Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0590

Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social committee and the Committee of the Regions - Security Research : The Next Steps

52004DC0590




Brussel, 7.9.2004

COM(2004) 590 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI.

Riċerka dwar is-Sigurtà : Il-Passi li Jmiss

RIċERKA DWAR IS-SIGURTÀ – IL-PASSI LI JMISS

F’Ottubru ta’ l-2003, il-Kummissarji ta’ l-UE Busquin u Liikanen laqqgħu ‘Grupp ta’ personalitajiet fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà’, li nġiebu minn gvernijiet Ewropej, mill-akkademja u mill-industrija. Il-missjoni ewlenija kienet “biex tipproponi prinċipji u prijoritajiet għal Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà (ESRP) skond l-għanijiet ta’ politika barranija, ta' sigurtà u ta’ difiża ta’ l-Unjoni Ewropea u l-ambizzjoni tagħha li toħloq żona ta' ħelsien, sigurtà u ġustizzja.”

Fil-15 ta’ Marzu 2004, il-Grupp ippreżenta r-rapport tiegħu, ‘Riċerka għal Ewropa Sigura’ lill-President Prodi. Ir-rapport jiddeskrivi l-elementi essenzjali ta’ ESRP u l-kontribuzzjoni li jista’ jagħti sabiex jindirizza l-isfidi l-ġodda ta’ sigurtà f’dinja li qiegħda tinbidel. Kummentarju li jindika l-passi li jmiss li l-Kummissjoni mistennija tieħu fil-qasam tar-riċerka dwar is-Sigurtà hu mogħti hawn taħt. Is-Sommarju Eżekuttiv u l-Konklużjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet huma annessi.

Il-Kummissjoni tilqa’ r-rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet dwar ir-Riċerka għas-Sigurtà. Il-Kummissjoni tissottoskrivi mad-direzzjoni ewlenija tar-rakkomandazzjonijiet u l-orjentazzjonijiet, u se tieħu, f’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, azzjoni neċessarja kif stabbilit f’kapitolu 4 – Il-Passi li Jmiss.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex japprovaw l-orjentazzjonijiet tar-Rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet fuq ir-Riċerka dwar is-Sigurtà, u biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-proposti indikati f’dan il-Komunikat u fl-Anness tiegħu.

1. INTRODUZZJONI

Żviluppi politiċi, soċjali u teknoloġiċi ħolqu ambjent nieqes mis-sigurtà fejn ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet huma aktar diversi u anqas viżibbli. Tfaċċa theddid ġdid li jinjora l-fruntieri ta’ l-istati u jolqot l-interessi Ewropej kemm fit-territorju ta’ l-UE kif ukoll ’l barra minnu.

Avvenimenti bħalma huma l-attakki fuq il-ferroviji f’Madrid f’Marzu ta’ l-2004 jenfasizzaw il-bżonn sabiex titkabbar is-sigurtà għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, it-tkabbir għal ‘Ewropa ta’ 25’ jitlob sforzi akbar sabiex jassigura livell konsistement għoli ta’ sigurtà madwar l-Unjoni kollha li issa għandha fruntieri li ġew estiżi lejn il-Lvant u n-Nofsinhar.

Sabiex tindirizza l-isfidi għas-sigurtà li qegħdin dejjem jikbru u jiddiversifikaw rwieħhom, l-Ewropa teħtieġ tutilizza l-qawwiet magħquda ta’ l-industriji relevanti li s'issa relattivament ma sarx użu minnhom u tikkoordina l-komunità li tagħmel ir-riċerki biex b’mod effettiv u innovattiv tindirizza l-isfidi tas-sigurtà attwali u futuri, tagħti protezzjoni akbar liċ-ċittadin u jkollha rwol aktar effiċjenti f’attivitajiet ta’ żamma tal-paċi. It-theddida għas-sigurtà li teżisti bħalissa tista’ tiġi indirizzata b’mod effettiv biss fuq skala Ewropea.

Il-bżonn sabiex tiġi indirizzata l-qagħda tas-sigurtà l-ġdida, u r-rwol ta’ bażi industrijali u teknoloġika b’saħħitha, ġew enfasizzati mill-Kapijiet ta’ stati u gvernijiet f’diversi okkażjonijiet:

- Il-Kunsill Ewropew ta’ Cologne, li enfasizza l-bżonn ta’ bażi industrijali u difensiva kompetittiva u dinamika

- L-isforz tal-Kunsill ta’ Lisbona sabiex ikun hemm soċjetà kompetittiva bbażata fuq it-tagħrif

- Is-sejħa tal-Kunsill ta’ Barċellona sabiex tingħata spinta ġenerali lir-riċerka, l-iżvilupp u l-isforzi ta’ innovazzjoni fl-Unjoni

