This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026R0904
Commission Delegated Regulation (EU) 2026/904 of 24 April 2026 supplementing Regulation (EU) 2024/3005 of the European Parliament and of the Council with regard to rules of procedure on fines and periodic penalty payments imposed to ESG rating providers by the European Securities and Markets Authority
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/904 tal-24 ta’ April 2026 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/3005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti fuq il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/904 tal-24 ta’ April 2026 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/3005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti fuq il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
C/2026/2579
ĠU L, 2026/904, 30.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/904/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force., Date of effect: 19/08/2026
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/904 |
30.7.2026 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/904
tal-24 ta’ April 2026
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/3005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti fuq il-fornituri tal-klassifikazzjonijiet ESG mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/3005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 dwar it-trasparenza u l-integrità tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG), u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/2088 u (UE) 2023/2859 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(9) tiegħu,
Billi
|
(1) |
Sabiex jingħata effett sħiħ lid-dritt li wieħed jinstema’, kif iggarantit fl-Artikolu 39(7) tar-Regolament (UE) 2024/3005, persuna li tkun soġġetta għall-investigazzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) jenħtieġ li jkollha d-dritt li tagħmel kummenti bil-miktub b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet tas-sejbiet maħruġa mill-uffiċjal tal-investigazzjoni tal-ESMA u mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA. Jenħtieġ li dik il-persuna titħalla tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha. |
|
(2) |
Jenħtieġ li l-ESMA tivvaluta l-kompletezza tal-fajl ippreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni abbażi ta’ lista ta’ dokumenti. Biex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, jenħtieġ li l-ESMA, qabel ma tadotta deċiżjoni finali jekk timponix multa jew pagament perjodiku ta’ penali, tagħti lill-persuna d-dritt li tipprovdi kummenti bil-miktub ulterjuri. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 37(1), il-punt (b)(ii) tar-Regolament (UE) 2024/3005, l-ESMA għandha l-obbligu li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali meta persuna soġġetta għall-investigazzjoni tirrifjuta li tissottometti ruħha għal tali investigazzjoni jew li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-ESMA. Sabiex jiġi ggarantit bis-sħiħ id-dritt ta’ difiża ta’ tali persuni, jenħtieġ li l-ESMA tagħti lill-persuna l-opportunità li tipprovdi sottomissjonijiet bil-miktub dwar il-kwistjoni soġġetta għall-investigazzjoni jew dwar jekk tali pagament perjodiku ta’ penali huwiex xieraq fil-każ inkwistjoni qabel ma tiġi imposta tali penali perjodika. |
|
(4) |
Kemm is-setgħa li jiġu imposti multi kif ukoll il-pagamenti perjodiċi ta’ penali u s-setgħa li jiġu infurzati multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jiġu eżerċitati fi żmien raġonevoli, u għaldaqstant ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni. Għal raġunijiet ta’ konsistenza u filwaqt li titqies l-esperjenza tal-ESMA fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali fuq entitajiet taħt superviżjoni, il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jkunu l-istess bħal f’tali leġiżlazzjoni. |
|
(5) |
Sabiex tiżgura l-kustodja tal-multi u tal-penali perjodiċi miġbura, jenħtieġ li l-ESMA tiddepożita l-ammonti li tirċievi minn dawn il-multi u l-penali perjodiċi f’kontijiet bl-imgħax li jinfetħu esklużivament għal fini ta’ multa unika jew għal pagament perjodiku ta’ penali. Bħala kwistjoni ta’ prudenza baġitarja, l-ESMA jenħtieġ li tittrasferixxi biss l-ammonti lill-Kummissjoni ladarba d-deċiżjonijiet ikunu finali minħabba li d-drittijiet ta’ appell ikunu ġew eżawriti jew ikunu skadew, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Regoli ta’ proċedura fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-uffiċjal tal-investigazzjoni
1. Mat-tlestija tal-investigazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2024/3005 u qabel ma jissottometti l-fajl lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu l-ksur, inkluż kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti f’dikjarazzjoni tas-sejbiet.
L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinforma dwar is-sejbiet lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni fid-dikjarazzjoni bil-miktub tas-sejbiet u għandu jistieden lil dik il-persuna tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
2. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli fl-abbozz tad-dikjarazzjoni li matulu l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Jista’ jagħti l-każ li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jqis is-sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
3. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tista’ tistabbilixxi l-fatti kollha rilevanti għad-difiża tagħha. Il-persuna soġġetta għall-investigazzjoni għandha tehmeż kwalunkwe dokument rilevanti bħala prova tal-fatti stabbiliti. Il-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tista’ tipproponi li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jisma’ persuni oħrajn li jistgħu jikkorroboraw il-fatti stabbiliti fis-sottomissjonijiet. Il-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tista’ tkun assistita minn avukat tal-għażla tagħha fit-tħejjija tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.
4. L-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jistieden persuna soġġetta għall-investigazzjoni li tkun ġiet indirizzata b’dikjarazzjoni tas-sejbiet biex tattendi seduta orali. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti minn avukat tal-għażla tagħhom. Is-seduti orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
5. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibgħat id-dikjarazzjoni ffinalizzata tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni.
