Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026D0115

Deċiżjoni (UE) 2026/115 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta’ Diċembru 2025 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin, u kontribuzzjonjiet minn Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2025/44)

ECB/2025/44

ĠU L, 2026/115, 15.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/115/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/115/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/115

15.1.2026

DEĊIŻJONI (UE) 2026/115 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-31 ta’ Diċembru 2025

dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin, u kontribuzzjonjiet minn Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2025/44)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 30.1, 30.3, 48.1 u 48.2 tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1407 (1), f’konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Bulgarija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga mogħtija lill-Bulgarija msemmija fl-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 (2) ser tiġi abbrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026.

(2)

L-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) jipprovdi illi l-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jħallas sehmu fil-kapital sottoskritt tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) daqs il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro ħallsu l-ishma tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE bis-sħiħ. (3) Il-ponderazzjoni ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru (BNB)) fl-iskema kapitali tal-BĊE hija ta’ 0,9783 %, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/2811 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/31) (4). Il-BNB diġà ħallas parti mis-sehem tiegħu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/2816 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/36) (5). L-ammont pendenti huwa għalhekk ta’ EUR 101 929 755,00 li jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-kapital sottoskritt tal-BĊE (EUR 10 825 007 069,61) bl-ippeżar tal-iskema tal-kapital tal-BNB (0,9783 %), bit-tnaqqis tal-parti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li diġà ġiet imħallsa bis-sħiħ.

(3)

L-Artikolu 48.1, flimkien mal-Artikolu 30.1, tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jittrasferixxi ukoll assi ta’ riżervi barranin lill-BĊE. Skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma li għandha tiġi ttrasferita tiġi determinata billi l-valur f’euro bir-rati tal-kambju kurrenti tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, tiġi mmultiplikata bil-proporzjon bejn in-numru ta’ ishma sottoskritti mill-BĊN kkonċernat u n-numru ta’ ishma li diġà tħallsu mill-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro. Meta jkunu qed jiġu determinati l-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1, għandha tingħata d-debita kunsiderazzjoni lill-aġġustamenti preċedenti tal-iskema kapitali skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. B’riżultat ta’ dan, skont id-Deċiżjoni (UE) 2023/2818 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/34) (6), l-ekwivalenti f’euro tal-assi ta’ riżervi barranin li diġà ġew ittrasferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ huwa ta’ EUR 40 561 959 556,70.

(4)

L-assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti mill-BNB għandhom ikunu f’dollari Amerikani jew deheb, jew iddenominati fihom.

(5)

L-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ jipprovdi li l-BĊE għandu jikkredita lil kull BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro bi dritt ta’ preljev ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin illi hu ttrasferixxa lill-BĊE. Id-dispożizzjonijiet dwar id-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tad-drittijiet ta’ preljev li diġà ġew akkreditati lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7) għandhom japplikaw ukoll għad-denominazzjoni u r-remunerazzjoni tad-drittijet ta’ preljev tal-BNB.

(6)

l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ jistipula illi l-BĊN ta’ Stat Membru li d-deroga tiegħu ġiet imħassra għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvisti ekwivalenti għal riżervi, u għall-ammont li għad irid jiġi approprjat fir-riżervi u l-provvisti korrispondenti għall-bilanċ fil-kont tal-qligħ u t-telf fil-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi t-tħassir tad-deroga. L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni hija determinata skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(7)

B’analoġija mal-Artikolu 3.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (8), il-Gvernatur tal-BNB kellu l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet dwar din id-Deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha,

(8)

Minħabba r-restrizzjonijiet ta’ żmien li rriżultaw minħabba l-perjodu qasir bejn il-kalkolu tal-ammont ekwivalenti għall-euro ta’ assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti mill-BNB fil-31 ta’ Diċembru 2025 u l-abbrogazzjoni tad-deroga mogħtija lill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026, din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata b’urġenza u għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“assi ta’ riżervi barranin” tfisser deheb jew dollari Amerikani;

(b)

“deheb” tfisser uqiji sħaħ ta’ deheb fin fil-forma ta’ ingotti tat-tip London Good Delivery, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association;

(c)

“Dollaru Amerikan” tfisser il-valuta legali tal-Istati Uniti.

Artikolu 2

Il-grad u l-forma ta’ kapital imħallas

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru (BNB)) għandu jħallas il-parti rimanenti ta’ sehmu fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li tikkorrispond għal EUR 101 929 755,00.

2.   Il-BNB għandu jħallas l-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2026 permezz ta’ trasferiment separat bis-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) tal-ġenerazzjoni l-ġdida b’saldu f’euro fi flus ta’ bank ċentrali.

3.   Il-BNB għandu jħallas lill-BĊE fit-2 ta’ Jannar 2026, permezz ta’ trasferiment separat b’TARGET, l-imgħax akkumulat fl-1 ta’ Jannar 2026 fuq l-ammont dovut lill-BĊE taħt il-paragrafu 2. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ referenza kif definita fl-Artikolu 1, il-punt (j), tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/36) (9), kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2024/2939 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/33) (10).

