This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R0192
Commission Delegated Regulation (EU) 2025/192 of 9 September 2024 on procedures for the accreditation of verifiers pursuant to Regulation (EU) 2023/1805 of the European Parliament and of the Council on the use of renewable and low-carbon fuels in maritime transport, and amending Directive 2009/16/EC of the European Parliament and of the Council
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/192 tad-9 ta’ Settembru 2024 dwar il-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/192 tad-9 ta’ Settembru 2024 dwar il-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2024/6218
ĠU L, 2025/192, 29.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/192/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/192 |
29.1.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/192
tad-9 ta’ Settembru 2024
dwar il-proċeduri għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1805 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi fl-Artikolu 14. |
|
(2) |
L-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2023/1805 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta dak ir-Regolament billi tistabbilixxi metodi u kriterji ulterjuri għall-akkreditazzjoni tal-verifikaturi dwar mill-inqas l-elementi li ġejjin: (i) talba għall-akkreditazzjoni tal-attivitajiet ta’ verifika fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament; (ii) valutazzjoni tal-verifikaturi mill-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni; (iii) attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa mill-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni biex jikkonfermaw il-kontinwazzjoni tal-akkreditazzjoni; (iv) miżuri amministrattivi li għandhom jiġu adottati jekk il-verifikatur ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament; u (v) rekwiżiti għall-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni sabiex ikunu kompetenti biex jipprovdu akkreditazzjoni lill-verifikaturi għal attivitajiet ta’ verifika fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, inkluż referenza għal standards armonizzati. |
|
(3) |
L-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2023/1805 jiddikjara wkoll li l-metodi u l-kriterji speċifikati f’tali atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji għall-verifika previsti fl-Artikoli 11, 12 u 13 u fuq standards rilevanti aċċettati internazzjonalment. |
|
(4) |
L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2023/1805 fih dispożizzjonijiet dwar l-eżerċizzju tad-delega. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1805 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-obbligi u l-prinċipji ġenerali għall-verifikaturi (l-Artikolu 12) u għall-proċeduri ta’ verifika (l-Artikolu 13). Ir-Regolament jiddetermina wkoll l-attivitajiet ta’ verifika rilevanti, inkluż valutazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ u tal-pjan ta’ monitoraġġ modifikat (l-Artikolu 11), il-kalkoli u l-verifika tar-rapport FuelEU (l-Artikolu 16), ir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni fil-bażi tad-data FuelEU (l-Artikolu 19), l-approvazzjoni tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà (l-Artikoli 20 u 21), u l-ħruġ tad-dokument tal-konformità FuelEU (l-Artikolu 22). |
|
(6) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2027 (3) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU”) jispeċifika aktar ir-regoli għall-attivitajiet ta’ verifika msemmija fir-Regolament (UE) 2023/1805. |
|
(7) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema robusta u trasparenti ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika biex tiġi traċċata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2023/1805. Jenħtieġ li tali sistema tapplika b’mod mhux diskriminatorju għall-vapuri kollha u tirrikjedi verifika minn parti terza biex tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-data sottomessa f’dik is-sistema. |
|
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi qafas komprensiv għall-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità. Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw meta fir-Regolament (UE) 2023/1805 ma tkun stabbilita l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi. |
|
(9) |
Sabiex jiġu żgurati l-imparzjalità u l-effettività, jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu entitajiet legali indipendenti u kompetenti u jenħtieġ li jiġu akkreditati minn korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Jenħtieġ li l-verifikaturi jkunu mgħammra b’riżorsi, mezzi u persunal proporzjonati mad-daqs tal-flotta li għaliha jwettqu attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-verifika tiżgura l-preċiżjoni u l-kompletezza tal-monitoraġġ u tar-rapportar mill-kumpaniji u l-konformità ma’ dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni maħtur skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jingħata s-setgħa li jakkredita u joħroġ dikjarazzjoni awtorevoli dwar il-kompetenza ta’ verifikatur biex iwettaq l-attivitajiet ta’ verifika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU, jadotta miżuri amministrattivi bħas-sospensjoni jew l-irtirar tal-akkreditazzjoni u jwettaq is-sorveljanza tal-verifikaturi. |