Artikolu 2
Regoli ta’ proċedura li għandhom jiġu segwiti mill-ESMA fir-rigward ta’ multi u miżuri superviżorji
1. L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jissottometti d-dokumenti li ġejjin lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA:
|
(a) |
kopja tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet li jkun indirizza lill-fornitur tal-klassifikazzjonijiet ESG; |
|
(b) |
kopja tas-sottomissjonijiet bil-miktub mill-fornitur tal-klassifikazzjonijiet ESG; |
|
(c) |
il-minuti tas-seduti orali, jekk ikun hemm. |
2. Meta l-Bord ta’ Superviżuri tal-ESMA jqis li l-fajl imressaq mill-uffiċjal tal-investigazzjoni ma jkunx komplut, għandu jibgħat il-fajl lura lill-uffiċjal tal-investigazzjoni b’talba motivata għal dokumenti addizzjonali.
3. Meta l-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jqis, fuq il-bażi ta’ fajl komplut, li l-fatti, deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet, jidhru li ma jiddivulgaw l-ebda ksur possibbli, għandu jieħu deċiżjoni li tiddikjara dan u jinnotifika tali deċiżjoni lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni.
4. Meta l-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jaqbel mas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, għandu jinforma b’dan lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni. Tali komunikazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li matulu l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. Il-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jista’ jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex jadotta deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta’ multa f’konformità mal-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2024/3005.
Il-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jista’ jistieden ukoll lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni indirizzati b’dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta orali. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti minn avukat tal-għażla tagħhom. Is-seduti orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
5. Meta l-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jkun iddeċieda li sar ksur minn persuna soġġetta għall-investigazzjoni u jkun adotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/3005, għandu jinnotifika minnufih tali deċiżjoni lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni.
Artikolu 3
Dritt għas-smigħ mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA fir-rigward tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. Qabel ma jimponi pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2024/3005, il-Bord tas-Superviżuri għandu jissottometti dikjarazzjoni tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti filwaqt li jistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penali u l-ammont tal-pagament ta’ penali għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu l-persuna kkonċernata tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. Jista’ jagħti l-każ li l-Bord tas-Superviżuri jqis is-sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien sabiex jiddeċiedi dwar il-pagament perjodiku ta’ penali.
2. Il-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA ma għandux jibqa’ jimponi pagament perjodiku ta’ penali ladarba l-fornitur tal-klassifikazzjonijiet ESG jew il-persuna kkonċernata tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 37(1), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2024/3005.
3. Il-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jista’ jistieden lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti biex tattendi seduta orali. Il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tiġi assistita minn avukat tal-għażla tagħha. Is-seduti orali ma għandhomx isiru fil-pubbliku.
Artikolu 4
Aċċess għall-fajl u użu tad-dokumenti
1. L-ESMA għandha, f’każ li ssirilha talba, tagħti aċċess għall-fajl lill-partijiet li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew il-Bord tas-Superviżuri jkun bagħtilhom dikjarazzjoni tas-sejbiet. L-aċċess għandu jingħata wara n-notifika ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni tas-sejbiet.
2. Id-dokumenti tal-fajl aċċessati skont dan l-Artikolu għandhom jintużaw mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 biss għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/3005.
Artikolu 5
Perjodi ta’ limitazzjoni biex jiġu imposti multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. L-ESMA ma għandhiex timponi multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq il-fornituri ta’ klassifikazzjonijiet ESG wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ limitazzjoni ta’ 5 snin.
2. Il-perjodu ta’ żmien ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri fil-jum ta’ wara dak li fih isir il-ksur. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri minn dakinhar meta jieqaf il-ksur.
3. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2024/3005 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi notifikata lill-fornitur tal-klassifikazzjonijiet ESG jew lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni jew għall-proċedimenti.
4. Kull interruzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandha tagħti bidu għal perjodu ta’ limitazzjoni ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dan il-perjodu ta’ limitazzjoni ġdid għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu ugwali għad-doppju tal-perjodu ta’ limitazzjoni oriġinali mingħajr ma l-ESMA tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.
5. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-ESMA tkun soġġetta għall-proċedimenti pendenti quddiem il-Bord tal-Appell, f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2024/3005.
Artikolu 6
Perjodi ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali
1. L-ESMA ma għandhiex tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament (UE) 2024/3005 wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ limitazzjoni ta’ 5 snin.
2. Il-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri fil-jum ta’ wara dak li fih id-deċiżjoni ssir finali.
3. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali għandu jiġi interrott minn kwalunkwe azzjoni tal-ESMA maħsuba biex tinforza pagament jew termini u kundizzjonijiet għall-pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.
4. Meta sseħħ l-interruzzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda mill-ġdid.
5. Il-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sakemm:
|
(a) |
ikun permess iż-żmien għall-pagament; |
|
(b) |
l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-ESMA, f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2024/3005. |
Artikolu 7
Ġbir ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. L-ESMA għandha tiddepożita l-ammonti ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali f’kont bl-imgħax li jinfetaħ mill-ESMA sakemm dawn il-multi u l-pagamenti ta’ penali jsiru finali. F’każ ta’ diversi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA b’mod parallel, l-ESMA għandha tiżgura li dawn il-multi u l-pagamenti ta’ penali jiġu ddepożitati f’kontijiet jew f’subkontijiet differenti. Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali mħallsa ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-ESMA u ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala ammonti baġitarji.
2. Meta l-ESMA tistabbilixxi li l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jkunu saru finali wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet kollha ta’ appell, l-ESMA għandha tittrasferixxi dawn l-ammonti u l-imgħax potenzjali dovut lill-Kummissjoni. Dawk l-ammonti għandhom imbagħad jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-ESMA għandha tirrapporta fuq bażi regolari lill-Kummissjoni dwar l-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti u l-istatus tagħhom.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L, 2024/3005, 12.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3005/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/904/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)