- Id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Tessaloniki sabiex jittieħdu passi konkreti fil-qasam tad-difiża

- L-addozzjoni mill-Kunsill ta’ l-Istrateġija għas-Sigurtà ta’ l-UE ‘Ewropa Sigura f’Dinja Aħjar’ [1]

- Id-diskussjoni fil-Kunsill ta’ Brussel fil-25/26 ta’ Marzu 2004 li rriżultat fid-Dikjarazzjoni dwar it-Taqbida kontra t-Terroriżmu

2. IL-BżONN TAR-RIċERKA U TAT-TEKNOLOġIJA GħAS-SIGURTÀ

Meta jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda għas-sigurtà, it-teknoloġija għandha rwol ewlieni. Jeżisti potenzjal Ewropew li jiġu rriċerkati, żviluppati u użati b’mod effettiv firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji għas-sigurtà. Madankollu, sabiex taffaċċja d-diversità ta’ theddid ġdid, jeħtieġ li l-Ewropa tegħleb id-defiċjenzi strutturali u funzjonali attwali: billi tnaqqas il-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni ta’ l-isforz, iżżid il-kooperazzjoni u tikseb standardizzazzjoni u interoperabbiltà.

Fl-Ewropa, kien hemm għal żmien twil, qasma kbira bejn ir-riċerka għal skopijiet ċivili u dik għal għanijiet ta’ difiża. Illum, ħafna teknoloġiji għandhom ‘użu dupliċi’: żviluppi ċivili li jżidu l-kapaċitajiet ta’ difiża, żviluppi li oriġinarjament saru għal skopijiet ta’ difiża ġabu innovazzjonijiet u benefiċċji kbar fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin. Barra minn hekk, it-terroriżmu wassal biex wieħed ma jistax jaqta’ linja dritta bejn sigurtà interna (orjentata madwar il-pulizija) u sigurtà esterna (militari). Bħala konsegwenza din is-separazzjoni issa trid tingħeleb.

Fil-Komunikazzjoni ta’ Marzu[2] ta’ l-2003 dwar politika komuni dwar it-tagħmir ta’ difiża, il-Kummissjoni ssottolineat il-bżonn għal bażi industrijali kompetittiva sabiex issostni l-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD): konsegwentament, din timplika koordinazzjoni aħjar fuq livell Ewropew, fejn tista’ sseħħ il-konsolidazzjoni tal-firxa ta’ azzjonijiet politiċi, ekonomiċi, industrijali u regolatorji. Ugwalment, il-Politika Komuni ta’ l-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP), minħabba li tagħti l-appoġġ tagħha għal azzjonijiet u intervenzjonijiet umanitarji f’isem l-Unjoni Ewropea, tiddependi kemm issa kif ukoll fil-futur fuq id-disponibbilità ta’ teknoloġiji mill-aktar moderni sabiex l-azzjonijiet li jittieħdu jkunu mill-aktar effiċjenti.

Programm koerenti ta’ riċerka dwar is-sigurtà fuq il-livell ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jżid valur sinifikanti għall-aqwa użu ta’ industrija mill-aktar kompetenti. Din it-tip ta’ riċerka għandha tkun ibbażata fuq il-kapaċità, jkollha l-għan li tiżviluppa sistemi, prodotti u servizzi interoperabbli siewja għall-protezzjoni taċ-ċittadini, t-territorji u l-infrastutturi kritiċi Ewropej kif ukoll għal attivitajiet ta’ żamma tal-paċi. Is-sigurtà hi wkoll prerekwiżit sabiex jiffunzjonaw tajjeb servizzi Ewropej essenzjali bħalma huma dawk tat-trasport u tal-forniment ta' l-enerġija; ir-riċerka għandha sehem importanti x’tagħti sabiex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni.

F’inizjattiva Ewropea għar-riċerka dwar is-sigurtà, il-valuri ta’ l-Unjoni dwar id-drittijiet individwali, il-valuri demokratiċi, l-etika u l-libertajiet jeħtieġ li jiġu rrispettati. Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn sorveljanza u kontroll sabiex jiġi mminimizzat l-impatt potenzjali ta’ azzjoni terroristika, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-privatezza, għall-koeżjoni soċjali u komunitarja u l-integrazzjoni b’suċċess ta’ komunitajiet minoritarji. Il-progress fit-teknoloġija għandu jimxi id f’id mat-tfassil tal-politiki filwaqt li politika Ewropea b’saħħitha dwar żviluppi teknoloġiċi għas-sigurtà tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-leġislazzjoni u ta’ inizjattivi politiċi oħra.

