Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R0517

Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/517 tal-11 ta’ Marzu 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali

ST/15343/2024/INIT

ĠU L, 2025/517, 25.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/517/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/517/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/517

25.3.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/517

tal-11 ta’ Marzu 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT meħtieġa għall-era diġitali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont liema l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni biex jiżguraw il-konformità ma’ dawk il-liġijiet. Dawk il-kundizzjonijiet jinvolvu, fost l-oħrajn, regoli dwar il-ħżin u l-iskambju, permezz ta’ mezzi elettroniċi, ta’ informazzjoni li tista’ tgħin sabiex titwettaq valutazzjoni korretta tal-VAT, tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tal-VAT, b’mod partikolari fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/516 (4) introduċiet fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (5) rekwiżiti ta’ rapportar diġitali. Dawk ir-rekwiżiti jobbligaw lill-persuni taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT jissottomettu lill-Istati Membri informazzjoni dwar kull provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija, dwar kull provvista ta’ servizz li hija taxxabbli fi Stat Membru differenti minn dak li fih huwa stabbilit il-fornitur u, sakemm l-Istat Membru ma jkunx għamel użu mill-opzjoni li jeskludi persuni taxxabbli mill-obbligu, dwar kull akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija u fuq kull akkwist ta’ servizzi li huwa taxxabbli u li għalih ir-riċevitur huwa responsabbli li jħallas il-VAT. L-iskambju u l-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji tassisti lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT u biex jidentifikaw il-frodi.

(3)

Il-kooperazzjoni eżistenti bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri hija bbażata fuq l-iskambju ta’ informazzjoni aggregata bejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali. L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għandha l-għan li żżid il-ġbir tat-taxxa billi lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tipprovdilhom fil-ħin data dwar kull tranżazzjoni. Sabiex tali data tkun disponibbli għal amministrazzjonijiet tat-taxxa oħra b’mod effiċjenti, u biex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni komuni, kif ukoll interpretazzjoni komuni tal-analiżi u l-kontroverifiki, hija meħtieġa sistema ċentrali fejn tiġi kondiviża informazzjoni dwar il-VAT.

(4)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġġieldu l-frodi tal-VAT b’mod aktar effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ċentrali elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT (“VIES ċentrali”) għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-VAT. Kull Stat Membru jenħtieġ li jistabbilixxi sistema elettronika nazzjonali biex jittrażmetti awtomatikament lill-VIES ċentrali informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji kif irrapportati mill-fornituri u l-akkwirenti rispettivi fi Stati Membri differenti. Jenħtieġ lil-Istati Membri jittrażmettu awtomatikament ukoll lill-VIES ċentrali l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuni taxxabbli li jagħmlu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, inkluż numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT oħra maħruġa lil persuna. Barra minn hekk, kull meta tinbidel id-data, l-Istati Membri jenħtieġ li jtellgħu l-metadata għat-traċċar tal-ħin tal-modifika fil-VIES ċentrali wkoll.

(5)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw awtomatikament l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuni taxxabbli li jagħmlu tranżazzjonijiet intra-Komunitarji fil-VIES ċentrali mingħajr dewmien kull meta l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tinbidel, ħlief meta l-Istati Membri jaqblu li tali aġġornament m’huwiex pertinenti, essenzjali jew utli. Tali aġġornamenti huma neċessarji minħabba li l-validità tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ persuni taxxabbli hija soġġetta għal verifika fir-rigward tal-kundizzjoni għall-eżenzjoni ta’ provvisti intra-Komunitarji prevista fl-Artikolu 138 tad-Direttiva 2006/112/KE. Sabiex jiġi pprovdut livell raġonevoli ta’ assigurazzjoni lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa fir-rigward tal-kwalità u l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw awtomatikament l-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji fil-VIES ċentrali mhux aktar tard minn jum wara li l-Istat Membru jkun irċieva l-informazzjoni mill-persuna taxxabbli.

(6)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT fil-VIES ċentrali, l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-Istat Membru rispettiv jivvaluta jekk id-data pprovduta minn persuni taxxabbli għall-identifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE, hijiex kompluta u preċiża. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jintwera bħala invalidu fil-VIES ċentrali meta persuna taxxabbli tonqos milli tirrispetta l-obbligi li tikkomunika d-data, meta titwaqqaf l-attività ekonomika jew meta l-awtorità kompetenti tqis li l-persuna taxxabbli tkun waqqfet dik l-attività.

