This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026R0847
Commission Implementing Regulation (EU) 2026/847 of 16 April 2026 providing for emergency financial support for the agricultural sectors affected by adverse climatic events in Bulgaria, Estonia and Hungary, in accordance with Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/847 tas-16 ta’ April 2026 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn eventi klimatiċi avversi fil-Bulgarija, fl-Estonja u fl-Ungerija, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/847 tas-16 ta’ April 2026 li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn eventi klimatiċi avversi fil-Bulgarija, fl-Estonja u fl-Ungerija, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2026/2436
ĠU L, 2026/847, 17.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/847/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/847 |
17.4.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/847
tas-16 ta’ April 2026
li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn eventi klimatiċi avversi fil-Bulgarija, fl-Estonja u fl-Ungerija, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Matul l-istaġun tat-tkabbir tal-2025, il-Bulgarija esperjenzat kundizzjonijiet tat-temp estremament avversi. B’mod partikolari, mit-tieni nofs ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Awwissu, il-Bulgarija esperjenzat deterjorament gravi fil-kundizzjonijiet agrometeoroloġiċi, ikkaratterizzat minn nixfiet u mewġiet ta’ sħana intensi. It-temp sħun u xott għal żmien twil ħalla impatt detrimentali fuq il-produzzjoni tal-ġirasol u tal-qamħirrum. |
|
(2) |
Matul l-istaġun tat-tkabbir tal-2025, il-kundizzjonijiet fl-Estonja, li bdew bil-ġlata fir-rebbiegħa li ħalliet impatt fuq diversi żoni, kienu partikolarment diffiċli,. It-temp kiesaħ kompla jippersisti matul l-istaġun tat-tkabbir, akkumpanjat minn preċipitazzjoni għolja aktar mis-soltu u minn perjodi ta’ kesħa alternanti segwiti minn temperaturi għoljin mhux mistennija. Dawn il-kundizzjonijiet avversi ħallew impatt detrimentali fuq il-produzzjoni tal-qamħ tar-rebbiegħa, tax-xgħir, tal-piżelli tal-magħlef, tal-lift tar-rebbiegħa, tal-patata u tal-għelejjel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħxejjex. |
|
(3) |
Matul l-istaġun tat-tkabbir tal-2025, l-Ungerija esperjenzat kundizzjonijiet avversi tat-temp estremi. Kien hemm temperaturi għoljin ħafna u nuqqas ta’ ilma minn Ġunju sa Awwissu, u dan irriżulta fi stress termiku qawwi għall-għelejjel. Dan affettwa b’mod negattiv il-produzzjoni tal-qamħirrum ħelu, tal-bettieħ, tas-sorgu, tar-ravanell żejtni, tal-qamħirrum u tal-qamħirrum għall-popcorn. |
|
(4) |
Filwaqt li hemm indikazzjonijiet li madwar l-UE jseħħu eventi klimatiċi avversi simili, fil-kuntest kumplessiv taż-żieda fir-riskji għall-agrikoltura kawża tat-tibdil fil-klima, l-intensità ta’ dawn l-eventi fil-Bulgarija, fl-Estonja u fl-Ungerija kienet waħda straordinarja, b’effetti fuq żona kkultivata sinifikanti u fuq il-kwantitajiet prodotti. |
|
(5) |
Id-danni sinifikanti għall-agrikoltura kkawżati minn dawn l-eventi klimatiċi avversi u t-telf ta’ introjtu li jirriżulta għall-produtturi affettwati fil-Bulgarija, fl-Estonja u fl-Ungerija jipperikolaw il-vijabbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li tiġi adottata miżura eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi kawża ta’ dawn l-eventi klimatiċi avversi u d-diżastri naturali fil-Bulgarija, fl-Estonja u fl-Ungerija. |
|
(7) |
Id-danni sinifikanti u t-telf ekonomiku mġarrba mill-produtturi agrikoli minħabba l-eventi klimatiċi avversi jikkostitwixxu problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ disturb uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża assoċjata miegħu. Lanqas ma hi marbuta ma’ miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew it-telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba r-riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-ammonti għad-dispożizzjoni tal-Bulgarija, tal-Estonja u tal-Ungerija jiġu ddeterminati, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, il-piż rispettiv ta’ dawk l-Istati Membri fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll l-impatt tal-eventi klimatiċi avversi f’dawk l-Istati Membri. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija jqassmu l-għajnuna permezz tal-aktar mezzi effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu l-livell tad-diffikultajiet u d-danni ekonomiċi reali mġarrba mill-bdiewa affettwati. Jenħtieġ li jiżguraw li l-bdiewa affettwati jkunu l-benefiċjarji aħħarin tal-għajnuna u jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni. |
|
(10) |
Billi l-ammonti allokati lill-Bulgarija, lill-Estonja u lill-Ungerija jindirizzaw biss parti mid-diffikultajiet ekonomiċi mġarrba mill-bdiewa affettwati, jenħtieġ li dawn l-Istati Membri jitħallew jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali lill-bdiewa affettwati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament. |
|
(11) |
Sabiex il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija jingħataw il-flessibbiltà li jqassmu l-għajnuna skont iċ-ċirkostanzi tal-bdiewa affettwati, jenħtieġ li l-Istat Membru jkun jista’ jakkumula dik l-għajnuna ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ma jagħti kumpens żejjed lill-bdiewa affettwati. |
|
(12) |
Sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija jqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew ta’ skemi privati b’rispons għat-telf ekonomiku mġarrab. |
|
(13) |
