Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R1785

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1785 tat-23 ta’ Lulju 2026 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara li ġiet aċċettata talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid

C/2026/5012

ĠU L, 2026/1785, 24.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1785/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1785/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1785

24.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1785

tat-23 ta’ Lulju 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara li ġiet aċċettata talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2) (“ir-Regolament oriġinali”), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”)(“il-prodott ikkonċernat”) permezz tar-Regolament oriġinali.

(2)

Fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament oriġinali (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fiċ-Ċina f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(3)

Il-Kummissjoni imponiet rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 22,1 % sa 48,8 % fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi miċ-Ċina inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun, ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 39,6 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness tar-Regolament oriġinali. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 86,5 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fiċ-Ċina li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali, l-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju ta’ 39,6 %, meta dan il-produttur esportatur ġdid fiċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni ta’ dan li ġej:

(a)

ma jkunx esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”) (“l-ewwel kundizzjoni għal NEPT”);

(b)

mhuwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fiċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali u li kienu kkooperaw jew setgħu kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali (“it-tieni kundizzjoni għal NEPT”); miftuma

(c)

ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew ikun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni (“it-tielet kundizzjoni NEPT”).

2.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(5)

Fis-17 ta’ Settembru 2025, il-kumpanija Zhejiang Yitai Mechanical Technology Co., Ltd. (“l-applikant”) ippreżentat talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”, new exporting producer treatment) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fiċ-Ċina mhux inklużi fil-kampjun, fejn sostniet li ssodisfat it-tliet kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali (“it-talba”).

(6)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali (“il-kundizzjonijiet għal NEPT”), il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet evidenza li turi li hu ssodisfa l-kundizzjonijiet għal NEPT. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija tal-Unjoni bit-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi l-kummenti tagħha. L-industrija tal-Unjoni, irrappreżentata mill-Istitut Ewropew tal-Elementi tal-Irbit Industrijali, ma ppreżentat l-ebda kumment fir-rigward tal-konformità tal-applikant mal-kundizzjonijiet għal NEPT.

(7)

Wara l-analiżi tat-tweġiba tal-applikant għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali u evidenza ta’ sostenn, li ġiet ippreżentata mill-applikant. Wara li analizzat l-evidenza addizzjonali, il-Kummissjoni kkonsultat il-bażi tad-data online Orbis (3) flimkien ma’ bażijiet tad-data Ċiniżi bħal Aichicha (4) u Tianyancha (5) għall-informazzjoni dwar il-kumpanija, u għamlet kontroverifika tal-informazzjoni kollha disponibbli ma’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet.

3.   ANALIŻI TAT-TALBA

(8)

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni ddeterminat li l-applikant ġie stabilit fl-2022, li kiseb liċenzja ta’ esportazzjoni fl-2023 u beda jesporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fl-2025.

(9)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għal NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma huwa relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fiċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali.

(10)

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni għal NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni minn Mejju 2025, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

(11)

L-applikant ipprovda dokumenti ta’ sostenn għal bejgħ u vjeġġi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fl-2025. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tielet kundizzjoni għal NEPT.

(12)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tliet kundizzjonijiet kollha biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament oriġinali, u għalhekk it-talba jenħtieġ li tiġi aċċettata.

(13)

Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 39,6 % għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament oriġinali jiġi emendat kif xieraq.

4.   DIVULGAZZJONI

(15)

Fit-28 ta’ Mejju 2026, l-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom tqies li jkun xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lill-applikant.

(16)

Il-partijiet interessati kollha, jiġifieri l-industrija tal-Unjoni u l-applikant, ingħataw il-possibbiltà li jibagħtu xi kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/191, il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ kumpaniji li kkoperaw u li mhumiex fil-kampjun:

Pajjiż

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Zhejiang Yitai Mechanical Technology Co., Ltd

88ES”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/191/oj.

(3)  Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija madwar id-dinja. Huwa jipprovdi prinċipalment informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.

(4)  Aichicha hija bażi tad-data privata Ċiniża, bi skop ta’ qligħ imħaddma minn Baidu, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi u l-professjonisti.

(5)  Tianyancha hija bażi tad-data privata Ċiniża, bi skop ta’ qligħ li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi u l-professjonisti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1785/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top