(7)

L-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji rrapportati mill-fornituri u mill-akkwirenti fi Stati Membri differenti jenħtieġ li tiddaħħal minn kull Stat Membru fil-VIES ċentrali minnufih wara li jirċeviha l-Istat Membru. Minħabba raġunijiet tekniċi relatati mal-volum tad-data u biex tranżazzjonijiet suspettużi u każijiet possibbli ta’ frodi tal-VAT jiġu identifikati fi stadju bikri, jeħtieġ li l-informazzjoni riċevuta tiġi pproċessata malajr.

(8)

Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tal-VAT u biex jiġu identifikati l-frodaturi, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT u l-informazzjoni dwar il-VAT fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jkunu disponibbli fil-VIES ċentrali għal 10 snin. Dak il-perjodu jikkostitwixxi l-perjodu minimu neċessarju biex l-Istati Membri jwettqu kontrolli b’mod effettiv u jinvestigaw suspett ta’ frodi tal-VAT jew biex jidentifikaw tali frodi. Huwa proporzjonat ukoll meta jitqies il-volum enormi tal-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji u s-sensittività tal-informazzjoni bħal data kummerċjali u dik personali.

(9)

Sabiex jiġu identifikati fil-ħin id-diskrepanzi u b’hekk tittejjeb il-kapaċità li tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, il-VIES ċentrali jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel kontroverifika b’mod awtomatiku tal-informazzjoni miġbura kemm mill-fornitur kif ukoll mill-akkwirent permezz tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali introdotti mid-Direttiva (UE) 2025/516 fid-Direttiva 2006/112/KE. Il-VIES ċentrali jenħtieġ li tkun tista’ wkoll tagħmel disponibbli r-riżultati ta’ tali kontroverifika għall-Istati Membri għal segwitu adatt.

(10)

Barra minn hekk, biex il-VIES ċentrali tkun tista’ żżomm il-kapaċitajiet tas-sistema eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT prevista fl-Artikolu 17(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jenħtieġ li l-VIES ċentrali tkun tista’ taggrega wkoll l-informazzjoni biex tingħata ħarsa ġenerali lejn il-provvisti u l-akkwiżizzjonijiet irrapportati minn persuni taxxabbli li jkunu jinsabu fl-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li l-VIES ċentrali tippermetti lill-Istati Membri jkomplu jaċċessaw l-informazzjoni ta’ xulxin kif attwalment strutturat fis-sistema eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT, il-VIES ċentrali jenħtieġ li tappoġġa l-aggregazzjoni tad-data.

(11)

Sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jagħmlu valutazzjoni korretta tal-VAT, jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT, jiġġieldu l-frodi tal-VAT u jisfruttaw is-sinerġiji bejn sistemi ta’ informazzjoni differenti li fihom informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-VAT, il-VIES ċentrali jenħtieġ li tipproċessa l-informazzjoni li tasal mingħand l-Istati Membri flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(12)

L-aċċess għall-informazzjoni fil-VIES ċentrali jenħtieġ li jingħata fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. L-għoti ta’ aċċess għal data sensittiva lil dawk l-utenti li għalihom huwa prevedibbilment rilevanti jenħtieġ jiġi infurzat b’permessi ta’ aċċess u logs għall-aċċess li jissalvagwardjaw l-informazzjoni fil-VIES ċentrali. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li ma tintużax għal skopijiet oħra għajr biex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tal-VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. L-utenti kollha għandom ikunu marbuta bir-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(13)

Sabiex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw u janalizzaw l-informazzjoni dwar il-VAT fuq tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. Sabiex jimmonitorjaw l-applikazzjoni korretta tal-liġijiet tal-VAT, jenħtieġ li l-uffiċjali tal-Istati Membri li jivverifikaw jekk tapplikax l-eżenzjoni tal-VAT għal ċerta merkanzija importata, stabbilita fl-Artikolu 143(1), il-punt (d), tad-Direttiva 2006/112/KE, ikunu jistgħu jaċċessaw ukoll informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-VAT maħżun fil-VIES ċentrali. Barra minn hekk, minħabba l-istess raġunijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jagħżlu uffiċjali oħra li jeħtieġ li jkollhom aċċess dirett għall-VIES ċentrali u jagħtuhom tali aċċess meta meħtieġ. Fl-aħħar nett, il-persuni debitament akkreditati tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni li tinsab fil-VIES ċentrali, iżda biss sal-punt li tali aċċess ikun meħtieġ għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ dik is-sistema.

(14)

Sabiex jiġi investigat suspett ta’ frodi tal-VAT u biex tiġi identifikata tali frodi, is-sistemi ta’ informazzjoni li jappoġġaw in-network tal-Eurofisc fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, inklużi s-sistema ta’ Analiżi tan-Network tat-Tranżazzjonijiet u s-sistema elettronika ċentrali ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti (“CESOP”), jenħtieġ li jkollhom aċċess dirett għall-VIES ċentrali.