Sabiex tindirizza l-bżonn ta’ riċerka għas-sigurtà aktar imsaħħa u koordinata b’mod aħjar, il-Kummissjoni ħadet żewġ azzjonijiet konkreti. L-ewwel azzjoni hija t-tnedija ta’ Azzjoni Preparatorja fid-dominju tar-riċerka għas-sigurtà[3], it-tieni, it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Personalitajiet f’livell għoli sabiex jagħtu l-pariri tagħhom fuq strateġija għat-tul ta’ żmien għal riċerka dwar is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea. L-Azzjoni Preparatorja tnediet u l-ewwel sejħa tagħlaq fit-23 ta’ Ġunju, filwaqt li r-rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet kien ippreżentat f’Marzu [4]

3. Ir-Rapport tal-Grupp ta' Personalitajiet

Ir-rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet jidentifika r-rwol ta’ koordinazzjoni u żvilupp Ewropew ta’ teknoloġiji avvanzati fis-sorveljanza u l-kontroll ta’ theddid ipperċepit, u hekk jiġu evitati inċidenti kbar bħalma huma attakki terroristiċi, u fl-immaniġjar ta’ kriżijiet u operazzjonijiet umanitarji. Huwa jindika l-effett influwenti potenzjalment qawwi li jista’ jkollu Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà (ESRP) u l-kontribuzzjoni li jista’ jagħti sabiex jindirizza l-isfidi l-ġodda ta’ sigurtà f’dinja li qiegħda tinbidel.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-bord jinkludu:

- It-twaqqif ta’ ESRP, li jiffoka b’mod partikolari fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà interna, mill-2007 ’il quddiem, b’fondi ta’ mill-anqas €1 biljun fis-sena, b'żieda ma' dawk li hemm żgurati llum bil-Programm Kwadru tal-Komunità għar-Riċerka, minn sorsi nazzjonali jew sorsi oħra intergovernattivi

- Il-ħolqien ta’ “Bord Ewropew għall-Pariri dwar ir-Riċerka dwar is-Sigurtà” sabiex jiddefinixxi linji strateġiċi ta’ azzjoni, involviment ta’ l-utenti, mekkaniżmi għall-implimentazzjoni u aġenda għal riċerka strateġika għall-ESRP

- Fid-dawl ta’ l-iżviluppi politiċi u l-għadd ta’ inizjattivi attwali, il-bżonn ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijet Ewropej kif ukoll il-partijiet interessati involuti.

4. IL-PASSI LI JMISS

Il-Kummissjoni tilqa’ r-rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet. Hi tissottoskrivi mad-direzzjoni ewlenija tar-rakkomandazzjonijiet u l-orjentazzjonijiet prinċipali, u se tieħu, b’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, l-azzjonijiet neċessarji, li jistgħu jinġabru taħt erba’ dominji:

a) Konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni, fil-Ħarifa ta’ l-2004 se twaqqaf, “Bord Ewropew għall-Pariri dwar-Riċerka dwar is-Sigurtà” sabiex jagħti pariri fuq il-kontenut ta’ l-ESRP u l-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li jagħti attenzjoni xierqa lill-proposti tal-Grupp ta’ Personalitajiet. Il-Bord għandu jinkludi esperti minn gruppi varji ta’ partijiet interessati: utenti, industrija u organizzazzjonijiet ta’ riċerka. Il-bord jistabbilixxi l-bżonnijiet ta’ l-utenti u jinkoraġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-iskambju ta' Drittijiet ta' Propjetà Intelletwali u informazzjoni klassifikata, u l-protezzjoni ta’ informazzjoni sigura.

Il-Kummissjoni tassigura koordinazzjoni effettiva ta’ l-ESRP bil-kapaċitajiet interni tiegħu ta’ riċerka ma’ attivitajiet ta’ riċerka oħra Ewropej, kemm jekk iffinanzjati fil-livell Komunitarju, nazzjonali jew intergovernattiv. Din il-koordinazzjoni għandha x’taqsam ukoll ma’ xogħol f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma n-NU, l-OSCE u n-NATO, u ma’ attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet Ewropej oħrajn bħalma hija l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

b) Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà

Filwaqt li tissottoskrivi mar-rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi stabbilit Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà (ESRP) b’bidu fl-2007, il-Kummissjoni se tniedi dibattitu inter-istituzzjonali għal konsensus dwar programm ta’ dan it-tip, billi tibni fuq ix-xogħol ta’ l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-riċerka dwar is-sigurtà, li hi se tkompli sa l-aħħar ta’ l-2006. [5] Ir-riċerka għas-Sigurtà ġiet inkluża fil-Komunikazzjoni dwar il-Perspettivi Finanzjarji ta’ l-Unjoni għal bejn l-2007-2013. [6]

Proposta għal programm se tiġi mqiegħda fuq il-mejda kmieni fl-2005 dwar il-kontenut, il-pjan finanzjarju multi-annwali u l-kwadru istituzzjonali għal ESRP, bħala parti mis-7 Programm Kwadru ta’ Riċerka tal-Komunità. [7] L-ESRP għandu jkun implimentat bħala programm ta’ riċerka speċifiku b’ġabra ta’ proċeduri għalih (eż. adattat għall-bżonnijiet ta’ kunfidenzjalità), regoli għall-parteċipazzjoni, kuntratti u arranġamenti ta’ fondi.

