Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R2013

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2013 tat-8 ta’ Ottubru 2025 li jagħmel l-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Messiku soġġetti għar-reġistrazzjoni

C/2025/6737

ĠU L, 2025/2013, 9.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2013/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2013/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2013

9.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2013

tat-8 ta’ Ottubru 2025

li jagħmel l-importazzjonijiet tal-aċidu tereftaliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Messiku soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċidu tereftaliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mill-Messiku.

(2)

Dan il-bidu segwa lment imressaq fit-30 ta’ Ġunju 2025 minn INEOS Aromatics f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-aċidu tereftaliku.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa l-aċidu tereftaliku ta’ purità skont il-piż ta’ 99,5 % jew aktar, li normalment jaqa’ taħt in-numru 100-21-0 tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi (“CAS”, Chemical Abstracts Service) u normalment jikkorrispondi għan-numru tad-Dwana u l-Istatistika (“CUS”) 0023865-3. Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (il-kodiċi TARIC 2917 36 00 11).

2.   REĠISTRAZZJONI

(4)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(5)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(6)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni.

(7)

Il-kalkoli pprovduti fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ 49 % għall-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea, u ta’ 54 % għall-importazzjonijiet mill-Messiku. Il-kalkoli mill-ilment jistmaw ukoll livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 8 % u 18 % għall-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Korea, u bejn 5 % u 15 % għall-importazzjonijiet mill-Messiku tal-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

(8)

Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(9)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tereftaliku ta’ purità skont il-piż ta’ 99,5 % jew aktar, li normalment jaqa’ taħt in-numru tal-Chemical Abstracts Service (“CAS”) 100–21–0 u li normalment jikkorrispondi għan-numru tad-Dwana u l-Istatistika (“CUS”) 0023865–3, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2917 36 00 (il-kodiċi TARIC 2917 36 00 11) u li joriġina mir-Repubblika tal-Korea u mill-Messiku.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/4539, 13.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4539/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2013/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top