Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026D1176

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1176 tat-28 ta’ Mejju 2026 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

ST/12924/2025/INIT

ĠU L, 2026/1176, 28.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1176/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1176/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1176

28.5.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1176

tat-28 ta’ Mejju 2026

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 (1).

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2020, permezz tad-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għal kull persuna hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa il-vjolenza tal-insedjamenti li tkompli u li qed tikber kontra l-popolazzjoni ċivili Palestinjana u reġa’ tenna l-appell tiegħu lill-Kunsill biex imexxi ‘l quddiem il-ħidma fuq aktar miżuri restrittivi kontra l-abitanti estremisti tal-insedjamenti u l-entitajiet u l-organizzazzjonijiet li jappoġġawhom.

(4)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li tliet persuni u erba’ entitajiet jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DAMIANOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1999/oj).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“136.

Daniella Weiss

דניאלה וייס

(Ortografija bl-Ebrajk)

Data tat-twelid: 30.8.1945

Post tat-twelid: Benee Brak, Mandatory Palestine (issa Israel)

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: mara

Daniella Weiss hija d-Direttur ta’ Nachala Movement (‘Nachala’). Nachala għandu l-għan li jippromwovi l-insedjamenti Lhud u l-insedjamenti mhux uffiċjali illegali fix-Xatt tal-Punent. Permezz tal-attivitajiet tiegħu, Nachala għandu rwol strumentali fl-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ atti koerċittivi li jwasslu għall-ispostament furzat tal-Palestinjani u jiksru d-dritt tagħhom għall-proprjetà, id-dritt tagħhom għall-ħajja privata u dik tal-familja u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, kif ukoll id-dritt għall-ħajja u għall-integrità fiżika.

L-insedjamenti mhux uffiċjali ta’ Nachala, bħal Evyatar, Maoz Esther, Oz Zion, Ramat Migron, Nachalat Zvi, u Haeitam Farm, kienu sorsi persistenti ta’ vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti. Bosta insedjamenti mhux uffiċjali ta’ Nachala, fosthom Yahish Zion, Maoz Esther, Oz Zion u Ramat Migron, inbnew fuq art Palestinjana privata. L-insedjamenti mhux uffiċjali kollha ta’ Nachala jostakolaw l-aċċess għall-art agrikola u għall-mergħa Palestinjana. Barra minn hekk, wara s-7 ta’ Ottubru 2023, Nachala kien fuq quddiem nett fl-isforzi għar-risistemazzjoni tal-Istrixxa ta’ Gaża.Fil-kapaċità tagħha bħala Direttur, Daniella Weiss, tippjana, tidderieġi u tappoġġa pubblikament l-atti ta’ Nachala. Għalhekk, hija responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent u fl-Istrixxa ta’ Gaża, inkluż ksur jew abbużi tad-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni, id-dritt tagħhom għall-proprjetà, id-dritt tagħhom għall-ħajja privata u dik tal-familja, kif ukoll id-dritt għall-ħajja u għall-integrità fiżika, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Fil-kapaċità tagħha bħala Direttur , Daniella Weiss hija wkoll ma’ Nachala.

28.5.2026

137.

Meir DEUTSCH

מאיר דויטש

(Ortografija bl-Ebrajk)

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: raġel

Meir Deutsch huwa d-direttur ġenerali ta’ Regavim, li hija NGO Iżraeljana b’abitant ta’ insedjament attiv pro-Iżraeljan u aġenda għall-espansjoni tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent. Regavim tistitwixxi proċedimenti legali u tillobbja għat-twaqqigħ tal-proprjetà Palestinjana bl-għan li tespandi l-kontroll ta’ Iżrael għax-Xatt tal-Punent kollu.

Permezz tal-attivitajiet tagħha, Regavim għandha rwol strumentali fl-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ atti koerċittivi li għandhom l-għan li jeqirdu l-proprjetà Palestinjana u jeqirdu d-djar Palestinjani, li jwasslu għall-ispostament furzat tal-Palestinjani u l-ksur tad-dritt tagħhom għall-proprjetà, id-dritt tagħhom għall-ħajja privata u dik tal-familja u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, kif ukoll id-dritt ta’ kull persuna għat-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa fiżika u mentali li jista’ jinkiseb. Regavim hija responsabbli għal diversi proċedimenti tal-qorti u llobbjat għad-demolizzjoni ta’ skola primarja Palestinjana ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea fir-raħal ta’ Jabbet al Dhib, qrib Bethlehem, fix-Xatt tal-Punent f’Mejju 2023.