|
(11) |
Intalbet ukoll konsistenza bejn dan ir-Regolament Delegat u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2917 (5). |
|
(12) |
Għat-tħejjija ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament FuelEU Maritime li jopera bħala sottogrupp tal-Forum Ewropew dwar it-Trasport Marittimu Sostenibbli (ESSF). Dan il-grupp ġie stabbilit f’konformità mal-prattika normali tal-Kummissjoni li tikkonsulta esperti meta tħejji abbozzi ta’ atti delegati u tiġbor esperti mill-Istati Membri. |
|
(13) |
Barra minn hekk, ġie kkonsultat l-ESSF, li jinkludi wkoll lill-industrija u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, fosthom is-soċjetà ċivili. Is-sottogrupp tal-ESSF dwar Enerġija Alternattiva Sostenibbli għat-Trasport Marittimu ġie kkonsultat ukoll dwar l-abbozz tal-verżjoni ta’ dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
AKKREDITAZZJONI TAL-VERIFIKATURI
Artikolu 1
Akkreditazzjoni tal-verifikaturi
1. Meta ma tkun stabbilita l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi f’dan ir-Regolament jew fir-Regolament (UE) 2023/1805, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
2. Fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għall-akkreditazzjoni u r-rekwiżiti għall-korpi ta’ akkreditazzjoni, għandu japplika l-istandard armonizzat skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-korpi ta’ akkreditazzjoni li jakkreditaw il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità (6).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi għandu jkopri l-attivitajiet relatati mal-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ, il-verifika tar-rapporti FuelEU u r-rapporti parzjali FuelEU, il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) billi tiġi kkalkolata l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord, il-bilanċ tal-konformità, il-waqfiet mhux konformi f’port u l-ħruġ taċ-ċertifikat tal-konformità FuelEU, kif previst fir-Regolament (UE) 2023/1805.
Artikolu 3
Objettivi tal-proċess ta’ akkreditazzjoni
Matul il-proċess ta’ akkreditazzjoni u s-sorveljanza annwali tal-verifikaturi akkreditati skont l-Artikoli 6 sa 11, il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandhom jivvalutaw jekk il-verifikatur u l-persunal tiegħu li jkun qed iwettaq attivitajiet ta’ verifika:
|
(a) |
ikollhomx il-kompetenza jevalwaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ, jivverifikaw ir-rapporti FuelEU u r-rapporti parzjali FuelEU, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra billi jikkalkulaw l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord, il-bilanċ tal-konformità, il-waqfiet mhux konformi f’port u l-ħruġ taċ-ċertifikat tal-konformità FuelEU, kif previst fir-Regolament (UE) 2023/1805; |
|
(b) |
japplikawx metodi ta’ verifika kompluti u effettivi meta jivvalutaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ, jivverifikaw ir-rapporti FuelEU u r-rapporti parzjali FuelEU, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra billi jikkalkulaw l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord, il-bilanċ tal-konformità, il-waqfiet mhux konformi f’port u l-ħruġ taċ-ċertifikat tal-konformità FuelEU, kif previst fir-Regolament (UE) 2023/1805; |
|
(c) |
jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-verifikaturi msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU, inklużi dawk dwar l-imparzjalità u l-indipendenza. |
Artikolu 4
Talbiet għall-akkreditazzjoni
1. It-talbiet għall-akkreditazzjoni għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
2. Barra minn hekk, qabel il-bidu tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, il-verifikatur li jkun qed japplika għall-akkreditazzjoni (“l-applikant”) għandu jagħmel disponibbli għall-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni informazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
il-proċeduri u l-proċessi msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU u s-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU; |
|
(b) |
il-kriterji ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 30(2), il-punti (a) u (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU, ir-riżultati tal-proċess ta’ kompetenza kontinwu msemmi f’dak l-Artikolu u dokumentazzjoni rilevanti oħra dwar il-kompetenza tal-persunal kollu involut fl-attivitajiet ta’ verifika kif imsemmi fl-Artikoli 32 u 33; |
|
(c) |
il-proċess biex jiġu żgurati imparzjalità u indipendenza kontinwi, kif imsemmi fl-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU, inklużi rekords rilevanti dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tal-applikant u tal-persunal tiegħu; |