Il-Kummissjoni tinnota r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Personalitajiet li l-ESRP għandu jingħata livell adattat ta’ riżorsi u hi ta’ l-istess fehma li l-fondi għall-ESRP għandhom ikunu b'żieda ma’ kull finanzjament assigurat sal-lum mill-Programm Kwadru tal-Komunità għar-Riċerka, sorsi nazzjonali jew sorsi intergovernattivi oħra. Din il-pożizzjoni hi skond l-għan ta' l-Unjoni Ewropea biex tkabbar l-investiment fir-riċerka għal 3% tal-GDP sa l-2010. Barra minn hekk, għandhom jiġu mfittxija kumplimentarji għal strumenti politiċi u baġits oħra sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tar-riċerka qed jiġu applikati.

c) Issettjar istituzzjonali effettiv

Il-Kummissjoni tiżgura li l-bżonnijiet ta’ l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà, il-Politika Komuni ta’ l-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP), il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta’ Difiża (PESD) u l-politiki relevanti l-oħra tal-Kummissjoni assoċjati mas-sigurtà interna jkunu ġew meqjusa fl-iżvilupp tar-riċerka dwar is-sigurtà.

Il-Kummissjoni hi determinata li tiżviluppa kooperazzjoni u sinerġiji bejn ir-riċerka tal-Komunità dwar is-Sigurtà u aspetti relevanti ta' ħidma ta’ l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA). Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Bord ta’ Direzzjoni ta' l-Aġenzija u r-relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib tgħin sabiex jiġi implimentat l-għan tagħha ta’ komplimentarjetà max-xogħol ta’ l-EDA u, fejn adattat, użu mir-riżultati tar-riċerka ta’ xulxin. Hi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jaħdmu mal-Kummissjoni sabiex titjieb il-koordinazzjoni u l-aqwa użu tar-riżultati tar-riċerka u tat-teknoloġija għal applikazzjonijiet ċivili, ta’ sigurtà u ta’ difiża. Billi jiġu identifikati u ssodisfati flimkien il-ħtiġijiet tar-riċerka u l-iżvilupp u tat-teknoloġija, jikkontribwixxi sabiex titrawwem kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti f'livelli differenti b'mod mill-aktar pragmatiku u konkret.

d) Struttura ta’ gvern li tirrispondi għall-urġenza u n-natura tax-xogħol

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi, f’diskussjoni ma’ l-Istati Membri u partijiet interessati oħra u fuq il-bażi ta’ l-esperjenzi tagħha fl-immaniġġjar ta’ programmi RTD, l-aqwa mekkaniżmi sabiex tiżgura mmaniġjar effettiv ta’ l-ESRP.

Il-Kummissjoni se timplimenta kuntratt effettiv u flessibbli u mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni u l-iffinanzjar – per eżempju biex tippermetti ko-finanzjar bejn awtoritajiet pubbliċi għal teknoloġiji ġodda, biex b'hekk tiżgura livell għoli ta’ sinerġija u kumplimentarjetà - , f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mibnija fuq l-esperjenza miksuba mir-regoli u l-proċeduri matul l-Azzjoni Preparatorja.

5. KONKLUżJONI

Il-metodu msemmi hawn fuq jiżgura r-riċerka dwar is-sigurtà taħt Kwadru tal-Komunità li jista’ jipprovdi valur miżjud qawwi, billi:

Jagħraf illi d-disponibbiltà ta’ teknoloġiji ġodda hija element kruċjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; li programm b’saħħtu u strutturat ta’ riċerka għas-sigurtà fuq livell Ewropew hu neċessarju sabiex jgħin jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej u lill-ekonomija Ewropea;

Inaqqas il-frammentazzjoni, jindirizza d-duplikazzjoni, jżid il-kooperazzjoni (inkluż bejn l-Istati Membri) sabiex tiġi indirizzata l-istandarizzazzjoni u l-interoperabbiltà, ikejjel l-eċċellenza u b'hekk ikunu qegħdin jintefqu aħjar il-flus fl-isforz Ewropew u jneħħi d-dispersjoni attwali, bl-effett li jiġi ffaċilitat l-itfaċċar ta’ suq Ewropew veru f’dan il-qasam;

Jirrispondi għall-isfidi u l-opportunitajiet ta’ Unjoni estiża b’popolazzjoni ta’ 455 miljun f’25 Stat Membru;

Jagħraf illi s-sigurtà hi problema għall-Istati Membri kollha u għaċ-ċittadini kollha, u li għaliha għandhom jiġu mfittxija soluzzjonijiet komuni jew bi sħab, b’rispett sħiħ lejn l-etika u l-valuri umani Ewropej;

Jibni fuq l-esperjenza eżistenti tal-Komunità dwar l-immaniġjar ta’ programmi ta’ riċerka bi sħab, u l-eżistenza ta’ kwadru legali magħruf sewwa u aċċettat għal kooperazzjoni pubblika-privata permezz ta’ RTD.

