Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R0148

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/148 tal-21 ta’ Jannar 2026 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni

C/2026/283

ĠU L, 2026/148, 22.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/148/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/148/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/148

22.1.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/148

tal-21 ta’ Jannar 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jirrikjedu s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni permezz tal-applikazzjoni ġeospazjali fir-rigward tal-għajnuna għall-interventi bbażati fuq l-erja msemmija fl-Artikolu 65(2) u implimentati skont il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) daħħal Artikolu 70a ġdid tar-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-biċċiet tar-raba, tal-applikazzjoni ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja. It-tliet valutazzjonijiet tal-kwalità ġew fużi f’valutazzjoni tal-kwalità waħda. Għalhekk, l-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 (3) jenħtieġ li jiġi emendat biex jirrifletti din il-fużjoni tal-valutazzjonijiet tal-kwalità.

(3)

L-Artikolu 8(3)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173 jipprevedi li l-applikazzjoni ġeospazjali jrid ikun fiha, meta rilevanti, informazzjoni dwar l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għall-bċejjeċ tar-raba’ taħt interventi għall-użu sostenibbli u mnaqqas tal-pestiċidi skont l-Artikoli 31 u 70 tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw dik l-informazzjoni fir-rigward tar-rekwiżit taż-żamma tar-rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti stabbilit fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(4)

Abbażi tal-esperjenza miksuba fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-applikazzjoni ġeospazjali attwali, l-Istati Membri u l-bdiewa jqisu dak ir-rekwiżit bħala piż addizzjonali, peress li diġà hemm obbligu fuqhom li jżommu rekords tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Għalhekk, għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8(3)(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173 jenħtieġ li jitħassar.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli u tal-Kumitat dwar il-Politika Agrikola Komuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-forma u l-kontenut ta’ dawn li ġejjin, u l-arranġamenti għalihom biex jintbagħtu lill-Kummissjoni jew biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha:

(i)

ir-rapport tal-valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-biċċiet tar-raba’, tas-sistema tal-applikazzjoni ġeospazjali u tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja;

(ii)

l-azzjonijiet ta’ rimedju msemmija fl-Artikolu 70a tar-Regolament (UE) 2021/2116;”

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Rapport tal-valutazzjoni tal-kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 70a tar-Regolament (UE) 2021/2116 lill-Kummissjoni fil-forma ta’ rapport sottomess permezz ta’ sistemi ta’ informazzjoni elettroniċi li jippermettu l-iskambji ta’ informazzjoni, dokumenti u data ta’ sostenn.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-ħidma sottostanti fil-qafas tal-valutazzjoni tal-kwalità, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżultati taż-żjarat in situ u/jew l-analiżi ta’ xbihat li jipprovdu informazzjoni affidabbli u konklużiva fir-rigward tas-sitwazzjoni reali fuq il-post, u għandu jikkwantifika n-nuqqasijiet identifikati mill-valutazzjoni tal-kwalità. Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħaqdu biex jiġi kkwantifikat l-iżball fl-għadd ta’ ettari jew fis-sehem ta’ erjas rappurtati fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni.

3.   F’każ li r-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet skont il-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jindikaw b’mod ċar l-azzjonijiet ta’ rimedju li jindirizzaw dawk in-nuqqasijiet fir-rapport tal-valutazzjoni tal-kwalità. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju proposti fis-sena preċedenti ma jkunx biżżejjed, tista’ titlob lill-Istat Membru jissottometti pjan ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/2116.

4.   Għal nuqqasijiet rikorrenti li jiġu żvelati fil-valutazzjoni tal-kwalità msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha titlob pjan ta’ azzjoni f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116 jekk l-istess nuqqasijiet jiġu żvelati mingħajr ebda titjib fit-tieni sena konsekuttiva u jitqiesu li huma serji f’konformità mal-Artikolu 2(d) ta’ dak ir-Regolament.

5.   Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-kwalità sottomess fir-rigward tas-snin 2024 u 2026 għandu jelenka l-kundizzjonijiet kollha ta’ eliġibbiltà għall-interventi kollha suġġetti għas-sistema ta’ monitoraġġ tal-erja b’informazzjoni dwar is-sorsi tad-data użati għall-analiżi.”

(3)

Fl-Artikolu 8(3), jitħassar il-punt (f).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2025/2649 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tas-sistema tal-kundizzjonalità, it-tipi ta’ intervent fil-forma ta’ pagament dirett, it-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi u l-iżvilupp rurali u r-rapporti annwali tal-prestazzjoni u r-Regolament (UE) 2021/2116 fir-rigward tas-sospensjonijiet tal-pagamenti b’rabta mal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u l-kontrolli u l-penali (ĠU L, 2025/2649, 31.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/2649/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 tal-31 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni (ĠU L 183, 8.7.2022, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1173/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-politika agrikola komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/148/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top