|
(d) |
l-esperti tekniċi u l-persunal ewlieni involuti fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ, fil-verifika tar-rapporti FuelEU u r-rapporti parzjali FuelEU, u fil-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra billi jikkalkulaw l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord, il-bilanċ tal-konformità u l-waqfiet mhux konformi f’port; |
|
(e) |
il-proċeduri u l-proċessi għall-iżgurar ta’ verifika xierqa, inkluż dawk dwar id-dokumentazzjoni tal-verifika interna msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU; |
|
(f) |
ir-rekords rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU; |
|
(g) |
l-informazzjoni l-oħra kollha mitluba mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. |
Artikolu 5
Valutazzjoni
1. Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, it-tim ta’ valutazzjoni maħtur f’konformità mal-Artikolu 12 għandu mill-inqas:
|
(a) |
jirrieżamina d-dokumenti u r-rekords rilevanti kollha pprovduti mill-applikant skont l-Artikolu 4; |
|
(b) |
iwettaq żjara fuq il-post biex jirrieżamina kampjun rappreżentattiv tad-dokumentazzjoni tal-verifika interna u jivvaluta l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-applikant u l-proċeduri jew il-proċessi għall-attivitajiet ta’ verifika msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU; |
|
(c) |
ikun xhud tal-prestazzjoni u l-kompetenza ta’ numru rappreżentattiv tal-persunal tal-applikant involut fi:
|
2. It-tim ta’ valutazzjoni għandu jwettaq l-attivitajiet deskritti fil-paragrafu 1 f’konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
3. It-tim ta’ valutazzjoni għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu u kwalunkwe nuqqasijiet ta’ konformità lill-applikant u jitlob tweġiba, f’konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
4. L-applikant għandu jieħu azzjoni korrettiva sabiex jindirizza kwalunkwe nuqqas ta’ konformità rrapportat skont il-paragrafu 3 u jindika fit-tweġiba tiegħu x’azzjoni ħa jew qed jippjana li jieħu fi żmien stabbilit mill-korp nazzjonali ta’ akkreditament bil-għan li jirrisolvi tali nuqqasijiet ta’ konformità.
5. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu janalizza t-tweġiba li jagħti l-applikant skont il-paragrafu 4.
6. Meta l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jsib li t-tweġiba tal-applikant jew l-azzjoni meħuda tkun insuffiċjenti jew ineffettiva, huwa għandu jitlob lill-applikant sabiex jissottometti aktar informazzjoni jew jieħu azzjoni ulterjuri.
7. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jista’ jitlob ukoll evidenza, jew iwettaq valutazzjoni ta’ segwitu, biex jivvaluta l-implimentazzjoni attwali tal-azzjoni korrettiva.
Artikolu 6
Deċiżjoni dwar l-akkreditazzjoni u ċertifikat ta’ akkreditazzjoni
1. Meta jkun qed iħejji u jieħu d-deċiżjoni dwar jekk għandux jagħti, jestendi jew iġedded l-akkreditazzjoni ta’ applikant, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jqis ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
2. Meta l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun iddeċieda li jagħti jew iġedded akkreditazzjoni ta’ applikant, huwa għandu joħroġ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni f’dan ir-rigward. Iċ-ċertifikat għandu jingħata għall-attivitajiet kollha ta’ verifika skont ir-Regolament (UE) 2023/1805.
3. Iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa abbażi tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
4. Iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni għandu jkun validu għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin wara d-data li fiha l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun ħareġ dak iċ-ċertifikat.
Artikolu 7
Sorveljanza annwali
1. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jwettaq sorveljanza annwali ta’ kull verifikatur li jkun inħariġlu ċertifikat ta’ akkreditazzjoni. Dik is-sorveljanza għandha tinkludi mill-inqas:
|
(a) |
żjara fuq il-post kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), il-punt (b); |
|
(b) |
xhieda tal-prestazzjoni u tal-kompetenza ta’ numru rappreżentattiv tal-membri tal-persunal tal-verifikatur f’ma-Artikolu 5(1), il-punt (c). |
2. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jwettaq l-ewwel sorveljanza ta’ verifikatur f’konformità mal-paragrafu 1 fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni.
3. L-ippjanar tas-sorveljanza għandu jippermetti lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jivvaluta kampjuni rappreżentattivi tal-attivitajiet tal-verifikatur fil-kamp ta’ applikazzjoni taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni u l-persunal involut fl-attivitajiet ta’ verifika, f’konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
4. Abbażi tar-riżultati tas-sorveljanza, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jiddeċiedi jekk jikkonfermax il-kontinwazzjoni tal-akkreditazzjoni.