(15)

Il-volum tad-data u l-frekwenza tat-trażmissjonijiet tad-data lill-VIES ċentrali jagħmlu l-awtomatizzazzjoni tal-flussi tal-informazzjoni mill-VIES ċentrali lejn is-sistemi elettroniċi nazzjonali meħtieġa. Tali awtomatizzazzjoni jenħtieġ li tipprevedi wkoll mezz ta’ komunikazzjoni effiċjenti u sigur bejn magna u oħra, u jenħtieġ li tiżgura li ma jkunx hemm aktar ħtieġa ta’ intervent mill-bniedem meta tiġi aċċessata data kondiviża. Għalhekk, is-sistemi elettroniċi nazzjonali li jittrażmettu l-informazzjoni lill-VIES ċentrali jenħtieġ li jkollhom ukoll aċċess għall-informazzjoni maħżuna fil-VIES ċentrali, inkluża l-informazzjoni pproċessata u aggregata għall-finijiet ta’ kontroll tal-VAT u għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

(16)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni għall-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-ospitar u l-ġestjoni teknika tal-VIES ċentrali, l-arranġamenti prattiċi dwar l-identifikazzjoni ta’ uffiċjali u sistemi elettroniċi u d-dettalji tekniċi li jikkonċernaw l-aċċess ta’ uffiċjali u ta’ sistemi elettroniċi għall-VIES ċentrali, il-permessi ta’ aċċess dettaljati ta’ uffiċjali u ta’ sistemi elettroniċi għad-data dettaljata fil-VIES ċentrali, id-dettalji tekniċi u l-format tal-informazzjoni mibgħuta lill-VIES ċentrali li għaliha għandu jingħata l-aċċess u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri meta jaġixxu bħala kontrollur u tal-Kummissjoni meta jaġixxu bħala proċessur skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (6) u (UE) 2018/1725 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(17)

Il-frodi tal-VAT hija problema komuni għall-Istati Membri kollha. L-Istati Membri waħedhom ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li r-regoli tal-VAT ikunu applikati sew u biex jindirizzaw il-frodi tal-VAT. Ladarba l-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transfruntiera tas-suq intern, iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(18)

Il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika jistgħu jkunu soġġetti għal talbiet għal rekords mill-Istat Membru fejn dawk il-provvisti jkunu taxxabbli kif imsemmi fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet ta’ konformità għal dawk il-persuni taxxabbli u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li kemm jista’ jkun jikkoordina dawn it-talbiet. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita formola standard għat-trażmissjoni elettronika ta’ dik l-informazzjoni lill-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-Artikolu 242a(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, ikomplu jitolbu r-rekords direttament mill-persuna taxxabbli fuq bażi regolari u sistematika sakemm ikun disponibbli aċċess awtomatizzat għal dawk ir-rekords.

(19)

Sabiex jiġu aċċertati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta d-dettalji tekniċi għall-formola standard, u d-dettalji tekniċi, inkluż il-messaġġi elettroniċi komuni, għas-sottomissjoni ta’ rekords mill-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika kif imsemmi fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu adottati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(20)

Id-Direttiva (UE) 2025/516 tintroduċi fid-Direttiva 2006/112/KE skema ta’ simplifikazzjoni għal Punt Uniku ta’ Servizz (“OSS”) għal persuni taxxabbli li jkunu qed jagħmlu trasferiment ta’ ċerta merkanzija proprja b’mod transfruntier. Għalhekk huwa meħtieġ li dik l-iskema tiġi integrata fil-qafas kumplessiv tal-iskemi speċjali tal-OSS tal-VAT stabbiliti fil-Kapitolu XI, it-Taqsima 3, tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. B’mod partikolari jenħtieġ li dak il-qafas kumplessiv jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri li minnhom u li lilhom tiġi ttrasferita l-merkanzija.

(21)

Peress li l-iskema ta’ simplifikazzjoni tal-OSS hija komprensiva u tinkludi l-movimenti transfruntieri ta’ merkanzija koperti minn arranġamenti ta’ stokks b’kuntratt ta’ ħżin f’konformità mal-Artikolu 17a tad-Direttiva 2006/112/KE, dawk l-arranġamenti jitneħħu mid-Direttiva 2006/112/KE. Huwa meħtieġ għal dik l-emenda tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi riflessa fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(22)

L-abbuż min-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-OSS għall-importazzjoni (“IOSS”) ġie identifikat mill-partijiet ikkonċernati bħala riskju potenzjali. Sabiex jiġi aċċertat l-użu korrett tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT u biex jagħmlu l-proċess ta’ verifika għal dawn in-numri aktar robusti, jeħtieġ li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47h tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 billi jagħti lill-awtoritajiet doganali aċċess għal informazzjoni dwar in-negozjant irreġistrat tal-IOSS, li b’hekk jittejjbu l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskju ta’ dawk l-awtoritajiet doganali.

