Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R2186

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2186 tad-29 ta’ Ottubru 2025 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali terrestri u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1222/2013 u (UE) Nru 305/2014

C/2025/7211

ĠU L, 2025/2186, 30.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2186/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2186/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2186

30.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2186

tad-29 ta’ Ottubru 2025

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali terrestri u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1222/2013 u (UE) Nru 305/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali, kif ukoll ir-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

L-aċidu propjoniku, il-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju ġew awtorizzati għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittivi tal-għalf għar-ruminanti, il-ħnieżer u l-pollam bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2013 (2) u għall-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr ir-ruminanti, il-ħnieżer u l-pollam bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2014 (3).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqu applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u fil-grupp funzjonali “addittivi tas-silaġġ”. Ma’ dawk l-applikazzjonijiet ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Fl-opinjonijiet tagħha tat-3 ta’ Lulju 2024 (4) u tas-17 ta’ Settembru 2024 (5), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-aċidu propjoniku, il-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju għadhom sikuri għall-ispeċijiet kollha tal-annimali terrestri, għall-konsumaturi u għall-ambjent fil-kundizzjonijiet awtorizzati. Fir-rigward tas-sikurezza tal-utenti, ikkonkludiet li l-aċidu propjoniku huwa korrużiv għall-ġilda filwaqt li l-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju huma korrużivi wkoll għall-għajnejn u għas-sistema respiratorja. Il-propjonat tas-sodju mhuwiex sensitizzatur tal-ġilda. Kwalunkwe esponiment tal-utenti għal dawn l-addittivi jitqies bħala riskju. L-Awtorità qieset li ma kienx hemm bżonn li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni, peress li l-applikazzjonijiet għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ma jinkludux proposti biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet oriġinali li jkollhom impatt fuq l-effikaċja tal-addittivi.

(5)

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Settembru 2024, l-applikant irtira l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-użu tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju għall-annimali akkwatiċi.

(6)

Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 kien tal-fehma li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjonijiet preċedenti mwettqa fir-rigward tal-metodi tal-analiżi tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf huma validi u applikabbli għall-applikazzjonijiet attwali. Dawk il-valutazzjonijiet preċedenti saru fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġdida tal-metodi tal-analiżi kkonċernati mwettqa mil-Laboratorju ta’ Referenza, li tissemma fl-opinjonijiet tal-Awtorità tat-3 ta’ Lulju 2024 u tas-17 ta’ Settembru 2024, sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u biex tiġi żgurata adegwatezza aħjar tal-metodi tal-analiżi għall-kontrolli uffiċjali.

(7)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-aċidu propjoniku, il-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dawn l-addittivi tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati effetti avversi fuq saħħet l-utenti tal-addittivi.

(8)

B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-aċidu propjoniku, tal-propjonat tas-sodju u tal-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1222/2013 u (UE) Nru 305/2014 jitħassru kif xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tas-sustanzi speċifikati fl-Anness, li huma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi teknoloġiċi” u mill-grupp funzjonali “addittivi tas-silaġġ”, hija mġedda soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Tħassir tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1222/2013 u (UE) Nru 305/2014

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1222/2013 u (UE) Nru 305/2014 jitħassru.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

L-addittivi tal-għalf l-aċidu propjoniku, il-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju, kif awtorizzati bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1222/2013 u (UE) Nru 305/2014 u l-għalf li fih minnhom, u li huma maħsuba għall-ispeċijiet kollha tal-annimali terrestri, u li jiġu prodotti u ttikkettati qabel id-19 ta’ Novembru 2026 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel id-19 ta’ Novembru 2025 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2013 tad-29 ta’ Novembru 2013 dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu propjoniku, il-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf għar-ruminanti, il-majjali u t-tjur (ĠU L 320, 30.11.2013, p. 16 , ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1222/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2014 tal-25 ta’ Marzu 2014 dwar l-awtorizzazzjoni tal-aċidu propjoniku, il-propjonat tas-sodju u l-propjonat tal-ammonju bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet tal-annimali kollha ħlief ir-ruminanti, il-majjali u t-tjur (ĠU L 90, 26.3.2014, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/305/oj).

