This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R0089
Commission Implementing Regulation (EU) 2025/89 of 20 January 2025 authorising the placing on the market of UV-treated powder of whole Tenebrio molitor larvae (yellow mealworm) as a novel food and amending Implementing Regulation (EU) 2017/2470
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/89 tal-20 ta’ Jannar 2025 li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tat-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ (dudu tad-dqiq) bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/89 tal-20 ta’ Jannar 2025 li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tat-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ (dudu tad-dqiq) bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470
C/2025/172
ĠU L, 2025/89, 21.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/89/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/89 |
21.1.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/89
tal-20 ta’ Jannar 2025
li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq tat-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ (dudu tad-dqiq) bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid. |
|
(3) |
Fit-30 ta’ Lulju 2019, il-kumpanija Nutri’ Earth (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tintroduċi t-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ (dudu tad-dqiq) bħala ikel ġdid fis-suq tal-Unjoni. L-applikant talab li t-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ jintuża fil-ħobż u fil-bziezen, fil-kejkijiet, fil-prodotti b’bażi ta’ għaġin, fil-prodotti tal-patata pproċessati, fil-ġobon u fil-prodotti tal-ġobon u fiz-zlazi tal-frott u tal-ħxejjex, maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali. |
|
(4) |
Fit-30 ta’ Lulju 2019, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-istudji u d-data xjentifiċi proprjetarji mressqa b’appoġġ għall-applikazzjoni, jiġifieri, id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni (3) u r-riżultati dettaljati tal-analiżijiet tal-kompożizzjoni (4). |
|
(5) |
Fis-17 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex twettaq valutazzjoni tat-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ bħala ikel ġdid. |
|
(6) |
Fit-28 ta’ Marzu 2023, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha bit-titolu “Safety of UV-treated powder of whole yellow mealworm (Tenebrio molitor larvae) as a novel food pursuant to Regulation (EU) 2015/2283” (5) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(7) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li t-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ huwa sikur bil-kundizzjonijiet tal-użu proposti u fil-livelli tal-użu proposti. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tipprovdi bażi suffiċjenti biex jiġi stabbilit li t-trab ittrattat bir-raġġi UV tal-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ, meta jintuża fil-ħobż u fil-bziezen, fil-kejkijiet, fil-prodotti b’bażi ta’ għaġin, fil-prodotti tal-patata pproċessati, fil-ġobon u fil-prodotti tal-ġobon u fiz-zlazi tal-frott u tal-ħxejjex, maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali, jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fis-suq tiegħu f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(8) |
F’dik l-opinjoni, l-Awtorità osservat ukoll li minkejja li t-trattament bir-raġġi UV tat-trab miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ iżid il-kontenut tal-vitamina D3 tiegħu, l-ikel ġdid mhuwiex kontributur dijetetiku sinifikanti tal-vitamina D3. Madankollu, meta jitqies li l-ikel li fih l-ikel ġdid jista’ jispiċċa b’ammont ta’ vitamina D li jitqies sinifikanti skont l-Anness XIII, il-Parti, il-Punt 2 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar dak il-fatt. F’dawn il-każijiet, id-denominazzjoni tal-ikel ġdid għandha tkun akkumpanjata bid-dikjarazzjoni “fih il-vitamina D prodotta mit-trattament bir-raġġi UV” u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għandu jkun fiha l-ammont tal-vitamina D. |
|
(9) |
Abbażi tal-evidenza ppubblikata limitata tal-allerġiji tal-ikel marbuta mal-konsum tal-larvi tat-Tenebrio molitor u tal-evidenza li turi li l-ispeċijiet tal-filu Arthropoda li għalih jappartjeni t-Tenebrio molitor, fihom għadd ta’ proteini potenzjalment allerġeniċi, l-Awtorità kkonkludiet, fl-opinjoni tagħha, li l-konsum tal-ikel ġdid jista’ jwassal ukoll għas-sensitizzazzjoni għall-proteini tal-larvi tat-Tenebrio molitor. Għalhekk, l-Awtorità rrakkomandat li ssir aktar riċerka dwar l-allerġeniċità tal-larvi tat-Tenebrio molitor. |
|
(10) |