Artikolu 3

Trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin

1.   Il-BNB għandu jittrasferixxi lill-BĊE, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026 u skont dan l-Artikolu u l-arranġamenti meħuda bis-saħħa tiegħu, ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin li huwa ekwivalenti għal EUR 1 482 514 654,83 kif ġej:

Ammont ta’ dollari Amerikani ekwivalenti għal euro fil-forma ta’ flus kontanti

Ammont ta’ deheb ekwivalenti għal euro

Ammont aggregat ekwivalenti għal euro

1 260 137 456,61

222 377 198,22

1 482 514 654,83

2.   L-ammont ta’ assi ta’ riżervi barranin ekwivalenti għall-euro li għandu jiġi ttrasferit mill-BNB taħt il-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tar-rati tal-kambju bejn l-euro u d-dollaru Amerikan kif ikkalkulati għall-iskop tar-rati ta’ referenza tal-kambju barranin għall-euro tal-BĊE fil-31 ta’ Diċembru 2025 u, fil-każ tad-deheb, abbażi tal-prezz ta’ kull uqija sħiħa ta’ deheb fin stabbilit fil-proċedura ta’ konċertazzjoni għall-iskopijiet interni tal-BĊE fil-31 ta’ Diċembru 2025.

3.   Il-BĊE għandu jikkonferma lil BNB mill-aktar fis possibbli l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 2.

4.   Skont il-paragrafu 1, il-BNB għandu jittrasferixxi lill-BĊE ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti li jkun ekwivalenti għall-ammont ta’ euro mniżżel fit-tabella fil-paragrafu 1.

5.   It-trasferiment tal-ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti li jkun ekwivalenti għall-ammont ta’ euro mniżżel fit-tabella fil-paragrafu 1 għandu jsir lejn dawk il-kontijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data ta’ saldu għall-ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti li jridu jiġu ttrasferiti lill-BĊE għandha tkun it-2 ta’ Jannar 2026. Il-BNB għandu jagħti struzzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ tali trasferiment lill-BĊE.

6.   Il-valur tad-deheb li l-BNB jittrasferixxi lill-BĊE skont il-paragrafu 1 għandu jkun kemm jista’ jkun qrib ta’, iżda mhux aktar minn, EUR 222 377 198,22.

7.   Il-BNB għandu jittrasferixxi d-deheb imsemmi fil-paragrafu 1 f’forma mhux investita lil dawk il-kontijiet u dawk il-postijiet speċifikati mill-BĊE. Id-data ta’ saldu għad-deheb li għandu jiġi ttrasferit lill-BĊE għandha tkun it-2 ta’ Jannar 2026. Il-BNB għandu jagħti struzzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ tali trasferiment lill-BĊE.

8.   Jekk il-BNB jittrasferixxi deheb lill-BĊE b’valur inqas mill-ammont speċifikat fil-paragrafu 1, fit-2 ta’ Jannar 2026 huwa għandu mbagħad jittrasferixxi ammont ta’ dollari Amerikani fil-forma ta’ flus kontanti ekwivalenti għall-ammont nieqes lil kont tal-BĊE kif speċifikat mill-BĊE. Kwalunkwe dollari Amerikani ta’ dan it-tip m’għandhomx jiffurmaw parti mill-assi ta’ riżervi barranin li l-BNB jittrasferixxi lill-BĊE skont il-paragrafu 4.

9.   Id-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammonti aggregati ekwivalenti f’euro msemmija fil-paragrafi 1 u l-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandha tiġi ssaldata skont il-Ftehim tal-31 ta’ Diċembru 2025 bejn Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-pretensjoni akkreditata lil Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (11).

Artikolu 4

Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-pretensjoni ekwivalenti għall-kontribuzzjoni

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, u soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet fl-Artikolu 3 dwar id-dati għas-saldu tat-trasferimenti tal-assi ta’ riżervi barranin, il-BĊE għandu jikkredita lil BNB bi pretensjoni denominata f’euro, ekwivalenti għall-ammont aggregat f’euro tal-kontribuzzjoni tiegħu ta’ assi ta’ riżervi barranin. Din il-prertensjoni tikkorrispondi għal EUR 485 296 405,74.

2.   Il-pretensjoni kkreditata mill-BĊE lil BNB għandha tiġi rremunerata mid-data tas-saldu. L-imgħax li jakkumula għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ referenza kif definita fl-Artikolu 1, il-punt (j), tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 (BĊE/2016/36), kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2024/2939 (BĊE/2024/33).

3.   L-imgħax akkumulat ikkalkulat skont il-paragrafu 2 għandu jitħallas lil BNB fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja. Kull trimestru, Il-BĊE għandu jinforma lil BNB bl-ammont kumulattiv.