ANNESS

Riċerka għal Ewropa Sigura

Grupp ta’ Personalitajiet fil-Qasam tar-Riċerka dwar is-Sigurtà

Sommarju Eżekuttiv u Rakkomandazzjonijiet

Sommarju Eżekuttiv

Fis-soċjetà globali tal-lum, l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja opportunitajiet ġodda kif ukoll perikli ġodda. Żviluppi politiċi, soċjali u teknoloġiċi, ħolqu ambjent ta’ sigurtà fluwida fejn ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet huma aktar diversi u anqas fid-deher. Tfaċċa theddid ġdid li jinjora l-fruntieri ta’ l-istati u jolqot l-interessi Ewropej kemm fit-territorju ta’ l-UE kif ukoll ’l barra minnu. Il-Kunsill Ewropew għaraf dan it-theddid f’Diċembru ta’ l-2003 bl-addozzjoni ta’ l-Istrateġija tas-Sigurtà ta’ l-UE ‘Ewropa sigura f’dinja aħjar’.

Dan it-theddid ġdid jitlob risposti Ewropej u metodu ta’ sigurtà komprensiv li jindirizza s-sigurtà interna kif ukoll esterna u jista’ jgħaqqad il-mezzi ċivili ma’ dawk militari. Aktar ma kemm l-Unjoni tikkopera mill-qrib man-NU, l-OSCE, in-NATO u s-sħab internazzjonali, aktar tkun effettiva l-kontribuzzjoni lejn is-sigurtà internazzjonali. B’mod partikolari, l-UE teħtieġ li tiżviluppa kapaċitajiet biex tipproteġi liċ-ċittadini fid-djar kif ukoll biex ikollha riżorsi sinifikattivi għaż-żamma tal-paċi, għajnuna umanitarja u attivitajiet ta’ bini ta’ istituzzjonijiet fl-esteru.

Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, l-Ewropa trid tieħu vantaġġ mill-qawwiet teknoloġiċi tagħha. It-teknoloġija nfisha ma tistax tiggarantixxi s-sigurtà, imma s-sigurtà mingħajr l-appoġġ tat-teknoloġija hi impossibbli. Hi tipprovdielna informazzjoni dwar it-theddid, u tgħinna nibnu protezzjoni effettiva kontrihom u, jekk ikun neċessarji, tgħinna sabiex ninnewtralizzawh. Barra minn hekk, tendenzi teknoloġiċi ġodda joffru opportunitajiet ġodda. Applikazzjonijiet ċivili, ta’ sigurtà u difensivi, aktar ma jmur aktar qed jinbnew fuq l-istess bażi teknoloġika u b’hekk jinħolqu sinerġiji ġodda bejn setturi differenti ta' riċerka.

L-użu tat-teknoloġija bħala l-‘mutur’ li jħaddem Ewropa sigura jeħtieġ idustriji mill-aktar moderni, infrastruttura ta' tagħrif b’saħħitha, iffinanzjar adattat u l-aqwa użu tar-riżorsi. L-Ewropa għandha istituti ta’ riċerka ta’ livell għoli u bażi industrijali diversa u sostanzjali minn fejn tista’ tindirizza bżonnijiet teknoloġiċi fil-qasam tas-sigurtà. Madankollu, defiċjenzi strutturali fil-livell politiku u istituzzjonali jtellfu lill-Ewropa milli tisfrutta l-qawwa xjentifika, teknoloġika u industrijali tagħha. Il-linja diviżorja bejn ir-riċerka ċivili u dik għal skopijiet ta’ difiża; l-assenza ta’ kwadri speċifiċi ta’ riċerka dwar is-sigurtà fuq livell ta’ UE; il-kooperazzjoni limitata bejn Stati Membri u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn sforzi nazzjonali u sforzi Ewropej – ilkoll iservu sabiex jaggravaw in-nuqqas ta’ ffinanzjar għal riċerka pubblika u jippreżentaw ostakli serji biex jinstabu soluzzjonijiet li jirrendu għal prezzhom.