5. Meta verifikatur iwettaq verifika għal kumpanija taħt ir-responsabbiltà tal-Istat amministrattiv li ma jkunx l-Istat Membru tal-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur jista’ jitlob lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni tal-Istat li jwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Artikolu 8
Rivalutazzjoni
1. Il-verifikatur għandu japplika għat-tiġdid tal-akkreditazzjoni sabiex il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun jista’ jivvaluta mill-ġdid il-verifikatur u jiddetermina jekk iċ-ċertifikat jistax jiġi estiż qabel id-data ta’ skadenza.
2. Qabel l-iskadenza ta’ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni li jkun ħareġ, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jivvaluta mill-ġdid lill-verifikatur inkwistjoni biex jiddetermina jekk iċ-ċertifikat jistax jiġi estiż.
3. L-ippjanar ta’ rivalutazzjoni għandu jiżgura li l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jivvaluta kampjun rappreżentattiv tal-attivitajiet tal-verifikatur koperti miċ-ċertifikat.
4. Waqt l-ippjanar u t-twettiq tar-rivalutazzjoni, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 9
Valutazzjoni straordinarja
1. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jista’ jwettaq valutazzjoni straordinarja tal-verifikatur fi kwalunkwe ħin sabiex jiżgura li dan ikompli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
2. Sabiex il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun jista’ jivvaluta l-ħtieġa għal valutazzjoni straordinarja, il-verifikatur għandu jinforma lill-korp minnufih bi kwalunkwe bidla sinifikanti rilevanti għall-akkreditazzjoni tiegħu dwar kwalunkwe aspett tal-istatus jew tal-operazzjoni tiegħu.
3. Bidliet sinifikanti għandhom jinkludu l-bidliet imsemmija fl-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 10
Miżuri amministrattivi
1. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jista’ jissospendi jew jirtira l-akkreditazzjoni ta’ verifikatur fejn il-verifikatur ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jissospendi jew jirtira l-akkreditazzjoni ta’ verifikatur meta l-verifikatur jitlob dan.
3. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura għas-sospensjoni u l-irtirar tal-akkreditazzjoni f’konformità mal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
4. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jissospendi l-akkreditazzjoni ta’ verifikatur fejn il-verifikatur ikun:
|
(a) |
wettaq ksur serju tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
naqas b’mod persistenti u ripetut milli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
kiser kwalunkwe termini u kundizzjonijiet speċifiċi oħrajn stipulati mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. |
5. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jirtira l-akkreditazzjoni ta’ verifikatur meta:
|
(a) |
il-verifikatur ikun naqas milli jirrimedja r-raġunijiet għal deċiżjoni ta’ sospensjoni taċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni; |
|
(b) |
membru tal-maniġment superjuri tal-verifikatur jew membru tal-persunal involut f’attivitajiet ta’ verifika skont dan ir-Regolament ikun instab ħati ta’ frodi; |
|
(c) |
jekk il-verifikatur ikun ta informazzjoni falza jew ikun ħeba l-informazzjoni b’mod intenzjonali. |
6. Id-deċiżjonijiet minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jissospendi jew jirtira akkreditazzjoni f’konformità mal-paragrafi 1, 4 u 5, għandhom ikunu soġġetti għal appell f’konformità mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
7. Id-deċiżjonijiet minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jissospendi jew jirtira l-akkreditazzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-verifikatur ikun ġie nnotifikat dwarhom. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jikkunsidra l-impatt fuq l-attivitajiet imwettqa qabel dawk id-deċiżjonijiet fid-dawl tan-natura tan-nuqqas ta’ konformità.
8. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jtemm is-sospensjoni ta’ ċertifikat ta’ akkreditazzjoni fejn ikun irċieva informazzjoni sodisfaċenti u jikkonkludi li l-verifikatur jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
REKWIŻITI GĦAL KORPI NAZZJONALI TA’ AKKREDITAZZJONI
Artikolu 11
Rekwiżiti għal korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni
1. Fejn ma tkun stabbilita l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar ir-rekwiżiti għall-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni f’dan ir-Regolament jew fir-Regolament (UE) 2023/1805, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni maħtura skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom iwettqu dmirijiethom f’konformità mar-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 12
Tim ta’ valutazzjoni
1. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jaħtar tim ta’ valutazzjoni għal kull valutazzjoni mwettqa skont ir-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2).
