Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R1215

Regolament (UE) 2025/1215 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/14/2025/REV/1

ĠU L, 2025/1215, 25.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1215/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1215/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1215

25.6.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/1215 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta’ Ġunju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) introduċa fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) ir-rekwiżit tal-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (NSFR) għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dak ir-rekwiżit irrifletta parti mill-istandards ta’ Basel III miftiehma mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS), li ġew żviluppati biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom finanzjament stabbli suffiċjenti fuq perjodu ta’ sena, u b’hekk tiġi evitata diskrepanza eċċessiva fil-maturità bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet u dipendenza żejda fuq finanzjament bl-ingrossa fuq terminu qasir. Ir-rekwiżit tal-NSFR ilu applikabbli mit-28 ta’ Ġunju 2021.

(2)

L-Artikolu 428r(1), il-punt (g), l-Artikolu 428s(1), il-punt (b), u l-Artikolu 428v, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bħalissa jipprevedu l-fatturi ta’ finanzjament stabbli għall-flejjes dovuti minn tranżazzjonijiet ta’ finanzjament ma’ klijenti finanzjarji, meta dawk it-tranżazzjonijiet ikollhom maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur. Dawk il-fatturi ta’ finanzjament huma, skont it-tranżazzjoni ta’ finanzjament ikkonċernata, 0 %, 5 % jew 10 %. Madankollu, l-Artikolu 510(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprevedi li, sat-28 ta’ Ġunju 2025, dawk il-fatturi ta’ finanzjament għandhom jiżdiedu għal 10 %, 15 % u 15 %, rispettivament. Dik iż-żieda differita kellhal-għan li tagħti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biżżejjed żmien biex jadattaw gradwalment għal kalibrazzjoni aktar konservattiva u biex jivvalutaw jekk dik il-kalibrazzjoni kinitx xierqa. Minbarra dik iż-żieda differita, ġew adottati aġġustamenti oħra biex jiġi żgurat li l-introduzzjoni tar-rekwiżit tal-NSFR ma tfixkilx il-likwidità tas-swieq kollaterali relatati, inklużi s-swieq tal-bonds sovrani.

(3)

Skont l-Artikolu 510(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ingħatat il-mandat li tivvaluta l-adegwatezza tat-trattament tal-finanzjament stabbli meħtieġ biex ikopri r-riskju ta’ finanzjament marbut ma’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (SFTs) u ma’ tranżazzjonijiet mhux garantiti ma’ klijenti finanzjarji fejn dawk l-SFTs jew it-tranżazzjonijiet mhux garantiti jkollhom maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur. F’konformità ma’ dak il-mandat, l-EBA ppreżentat rapport dwar aspetti speċifiċi tal-qafas tal-NSFR fis-16 ta’ Jannar 2024. Dak ir-rapport ikkonkluda li ż-żieda fil-fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ li japplikaw għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 428r(1), il-punt (g), l-Artikolu 428(s), il-punt (b) u l-Artikolu 428v, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikollha impatt negliġibbli fuq il-livelli tal-NSFRs tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Madankollu, dak ir-rapport ma vvalutax id-dimensjoni usa’ jew l-effetti konsegwenzjali rigward il-likwidità tas-swieq tad-dejn sovran u l-effetti fuq is-swieq tal-bonds sovrani. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw id-differiment taż-żieda fil-fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ, kif previst fl-Artikolu 510(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikomplu jipprevalu. B’mod partikolari, peress li l-biċċa l-kbira tal-SFTs huma kollateralizzati minn strumenti ta’ dejn sovran, żieda fil-finanzjament stabbli meħtieġ relatat tista’ tnaqqas il-likwidità fis-swieq ikkonċernati. Dan jista’, min-naħa tiegħu, jirriskja li joħloq kostijiet ta’ finanzjament addizzjonali għall-Istati Membri u jbiddel il-mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja.

(4)

Barra minn hekk, ġuriżdizzjonijiet oħra membri tal-BCBS stabbilew livelli ta’ fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ għal SFTs li huma identiċi għal dawk li huma applikabbli bħalissa skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’dak il-kuntest, minħabba l-kompetizzjoni internazzjonali intensa fis-suq tal-SFT, iż-żieda fil-fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ sat-28 ta’ Ġunju 2025 toħloq kundizzjonijiet internazzjonali mhux ekwi li jkunu ta’ detriment għas-swieq finanzjarji tal-Unjoni.

