Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R0959

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/959 tal-20 ta’ Mejju 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/1542 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi

ST/8218/2025/INIT

ĠU L, 2025/959, 20.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/959/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/959/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/959

20.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/959

tal-20 ta’ Mejju 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2018/1542 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1542 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li jikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2018/1542.

(2)

Fit-18 ta’ Novembru 2024 u fl-14 ta’ Frar 2025, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) ħarġet rapporti minn żewġ Żjarat ta’ Assistenza Teknika li jikkonfermaw il-preżenza tal-aġent għall-kontroll tal-irvellijiet CS u komposti relatati fil-kampjuni miġbura, li tindika tendenza ta’ użu għall-kontroll tal-irvellijiet bħala metodu ta’ gwerra fl-ewwel linji tal-ġlied fl-Ukrajna, li hija pprojbita skont l-Artikolu I, il-paragrafu 5, tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

(3)

F’dak il-kuntest u fid-dawl tat-theddida kontinwa kkawżata mill-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi, jenħtieġ li tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1542.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1542 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1542 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 259 16.10.2018, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1542/oj.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1542, taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

Data tal-elenkar

“4.

Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

(Войска радиационной, химической и биологической защиты Министерства обороны Российской Федерации)

Indirizz: Corpus 2, Building 22, Frunze Embankment, 119160 Moscow, Russian Federation

Sit Web: https://eng.mil.ru/en/structure/forces/ground/structure/rhbz.htm

Numru ta’ reġistrazzjoni: 1037739635890

Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (INN): 7704195013

It-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika huma l-entità kompetenti fil-Forzi Armati Russi responsabbli għall-gwerra kimika u bijoloġika. F’din il-kapaċità, it-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika huma involuti fl-użu ta’ armi kimiċi mill-Federazzjoni Russa. Dawn jinkludu aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet, bħall-gass CS, li ntuża bħala metodu ta’ gwerra mill-forzi Russi fl-Ukrajna, bi ksur tal-Artikolu I, il-paragrafu 5, tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, li r-Russja hija Stat Parti għaliha. L-użu tal-gass CS ġie kkonfermat minn rapporti ppubblikati f’Novembru 2024 u Frar 2025 mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW), wara Żjarat ta’ Assistenza Teknika li saru fl-Ukrajna.

Għaldaqstant, it-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika huma involuti fl-użu ta’ armi kimiċi.

20.5.2025

5.

Is-27 Ċentru Xjentifiku tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

(27-й Центральный научно-исследовательский институт Министерства обороны Российской Федерации)

Indirizz: 51 st Khoroshevsky Passage, 123007 Moscow, Russian Federation

Telefown: + 7 (495) 945 76 96

Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (INN): 7714676767

Sit Web:

http://eng.mil.ru/en/science/sro/information.htm?id=10992@morfOrgScience

Email: fin27cnii@mail.ru

Entità assoċjata: Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

Is-27 Ċentru Xjentifiku tal-Ministeru għad-Difiża Russu huwa unità subordinata tat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika. Bħala entità ewlenija tar-riċerka fil-militar Russu, huwa jappartjeni għall-militar Russu u huwa assoċjat mal-iżvilupp u l-użu ta’ aġenti kimiċi.

Għalhekk, is-27 Ċentru Xjentifiku tal-Ministeru għad-Difiża Russu huwa assoċjat mat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika.

20.5.2025

6.

It-33 Istitut Ċentrali tar-Riċerka u l-Ittestjar Xjentifiċi tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

(33 Центральный научно-исследовательский испытательный институт Министерства обороны Российской Федерации)

Indirizz: 1 Ulitsa Krasnoznamennaya, Volsk-18/Shikhany, Saratov Oblast, Russia; Krasnoznamennaya Street 1, Volsk-18, Saratov, 412918 Russian Federation

Telefown: + 7 (343) 255 99 88

Numru Personali tal-Identifikazzjoni tal-Kontribwent (INN): 6441013942 / 644101001

Website: https://ens.mil.ru/science/SRI/information.htm?id=12027@morfOrgScience

Email: 33cnii-fes@mil.ru

Entità assoċjata: Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa

It-33 Istitut Ċentrali tar-Riċerka u l-Ittestjar Xjentifiċi tal-Ministeru għad-Difiża huwa unità subordinata tat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Bijoloġika u Kimika. Bħala entità ewlenija tar-riċerka u l-ittestjar fil-qasam tal-kimika fil-militar Russu, huwa jappartjeni għall-militar Russu u huwa assoċjat mal-iżvilupp u l-użu ta’ aġenti kimiċi.

Għalhekk, it-33 Istitut Ċentrali tar-Riċerka u l-Ittestjar Xjentifiċi tal-Ministeru għad-Difiża huwa assoċjat mat-Truppi tad-Difiża Radjoloġika, Kimika u Bijoloġika.

20.5.2025”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/959/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top