(23)

Sabiex jissaħħu l-kontrolli fir-rigward tal-iskema tal-IOSS, jeħtieġ li l-valur totali tal-merkanzija importata skont l-iskema tal-IOSS għal kull numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-IOSS għal kull Stat Membru ta’ konsum jiżdied mal-Artikolu 17(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(24)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B’mod partikolari, dan ir-Regolament jiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta. F’dak ir-rigward, dan ir-Regolament jillimita b’mod strett l-ammont ta’ data personali li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa. L-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jseħħ biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-3 ta’ Marzu 2023 (9).

(26)

Billi l-implimentazzjoni tas-sistema VIES ċentrali ser tirrikjedi żviluppi teknoloġiċi ġodda, jeħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-VIES ċentrali tkun differita sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jiżviluppaw dawk it-teknoloġiji.

(27)

L-aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji li ġew irrapportati permezz ta’ dikjarazzjonijiet rikapitulattivi jaffettwaw direttament l-effiċjenza tal-kontrolli tal-VAT. Għalhekk, is-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT prevista fl-Artikolu 17(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li tinżamm għal perjodu ta’ żmien wara l-abolizzjoni ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi. Lil hinn minn dak il-perjodu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-sistema attwali ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT jenħtieġ li jitħassru u l-informazzjoni rrapportata permezz ta’ dikjarazzjonijiet rikapitulattivi jenħtieġ li tibqa’ aċċessibbli fuq talba.

(28)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament

Fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

data dwar in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmija fl-Artikolu 369q tad-Direttiva 2006/112/KE li tkun ħarġet u għal kull numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn kwalunkwe Stat Membru, il-valur totali tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija eżentata skont l-Artikolu 143(1), il-punt (ca), ta’ dik id-Direttiva matul kull xahar, għal kull Stat Membru ta’ konsum kif definit fl-Artikolu 369 l, it-tieni paragrafu, il-punt (4), ta’ dik id-Direttiva;”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2028

Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għall-iskambju b’mezzi elettroniċi ta’ informazzjoni dwar il-VAT fuq merkanzija u servizzi pprovduti jew merkanzija trasferita f’konformità mal-iskemi speċjali previsti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, tad-Direttiva 2006/112/KE u anke għal kwalunkwe skambju sussegwenti ta’ informazzjoni u, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ merkanzija u servizzi koperti mill-iskemi speċjali, għat-trasferiment ta’ flus bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.”

;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 358, 358a, 369a, 369 l u 369xa tad-Direttiva 2006/112/KE għall-finijiet ta’ kull skema speċjali għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.”

;

(3)

fl-Artikolu 17(1), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

l-informazzjoni li jiġbor skont l-Artikoli 360, 361, 364, 365, 369c, 369f, 369 g, 369o, 369p, 369s, 369t, 369xc, 369xf u 369xg tad-Direttiva 2006/112/KE;”

;

(4)

l-Artikolu 47b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47b

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 2 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jipprovdu lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, b’mezzi elettroniċi, l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 361 ta’ dik id-Direttiva.

Il-persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskemi speċjali stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 3 u 5, tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jipprovdu, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, b’mezzi elettroniċi, dettalji għall-identifikazzjoni tagħhom meta l-attivitajiet tagħhom jibdew skont l-Artikoli 369c u 369xc ta’ dik id-Direttiva.

Il-persuni taxxabbli għandhom jippreżentaw ukoll kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 361(2), l-Artikolu 369c u l-Artikolu 369xc tad-Direttiva 2006/112/KE b’mezzi elettroniċi.

2.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’mezzi elettroniċi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra fi żmien 10 ijiem mill-aħħar tax-xahar li fih tkun waslet l-informazzjoni mingħand il-persuna taxxabbli li qiegħda tuża waħda mill-iskemi speċjali stipulati fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 2, 3 u 5, tad-Direttiva 2006/112/KE. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu, bl-istess mod, jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bin-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmija f’dawk it-Taqsimiet.

3.   Meta persuna taxxabbli li tagħmel użu minn waħda mill-iskemi speċjali stabbiliti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 2, 3 u 5, tad-Direttiva 2006/112/KE tiġi eskluża minn dik l-iskema speċjali, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien.”