Għalhekk, fir-rwol tiegħu bħala d-direttur ġenerali ta’ Regavim, Meir Deutsch huwa responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent, inkluż abbużi tad-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ħajja privata u dik tal-familja u d-dritt għall-edukazzjoni tal-Palestinjani, kif ukoll id-dritt ta’ kull persuna għat-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa fiżika u mentali li jista’ jinkiseb, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

28.5.2026

138.

Avichai SUISSA

אביחי סויסה

(Ortografija bl-Ebrajk)

Data tat-twelid: 1.7.1986

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: raġel

Numru tal-ID: 038172441

Avichai Suissa huwa l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Hashomer Yosh, li hija NGO Iżraeljana li tipprovdi appoġġ materjali u tikkoordina voluntiera għall-ħidma agrikola fuq farms tal-bhejjem, filwaqt li tappoġġa mill-inqas 28 insedjament mhux uffiċjali u insedjamenti vjolenti fix-Xatt tal-Punent, billi tirrekluta voluntiera armati u tipprovdi gwardji involuti f’attakki vjolenti.

B’mod partikolari, Hashomer Yosh qed tappoġġa insedjamenti mhux uffiċjali mwaqqfa minn individwi elenkati mill-Unjoni Ewropea: Neria Ben Pazi, fondatur ta’ Rimonim Farm Outpost; Zvi Bar Yosef, fondatur ta’ Zvi’s Farm; Yinon Levi, fondatur ta’ Mitarim Farm; u Moshe Sharvit, fondatur ta’ Tirza Valley Farm Outpost/Moshe’s Farm.

Għalhekk, Avichai Suissa huwa responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent, inkluż abbużi tad-dritt għall-proprjetà tal-Palestinjani u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt għall-integrità fiżika u mentali, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

28.5.2026”;

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“38.

Amana

magħrufa ukoll bħala Amana – Cooperative Society for Community Settlement Ltd

אמנה

(Ortografija bl-Ebrajk)

Indirizz: Clermont-Ganneau St. 13, Jerusalem

Sit web: https://amana.co.il/

Data tar-reġistrazzjoni: 18.2.1979

Numru tar-reġistrazzjoni: 570025742

Amana hija l-kumpanija tal-iżvilupp kooperattiv u s-settlement movement tal-moviment Gush Emunim. Sa mill-ħolqien tagħha, hija kellha rwol ewlieni fit-tnedija, il-finanzjament u l-iffaċilitar ta’ mill-inqas 30 insedjament mhux uffiċjali u insedjamenti vjolenti, inkluż insedjamenti mhux uffiċjali mwaqqfa minn individwi elenkati mill-Unjoni Ewropea (Yinon Levi, fundatur ta’ Mitarim Farm Outpost; Moshe Sharvit, fundatur ta’ Tirza Valley Farm Outpost/ Moshe’s Farm; u Isaschar Manne, fundatur tal-insedjament mhux uffiċjali Manne Farm) fix-Xatt tal-Punent okkupat. Flimkien mal-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti li tirriżulta minnhom, inkluż kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, dawn l-insedjamenti mhux uffiċjali wasslu għall-ispostament mifrux ta’ komunitajiet Palestinjani vulnerabbli u n-nuqqas ta’ pussess ta’ proprjetajiet Palestinjani. L-akbar involviment ta’ Amana f’dawn l-insedjamenti mhux uffiċjali illegali vjolenti jinkludu: l-iffaċilitar tal-akkwist tal-art, il-kostruzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ djar, il-bidu u t-tħejjija ta’ pjanijiet ewlenin tal-insedjamenti u l-finanzjament tal-infrastruttura. F’diversi okkażjonijiet, l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tagħha ddikjaraw b’mod ċar l-objettiv tagħhom li ma jkollhomx komunitajiet Palestinjani.

Għalhekk, Amana huwa responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent, inkluż abbużi tad-dritt għall-proprjetà tal-Palestinjani u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

28.5.2026

39.

Nachala Movement

נחלה

(Ortografija bl-Ebrajk)

Indirizz: West Bank, occupied Palestinian territories

Sit web: https://www.nachalaisrael.org/

In-Nachala Movement (‘Nachala’) għandu l-għan li jippromwovi l-insedjamenti Lhud u l-insedjamenti mhux uffiċjali illegali fix-Xatt tal-Punent. Permezz tal-attivitajiet tiegħu, il-moviment għandu rwol strumentali fl-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ atti koerċittivi li jwasslu għall-ispostament furzat tal-Palestinjani u jiksru d-dritt tagħhom għall-proprjetà, id-dritt tagħhom għall-ħajja privata u dik tal-familja u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, kif ukoll id-dritt għall-ħajja u għall-integrità fiżika. L-insedjamenti mhux uffiċjali ta’ Nachala, bħal Evyatar, Maoz Esther, Oz Zion, Ramat Migron, Nachalat Zvi u Haeitam Farm, kienu sorsi persistenti ta’ vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti. Bosta minn dawn l-insedjamenti mhux uffiċjali ta’ Nachala, fosthom Yahish Zion, Maoz Esther, Oz Zion u Ramat Migron inbnew fuq art Palestinjana privata. L-insedjamenti mhux uffiċjali kollha ta’ Nachala jostakolaw l-aċċess għall-art agrikola u għall-mergħa Palestinjana.