(5)

Sabiex jiġu evitati dawk il-konsegwenzi mhux intenzjonati, il-fatturi ta’ finanzjament stabbli attwali għal SFTs u għal tranżazzjonijiet mhux garantiti ma’ klijenti finanzjarji, fejn tali tranżazzjonijiet ikollhom maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur, jenħtieġ li jsiru permanenti.

(6)

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ suffiċjenti tal-interazzjonijiet bejn ir-rekwiżiti ta’ finanzjament stabbli u l-likwidità tas-suq tal-assi riċevuti bħala kollateral f’SFTs u ta’ tranżazzjonijiet mhux garantiti ma’ klijenti finanzjarji, fejn tali tranżazzjonijiet ikollhom maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur, inkluż meta jkunu kollateralizzati minn dejn sovran, ir-riskju ta’ finanzjament għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u żviluppi internazzjonali possibbli f’dak il-qasam, jenħtieġ li l-EBA tibgħat rapport lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-adegwatezza ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ finanzjament stabbli.

(7)

It-twaqqif temporanju tat-trattament prudenzjali għall-flejjes dovuti minn SFTs u għal tranżazzjonijiet mhux garantiti ma’ klijenti finanzjarji, b’maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur, joħloq inċertezza legali għall-parteċipanti fis-suq u piż amministrattiv u finanzjarju żejjed għas-settur bankarju tal-Unjoni b’mod ġenerali li jista’ jittaffa billi tiġi stabbilita b’mod ċar id-data mistennija tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Għalhekk, biex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ dak it-trattament prudenzjali, jenħtieġ li dan ir-Regolament emendatorju jibda japplika mid-29 ta’ Ġunju 2025.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

L-Artikolu 510 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA għandha timmonitorja l-ammont ta’ finanzjament stabbli meħtieġ biex ikopri r-riskju ta’ finanzjament marbut ma’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli, inklużi lill-assi riċevuti jew mogħtija f’dawk it-tranżazzjonijiet, u ma’ tranżazzjonijiet mhux garantiti ma’ klijenti finanzjarji, fejn tali tranżazzjonijiet ikollhom maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur. L-EBA għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2029, u kull ħames snin wara dan, dwar l-adegwatezza ta’ dak ir-rekwiżit ta’ finanzjament stabbli. Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi internazzjonali u t-trattament regolatorju ta’ tranżazzjonijiet simili f’ġuriżdizzjonijiet oħra, dawk ir-rapporti għandhom jivvalutaw bħala minimu:”

;

(b)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d)

l-adegwatezza tat-trattament asimetriku bejn obbligazzjonijiet b’maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur ipprovduti minn klijenti finanzjarji li jkunu soġġetti għal fattur ta’ finanzjament stabbli disponibbli ta’ 0 % f’konformità mal-Artikolu 428k(3), il-punt (c), u l-assi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet b’maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur ma’ klijenti finanzjarji li jkunu soġġetti għal fattur ta’ finanzjament stabbli meħtieġ ta’ 0 %, 5 % jew 10 % f’konformità mal-Artikolu 428r(1), il-punt (g), mal-Artikolu 428s(1), il-punt (b), u mal-Artikolu 428v, il-punt (a);

(e)

l-impatt tal-introduzzjoni ta’ fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ ogħla jew aktar baxxi għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli, b’mod partikolari b’maturità residwa ta’ inqas minn sitt xhur, ma’ klijenti finanzjarji, fuq:

(i)

l-istruttura tal-prezzijiet ta’ dawk it-tranżazzjonijiet; u

(ii)

il-likwidità tas-suq ta’ assi riċevuti bħala kollateral f’dawk it-tranżazzjonijiet, b’mod partikolari ta’ bonds sovrani u korporattivi;”

;

(2)

il-paragrafi 7 u 8 jitħassru.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-29 ta’ Ġunju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  Opinjoni tat-2 ta’ Mejju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tad-29 ta’ April 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2025.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/876/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1215/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top