;

(5)

l-Artikolu 47d huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 47d

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-dikjarazzjoni tal-VAT bid-dettalji stipulati fl-Artikoli 365, 369g, 369t u 369xg tad-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi ppreżentata b’mezzi elettroniċi.

2.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ konsum, jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li minnhom u li lilhom tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija, wara d-data li fiha d-dikjarazzjoni tal-VAT kellha tiġi ppreżentata f’konformità mad-Direttiva 2006/112/KE iżda mhux aktar tard minn 20 jum wara l-aħħar tax-xahar li matulu kellha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-VAT.

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat ukoll l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 369g(2) tad-Direttiva 2006/112/KE lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru ieħor li minnu ntbagħtet jew kienet ittrasportata l-merkanzija u l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 369g(3) tad-Direttiva 2006/112/KE lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru tal-istabbiliment ikkonċernat.

L-Istati Membri li jkunu talbu li d-dikjarazzjoni tal-VAT issir f’munita nazzjonali għajr il-euro għandhom jikkonvertu l-ammonti f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju valida għall-aħħar jum tal-perjodu tat-taxxa. Il-kambju għandu jsir wara li l-Bank Ċentrali Ewropew jkun ippubblika r-rati tal-kambju għal dik il-ġurnata, jew, jekk ma jkunx hemm pubblikazzjoni dakinhar, fil-ġurnata ta’ pubblikazzjoni li jmiss.”

;

(6)

fl-Artikolu 47h, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess lill-awtoritajiet kompetenti għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 369p(1) u (3) tad-Direttiva 2006/112/KE.”

;

(7)

l-Artikolu 47i huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sabiex jinkisbu r-rekords miżmuma minn persuna taxxabbli jew minn intermedjarju skont l-Artikoli 369, 369k, 369x u 369xk tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ konsum jew l-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija għandu l-ewwel jagħmel talba lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mezzi elettroniċi.”

;

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibgħat ir-rekords miksuba b’mezzi elettroniċi mingħajr dewmien lill-Istat Membru ta’ konsum rikjedenti jew lill-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija.

5.   Meta l-Istat Membru ta’ konsum rikjedenti jew l-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija ma jirċevix ir-rekords fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun saret it-talba, dak l-Istat Membru jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu biex jikseb dawn ir-rekords.”

;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 47ia

Il-Kummissjoni għandha, fil-qafas ta’ reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, tivvaluta l-possibbiltà li tiffaċilita bejn l-Istati Membri aċċess awtomatizzat għar-rekords ipprovduti lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni minn persuni taxxabbli rreġistrati fi kwalunkwe waħda mill-iskemi speċjali stipulati fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE.”

;

(9)

fl-Artikolu 47j(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4), jekk l-Istat Membru ta’ konsum jew l-Istat Membru li minnu jew li lilu tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija jiddeċiedi li tkun meħtieġa investigazzjoni amministrattiva, huwa l-ewwel għandu jikkonsulta mal-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar il-ħtieġa għal tali investigazzjoni.”

;

(10)

għandu jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

“KAPITOLU XIa

Dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ żamma tar-rekords għall-persuni taxxabli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi bl-użu tal-interfaċċji elettroniċi f’konformità mal-Artikolu 242a tad-direttiva 2006/112/KE

Artikolu 47m

1.   Sabiex jikseb ir-rekords miżmuma minn persuna taxxabbli skont l-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu, ta’ dak l-Artikolu, l-Istat Membru li fih il-provvisti msemmija f’dak l-Artikolu huma taxxabbli għandu l-ewwel jagħmel talba b’mezzi elettroniċi lil Stat Membru li fih persuna taxxabbli hija identifikata għal finijiet ta’ VAT.

2.   Meta Stat Membru li fih persuna taxxabbli tiġi identifikata għal finijiet ta’ VAT jirċievi talba kif imsemmi fil-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu jibgħat it-talba b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lill-persuna taxxabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fuq talba, persuna taxxabbli għandha tippreżenta r-rekords mitluba b’mezzi elettroniċi lill-Istat Membru li fih dik il-persuna taxxabbli hija identifikata għal finijiet ta’ VAT u li jkun bagħat it-talba. L-Istati Membri għandhom jippermettu li r-rekords jistgħu jiġu ppreżentati bl-użu ta’ formola standard.

4.   L-Istat Membru li fih persuna taxxabbli hija identifikata għall-finijiet tal-VAT u li ttrażmetta t-talba għandu jibgħat ir-rekords miksuba skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien lill-Istat Membru rikjedenti li fih il-provvisti msemmija fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE huma taxxabbli.