(4)   EFSA Journal, 22(8), e8938. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024,8938.

EFSA Journal, 22(10), e9068. https://doi. org/10.2903/j.efsa.2024,9068.

(5)   EFSA Journal, 22(10), e9020. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024,9020.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija ta’ annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: addittivi tas-silaġġ

1k280

Aċidu propjoniku

Kompożizzjoni tal-addittiv

Aċidu propjoniku ≥ 99,5 %

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Aċidu propjoniku ≥ 99,5 %

C3H6O2

Nru CAS: 79-09-4

Residwu mhux volatili ≤ 0,01 % meta mnixxef

f’temperatura ta’ 140 °C sakemm jilħaq piż kostanti

Aldeidi ≤ 0,1 % espressi bħala

Formaldeid

Prodott bis-sinteżi kimika

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni tal-aċidu propjoniku fl-addittiv tal-għalf:

Kromatografija jonika b’detezzjoni tal-konduttività (IC-CD) - EN 17294

Ħnieżer

-

-

30 000

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, il-kundizzjonijiet tal-ħżin għandhom jiġu indikati.

2.

L-użu simultanju ma’ sorsi oħra tal-aċidu propjoniku ma għandux jaqbeż il-livelli massimi permessi fl-għalf komplet għall-ispeċi jew il-kategorija rispettiva tal-annimali.

3.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv, tal-premixxeli u tal-għalf relatat għall-annimali li jipproduċu l-ikel, indika dan li ġej: “L-użu simultanju ta’ aċidi organiċi differenti jew tal-imlieħ tagħhom huwa kontraindikat meta jintuża wieħed jew aktar minnhom fil-kontenut massimu permess jew qrib tiegħu.”

4.

L-addittiv għandu jintuża biss f’materjal tal-pjanti frisk li l-ensilaġġ tiegħu huwa faċli (2).

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-ġilda, għall-għajnejn u għan-nifs.

Id-19 ta’ Novembru 2035

Pollam

-

-

10 000

L-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħnieżer, il-pollam u l-ispeċijiet tal-annimali akkwatiċi

-

-

-


Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija ta’ annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: addittivi tas-silaġġ

1k281

Propjonat tas-sodju

Kompożizzjoni tal-addittiv

Propjonat tas-sodju ≥ 98,5 %

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Propjonat tas-sodju ≥ 98,5 %

C3H5O2Na

Nru CAS: 137-40-6

Telf fit-tnixxif ≤ 4 % iddeterminat permezz ta’ tnixxif għal sagħtejn f’temperatura ta’ 105 °C

Insolubbli fl-ilma ≤ 0,1 %

Prodott bis-sinteżi kimika

Metodu analitiku  (3)

Għad-determinazzjoni tal-propjonat tas-sodju (bħala aċidu propjoniku totali) fl-addittiv tal-għalf:

Kromatografija jonika b’detezzjoni tal-konduttività (IC-CD) - EN 17294

Għad-determinazzjoni tas-sodju totali fl-addittiv tal-għalf:

Spettrometrija tal-assorbiment atomiku (AAS) — EN ISO 6869; jew

Spettrometrija tal-emissjoni atomika bi plażma akkoppjata induttivament (ICP-AES) — EN 15510

Ħnieżer

-

-

30 000  (4)

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, il-kundizzjonijiet tal-ħżin għandhom jiġu indikati.

2.

L-użu simultanju ma’ sorsi oħra tal-aċidu propjoniku ma għandux jaqbeż il-livelli massimi permessi fl-għalf komplet għall-ispeċi jew il-kategorija rispettiva tal-annimali.