2. Tim ta’ valutazzjoni għandu jikkonsisti minn assessur ewlieni responsabbli mit-twettiq ta’ valutazzjoni skont dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, għadd adegwat ta’ assessuri jew esperti tekniċi bl-għarfien u l-esperjenza rilevanti għall-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-akkreditazzjoni.
3. Tim ta’ valutazzjoni għandu jinkludi mill-inqas persuna waħda bil-ħiliet li ġejjin:
|
(a) |
għarfien suffiċjenti tar-Regolament (UE) 2023/1805 u tal-leġiżlazzjoni sekondarja relatata, u tal-linji gwida rilevanti msemmija fl-Artikolu 32(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU; |
|
(b) |
il-kompetenza u l-fehim meħtieġa biex jiġu vvalutati l-verifika u l-għarfien tal-karatteristiċi tad-diversi tipi ta’ bastimenti u tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, tal-konsum tal-karburant u ta’ informazzjoni rilevanti oħra skont ir-Regolament (UE) 2023/1805. |
Artikolu 13
Rekwiżiti ta’ kompetenza għall-assessuri
1. L-assessuri għandu jkollhom il-kompetenza sabiex iwettqu l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikoli 5 sa 10. Għal dak l-għan, l-assessur għandu:
|
(a) |
jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard armonizzat imsemmi fl-Artikolu 1(2); |
|
(b) |
ikollu għarfien suffiċjenti tal-awditjar tad-data u tal-informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 32(2), il-punt (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU miksuba permezz ta’ taħriġ, jew aċċess għal persuna li jkollha għarfien u esperjenza ta’ tali data u informazzjoni; |
|
(c) |
ikollu għarfien suffiċjenti tal-leġiżlazzjoni rilevanti kif ukoll tal-linji gwida applikabbli kif imsemmi fl-Artikolu 32(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU. |
2. Minbarra r-rekwiżiti tal-kompetenza stabbiliti fil-paragrafu 1, l-assessuri ewlenin għandhom juru kompetenza fit-tmexxija ta’ tim ta’ valutazzjoni u jkunu responsabbli għat-twettiq ta’ valutazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
3. Minbarra r-rekwiżiti ta’ kompetenza stabbiliti fil-paragrafu 1, l-eżaminaturi interni u l-persuni li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għoti, l-estensjoni jew it-tiġdid ta’ akkreditazzjoni għandu jkollhom għarfien u esperjenza suffiċjenti biex jevalwaw l-akkreditazzjoni.
Artikolu 14
Esperti tekniċi
1. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jista’ jinkludi esperti tekniċi fit-tim ta’ valutazzjoni sabiex jipprovdu għarfien dettaljat u għarfien espert dwar suġġett speċifiku bl-għan li jkun jista’ jappoġġa lill-assessur ewlieni jew lill-assessur.
2. Espert tekniku għandu jkollu l-kompetenza meħtieġa sabiex jappoġġa b’mod effettiv lill-assessur ewlieni u lill-assessur fis-suġġett li dwaru jkun qed jintalab l-għarfien u l-għarfien espert tiegħu. Barra minn hekk, l-espert tekniku għandu:
|
(a) |
ikollu għarfien suffiċjenti tal-leġiżlazzjoni rilevanti kif ukoll tal-linji gwida applikabbli kif imsemmi fl-Artikolu 32(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU; |
|
(b) |
ikollu fehim suffiċjenti tal-attivitajiet ta’ verifika. |
3. L-esperti tekniċi għandhom iwettqu kompiti speċifikati taħt id-direzzjoni u taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-assessur ewlieni inkwistjoni.