Peress li l-għajnuna mill-Unjoni hija stabbilita f’euro, biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u simultanja jeħtieġ tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lil Stat Membru li ma adottax l-euro bħala l-munita nazzjonali tiegħu, kif ġara fl-Ungerija. Billi dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, jixraq li, għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (3), titqies id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bħala l-event operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(14) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din il-miżura eċċezzjonali, jenħtieġ li l-benefiċjarji jirċievu malajr l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ f’waqtu tal-baġit kif ukoll segwitu aġġornat u użu effiċjenti tar-riżerva għall-agrikoltura, biex b’hekk tiġi massimizzata d-disponibbiltà tagħha u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons fil-pront għall-kriżijiet emerġenti. Għalhekk, jixraq li tiġi definita data ta’ eliġibbiltà biex l-Istati Membri jħallsu dan l-appoġġ lill-benefiċjarji. Kull pagament li jsir wara din id-data jenħtieġ li jitqies ineliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. |
|
(15) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Bulgarija, mill-Estonja u mill-Ungerija skont din il-miżura eċċezzjonali biss meta nefqa bħal din issir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jitħallas sat-30 ta’ Settembru 2026. |
|
(16) |
Peress li l-pagamenti li jsiru wara t-30 ta’ Settembru 2026 ma għandhom jitqiesu eliġibbli fl-ebda ċirkostanza, ma għandux japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza. |
|
(17) |
Jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta b’dan ir-Regolament. |
|
(18) |
Sabiex jiżguraw li l-bdiewa jirċievu appoġġ malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li l-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(19) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Għajnuna mill-Unjoni li tammonta għal EUR 21 500 000 għandha tkun disponibbli għall-Bulgarija, għall-Estonja u għall-Ungerija biex jipprovdu appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
2. In-nefqa tal-Unjoni mġarrba f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma għandhiex taqbeż l-ammont totali ta’:
|
(a) |
EUR 7 400 000 għall-Bulgarija; |
|
(b) |
EUR 3 300 000 għall-Estonja; |
|
(c) |
EUR 10 800 000 għall-Ungerija. |
3. Il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija għandhom jużaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 għall-miżuri li għandhom l-għan li jikkumpensaw lill-bdiewa l-aktar affettwati għat-telf ekonomiku tagħhom li jħalli impatt fuq il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli tagħhom.
L-għelejjel jew is-setturi agrikoli li ġejjin huma eliġibbli għall-appoġġ:
|
(a) |
fil-Bulgarija: il-ġirasol u l-qamħirrum; |
|
(b) |
fl-Estonja: il-qamħ tar-rebbiegħa, ix-xgħir, il-piżelli tal-magħlef, il-lift tar-rebbiegħa, il-patata u l-għelejjel li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħxejjex; |
|
(c) |
fl-Ungerija: il-qamħirrum ħelu, il-bettieħ, is-sorgu, ir-ravanell żejtni, il-qamħirrum u l-qamħirrum għall-popcorn. |
4. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji li jqisu t-telf ekonomiku reali mġarrab mill-bdiewa affettwati. Il-miżuri għandhom jitfasslu b’tali mod li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.
5. Il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti tal-għajnuna mill-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna mill-Unjoni jingħadda kollu kemm hu lilhom.
6. In-nefqa mġarrba mill-Bulgarija, mill-Estonja u mill-Ungerija msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sat-30 ta’ Settembru 2026.
7. Għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, l-event operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 1(2), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament għandu jkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
8. Il-miżuri skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu akkumulati ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
9. Il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont il-paragrafu 3 sa massimu ta’ 200 % tal-ammonti rispettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw l-ebda distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni, jew kumpens żejjed. Il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija għandhom iħallsu l-appoġġ nazzjonali addizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2026.
10. Sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, meta jingħata appoġġ skont dan ir-Regolament, il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew ta’ skemi privati b’rispons għat-telf ekonomiku kkonċernat.
Artikolu 2
1. Mingħajr l-ebda dewmien, u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2026, il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan li ġej, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(3):
|
(a) |
deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu; |
|
(b) |
il-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati l-metodi għall-għoti tal-għajnuna, l-ammonti tal-għajnuna u l-metodi u r-raġunament wara t-tqassim tal-għajnuna lill-bdiewa; |
|
(c) |
l-impatt maħsub tal-miżuri bil-għan li l-bdiewa jiġu kkumpensati għat-telf ekonomiku; |
|
(d) |
l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġi vverifikat li l-miżuri jħallu l-impatt maħsub; |
|
(e) |
l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kumpens żejjed; |
|
(f) |
il-previżjoni għall-pagamenti tan-nefqa tal-Unjoni mqassmin għal kull xahar sat-30 ta’ Settembru 2026; |
|
(g) |
il-livell ta’ appoġġ nazzjonali addizzjonali li għandu jingħata skont l-Artikolu 1(9); |
|
(h) |
l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-bdiewa u biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
2. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2027, il-Bulgarija, l-Estonja u l-Ungerija għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ammonti totali mħallsa għal kull miżura, meta applikabbli, imqassmin skont l-għajnuna mill-Unjoni u l-appoġġ nazzjonali addizzjonali, l-għadd u t-tip ta’ benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/847/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)