3.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv, tal-premixxeli u tal-għalf relatat għall-annimali li jipproduċu l-ikel, indika dan li ġej: “L-użu simultanju ta’ aċidi organiċi differenti jew tal-imlieħ tagħhom huwa kontraindikat meta jintuża wieħed jew aktar minnhom fil-kontenut massimu permess jew qrib tiegħu.”

4.

L-addittiv għandu jintuża biss f’materjal tal-pjanti frisk li l-ensilaġġ tiegħu huwa faċli (5).

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-ġilda, għall-għajnejn u għan-nifs.

Id-19 ta’ Novembru 2035

Pollam

-

-

10 000  (4)

L-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħnieżer, il-pollam u l-ispeċijiet tal-annimali akkwatiċi

-

-

-


Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija ta’ annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi teknoloġiċi. Grupp funzjonali: addittivi tas-silaġġ

1k284

Propjonat tal-ammonju

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta’ propjonat tal-ammonju ≥ 19,0 %, aċidu propjoniku ≤ 80,0 % u ilma ≤ 30 %

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Propjonat tal-ammonju

C3H9O2N

Nru CAS: 17496-08-1

Prodott bis-sinteżi kimika

Metodu analitiku  (6)

Għad-determinazzjoni tal-aċidu propjoniku u tal-propjonat tal-ammonju (bħala aċidu propjoniku totali) fl-addittiv tal-għalf:

Kromatografija jonika b’detezzjoni tal-konduttività (IC-CD) - EN 17294

Għad-determinazzjoni tal-ammonju totali fl-addittiv tal-għalf:

Distillazzjoni u titrazzjoni - ISO 5664

Ħnieżer

-

-

30 000  (7)

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, il-kundizzjonijiet tal-ħżin għandhom jiġu indikati.

2.

L-użu simultanju ma’ sorsi oħra tal-aċidu propjoniku ma għandux jaqbeż il-livelli massimi permessi fl-għalf komplet għall-ispeċi jew il-kategorija rispettiva tal-annimali.

3.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv, tal-premixxeli u tal-għalf relatat għall-annimali li jipproduċu l-ikel, indika dan li ġej: “L-użu simultanju ta’ aċidi organiċi differenti jew tal-imlieħ tagħhom huwa kontraindikat meta jintuża wieħed jew aktar minnhom fil-kontenut massimu permess jew qrib tiegħu.”

4.

L-addittiv għandu jintuża biss f’materjal tal-pjanti frisk li l-ensilaġġ tiegħu huwa faċli (8).

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’tali proċeduri u miżuri, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għall-ġilda, għall-għajnejn u għan-nifs.

Id-19 ta’ Novembru 2035

Pollam

-

-

10 000  (7)

L-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħnieżer, il-pollam u l-ispeċijiet tal-annimali akkwatiċi

-

-

-


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en

(2)  Foraġġ li l-ensilaġġ tiegħu huwa faċli: > 3 % ta’ karboidrati solubbli fil-materjal frisk (eż. pjanta sħiħa tal-qamħirrun, sikrana, bromu jew polpa tal-pitrava zokkrija). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/429/2021-03-27).

(3)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en.

(4)  Bħala aċidu propjoniku.

(5)  Foraġġ li l-ensilaġġ tiegħu huwa faċli: > 3 % ta’ karboidrati solubbli fil-materjal frisk; foraġġ li l-ensilaġġ tiegħu huwa moderatament diffiċli: 1,5-3,0 % ta’ karboidrati solubbli fil-materjal frisk f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 tal-25 ta’ April 2008 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet u l-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi fl-għalf (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/429/2021-03-27).

(6)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en.

(7)  Bħala aċidu propjoniku.

(8)  Foraġġ li l-ensilaġġ tiegħu huwa faċli: > 3 % ta’ karboidrati solubbli fil-materjal frisk (eż. pjanta sħiħa tal-qamħirrun, sikrana, bromu jew polpa tal-pitrava zokkrija). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 429/2008 (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/429/2021-03-27).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2186/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top