Artikolu 15
Ilmenti
Meta l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun irċieva ilment dwar il-verifikatur mill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv, il-kumpanija tat-tbaħħir, l-Istat tal-bandiera responsabbli għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, jew partijiet interessati oħrajn, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu, fi żmien raġonevoli iżda mhux aktar tard minn 3 xhur mid-data tal-wasla tiegħu:
|
(a) |
jiddeċiedi dwar il-validità tal-ilment; |
|
(b) |
jiżgura li l-verifikatur ikkonċernat jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu; |
|
(c) |
jieħu azzjonijiet xierqa sabiex jindirizza l-ilment; |
|
(d) |
jirreġistra l-ilment u l-azzjoni meħuda; |
|
(e) |
iwieġeb għall-ilment. |
Artikolu 16
Valutazzjoni bejn il-pari
1. Meta l-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkunu soġġetti għal evalwazzjoni regolari bejn il-pari f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jimplimenta kriterji xierqa tal-evalwazzjoni bejn il-pari u proċess effettiv u indipendenti tal-evalwazzjoni bejn il-pari sabiex jivvaluta jekk:
|
(a) |
il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li huwa soġġett għall-evalwazzjoni bejn il-pari jkunx wettaq l-attivitajiet ta’ akkreditazzjoni f’konformità mal-Kapitolu I; |
|
(b) |
il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li tkun qed issirlu l-evalwazzjoni bejn il-pari jkunx issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu jew le. |
2. Il-kriterji għandhom jinkludu rekwiżiti ta’ kompetenza għall-evalwaturi bejn il-pari u għat-timijiet ta’ evalwazzjoni bejn il-pari li huma speċifiċi għar-Regolament (UE) 2023/1805.
3. Il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jippubblika l-eżitu tal-evalwazzjoni bejn il-pari ta’ korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 u jikkomunikah lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni fl-Istati Membri u lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv jew lill-punt fokali msemmi fl-Artikolu 19.
4. Minkejja l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, meta korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni tkun saritlu evalwazzjoni b’suċċess bejn il-pari organizzata mill-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jiġi eżentat milli ssirlu evalwazzjoni ġdida bejn il-pari wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk ikun jista’ juri li huwa konformi ma’ dan ir-Regolament.
5. Għal dak l-għan, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni kkonċernat għandu jissottometti talba flimkien mad-dokumentazzjoni meħtieġa lill-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
6. Il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet għall-għotja ta’ eżenzjoni jkunux intlaħqu.
7. L-eżenzjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ mhux aktar minn 3 snin mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni.
Artikolu 17
Rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi
Minkejja l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, fejn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ma jkunx għadda mill-proċess sħiħ tal-evalwazzjoni bejn il-pari, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati ta’ akkreditazzjoni tal-verifikaturi akkreditati minn dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni dment li l-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 ikun beda evalwazzjoni bejn il-pari għal dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u ma jkun identifika l-ebda nuqqas ta’ konformità tal-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 18
Monitoraġġ tas-servizzi pprovduti
1. Meta Stat Membru jkun stabbilixxa, matul spezzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 31(4) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li verifikatur ma jkunx qed jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv jew il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ dak l-Istat Membru għandhom jinformaw lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur.
2. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jittratta l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni bħala lment skont it-tifsira tal-Artikolu 15 u għandu jieħu azzjoni xierqa u jwieġeb lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv jew lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(3).
KAPITOLU III
SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 19
Skambju ta’ informazzjoni u punti fokali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skambju effettiv ta’ informazzjoni xierqa u kooperazzjoni effettiva bejn il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni tagħhom u l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv.
2. Fejn tinħatar aktar minn awtorità waħda skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2023/1805 fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jawtorizza lil waħda minn dawk l-awtoritajiet biex tkun il-punt fokali għall-iskambju ta’ informazzjoni, għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u għall-attivitajiet imsemmija f’dan il-Kapitolu.
Artikolu 20
Programm ta’ ħidma ta’ akkreditazzjoni u rapport dwar il-ġestjoni
1. Sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jagħmel disponibbli programm ta’ ħidma ta’ akkreditazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv flimkien mal-lista ta’ verifikaturi akkreditati minn dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. Il-programm ta’ ħidma marbut mal-akkreditazzjoni għandu jkun fih, tal-anqas, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta’ kull verifikatur:
|
(a) |
l-informazzjoni dwar l-attivitajiet li l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun ippjana għal dak il-verifikatur, fosthom l-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ rivalutazzjoni; |
|
(b) |
id-dati tal-awditi tax-xhieda antiċipati li għandhom jitwettqu mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għall-valutazzjoni tal-verifikatur; |
|
(c) |
l-informazzjoni dwar jekk il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni talabx lil korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni minn Stat Membru ieħor biex iwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 7(5). |
2. Meta jkun hemm bidliet fl-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jippreżenta programm ta’ ħidma aġġornat lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.
