Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42007D0792

2007/792/KE: Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, Imlaqqgħin fil-Kunsill, tas- 26 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2005/446/KE li tistabbilixxi terminu perentorju għall-impenn tal-fondi tad-Disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF)

ĠU L 320, 6.12.2007, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/11/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/792/oj

6.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 320/31


DEĊIŻJONI TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA’ L-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

tas-26 ta’ Novembru 2007

li temenda d-Deċiżjoni Nru 2005/446/KE li tistabbilixxi terminu perentorju għall-impenn tal-fondi tad-Disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF)

(2007/792/KE)

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TA’ L-ISTATI MEMBRI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ l-Istati ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou, fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE”),

Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 33a tagħha,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Finanzjament u l-Amministrazzjoni ta’ l-Għajnuna Komunitarja taħt il-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (4), (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Intern tad-disa' EDF”, u b'mod partikolari l-Artikolu 2(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Finanzjament ta’ l-Għajnuna Komunitarja fil-Qafas Finanzjarju Multi-annwali għall-perjodu 2008 sa l-2013 skond il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat tal-KE (5) (minn hawn 'il quddiem il-“Ftehim Intern ta’ l-għaxar EDF”),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2005/446/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2005 (6) tistabbilixxi l-31 ta’ Diċembru 2007 bħala d-data li warajha l-fondi tad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem indikat bħala “l-EDF”) ġestit mill-Kummissjoni, is-sussidji ta’ l-imgħax ġestiti mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (minn hawn 'il quddiem “BEI”) u d-dħul mill-imgħax fuq dawn l-approprjazzjonjiet m'għandhomx ikunu impenjati aktar.

(2)

Il-punt 4 ta’ l-Anness Ib (7) (il-qafas finanzjarju multi-annwali għall-perjodu 2008 sa l-2013) mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE jipprevedi eċċezzjoni għal dik ir-regola ġenerali għal bilanċi u fondi diżimpenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2007 li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (STABEX) taħt l-EDFs qabel id-disa' EDF u għall-bilanċi li jifdal u r-rimborżi ta’ l-ammonti allokati għall-finanzjament tal-Faċilità ta’ Investiment, bl-esklużjoni tas-sussidji ta’ l-imgħax relatati.

(3)

Dak l-istess punt jipprevedi wkoll li jistgħu jibqgħu jiġu impenjati fondi wara l-31 ta’ Diċembru 2007 sabiex tiġi żgurata l-kapaċità operattiva ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-UE u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż rikorrenti għas-sostenn tal-proġetti li jkunu għaddejjin sakemm jidħol fis-seħħ l-għaxar EDF.

(4)

Id-dħul fis-seħħ ta’ l-għaxar EDF jista' jiġi estiż għal wara l-1 ta’ Jannar 2008.

(5)

Id-Deċiżjoni 2005/446/KE u l-punt 4 ta’ l-Anness Ib mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE jeħtieġu li jiġu rikonċiljati.

(6)

Minħabba ċirkostanzi ta’ natura ta’ force majeure, l-istabbiliment tal-proġetti u l-programmi, finanzjati minn allokazzjonijiet finanzjarji disponibbli taħt id-disa' EDF wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2007) 3856, tas-16 ta’ Awissu 2007, ta’ ri-allokazzjoni wara r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, ġiet posposta b'sitt xhur fil-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej Franċiżi (minn hawn 'il quddiem indikati bħala “OCTs”) fir-Reġjun tal-Paċifiku li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2005/446/KE huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Id-data li warajha l-fondi tad-disa' EDF ġestiti mill-Kummissjoni, ma jkunux impenjati, għandha tiġi stabbilita bħala l-31 ta’ Diċembru 2007, minbarra l-bilanċi u l-fondi mneħħija milli jkunu impenjati li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (STABEX) taħt l-EDFs ta’ qabel id-disa' EDF u għall-bilanċi ta’ l-allokazzjonijiet tad-disa' EDF għall-finanzjament ta’ l-inizjattivi msemmija fid-Dokumenti ta’ Programmazzjoni Unika ta’ l-OCTs Franċiżi fir-Reġjun tal-Paċifiku. Din id-data tista' tiġi riveduta jekk dan ikun meħtieġ.

2.   Il-bilanċi u l-fondi diżimpenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2007 li jirriżultaw mis-sistema li tiggarantixxi l-istabbilizzazzjoni tad-dħul mill-esportazzjoni minn prodotti agrikoli primarji (STABEX) taħt l-EDFs qabel id-disa' EDF għandhom jiġu ttrasferiti għall-għaxar EDF u għandhom jiġu allokati għall-programm indikattiv ta’ l-Istati AKP u l-OCTs rispettivi. Id-data li warajha l-fondi tad-disa' EDF ġestiti mill-Kummissjoni għall-finanzjament ta’ l-inizjattivi msemmija fid-Dokumenti ta’ l-Ipprogrammar Uniku ta’ l-OCTs Franċiżi fir-Reġjun tal-Paċifiku ma jkunux aktar impenjati, għandha tiġi stabbilita bħala t-30 ta’ Ġunju 2008.

3.   Meta d-dħul fis-seħħ ta’ l-għaxar EDF jaqa' wara l-31 ta’ Diċembru 2007, il-bilanċi mid-disa' EDF jew minn EDFs preċedenti u l-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt dawn l-EDFs jistgħu jiġu impenjati matul il-perjodu bejn il-31 ta’ Diċembru 2007 u d-dħul fis-seħħ ta’ l-għaxar EDF, f'liema każ għandhom jintużaw biss sabiex tiġi żgurata l-abbilta' tax-xogħol ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-UE u sabiex tkopri l-ispejjeż rikorrenti għas-sostenn tal-proġetti li jkunu għaddejjin sakemm jidħol fis-seħħ l-għaxar EDF.

4.   Id-dħul mill-imgħax fuq l-approprjazzjonijiet ta’ l-EDF għandu jintuża sabiex ikopri l-ispejjeż marbuta ma’ l-implimentazzjoni tar-riżorsi tad-disa' EDF skond l-Artikolu 9 tal-Ftehim Intern tad-disa' EDF sakemm jidħol fis-seħħ l-għaxar EDF, wara liema data dan id-dħul għandu jkun riżervat għal spejjeż ta’ sostenn marbuta ma’ l-EDF kif deskritt fl-Artikolu 6 tal-Ftehim Intern ta’ l-għaxar EDF.

Artikolu 2

1.   Id-data li warajha s-sussidji tar-rata ta’ l-imgħax ġestiti mill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment (BEI) ma jkunux impenjati għandha tiġi stabbilita bħala l-31 ta’ Diċembru 2007 jew id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-għaxar EDF, skond liema minnhom tkun l-aktar tard. Din id-data tista' tiġi riveduta jekk dan ikun meħtieġ.

2.   Il-bilanċi li jifdal u l-ispejjeż ta’ l-ammonti allokati għall-finanzjament tal-Faċilità ta’ Investiment ġestita mill-BEI, esklużi s-sussidji ta’ l-imgħax relatati, għandhom jiġu ttrasferiti għall-għaxar EDF u għandhom jibqgħu allokati għall-Faċilità ta’ Investiment.”

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Novembru 2007.

F'isem il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri

Il-President

J. SILVA


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

(3)  ĠU L 314, 30.11.2001 p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).

(4)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.

(5)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(6)  ĠU L 156, 18.6.2005, p. 19.

(7)  L-Anness Ib kif inkluż fl-Anness tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE (ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22).


Top