Sabiex jingħelbu dawn id-defiċjenzi, l-Ewropa għandha bżonn iżżid l-iffinanzjar u ttejjeb il-koerenza ta’ l-isforzi tagħha. Dan jimplika (a) koordinazzjoni effettiva bejn attivitajiet ta’ riċerka nazzjonali u Ewropej, (b) analiżi sistematika ta’ bżonnijiet ta’ kapaċità li huma relatati mas-sigurtà, minn sigurtà ċivili sa dik difiża, (ċ) sfruttar massimu ta’ sinerġiji bejn riċerka għad-difiża, għas-sigurtà u ċivili, (d) kundizzjonijiet legali speċifiċi u strumenti ta’ finanzjament għal riċerka li hi relata mas-sigurtà fuq livell Ewropew, u (e) arranġamenti istituzzjonali li huma kemm effiċjenti kif ukoll flessibbli biżżejjed sabiex jikkombinaw l-isforzi ta’ l-Istat Membru u dak tal-Komunità u jinvolvu mseħbin oħra li huma interessati.

Inizjattivi riċenti juru li qed jikber dejjem l-għarfien tal-bżonn li tittieħed azzjoni. F’dan il-kuntest, il-ħolqien ta’ ‘Aġenzija fil-qasam ta’ l-iżvilupp fil-kapaċitajiet ta’ difiża, riċerka, akkwist u armamenti’ u l-Azzjoni Preparatorja tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ riċerka relatata mas-sigurtà huma partikolarment importanti. L-isfida se tkun li dawn l-inizjattivi jittieħdu pass ’il quddiem u li jiġu żviluppati f’metodu koerenti. It-twaqqif ta’ Programm Ewropew ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà (ESRP) mill-2007 ’il quddiem ikun ta’ kontribuzzjoni ewlenija sabiex jintlaħaq dan l-għan.

ESRP għandu jieħu vantaġġ mid-duppliċità tat-teknoloġiji u t-tlaqqigħ dejjem jikber ta’ funzjonijiet ta' sigurtà li jservi ta’ pont bejn riċerka għal skopijiet ċivili u dik għal skopijiet ta’ difiża. Bħala appoġġ għal metodu ta’ sigurtà komprensiv, għandu jiffinanzja attivitajiet ta’ riċerka mmirati lejn l-iżvilupp ta’ sistemi u prodotti li huma siewja:

- B’mod partikolari, għall-protezzjoni tat-territorju, is-sovranità, il-popolazzjoni domestika u l-infrastruttura kritika ta’ l-Istati Membri kontra t-theddid transnazzjonali, u

- Għal missjonijiet ta’ l-UE ‘barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni ta’ konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali b’mod konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti’.

ESRP għandu jimmassimizza l-benefiċċji ta' aspetti tat-teknoloġiji li jkunu jistgħu jiġu użati għal diversi skopijiet. Sabiex jiġu stimulati s-sinerġiji, għandu jħares lejn ‘salib it-toroq’ bejn applikazzjonijiet ċivili u ta’ difiża u jrawwem trasformazzjoni u integrazzjoni trans-settorjali tat-teknoloġiji. Il-punt fokali tiegħu għandu jkun l-interoperabilità u l-konnettività bħala elementi ewlenin ta’ kooperazzjoni bejn il-fruntieri u s-servizzi. Il-qofol tar-regoli u l-istandards tad-disinn arkitettoniku għandu jinħadem f’fażi bikrija.

ESRP għandu jikkomplimenta programmi Komunitarji ċivili fuq naħa waħda, u attivitajiet ta’ riċerka għal skopijiet ta’ difiża u sigurtà fuq livell nazzjonali u intergovernattiv fuq in-naħa l-oħra. Koordinazzjoni effettiva bejn ESRP u attivitajiet relevanti oħra ta’ riċerka hija kruċjali sabiex tiġi assigurata l-koerenza ta' l-isforzi.

Barra minn hekk, ESRP irid jieħu in konsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tas-suq tas-sigurtà. Dan jinvolvi l-ħolqien ta’ strumenti ġodda ta’ ffinanzjar u regoli għat-trasferiment tat-teknoloġija. Fl-istess waqt, il-klijenti għandhom ikunu involuti tul il-proċess kollu kemm hu sabiex jiġi evitat il-waqfien fir-riċerka u l-prokura.