4.   Il-pretensjoni ma għandhiex tkun tista’ tinfeda.

Artikolu 5

Kontribuzzjonijiet għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE

1.   B’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, il-BNB għandu jikkontribwixxi għar-riżervi tal-BĊE, għal dawk il-provvedimenti ekwivalenti għal riżervi, bit-tnaqqis tat-telf akkumulat pendenti tal-BĊE mis-snin ta’ qabel u l-ammont korrispondenti għall-bilanċ tal-kont tal-qligħ u t-telf li għadu jrid jiġi allokat lit-telf akkumulat tal-BĊE minn snin preċedenti, kif ikkalkulat mill-BĊE fil-31 ta’ Diċembru 2025.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu kkontribwiti mill-BNB għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ. Ir-referenzi fl-Artikolu 48.2 għan-“numru ta’ ishma sottoskritti mill-bank ċentrali kkonċernat” u “in-numru ta’ ishma li diġà tħallsu mill-banek ċentrali l-oħra” għandhom jirreferu għall-ippeżar rispettiv tal-BNB u l-BĊNi tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro fl-iskema kapitali tal-BĊE, skont id-Deċiżjoni (UE) 2023/2818 (BĊE/2023/34).

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “ir-riżervi tal-BĊE” u “provvisti ekwivalenti għal riżervi” għandhom jinkludu l-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE, bilanċi fuq kontijiet ta’ rivalutazzjoni u d-dispożizzjoni għar-riskji finanzjarji.

4.   Mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tar-rendikont annwali tal-BĊE għas-sena 2025, il-BĊE għandu jikkalkula u jikkonferma lil BNB l-ammont li għandu jiġi kkontribwit mill-BNB taħt il-paragrafu 1.

5.   Fit-tieni jum tax-xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Ġenerali tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2025, il-BNB għandu, permezz ta’ TARGET, iħallas lill-BĊE:

(a)

l-ammont dovut lill-BĊE ikkalkulat taħt il-paragrafu 4, bit-tnaqqis ta’ kull ammont ittrasferit li jaqbeż il-pretensjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) dwar id-dati għas-saldu stipulati fl-Artikoli 3(5) u (7) (“kontribuzzjoni bil-quddiem”), jekk hemm; u

(b)

l-imgħax akkumulat mill-1 ta’ Jannar 2026 sad-data tal-ħlas fuq l-ammont dovut lill-BĊE ikkalkulat taħt il-paragrafu 4, bit-tnaqqis ta’ kull kontribuzzjoni bil-quddiem.

6.   Kull imgħax li jakkumula taħt il-paragrafu 5, il-punt (b), għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, bil-metodu ta’ kalkolu attwali fuq għadd ta’ 360 jum, b’rata ugwali għar-rata ta’ referenza kif definita fl-Artikolu 1, il-punt (j), tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 (BĊE/2016/36), kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2024/2939 (BĊE/2024/33).

7.   Jekk l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 5, il-punt (a), huwa inqas minn żero, il-BĊE għandu, permezz tat-TARGET iħallas lill-BNB l-ammount li jirriżulta mill-paragrafu 5, il-punti (a) u (b), fit-tieni jum ta’ xogħol wara l-approvazzjoni mill-Kunsill Governattiv tal-kontijiet annwali tal-BĊE għas-sena 2025.

Artikolu 6

Kompetenzi

1.   Sa fejn ikun meħtieġ, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandu joħroġ struzzjonijiet lil BNB sabiex jispeċifika aktar u jdaħħal fis-seħħ kull dispożizzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jipprovdi għal rimedji xierqa sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe problema li tista’ tinqala’.

2.   Kull struzzjoni maħruġa mill-Bord Eżekuttiv skont il-paragrafu 1 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-Kunsill Governattiv, u l-Bord Eżekuttiv għandu jikkonforma ma’ kull deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv dwar dan.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarju.

2.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Artikolu 8

Destinatarju

Din id-Deċizjoni hija indirizzata lill-Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru).

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Diċembru 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1407 tat-8 ta’ Lulju 2025 dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026 (ĠU L, 2025/1407, 14.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1407/oj).

(2)  Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 157, 21.6.2005, p. 203).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2023/2819 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/138 (BĊE/2020/4) (BĊE/2023/32) (ĠU L, 2023/2819, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2819/oj).

(4)  Deċiżjoni (UE) 2023/2811 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/137 (BĊE/2020/3) (BĊE/2023/31) (ĠU L, 2023/2811, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2811/oj).

(5)  Deċiżjoni (UE) 2023/2816 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/136 (BĊE/2020/2) (BĊE/2023/36) (ĠU L 2023/2816, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2816/oj).

(6)  Deċiżjoni (UE) 2023/2818 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-Bank Ċentrali Ewropew u għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranija ittrasferiti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2020/140 (BĊE/2020/6) (BĊE/2023/34) (ĠU L 2023/2818, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2818/oj).

(7)  Skont il-Linja Gwida (UE) 2024/2942 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2024 dwar il-kompożizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta’ assi ta’ riżervi barranin, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ pretensjonijiet ekwivalenti mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri li adottaw il-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999 u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2000/15 (BĊE/2024/34) (ĠU L, 2024/2942, 11.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/2942/oj).

(8)  Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33, ELI:http://data.europa.eu/eli/dec/2004/257/oj).

(9)  Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2016/36) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2248/oj).

(10)  Deċiżjoni (UE) 2024/2939 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2016/36) (BĊE/2024/33) (ĠU L, 2024/2939, 11.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2939/oj).

(11)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/115/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top