Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R0090

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/90 tal-14 ta’ Jannar 2026 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

C/2026/68

ĠU L, 2026/90, 15.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/90/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/90/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/90

15.1.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/90

tal-14 ta’ Jannar 2026

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf u fl-ilma tax-xorb għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li dak l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “aċidi amminiċi, l-imlieħ u l-analogi tagħhom”.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tat-18 ta’ Marzu 2025 (2), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 hija sikura għall-ispeċijiet fil-mira meta tiġi ssupplimentata f’ammonti xierqa għad-dieta skont il-ħtiġijiet nutrizzjonali tagħhom. Madankollu, minħabba r-riskju ta’ żbilanċi nutrizzjonali u raġunijiet iġeniċi, l-Awtorità għandha tħassib dwar l-użu tal-L-arġinina fl-ilma tax-xorb. L-Awtorità kkonkludiet li l-użu tal-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 fin-nutrizzjoni tal-annimali huwa sikur għall-konsumaturi u għall-ambjent. Fin-nuqqas ta’ data, ma setgħetx tikkonkludi dwar il-potenzjal tas-sustanza li tkun irritanti għall-ġilda u/jew għall-għajnejn, jew li tkun sensitizzatur dermali jew respiratorju. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li s-sustanza titqies bħala sors effikaċi tal-aċidu amminiku L-arġinina għan-nutrizzjoni ta’ annimali mhux ruminanti. Biex is-supplimentazzjoni tal-L-arġinina tkun effikaċi fir-ruminanti daqskemm hi fl-ispeċijiet mhux ruminanti, teħtieġ il-protezzjoni mid-degradazzjoni fil-kirxa. L-Awtorità ma qisitx li hemm ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li tressaq mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, l-użu ta’ dik is-sustanza bħala addittiv tal-għalf jenħtieġ li jiġi awtorizzat. Il-Kummissjoni tqis li l-użu sikur ta’ dan l-aċidu amminiku fl-ilma tax-xorb, fir-rigward tar-riskji iġeniċi possibbli, għandu jitqies fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 183/2005 li jistipula r-rekwiżiti għall-iġene tal-għalf (3). Meta tiġi mitmugħa lir-ruminanti, l-L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393 jenħtieġ li tiġi protetta mid-degradazzjoni fil-kirxa. Jixraq li l-utent jiġi mwissi biex iqis il-provvista djetetika bl-aċidi amminiċi essenzjali u kundizzjonalment essenzjali kollha, b’mod partikolari fil-każ tas-supplimentazzjoni bl-L-arġinina permezz tal-ilma tax-xorb. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq saħħet l-utenti tal-addittiv.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tagħmel parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u mill-grupp funzjonali “aċidi amminiċi, l-imlieħ u l-analogi tagħhom”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)   EFSA Journal, 23(5), e9453. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9453.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/183/oj).


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Isem l-addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

mg/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: aċidi amminiċi, l-imlieħ u l-analogi tagħhom

3c366

L-arġinina

Kompożizzjoni tal-addittiv

L-arġinina ≥ 98,5 % (fuq il-bażi ta’ materja niexfa)

Forma solida

---------------------------------

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

L-arġinina prodotta b’Corynebacterium glutamicum KCCM 80393

Isem IUPAC: aċidu (S)-2-ammino-5-gwanidinopentanojku

Formula kimika: C6H14N4O2

Numru CAS: 74–79-3

-----------------------------------

Metodu analitiku  (1)

Għall-identifikazzjoni tal-L-arġinina fl-addittiv tal-għalf:

Il-Codex tal-Kimiċi tal-Ikel “L-arginine monograph”

Għad-determinazzjoni tal-arġinina fl-addittiv tal-għalf:

Kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS/FLD jew IEC-VIS)

Għad-determinazzjoni tal-arġinina fil-premixxeli:

Kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS) – ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (2) jew

Kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS/FLD)

Għad-determinazzjoni tal-arġinina fl-għalf kompost:

Kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS) – ir-Regolament (KE) Nru 152/2009

Għad-determinazzjoni tal-arġinina fl-ilma tax-xorb:

Kromatografija bi skambju tal-joni abbinata ma’ derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni ottika (IEC-VIS)

L-ispeċijiet kollha tal-annimali

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin, l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana u l-istabbiltà fl-ilma tax-xorb.

2.

L-addittiv jista’ jintuża permezz tal-ilma tax-xorb.

3.

L-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-L-arġinina fil-kirxa, meta tiġi mitmugħa lir-ruminanti.

4.

Il-kontenut ta’ ndewwa għandu jkun indikat fuq it-tikketta tal-addittiv.

5.

It-tikketta tal-addittiv u tal-premixxeli għandhom jindikaw dan li ġej: “Is-supplimentazzjoni bl-L-arġinina, b’mod partikolari permezz tal-ilma tax-xorb, għandha tqis l-aċidi amminiċi essenzjali u dawk kundizzjonalment essenzjali kollha, sabiex jiġu evitati l-iżbilanċi nutrizzjonali.”

6.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri ta’ organizzazzjoni biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-ġilda, għall-għajnejn u għan-nifs.

L-4 ta’ Frar 2036


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/152/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/90/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top