This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R0340
Commission Implementing Regulation (EU) 2025/340 of 19 February 2025 amending Implementing Regulation (EU) 2018/274 as regards the procedure for granting replanting authorisations for vineyards
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/340 tad-19 ta’ Frar 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 fir-rigward tal-proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid tal-vinji
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/340 tad-19 ta’ Frar 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 fir-rigward tal-proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid tal-vinji
C/2025/981
ĠU L, 2025/340, 20.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/340/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/340 |
20.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/340
tad-19 ta’ Frar 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 fir-rigward tal-proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil mill-ġdid tal-vinji
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-suq tal-inbid tal-Unjoni ilu għal bosta snin jiġi affettwat minn tnaqqis strutturali fil-konsum tal-Unjoni. Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin, is-settur tal-inbid tal-Unjoni ffaċċja sfidi konsiderevoli. It-telf tal-bejgħ minħabba l-għeluq tas-settur tal-HORECA matul il-pandemija tal-COVID-19 ma ġiex ikkumpensat għalkollox minn żieda fil-konsum domestiku. Wara l-pandemija, il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u s-sitwazzjoni internazzjonali instabbli kienu ta’ piż fuq id-domanda għall-inbid, kemm fis-suq tal-Unjoni kif ukoll fis-swieq tal-esportazzjoni l-aktar importanti. |
|
(2) |
Barra minn hekk, jidher li hemm bidla fid-domanda tal-konsumaturi madwar id-dinja lejn inbejjed eħfef, speċjalment inbejjed bojod, rożè u frizzanti, għad-detriment tal-inbejjed ħomor tradizzjonali. Il-kombinazzjoni tax-xejriet strutturali u l-bidliet fid-domanda għall-inbid, flimkien mal-kuntest mhux favorevoli f’dawn l-aħħar snin ikkawżaw żbilanċ rikorrenti fis-suq u żieda fl-inċertezza għall-vitikulturi, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom u l-għażla tal-varjetajiet tad-dwieli. |
|
(3) |
Barra minn hekk, il-vitikulturi qed jiġu affettwati b’mod sever minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi aktar frekwenti u severi u minn kundizzjonijiet tat-temp aktar estremi, kif ukoll minn żieda fil-kostijiet tal-input, u dan qed jagħmilhielhom aktar diffiċli jsibu ż-żmien it-tajjeb biex iħawlu u jiżguraw l-investiment, u spiss qed tiddewwem id-deċiżjoni li jipproċedu bl-applikazzjoni tagħhom. |
|
(4) |
F’dan l-isfond, ħafna vitikulturi jeħtieġ li jwettqu analiżi fil-fond tal-varjetajiet tad-dwieli li jkunu aktar reżistenti għan-nixfa u għall-mard, jew aktar adattati għad-domanda tal-konsumaturi li qed tinbidel biex itejbu l-kompetittività tagħhom u jiddeċiedu meta jkun l-aħjar jerġgħu jħawlu l-vinji wara l-qlugħ tad-dwieli. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 (2), il-vitikulturi jistgħu jressqu tali applikazzjoni għat-tħawwil mill-ġdid fi kwalunkwe ħin matul l-istess sena tal-għasra li fiha jsir il-qlugħ tad-dwieli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għat-tħawwil mill-ġdid jistgħu jitressqu sa tmiem it-tieni sena tal-għasra wara s-sena li fiha jkun sar il-qlugħ tad-dwieli. |
|
(6) |
Il-vitikulturi li jaqilgħu d-dwieli jenħtieġ li jingħataw aktar żmien biex janalizzaw is-sitwazzjoni qabel ma jkollhom jiddeċiedu jekk jixtiqux jibdlu l-vinji qodma tagħhom u jekk jagħżlu li jagħmlu dan, liema varjetà ta’ dwieli u metodu ta’ kultivazzjoni huwa l-aktar adattat għat-tibdil fil-klima u għad-domanda tal-konsumaturi. |
|
(7) |
Biex il-vitikulturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jestendu bi 3 snin il-perjodu ta’ żmien bejn meta jinqalgħu id-dwieli u meta titressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tħawwil mill-ġdid. |
|
(8) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(9) |
Il-miżura prevista f’dan ir-Regolament hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274
Fl-Artikolu 9(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiffissaw skadenza għall-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għat-tħawwil mill-ġdid, bil-kundizzjoni li dawn jitressqu sa tmiem il-ħames sena tal-għasir wara s-sena tal-qlugħ tad-dwieli u li din l-iskadenza ma tinqabiżx.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, u d-dikjarazzjonijiet obbligatorji, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontrolli rilevanti, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/274/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/340/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)