Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R0333

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/333 tal-5 ta’ Frar 2026 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2026/860

ĠU L, 2026/333, 2.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/333/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force., Date of effect: 22/03/2026

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/333/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/333

2.3.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/333

tal-5 ta’ Frar 2026

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-ħsieb li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett ta’ daqs universali, twil madwar 26 cm, li jikkonsisti minn żewġ qxur tal-ġenb tal-plastik riġidi u b’għamla anatomika li jgħattu l-ġog tal-għaksa u parti mill-pexxun.

Kuxxinett li jista’ jitneħħa, li jikkonsisti minn fowm ċellulari artab miksi bi drappijiet tessili minsuġin, jitwaħħal man-naħa ta’ ġewwa ta’ kull waħda mill-qxur permezz ta’ strixxa vertikali tat-tip Velcro.

Il-qxur tal-ġnub huma kkollegati ma’ xulxin fiż-żona tal-għarqub tal-qiegħ tas-sieq permezz ta’ pont magħmul minn drapp tessili. It-tul tal-pont jista’ jiġi aġġustat.

L-oġġett jitwaħħal mar-riġel u jiġi ssikkat b’żewġ ċineg inelastiċi tat-tip Velcro li jinsabu fl-għoli tal-pexxun. Ma hemm l-ebda mezz biex l-oġġett jiġi ssikkat fl-għoli tal-għaksa.

L-oġġett huwa maħsub biex jistabbilizza l-ġog tal-għaksa ħalli jipprevjeni, pereżempju, il-liwi laġenba. Waqt l-importazzjoni jiġi ppreżentat biex jintlibes ġewwa żarbuna u biex jintuża bħala faxxa tal-għaksa f’każ ta’ ħsara fil-ġog tal-għaksa u/jew fil-ligamenti.

(Ara l-istampa) (*1)

6307 90 98

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata bir-regoli ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 7(d) tat-Taqsima XI, u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 6307, 6307 90 u 6307 90 98.

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 9021 10 10 bħala apparati ortopediċi hija eskluża, minħabba li l-oġġett ma jistax jiġi aġġustat għall-ħtiġijiet ta’ utent speċifiku. Minħabba li l-oġġett huwa wieħed ta’ daqs universali u ż-żewġ qxur tal-ġenb huma riġidi u għandhom għamla anatomika universali, la huwa aġġustat u lanqas aġġustabbli għall-għamla tal-għaksa tal-utent speċifiku. Barra minn hekk, l-oġġett jista’ jiġi ssikkat biss fl-għoli tal-pexxun, mingħajr l-ebda mezz ta’ aġġustament permezz ta’ ssikkar mal-ġog tal-għaksa. Konsegwentement, l-oġġett ma jistax jiġi aġġustat għal żvantaġġ speċifiku ta’ pazjent skont it-tifsira tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, il-Kawżi Magħquda C-260/00 sa C-263/00, ECLI:EU:C:2002:637 (ara l-punti 38, 41, 42 u 45).

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ aġġustabbiltà għall-għamla speċifika tal-għaksa tal-utent iwassal biex l-oġġett ma jkunx jista’ jipprevjeni kompletament, u fiċ-ċirkostanzi kollha, movimenti speċifiċi mhux mixtieqa (pereżempju, l-inklinazzjoni laġenba) tal-ġog tal-għaksa sabiex jiġi eskluż tidrib ulterjuri (Nota 6 tal-Kapitolu 90), kif meħtieġ għal apparati ortopediċi tal-intestatura 9021, skont it-tieni paragrafu tan-Nota addizzjonali 2 tal-Kapitolu 90.

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 9021 10 90 bħala qassaba u apparati oħra għall-fratturi hija eskluża wkoll, minħabba li l-oġġett ma jistax jimmobilizza ġog tal-għaksa fratturat għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 9021, (II) Qassaba u Apparati Oħra għall-Fratturi, l-ewwel paragrafu).

Konsegwentement, l-oġġett irid jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwenti tiegħu.

L-oġġett huwa oġġett kompożitu li jikkonsisti minn materjali differenti (tessuti u plastik) skont it-tifsira tar-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Sa fejn għandu x’jaqsam l-effett mixtieq, il-qxur tal-plastik kif ukoll iċ-ċineg tessili huma importanti b’mod ugwali. Konsegwentement, iż-żewġ materjali huma essenzjali b’mod ugwali skont it-tifsira tar-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numeriku fost dawk li b’mod ugwali jistħoqqilhom kunsiderazzjoni (intestaturi 3926 u 6307) skont it-tifsira tar-regola ġenerali 3(c) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda.

Għalhekk, l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 98 bħala oġġetti manifatturati oħra ta’ kwalunkwe drapp tessili.

1)

Oġġett imwaħħal mar-riġel:

Image 1

2)

Qxur tal-ġnub riġidi b’għamla anatomika:

Image 2

3)

Pont tessili aġġustabbli għall-wisa’ tal-qiegħ tas-sieq:

4)

Kuxxinett li jista’ jitneħħa:

Image 3

Image 4


(*1)  L-istampi huma purament għall-informazzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/333/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top