Sabiex tindirizza r-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni bħalissa qed tesplora l-modi biex twettaq ir-riċerka meħtieġa dwar l-allerġeniċità tal-larvi tat-Tenebrio molitor. Sakemm id-data ta’ din ir-riċerka tiġi vvalutata mill-Awtorità, u meta jitqies li, sal-lum il-ġurnata, l-evidenza li torbot direttament il-konsum tal-larvi tat-Tenebrio molitor mal-każijiet ta’ sensitizzazzjoni primarja u allerġiji hija limitata, il-Kummissjoni tqis li ma jenħtieġx jiġi inkluż l-ebda rekwiżit ta’ tikkettar speċifiku fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat li jikkonċerna l-potenzjal tat-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ li jikkawża sensitizzazzjoni primarja. |
|
(11) |
Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità qieset ukoll li l-konsum tat-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi fil-persuni li huma allerġiċi għall-krustaċji u għall-akari tat-trab. Barra minn hekk, l-Awtorità osservat li jista’ jkun hemm allerġeni addizzjonali li jispiċċaw fl-ikel ġdid, jekk dawk l-allerġeni jkunu preżenti fis-substrat mitmugħ lill-insetti. Għalhekk, jixraq li l-ikel li fih it-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ jiġi ttikkettat kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(12) |
Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità osservat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tat-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ kienet ibbażata fuq l-istudji u d-data xjentifiċi dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni u fuq ir-riżultati dettaljati tal-analiżijiet tal-kompożizzjoni, li mingħajrhom ma setgħetx tivvaluta l-ikel ġdid u tasal għall-konklużjoni tagħha. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni pprovduta fir-rigward tal-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dawk l-istudji u d-data xjentifiċi u biex jiċċara t-talba tiegħu għal dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283. |
|
(14) |
L-applikant iddikjara li kellu d-drittijiet proprjetarji u esklużivi ta’ referenza għall-istudji u d-data xjentifiċi dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni u għar-riżultati dettaljati tal-analiżi tal-kompożizzjoni, skont id-dritt nazzjonali fiż-żmien meta ressaq l-applikazzjoni, u li l-partijiet terzi ma jistgħux jaċċessaw, jużaw jew jirreferu għal dik id-data u għal dawk l-istudji b’mod legali. |
|
(15) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u qieset li dan kien ta biżżejjed provi li kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, jenħtieġ li l-istudji u d-data xjentifiċi dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni u r-riżultati dettaljati tal-analiżijiet tal-kompożizzjoni jiġu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat jintroduċi t-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ fis-suq fl-Unjoni fil-5 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(16) |
Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tat-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ u tar-referenza għall-istudji u d-data xjentifiċi li jinsabu fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba legalment li tappoġġa din l-awtorizzazzjoni. |
|
(17) |
Jenħtieġ li t-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. It-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ huwa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.
It-trab ittrattat bir-raġġi UV miksub mil-larvi tat-Tenebrio molitor sħaħ għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.
2. L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-kumpanija Nutri’Earth (7) biss hija awtorizzata li tintroduċi fis-suq fl-Unjoni l-ikel il-ġdid, imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ 5 snin mill-10 ta’ Frar 2025, sakemm ma jkunx hemm xi applikant sussegwenti li jikseb awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi qbil ma’ Nutri’Earth.
Artikolu 3
Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhiex tintuża għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr qbil ma’ Nutri’Earth.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).
(3) Nutri’Earth 2019, 2020, 2021 u 2022 (mhux ippubblikati).
(4) Nutri’Earth 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 (mhux ippubblikati).
(5) EFSA Journal 2023;21(5):8009.
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1169/oj).
(7) Nutri’Earth 68, rue Louis Joseph Gay Lussac, 62220 Carvin, Franza.
ANNESS
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(2) |
fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/89/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)