għal 5-7 molekuli sa mhux iktar tard minn Diċembru 2004, u tabolixxi din il-lista għall-Komunità Ewropea sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005. ARTIKOLU 5 Il-Komunità Ewropea tista’ tapplika mill-ġdid il-kwoti fuq tessuti u ħwejjeġ fil-livell tal-kwantita totali ta’ kwoti fuq tessuti u ħwejjeġ akkordati mill-Komunità Ewropea lill-Vjetnam fl-2004, miżjuda b’rati ta’ tkabbir annwali stipulati fl-Arranġament fuq il-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ u miżuri oħra ta' ftuħ tas-suq li nbdew f’Hanoi fil-15 ta’ Frar 2003, fl-eventwalità li l-Vjetnam jonqos milli jissodisfa kwalunkwe obbligazzjoni li tinsab fl-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan il-Ftehim jew fil-paragrafu 9 tal-Ftehim ta’ l-2003 ikkwotat hawn fuq. Fl-eventwalità li l-Komunità Ewropea tonqos milli tissodisfa l-obbligazzjonijiet taħt l-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim jew il-paragrafu 9 tal-Ftehim fuq il-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ u miżuri oħra ta’ ftuħ tas-suq li ngħataw bidu f’Hanoi fil-15 ta’ Frar 2003, il-Vjetnam jista’ jissospendi l-applikazzjoni ta’ l-impenji tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dan il-Ftehim. ARTIKOLU 6 Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ ma’ l-iskambju ta’ notifikazzjonijiet bil-miktub mill-Partijiet dwar it-tkomplija tal-proċeduri interni rispettivi tagħhom għal dan l-għan. Kull Parti tista’ fi kwalunkwe żmien tipproponi modifikazzjonijiet għal dan il-Ftehim jew tiċħdu, dejjem jekk jingħata avviż ta’ almenu sitt xhur. Fl-eventwalità ta’ ċaħda, il-Ftehim għandu jiġi fi tmiemu ma’ l-iskadenza tal-perjodu ta’ l-avviż. Dan il-Ftehim għandu jiskadi fid-data ta’ l-adeżjoni tal-Vjetnam mad-WTO. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkompletaw il-proċeduri interni rispettivi tagħhom bil-ħsieb li jimplimentaw dan il-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2004. ARTIKOLU 7 Dan il-Ftehim għandu jkun imfassal b’mod duplikat bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bit-Taljan, bil-Portugiż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, biċ-Ċek, bl-Estonjan, bl-Ungeriż, bil-Litwan, bil-Latvjan, bil-Malti, bil-Pollakk, bl-Islovakk u bis-Sloven. Magħmul f’Hanoi, fit-3 ta’ Diċembru 2004. Għall-Gvern tar- Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam | Għall-Komunità Ewropea | [1] ĠU C [2] ĠU L 275, 8.11.1993, kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) 138/2003 (ĠU L 23, 28.01.2003, p.1) [3] Ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea L 152/42 tad-data 26.6.2003 bħala “Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri li jemenda l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam fuq il-kummerċ fit-tessuti u l-ħwejjeġ u miżuri oħra ta’ ftuħ tas-suq, kif l-aħħar emendati bil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta' Ittri mibdi fil-31 ta' Marzu 2000”.