Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R0103

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/103 tat-22 ta’ Jannar 2025 li japprova s-sustanza attiva Betabaculovirus phoperculellae bħala sustanza attiva b’riskju baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

C/2025/234

ĠU L, 2025/103, 23.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/103/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/103/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/103

23.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/103

tat-22 ta’ Jannar 2025

li japprova s-sustanza attiva Betabaculovirus phoperculellae bħala sustanza attiva b’riskju baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Novembru 2018, in-Netherlands irċevew applikazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 mingħand Andermatt Biocontrol Suisse AG għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Phthorimaea operculella granulovirus.

(2)

L-isem Phthorimaea operculella granulovirus inbidel għal Betabaculovirus phoperculellae fl-2023 mill-Kumitat Internazzjonali dwar it-Tassonomija tal-Viruses. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonfermat il-korrettezza xjentifika ta’ din ir-riallokazzjoni tassonomika.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, fis-7 ta’ Ġunju 2019, in-Netherlands, bħala Stat Membru relatur, innotifikaw lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità bl-ammissibbiltà tal-applikazzjoni.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2022, l-Istat Membru relatur ressaq abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u bagħat kopja tiegħu lill-Awtorità, u fih ivvaluta jekk jistax jiġi mistenni li dik is-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

L-Awtorità ċċirkolat l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni li rċeviet mill-Istat Membru relatur lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħrajn. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità talbet li l-applikant iforni informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. Fl-10 ta’ Novembru 2023, il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ġiet ippreżentata mill-Istat Membru relatur lill-Awtorità fil-format ta’ abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni.

(6)

Fit-22 ta’ Lulju 2024, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar jekk is-sustanza attiva inkwistjoni tistax tiġi mistennija li tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-konklużjoni kienet għadha tirreferi għall-isem Phthorimaea operculella granulovirus. L-Awtorità għamelet il-konklużjoni tagħha disponibbli għall-pubbliku.

(7)

Fit-2 ta’ Ottubru 2024 u fl-4 ta’ Diċembru 2024 rispettivament, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ rieżami u abbozz ta’ Regolament dwar il-Betabaculovirus phoperculellae lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(8)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dwar ir-rapport ta’ rieżami. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(9)

Ġie stabbilit li l-kriterji tal-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva, u b’mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta’ rieżami.

(10)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Betabaculovirus phoperculellae hija sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-Betabaculovirus phoperculellae mhijiex sustanza ta’ tħassib u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5.2.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-proċedura għall-approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva, peress li tappartjeni għall-familja Baculoviridae u ma wriet effetti negattivi fuq ebda insett mhux fil-mira.

(11)

Għalhekk huwa xieraq li l-Betabaculovirus phoperculellae tiġi approvata bħala sustanza attiva b’riskju baxx.

(12)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat l-issodisfar tal-limiti fuq il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika rilevanti u l-protezzjoni tal-operaturi u tal-ħaddiema, filwaqt li jitqies li l-mikroorganiżmi kollha huma kkunsidrati bħala sensitizzaturi potenzjali.

(13)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 22(2) tiegħu, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jiġi emendat kif xieraq.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva Betabaculovirus phoperculellae, kif speċifikata fl-Anness I, hija approvata soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness I.

Artikolu 2

Emendi lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance Phthorimaea operculella granulovirus EFSA Journal 2024;22:e8976, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8976.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri tal-identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Betabaculovirus phoperculellae

Mhux applikabbli

L-ebda impurità rilevanti

It-12 ta’ Frar 2025.

It-12 ta’ Frar 2040.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-Betabaculovirus phoperculellae, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan li ġej:

il-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema, filwaqt li jitqies il-fatt li l-mikroorganiżmi kollha jitqiesu bħala sensitizzaturi potenzjali, u filwaqt li jiġi żgurat li t-tagħmir xieraq ta’ protezzjoni personali jkun inkluż bħala kundizzjoni tal-użu;

il-garanzija mill-produttur ta’ manutenzjoni stretta tal-kundizzjonijiet ambjentali u analiżi tal-kontroll tal-kwalità matul il-proċess tal-manifattura, sabiex tiġi żgurata l-aderenza tal-limiti fuq il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif stabbilit fl-OECD Issue Paper on Microbial Contaminants Limits for Microbial Pest Control Products, Nru 65 (2).

Meta jkun xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskji.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.

(2)  L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (2014), OECD Issue Paper on Microbial Contaminants Limits for Microbial Pest Control Products, Series on Pesticides and Biocides, Nru 65, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/9789264221642-en.


ANNESS II

Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni, Numri tal-identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“49

Betabaculovirus phoperculellae

Mhux applikabbli

L-ebda impurità rilevanti

It-12 ta’ Frar 2025.

It-12 ta’ Frar 2040.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-Betabaculovirus phoperculellae, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F’din il-valutazzjoni kumplessiva l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan li ġej:

il-ħarsien tal-operaturi u tal-ħaddiema, filwaqt li jitqies il-fatt li l-mikroorganiżmi kollha jitqiesu bħala sensitizzaturi potenzjali, u filwaqt li jiġi żgurat li t-tagħmir xieraq ta’ protezzjoni personali jkun inkluż bħala kundizzjoni tal-użu;

il-garanzija mill-produttur ta’ manutenzjoni stretta tal-kundizzjonijiet ambjentali u analiżi tal-kontroll tal-kwalità matul il-proċess tal-manifattura, sabiex tiġi żgurata l-aderenza tal-limiti fuq il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif stabbilit fl-OECD Issue Paper on Microbial Contaminants Limits for Microbial Pest Control Products, Nru 65 (2).

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.

(2)  L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (2014), OECD Issue Paper on Microbial Contaminants Limits for Microbial Pest Control Products, Series on Pesticides and Biocides, Nru 65, OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/9789264221642-en.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/103/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top