ESRP żviluppat fuq dawn il-linji hu ta’ interess soċjali qawwi u jista’ jagħti valur miżjud sinifikanti. Hu jgħin sabiex titkabbar is-sigurtà ta’ l-Ewropa, li fiha nnifisha hi prekondizzjoni ta’ għadd ta’ politiki tal-Komunità (trasport, enerġija, telekomunikazzjoni, eċċ.) Hu għandu jrawwem il-kooperazzjoni tranfruntiera, iżid il-kompetittività industrijali Ewropea u jsaħħaħ il-bażi ta’ riċerka Ewropea. Aktar minn hekk, għandu jagħti kontribut sinifikanti lill-politika Ewropea fuq it-tkabbir u l-kompetittività kif stabbilita f’Lisbona u f’Barċellona.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ESRP għandu jkun iffinanzjat mill-Komunità. Għandu jkollu baġit minimu annwali ta’ biljun EURO bil-possibbiltà li jiġi miżjud b’mod progressiv, fil-każ li jkun hemm ħtieġa. B’mod konformi ma’ l-għan ta’ l-UE li tinvesti 3% tal-GDP fir-riċerka, l-iffinanzjar għal ESRP għandu jkun b’żieda ma’ kull finanzjament assigurat sal-lum mill-Programm Kwadru tal-Komunità għar-Riċerka u minn sorsi nazzjonali jew intergovernattivi. Dan it-tip ta’ investiment ikun kontribuzzjoni importanti sabiex jagħmel l-Ewropa aktar sigura għaċ-ċittadini tagħha.

KONKLUżJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Meta wieħed jikkonsidra l-isfidi li taffaċċja Unjoni Ewropea mkabbra, dan ir-rapport identifika bżonn urġenti sabiex jiġu adattati fondi u organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka Ewopej għal realtajiet ta’ sigurtà u teknoloġija ġodda.

Sabiex jitwettaq dan, aħna nappoġġaw illi:

a) Ngħaqqdu sforzi ta’ riċerka nazzjonali, intergovernattvi u Komunitarji tul kontinwum ċivili-militari bl-aktar mod effiċjenti;

b) Niżviluppaw Programm speċifiku Ewropew ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà (ESRP).

Fl-istess waqt, ninsistu li r-rispett għal-libertajiet ċivili u prinċipji etiċi għandhom jamministraw l-attivitajiet kollha ta' riċerka Ewropej.

ESRP jista’ jżid il-valur lill-proġett Ewropew u hu ta’ interess soċjali qawwi. Għandu l-potenzjal li jrawwem il-kompetittività ta’ l-industrija u jsaħħaħ il-bażi tar-riċerka Ewropea. Għandu jippromwovi l-kooperazzjoni transfruntiera u jikkontribwixxi għall-politika ta’ UE fuq it-tkabbir u l-kompetittività kif stabbilita f’Lisbona u f’Barċellona. Punt mill-aktar importanti hu li jgħin sabiex titkabbar is-sigurtà ta’ l-Ewropa, li fiha nnifisha hi prekondizzjoni ta’ għadd ta’ politiki tal-Komunità (trasport, enerġija, telekomunikazzjoni, eċċ.) Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ESRP għandu jkun iffinanzjat mill-Komunità.

ESRP m’għandux jissostitwixxi jew jidduplika l-isforzi ta’ l-Istati Membri. L-għan tiegħu għandu jkun li jappoġġjahom u jissupplimentahom, u li jagħtihom koerenza ġdida. B’dan kollu f’moħħna, se nagħmlu dawn ir-rakkomandazzjonijiet:

1. ESRP iffinanzjat mill-Komunità li jassigura l-involviment ta’ l-Istati Membri kollha għandu jiġi mniedi minn kmieni daqs l-2007. Il-fondi minimi tiegħu għandhom ikunu ta’ €1 biljun fis-sena, b’żieda mal-fondi li diġà jeżistu. Dan il-livell ta’ nfiq għandu jintlaħaq malajr, bil-possibbiltà li progressivament jiġi miżjud, jekk ikun xieraq, sabiex il-livell ta’ investiment kombinat ta’ l-UE fir-riċerka għas-sigurtà (tal-Komunità, nazzjonali u intergovernattiv) jinġieb f’livell viċin għal dak ta’ l-Istati Uniti.

2. ESRP għandu jiffinanzja proġetti ta’ riċerka relatati mal-kapaċità sal-livell li jiġi muri li huwa utli għal użu partikolari għas-Sigurtà Interna ta’ l-UE u fil-missjonijiet tas-CFSP/ESDP.

3. Sabiex titnaqqas il-qasma bejn ir-riċerka għal skopijiet ċivili u dik għal skopijiet ta’ difiża, ESRP għandu jfittex li jkabbar kemm jista’ l-benefiċċju ta’ aspetti tat-teknoloġija li jistgħu jintużaw għal diversi skopijiet. Sabiex jiġu stimulati s-sinerġiji, hu għandu jinkoraġġixxi t-trasformazzjoni, l-integrazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet u t-trasferiment tat-teknoloġija minn settur għal ieħor.

4. Il-punt fokali ta’ ESRP għandu jkun l-interoperabilità u l-konnettività bħala elementi ewlenin ta’ kooperazzjoni bejn il-fruntieri u s-servizzi. F’dan il-kuntest, il-qofol tar-regoli u l-istandards tad-disinn arkitettoniku għandu jinħadem f’fażi bikrija.