5.   Meta l-Istat Membru rikjedenti li fih il-provvisti msemmija fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE huma taxxabbli ma jirċevix ir-rekords fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun saret it-talba, dak l-Istat Membru jista’ jieħu kwalunkwe azzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu biex jikseb dawk ir-rekords.

Artikolu 47n

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika dawn li ġejjin permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

(a)

id-dettalji tekniċi għall-formola standard kif imsemmija fl-Artikolu 47m(3);

(b)

id-dettalji tekniċi, inkluż messaġġ elettroniku komuni, għall-forniment tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 47m(1), (2) u (4) kif ukoll il-mezzi tekniċi biex tintbagħat dik l-informazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikolu 47o

Il-Kummissjoni għandha, fil-qafas ta’ reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, tivvaluta l-possibbiltà li tiffaċilita bejn l-Istati Membri aċċess awtomatizzat għad-data pprovduta lill-Istat Membru ta’ stabbiliment permezz ta’ pjattaformi fil-qafas tal-obbligi ta’ żamma tar-rekords tagħhom.”.

Artikolu 3

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2029

L-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li wettqu l-provvisti ta’ merkanzija u servizzi msemmija fil-punt (b);”

;

(2)

fil-punt (e), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi msemmija fil-punt (b) minn kull persuna msemmija fil-punt (c) lil kull persuna li jkollha numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:”.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2030

Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punti (g) u (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(g)

‘provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija’ tfisser kwalunkwe provvista ta’ merkanzija li d-data tagħha trid tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 262 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(h)

‘provvista intra-Komunitarja ta’ servizzi’ tfisser kwalunkwe provvista ta’ servizzi li fir-rigward tiegħu d-data tagħha trid tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 262 tad-Direttiva 2006/112/KE;”

;

(2)

fl-Artikolu 17(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-informazzjoni li hu jiġbor skont it-Titolu XI, il-Kapitolu 6, tad-Direttiva 2006/112/KE kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill tal-Kunsill (UE) 2022/890 (*1);

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/890 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT (ĠU L 155, 8.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/890/oj).”;"

(3)

fil-Kapitolu V, tiżdied it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 3

SISTEMA ELETTRONIKA ĊENTRALI GĦALL-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI DWAR IL-VAT;

Artikolu 24g

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, iżżomm, tospita u tiġġestixxi teknikament sistema elettronika ċentrali għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-VAT (‘VIES ċentrali’) għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

2.   Kull Stat Membru għandu jiżviluppa, iżomm, jospita u jiġġestixxi teknikament sistema elettronika nazzjonali biex jibgħat awtomatikament l-informazzjoni li ġejja lill-VIES ċentrali:

(a)

l-informazzjoni li jiġbor skont it-Titolu XI, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 1, tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

l-informazzjoni dwar l-identità, l-attività, il-forma ġuridika u l-indirizz tal-persuni li jkun ħarġilhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, miġbur skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112/KE, id-data li fiha nħareġ dak in-numru u numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT oħra maħruġa lil dawk il-persuni;

(c)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT li l-Istat Membru jkun ħareġ u li saru invalidi, u d-dati li fihom dawk in-numri saru invalidi; u

(d)

id-data li fiha u l-ħin li fihom ġiet modifikata d-data msemmija fil-punti (a), (b) u (c);

L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun f’konformità mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u mal-lista tas-sintassi tagħha kif stipulat fid-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni d-dettalji u l-format tal-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

3.   Kull Stat Membru jista’ jaħżen l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24j, il-punti (a), sa (d) soġġett għall-permessi ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 24k(3), il-punt (b) fis-sistema elettronika nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Artikolu 24h

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni disponibbli fil-VIES ċentrali tinżamm aġġornata, kompluta u preċiża.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-kriterji li jiddeterminaw liema bidliet ma humiex pertinenti, essenzjali jew utli biżżejjed biex jintbagħtu fil-VIES ċentrali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa, fil-valutazzjoni tagħhom, biex jiżguraw li d-data pprovduta minn persuni taxxabbli u minn persuni ġuridiċi mhux taxxabbli għall-identifikazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkun, kompluta u preċiża qabel ma tali data tiġi mibgħuta lill-VIES ċentrali.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw proċeduri għall-kontroll tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu kif iddeterminata mir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom. Il-kontrolli għandhom jitwettqu, fil-prinċipju, qabel l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jew, meta jsiru biss kontrolli preliminari qabel tali identifikazzjoni, mhux aktar tard minn 6 xhur wara tali identifikazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri implimentati fil-livell nazzjonali biex jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni skont il-paragrafu 2.

4.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu awtomatikament l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2) fil-VIES ċentrali mingħajr dewmien.

Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi f’att ta’ implimentazzjoni d-dettalji dwar id-dewmien tekniku aċċettabbli. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

5.   B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jibagħtu awtomatikament l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2), il-punt (a), llil-VIES ċentrali mhux aktar tard minn jum wara l-ġbir tal-informazzjoni ppreżentata mill-persuna taxxabbli lill-awtoritajiet kompetenti.

6.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2) għandha tkun disponibbli fil-VIES ċentrali għal 10 snin mill-aħħar tas-sena li fiha l-informazzjoni tkun ntbagħtet lilha.

Artikolu 24i

1.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw awtomatikament il-VIES ċentrali biex jiżguraw li n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, kif imsemmi fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112/KE, jintwera bħala invalidu fil-VIES ċentrali fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

meta l-persuni identifikati għall-finijiet tal-VAT ikunu ddikjaraw li l-attività ekonomika tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkun waqfet jew meta l-awtorità kompetenti tqis li dawk il-persuni jkunu waqqfu din l-attività;

(b)

meta l-persuni jkunu ddikjaraw data falza sabiex jiksbu identifikazzjoni tal-VAT u, li kieku l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet taf b’dan, kienet tirrifjuta l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jew tirtira n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT;

(c)

meta l-persuni jkunu naqsu milli jikkomunikaw bidliet fid-data tagħhom u, li kieku l-amministrazzjoni tat-taxxa kienet taf b’dan, kienet tirrifjuta l-identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT jew tirtira n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-persuni kkonċernati għandu jkollhom id-dritt li jagħtu prova tal-eżistenza ta’ attività ekonomika b’mezzi oħra;.

Is-sitwazzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali li tipprevedi sitwazzjonijiet addizzjonali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), l-awtorità kompetenti għandha titqies li attività ekonomika titwaqqaf mill-inqas fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

minkejja li hija meħtieġa tagħmel dan, il-persuna identifikata għall-finijiet tal-VAT naqset milli tippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-VAT għal sena wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-ewwel dikjarazzjoni tal-VAT li nqabżet;

(b)

minkejja li hija meħtieġa tagħmel dan, il-persuna identifikata għall-finijiet tal-VAT naqset milli tippreżenta kwalunkwe data dwar il-provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija jew servizzi għal 6 xhur wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tad-data għall-ewwel tranżazzjoni li nqabżet.

Is-sitwazzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu huma pprovduti mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali li tipprevedi sitwazzjonijiet addizzjonali.

Artikolu 24j

Il-VIES ċentrali għandu jkollhal-funzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 24g(2):

(a)

li taħżen l-informazzjoni msemmija fil-punti (b), (c) u (d) ta’ dan il-paragrafu u fl-Artikolu 24g(2);

(b)

li twettaq kontroverifika tal-informazzjoni miġbura skont it-Titolu XI, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 1, tad-Direttiva 2006/112/KE, u tqegħidha tar-riżultat ta’ dik il-kontroverifika għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri li jirrikjedu li l-persuni taxxabbli jippreżentaw id-data msemmija fl-Artikolu 264 ta’ dik id-Direttiva fir-rigward tat-tranżazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 262(1), il-punti (b) u (d) ta’ dik id-Direttiva;

(c)

li taggrega l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ persuni li nħarġilhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT u li jagħmel id-dettalji li ġejjin aċċessibbli għall-uffiċjali jew għas-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 24k ta’ dan ir-Regolament:

(i)

il-valur totali tal-provvisti intra-Komunitarji kollha ta’ merkanzija u l-valur totali tal-provvisti intra-Komunitarji kollha ta’ servizzi lil persuni li għandhom numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru mill-operaturi kollha identifikati għall-finijiet tal-VAT f’kull Stat Membru ieħor;

(ii)

in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-persuni li wettqu l-provvisti ta’ merkanzija u servizzi msemmija fil-punt (i);

(iii)

il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi msemmija fil-punt (i) minn kull persuna msemmija fil-punt (ii) lil kull persuna b’numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru; u

(iv)

il-valur totali tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi msemmija fil-punt (i) minn kull persuna msemmija fil-punt (ii) lil kull persuna b’numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor;

(d)

li tipproċessa l-informazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont dan ir-Regolament;

(e)

li tagħmel l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24g(2) u fil-punti (b), (c) u (d) ta’ dan il-paragrafu aċċessibbli għall-uffiċjali jew għas-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 24k skont il-permessi ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 24k(3), il-punt (b);

(f)

li tipprovdi konferma tal-validità tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kwalunkwe persuna speċifikata kif ukoll l-isem u l-indirizz assoċjati; u

(g)

sistema ta’ reġistrazzjoni biex jiġu traċċati l-ħin ta’ aċċess u l-informazzjoni aċċessati mill-uffiċjali jew mis-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 24k.