Wara s-7 ta’ Ottubru 2023, Nachala kien barra minn hekk fuq quddiem nett fl-isforzi għar-risistemazzjoni tal-Istrixxa ta’ Gaża. Għalhekk, Nachala huwa responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent u fl-Istrixxa ta’ Gaża, inkluż abbużi tad-dritt tal-Palestinjani għall-awtodeterminazzjoni, id-dritt tagħhom għall-proprjetà, id-dritt tagħhom għall-ħajja privata u dik tal-familja, kif ukoll id-dritt għall-ħajja u għas-saħħa fiżika, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

28.5.2026

40.

Regavim

magħrufa ukoll bħala Regavim Movement

רגבים

(Ortografija bl-Ebrajk)

Indirizz: Rehovot, Mo’din, Jerusalem, Haifa, Maale Adumin, Ariel, Tel Aviv District, Efrat, Bersheeba

Sit web: https://www.regavim.org/

Post ta’ reġistrazzjoni: Sha’ar Binyamin

PO BOX 44439, Jerusalem, Israel, 9144302

Regavim hija NGO Iżraeljana b’abitant ta’ insedjament attiv pro-Iżraeljan u aġenda għall-espansjoni tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent. Regavim tistitwixxi proċedimenti legali u tillobbja għad-demolizzjoni ta’ proprjetà Palestinjana bl-għan li tespandi l-kontroll ta’ Iżrael għax-Xatt tal-Punent kollu. Permezz tal-attivitajiet tagħha, Regavim għandha rwol strumentali fl-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ atti koerċittivi li għandhom l-għan li jeqirdu l-proprjetà Palestinjana u jwaqqgħu d-djar Palestinjani, li jwasslu għal spostament furzat tal-Palestinjani.

Regavim hija responsabbli għal diversi proċedimenti tal-qorti, u lobbjat, għad-demolizzjoni ta’ skola primarja Palestinjana, iffinanzjata mill-Unjoni Ewropea, fir-raħal ta’ Jabbet al Dhib, qrib Bethlehem, fix-Xatt tal-Punent f’Mejju 2023.

Għalhekk, Regavim hija responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent, inkluż ksur tad-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ħajja privata u dik tal-familja u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt għall-edukazzjoni tal-Palestinjani, kif ukoll id-dritt ta’ kull persuna għat-tgawdija tal-ogħla standard ta’ integrità fiżika u mentali li jista’ jinkiseb, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

28.5.2026

41.

Hashomer Yosh

magħrufa ukoll bħala Guardians of Judea and Samaria, Guardians of Yehuda and the Shomron, Hashomer Judea and Samaria, Hashomer Yehudah V’Shomron

השומר יו״ש

(Ortografija bl-Ebrajk)

Indirizz: Esh Kodesh 2, Shilo, 4483000

West Bank, occupied Palestinian territories

Sit web: https://hashomeryosh.org/home-en/

Data tar-reġistrazzjoni: 18.6.2013

Numru tar-reġistrazzjoni: 580575629

Hashomer Yosh hija NGO Iżraeljana li tipprovdi appoġġ materjali u tikkoordina voluntiera għall-ħidma agrikola fuq farms tal-bhejjem, filwaqt li tappoġġa mill-inqas 28 insedjament mhux uffiċjali u insedjamenti vjolenti fix-Xatt tal-Punent, billi tirrekluta voluntiera armati, tipprovdi gwardji involuti f’attakki vjolenti. B’mod partikolari, Hashomer Yosh qed tappoġġa insedjamenti mhux uffiċjali mwaqqfa minn individwi elenkati mill-Unjoni Ewropea: Neria Ben Pazi, fondatur ta’ Rimonim Farm Outpost; Zvi Bar Yosef, fondatur ta’ Zvi’s Farm; Yinon Levi, fondatur ta’ Mitarim Farm; u Moshe Sharvit, fondatur ta’ Tirza Valley Farm Outpost/Moshe’s Farm.

Għalhekk, Hashomer Yosh hija responsabbli għall-iffaċilitar u l-inkoraġġiment ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xatt tal-Punent, inkluż abbużi tad-dritt għall-proprjetà tal-Palestinjani u d-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni u d-dritt għall-integrità fiżika u mentali, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

28.5.2026”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1176/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top