3. Wara s-sottomissjoni tal-programm ta’ ħidma ta’ akkreditazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv għandha tipprovdi lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni u linji gwida nazzjonali applikabbli.
4. Sal-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jagħmel disponibbli rapport ta’ ġestjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv. Ir-rapport dwar il-ġestjoni għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja għal kull verifikatur li dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun akkredita:
|
(a) |
id-dettalji tal-akkreditazzjoni tal-verifikaturi li jkunu għadhom kif ġew akkreditati minn dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni; |
|
(b) |
is-sommarju tar-riżultati tal-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ valutazzjoni mill-ġdid li jkun wettaq il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni; |
|
(c) |
is-sommarju tar-riżultati tal-valutazzjonijiet straordinarji li jkunu saru, inkluż ir-raġunijiet għat-twettiq tagħhom; |
|
(d) |
kwalunkwe lment imressaq kontra l-verifikatur mill-aħħar rapport ta’ ġestjoni u l-azzjonijiet meħuda mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni; |
|
(e) |
id-dettalji tal-azzjonijiet meħuda mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni bi tweġiba għall-informazzjoni li hija kondiviża mill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv. |
Artikolu 21
Skambju ta’ informazzjoni dwar miżuri amministrattivi
Jekk il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun impona miżuri amministrattivi fuq il-verifikatur skont l-Artikolu 10 jew jekk sospensjoni tal-akkreditazzjoni tkun intemmet jew deċiżjoni ta’ appell tkun qalbet id-deċiżjoni ta’ korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jimponi l-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 10, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv u lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni ta’ kull Stat Membru dwar dan.
Artikolu 22
Skambju ta’ informazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv
1. Kull meta jiġu identifikati nuqqasijiet ta’ konformità jew nuqqasijiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv responsabbli għall-kumpaniji li għalihom il-verifikatur ikun qed iwettaq verifika għandha tikkomunika mill-inqas dan li ġej fuq bażi annwali lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lil dak il-verifikatur:
|
(a) |
ir-riżultati rilevanti mill-verifika tar-rapport FuelEU, ir-rapporti parzjali FuelEU, il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra billi tiġi kkalkolata l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord, il-bilanċ tal-konformità, il-waqfiet mhux konformi f’port u r-rapporti ta’ verifika f’każ li l-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv tkun wettqet kontrolli addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2023/1805; |
|
(b) |
ir-riżultati mill-kontrolli addizzjonali tal-kumpanija ta’ tbaħħir kif deskritt fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2023/1805 meta dawk ir-riżultati jkunu rilevanti għall-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jikkonċerna l-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tal-verifikatur jew meta jinkludu kwalunkwe kwistjoni identifikata ta’ data li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2023/1805, id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU.jew dan ir-Regolament; |
|
(c) |
ir-riżultati tal-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni interna tal-verifika ta’ dak il-verifikatur meta l-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ amministrazzjoni tkun evalwat id-dokumentazzjoni; |
|
(d) |
l-ilmenti riċevuti mill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv dwar dak il-verifikatur. |
2. Meta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tipprovdi evidenza li l-awtorità kompetenti tkun identifikat kwistjonijiet fid-data rrapportata li ma ssodisfawx ir-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2023/1805, id-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika FuelEU, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jqis il-komunikazzjoni ta’ dik l-informazzjoni bħala lment mill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv dwar dak il-verifikatur skont it-tifsira tal-Artikolu 15.
3. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jieħu azzjoni xierqa biex jindirizza tali kwistjonijiet u jwieġeb lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv fi żmien raġonevoli, iżda mhux aktar tard minn 3 xhur mid-data tal-wasla. Il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat amministrattiv fit-tweġiba tiegħu dwar l-azzjoni meħuda minnu u, fejn rilevanti, il-miżuri amministrattivi imposti fuq il-verifikatur.
Artikolu 23
Skambju ta’ informazzjoni dwar is-sorveljanza
1. Meta l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal kumpanija li għaliha l-verifikatur iwettaq verifika jkun intalab iwettaq attivitajiet ta’ sorveljanza skont l-Artikolu 7(5), huwa għandu jirrapporta s-sejbiet tiegħu lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn iż-żewġ korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni.