Artikolu 24k

1.   Kull Stat Membru għandu jagħti aċċess awtomatizzat għall-VIES ċentrali, f’konformità mal-permessi ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), lil:

(a)

uffiċjali li huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru biex jaċċessaw direttament l-informazzjoni fil-VIES ċentrali;

(b)

uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1), li jkollhom identifikazzjoni ta’ utent personali għall-VIES ċentrali u fejn dak l-aċċess ikun b’rabta ma’ investigazzjoni ta’ suspett ta’ frodi tal-VAT jew biex tiġi identifikata frodi tal-VAT;

(c)

uffiċjali li huma awtorizzati mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru li jikkontrollaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE.

2.   Kull Stat Membru għandu jagħti aċċess awtomatizzat għall-VIES ċentrali, f’konformità mal-permessi ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), lil:

(a)

sistemi elettroniċi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru li jikkontrollaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

sistemi elettroniċi nazzjonali, kif imsemmija fl-Artikolu 24g(2), għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu;

(c)

CESOP imsemmija fl-Artikolu 24a;

(d)

is-sistemi elettroniċi li jwettqu skambju, ipproċessar u analiżi rapidi ta’ informazzjoni mmirata dwar il-frodi transfruntiera mill-Eurofisc.

3.   Il-Kummissjoni għandha tispeċifika dan li ġej permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni:

(a)

l-arranġamenti prattiċi għall-identifikazzjoni tal-uffiċjali u tas-sistemi elettroniċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b)

id-dettalji tekniċi dwar l-aċċess u l-permess tal-aċċess dettaljati tal-uffiċjali u tas-sistemi elettroniċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 24j, il-punti (a) sa (g) u d-data dettaljata fil-VIES ċentrali li għaliha għandu jingħata l-aċċess.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikolu 24l

1.   Il-kostijiet tal-istabbiliment, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-VIES ċentrali għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dawk il-kostijiet għandhom jinkludu l-kostijiet tal-konnessjoni sigura bejn il-VIES ċentrali u s-sistemi elettroniċi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 24g(2), u l-kostijiettas-servizzi meħtieġa biex jitwettqu l-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 24j.

2.   Kull Stat Membru għandu jħallas il-kostijiet tal-iżviluppi kollha għas-sistema elettronika nazzjonali tiegħu kif imsemmija fl-Artikolu 24g(2), u għandu jkun responsabbli għalihom, meħtieġa biex jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bl-użu tan-network Komuni ta’ Komunikazzjoni (NKK) jew kwalunkwe network sigur simili ieħor.

Artikolu 24m

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika dan li ġej permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

(a)

il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni għall-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-ospitar u l-ġestjoni teknika tal-VIES ċentrali;

(b)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri bħala kontrolluri u tal-Kummissjoni bħala proċessur skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

(*2)  Id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/55/oj).”."

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2032

Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 17(1), il-punti (a), (b) u (c) jitħassru;

(2)

l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta l-informazzjoni trid tiġi kkoreġuta fis-sistema elettronika, jew miżjuda magħha, skont l-Artikolu 19, l-informazzjoni għandha tiddaħħal mhux aktar tard minn xahar wara l-perjodu li fih tkun inġabret.”

;

(3)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1a u 2 jitħassru;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni l-arranġamenti prattiċi fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2a, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu sabiex l-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni jkun jista’ jidentifika l-uffiċjal ta’ kollegament tal-Eurofisc li jkun qed jaċċessa l-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”

;

(4)

l-Artikoli 22 u 23 jitħassru;

(5)

fl-Artikolu 31, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandhom jiżguraw li l-persuni involuti fil-provvista intra-Komunitarja ta’ merkanzija jew servizzi u persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi, jitħallew jiksbu, għall-finijiet ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, konferma b’mezzi elettroniċi tal-validità tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kwalunkwe persuna speċifikata kif ukoll l-isem u l-indirizz assoċjati. Dik l-informazzjoni għandha tikkorrispondi għad-data msemmija fl-Artikolu 24g(2).”.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2028.

L-Artikolu 3 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2029.

L-Artikolu 4 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2030.

L-Artikolu 5 għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2032.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Kunsens tat-22 ta’ Novembru 2023 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU C 228, 29.6.2023, p. 149.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/904/oj).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/516 tal-11 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali (ĠU L, 2025/516, 25.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/516/oj).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(9)   ĠU C 113, 28.3.2023, p. 26.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/517/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top