5. Ir-regoli li jamministraw ESRP għandhom jaqblu ma’ l-ispeċifikazzjonijiet ta’ riċerka dwar is-sigurtà. Il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati relevanti kollha, tiżviluppa r-regoli neċessarji għal IPR u t-trasferiment tat-teknoloġija.

6. Filwaqt li wieħed jagħraf li ħafna mill-bżonnijiet se jkunu speċifikati mill-gvernijiet, strumenti ġodda ta’ ffinanzjar għandhom jinħolqu sabiex ikunu possibbli fondi għar-riċerka li jinħarġu, jekk ġustifikati, sa livell ta’ 100% ta’ l-ispejjeż.

7. ‘Bord għall-Pariri dwar ir-Riċerka għas-Sigurtà’ għandu jitwaqqaf sabiex joħloq linji ta’ azzjoni strateġiċi ħalli jipprepara l-aġenda għar-riċerka ta’ ESRP kif ukoll sabiex jagħti pariri fuq il-prinċipji u l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, għandu jidentifika żoni kritiċi tat-teknoloġija fejn l-Ewropa għandha timmira għal kapaċità kompetittiva indiġena. Il-Bord għandu jkun magħmul minn esperti ta’ livell għoli ġejjin minn klijenti pubbliċi u privati, mill-industrija, minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka u partijiet interessati relevanti oħra.

8. Id-definizzjoni tal-bżonnijiet tal-klijenti għandha tkun essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ ESRP. Għalhekk għandu jitwaqqaf mekkaniżmu fuq livell ta’ UE sabiex jidentifika f’konsultazzjoni ma’ klijenti potenzjali, bżonnijiet ta’ kapaċità tal-futur għal missjonijiet ta’ Sigurtà Interna.

9. Koordinazzjoni effettiva trid tiżgura li ESRP ma jidduplikax imma jikkomplimenta attivitajiet ta’ riċerka oħra Ewropej, sew jekk humiex iffinanzjati fuq livell Komunitarju, nazzjonali jew inkella intergovernattiv.

10. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw kooperazzjoni effettiva u effiċjenti bejn ESRP u ‘Aġenzija fil-qasam ta’ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża, riċerka, akkwisti u armamenti’ futura.

11. L-ESRP għandu jikkunsidra, u fejn neċessarju, jikkoordina ma' sforzi ta' riċerka ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’responsabbiltajiet għal kwistjonijiet ta' sigurtà globali jew reġjonali.

12. L-ESRP għandu jkollu l-għan li jrawwem il-kompetittività ta’ l-industriji Ewropej relatati mas-sigurtà u jistimola l-iżvilupp ta’ suq (pubbliku u privat) għal prodotti u sistemi ta’ sigurtàL-implimentazzjoni tal-Proposti ta’ Azzjoni li jidhru fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Lejn suq Ewropew ta’ tagħmir ta’ difiża’ jgħin ferm sabiex jintlaħaq dan l-għan u sabiex jiġu mmassimizzati il-benefiċċji ta’ ESRP.

[1] ‘Ewropa Żgura f’Dinja Aħjar’, ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tessaloniki fl-19-20 ta’ Ġunju 2003 mir-Rappreżentant Għoli Javier Solana, u approvat mill-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2003.

[2] ‘Lejn Politika ta’ l-UE għal Tagħmir ta' Difiża’, COM(2003) 113.

[3] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Preparatorja fuq it-tkabbir tal-tal-potenzjal industrijali Ewropew fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà, Lejn programm sabiex iġib ’il quddiem is-sigurtà Ewropea permezz tar-Riċerka u tat-Teknoloġija’, COM(2004) 72 finali, 3.2.2004, u Deċiżjoni 2004/213/KE ppubblikata f’ĠU L 67, tal-5.3.2004.

[4] ‘Riċerka għal Ewropa Żgura’, Rapport tal-Grupp ta’ Personalitajiet fil-Qasam tar-Riċerka dwar is-Sigurtà, ISBN 92-894-6611-1, il-Lussemburgu, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2004. Jista’ jinstab ukoll fuq is-sit tal-Kummissjoni http://europa.eu.int/comm/research/security

[5] Il-proposti li waslu wara s-Sejħa għall-proposti ta’ l-2004 għal din l-Azzjoni Preparatorja jindikaw domanda li se taqbeż bi ħmistax-il darba d-disponibbiltajiet tal-baġit.

[6] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Nibnu l-Futur Komuni tagħna – Sfidi politiċi u bżonnijiet ta’ baġit f’Unjoni mkabbra, COM(2004) 101, 10.2.2004.

[7] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Ix-Xjenza u t-Teknoloġija, il-muftieħ għall-futur ta’ l-Ewropa: orjentazzjonijiet għall-istrateġija ta’ appoġġ għar-riċerka fl-Unjoni’. COM(2004) 353.

Top