2. Il-korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jikkunsidra s-sejbiet imsemmija fil-paragrafu 1 meta jkun qed jivvaluta jekk il-verifikatur jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
3. Meta s-sejbiet imsemmijin fil-paragrafu 1 juru li l-verifikatur ma jkunx qiegħed jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur għandu jieħu l-azzjoni xierqa skont dan ir-Regolament u għandu jinforma lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun wettaq l-attivitajiet ta’ sorveljanza dwar:
|
(a) |
liema azzjoni tkun ittieħdet mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredita lill-verifikatur; |
|
(b) |
fejn xieraq, kif is-sejbiet ġew solvuti mill-verifikatur; |
|
(c) |
fejn ikun rilevanti, liema miżuri amministrattivi jkunu ġew imposti fuq il-verifikatur. |
Artikolu 24
Skambju ta’ informazzjoni ma’ Stat Membru fejn il-verifikatur ikun stabbilit
Meta verifikatur ikun ingħata akkreditazzjoni minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-verifikatur, il-programm ta’ ħidma tal-akkreditazzjoni u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmi fl-Artikolu 20 għandhom jiġu pprovduti wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-verifikatur.
Artikolu 25
Il-bażijiet tad-data tal-verifikaturi akkreditati
1. Il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni għandhom jistabbilixxu u jimmaniġġjaw bażi tad-data li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku u jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-isem, in-numru tal-akkreditazzjoni u l-indirizz ta’ kull verifikatur akkreditat minn dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni; |
|
(b) |
id-data li fiha tkun ingħatat l-akkreditazzjoni u d-data ta’ skadenza tagħha; |
|
(c) |
informazzjoni dwar il-miżuri amministrattivi imposti fuq il-verifikatur. |
2. Kwalunkwe bidla fl-istatus tal-verifikaturi għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni bl-użu ta’ mudell standardizzat rilevanti.
3. Il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu jiffaċilita u jarmonizza l-aċċess għall-bażijiet tad-data nazzjonali biex jippermetti komunikazzjoni effiċjenti u kosteffettiva bejn il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni, il-verifikaturi, il-kumpaniji tat-tbaħħir u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat amministrattiv. Il-korp jista’ jgħaqqad dawk il-bażijiet tad-data f’bażi tad-data unika u ċentralizzata.
Artikolu 26
Notifika mill-verifikaturi
1. Għall-finijiet li l-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni jkun jista’ jabbozza l-programm ta’ ħidma ta’ akkreditazzjoni u r-rapport dwar il-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 20, verifikatur għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jkun akkredaha sal-15 ta’ Novembru ta’ kull sena:
|
(a) |
il-ħin u l-post tal-verifiki ppjanati li huwa skedat li jwettaq il-verifikatur; |
|
(b) |
l-indirizz tan-negozju u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kumpaniji tat-tbaħħir li l-pjanijiet ta’ monitoraġġ, ir-rapporti dwar FuelEU u r-rapporti parzjali dwar FuelEU tagħhom ikunu soġġetti għall-verifika tiegħu; |
|
(c) |
l-ismijiet tal-membri tat-tim ta’ verifika. |
2. Fejn ikun hemm bidliet fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-verifikatur għandu jinnotifika dak it-tibdil lill-korp ta’ akkreditazzjoni f’perjodu ta’ żmien miftiehem ma’ dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni.
Artikolu 27
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj.
(2) Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/16/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2027 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar attivitajiet ta’ verifika skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L, 2024/2027, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2027/oj).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).
(5) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2917 tal-20 ta’ Ottubru 2023 dwar l-attivitajiet ta’ verifika, l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi u l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ mill-awtoritajiet amministrattivi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 (ĠU L, 2023/2917, 29.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2917/oj).
(6) ISO/IEC 17029:2019 dwar il-valutazzjoni tal-Konformità – Prinċipji ġenerali u rekwiżiti għall-korpi ta’ validazzjoni u verifika, imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1835 tat-3 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istandards armonizzati għall-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità (ĠU L 408, 4.12.2020, p. 6).
(7) Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/123/oj).
(8) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/192/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)