This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026D0571
Council Decision (EU) 2026/571 of 16 March 2026 on the position to be taken on behalf of the European Union in the Preparatory Commission and at the first Conference of the Parties to the Agreement under the United Nations Convention on the Law of the Sea on the conservation and sustainable use of marine biological diversity of areas beyond national jurisdiction
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/571 tas-16 ta’ Marzu 2026 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/571 tas-16 ta’ Marzu 2026 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
ST/6684/2026/INIT
ĠU L, 2026/571, 16.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/571/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/571 |
16.3.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/571
tas-16 ta’ Marzu 2026
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (1), il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (“UNCLOS”) u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu. |
|
(2) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1830 (2), l-Unjoni approvat il-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (“il-Ftehim”). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2026. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 66 tal-Ftehim, il-Ftehim huwa soġġett għar-ratifika, l-approvazzjoni jew l-aċċettazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni. |
|
(4) |
Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (il-“Konferenza tal-Partijiet”) ġiet stabbilita bl-Artikolu 47(1) tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 47(4) tal-Ftehim, il-Konferenza tal-Partijiet, fl-ewwel laqgħa tagħha, trid tadotta b’konsensus ir-regoli ta’ proċedura għaliha nnifisha (ir-“regoli ta’ proċedura”) u r-regoli finanzjarji li jirregolaw il-finanzjament tagħha u l-finanzjament tas-segretarjat u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju (ir-“regoli finanzjarji”). |
|
(5) |
Fir-Riżoluzzjoni 78/272 (3) adottata minnha fl-24 ta’ April 2024, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) ddeċidiet li tistabbilixxi kummissjoni preparatorja (il- “kummissjoni preparatorja”) biex tħejji għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u biex tħejji għas-sejħa tal-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim, li mal-konklużjoni tagħha l-kummissjoni preparatorja ma tibqax teżisti. |
|
(6) |
Skont il-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni 78/272 tal-AĠNU, huwa previst li l-kummissjoni preparatorja tieħu deċiżjonijiet fil-laqgħa finali tagħha dwar rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Partijiet dwar ir-regoli ta’ proċedura u dwar ir-regoli finanzjarji. |
|
(7) |
Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet magħmula, il-kummissjoni preparatorja ser iħejju d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet li ser ikollhom effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura u r-regoli finanzjarji ser ikunu legalment vinkolanti fuq l-Unjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-kummissjoni preparatorja ser jiddefinixxu s-sustanza u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet futuri possibbli li ser jittieħdu mill-Konferenza tal-Partijiet li ser ikollhom effetti legali. Peress li l-elementi sostanzjali u speċifiċi tad-deċiżjonijiet futuri tal-Konferenza tal-Partijiet diġà ser jiġu ddeterminati fi stadju preliminari mir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-kummissjoni preparatorja fil-laqgħa finali tagħha, jenħtieġ li dawk ir-rakkomandazzjonijiet ikunu koperti wkoll minn din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati ser jaqgħu f’oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni kif ukoll f’oqsma ta’ kompetenza tal-Istati Membri. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, huwa għalhekk meħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa finali tal-kummissjoni preparatorja u fl-ewwel Konferenza tal-Partijiet biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim. Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa regoli ta’ proċedura li jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati ta’ laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet, u li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Unjoni bħala Parti f’konformità mal-Ftehim. |
|
(9) |
Sabiex jiġi żgurat li l-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Ftehim jiġu ffinanzjati b’mod korrett, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli finanzjarji u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ mekkaniżmu finanzjarju b’mod li jistabbilixxi proċess ġust u trasparenti li jirrispondi għaċ-ċirkostanzi ta’ kull Parti fil-Ftehim, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull Parti tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-Ftehim u għall-implimentazzjoni tiegħu b’mod li jkun ekwu u konsistenti mal-kapaċità ta’ kull Parti li tikkontribwixxi. Jenħtieġ li l-operazzjonalizzazzjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju stabbilit mill-Ftehim tiżgura wkoll l-għoti ta’ assistenza lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim. |
|
(10) |
Din id-Deċiżjoni ma tistax tinqara bħala li taffettwa b’xi mod il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward tal-oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt kompetenza kondiviża. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Ftehim ma jaffettwax regoli komuni jew ma jbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, inkluż l-iżvilupp futur prevedibbli tagħhom. |
|
(11) |
Sa fejn is-suġġett tan-negozjati jkun jaqa’ fil-kompetenzi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati, sabiex tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa finali tal-kummissjoni preparatorja u fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (il-“Ftehim”) għandha tkun din li ġejja:
|
(1) |
l-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni ta’ regoli ta’ proċedura li jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati ta’ laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim, u li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Unjoni bħala Parti f’konformità mal-Ftehim; |
|
(2) |
l-UE għandha tappoġġa l-adozzjoni tar-regoli finanzjarji u l-operazzjonalizzazzjoni ta’ mekkaniżmu finanzjarju b’mod li jistabbilixxi proċess ġust u trasparenti, li jirrispondi għaċ-ċirkostanzi ta’ kull Parti fil-Ftehim, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull Parti tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-Ftehim u għall-implimentazzjoni tiegħu b’mod li jkun ekwu u konsistenti mal-kapaċità ta’ kull Parti li tikkontribwixxi, u li jiżgura wkoll l-għoti ta’ assistenza lill-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Ftehim. |
Artikolu 2
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib matul il-laqgħa finali tal-kummissjoni preparatorja u fil-perjodu bejn dik il-laqgħa u l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun konsistenti mal-pożizzjoni stipulata f’din id-Deċiżjoni u mal-prinċipji sottostanti tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/392/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1830 tas-17 ta’ Ġunju 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-konservazzjoni u fuq l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (ĠU L, 2024/1830, 19.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1830/oj).
(3) Ir-Riżoluzzjoni 78/272 tal-AĠNU adottata fl-24 ta’ April 2024 dwar il-Ftehim fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/571/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)