Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025H03962

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2025 li tippermetti liċ-Ċekja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)

ST/10465/2025/INIT

ĠU C, C/2025/3962, 20.8.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3962/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3962/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3962

20.8.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Lulju 2025

li tippermetti liċ-Ċekja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263

(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)

(C/2025/3962)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali, flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma' infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.

(2)

Ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f'rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 17(1) jew mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta' kull Stat Membru u huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f'dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal erba' jew ħames snin, li hija bbażata fuq perjodu ta' aġġustament ta' erba' snin li jista' jiġi estiż b'perjodu addizzjonali ta' massimu ta' tliet snin.

(3)

Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fil-każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri, u li għandhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f'konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien erba' ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista' jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill, fejn (i) ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta' periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta' żmien għal tali devjazzjoni.

(4)

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE, li ltaqgħu f'Versailles fl-10 u fil-11 ta' Marzu 2022, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża minħabba l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta' Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni, b'mod koordinat u bħala miżura immedjata, tal-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta' Marzu 2025 (4), il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-flessibbiltà prevista fil-klawżola liberatorja nazzjonali b'mod ikkoordinat bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt fuq il-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn livelli ogħla ta' nfiq fid-difiża dment li ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Dik il-Komunikazzjoni tispjega li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprova l-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxi l-perkorsi korrettivi skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, sakemm id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbel mas-sena ta' referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx il-1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Massimu bħal dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta' nefqa fid-difiża. L-ammonti eżatti ser jiġu ddeterminati meta d-data tal-eżitu ssir disponibbli, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 (5) approvat il-perkors tan-nefqa netta taċ-Ċekja.

(7)

Fit-22 ta' Mejju 2025, iċ-Ċekja ressqet talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali.

(8)

Fit-talba tagħha, iċ-Ċekja tistipula li, f'kuntest ta' tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja li għadha għaddejja kontra l-Ukrajna u t-theddida tagħha għas-sigurtà Ewropea jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din hija sitwazzjoni eċċezzjonali barra mill-kontroll ta' kull Stat Membru.

(9)

Fit-talba tagħha, iċ-Ċekja tirrapporta data dwar in-nefqa totali fid-difiża (it-Tabella 1). Barra minn hekk, għas-snin li ġejjin, iċ-Ċekja tipprevedi żidiet b'mill-inqas 0,2 punti perċentwali kull sena, bl-objettiv li n-nefqa pubblika totali fuq id-difiża tilħaq 3 fil-mija tal-PDG fl-2030 bl-użu tad-definizzjoni tan-NATO. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa għad-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi taċ-Ċekja.

Tabella 1: Infiq totali għad-difiża fiċ-Ċekja

 

2021

2022

2023

2024

2025

Nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż (% tal-PDG)

0,9

1,0

1,2

mhux applikabbli

mhux applikabbli

Sors: Eurostat.

(10)

Jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, żieda fin-nefqa matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali ser twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi mmexxija mill-Kummissjoni u bis-suppożizzjoni, sal-2028, ta' adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa minn din ir-rakkomandazzjoni jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-defiċit mal-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 ikunu 1,3 pps. u 2,7 pps. ogħla, rispettivament, milli kieku n-nefqa netta tikber f'konformità mal-perkors stabbilit mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/666. Dan x'aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta' attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-qafas fiskali, inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa' fuq perkors ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-defiċit jibqa' jew jinġieb taħt it-3 % tal-PDG u jinżamm taħt il-valur referenzjarju fuq terminu medju. Iċ-Ċekja tirrikonoxxi li, fil-futur, nefqa strutturali ogħla għad-difiża tista' tirrikjedi politiki li jħarsu s-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq terminu medju. Iż-żieda limitata projettata fil-livelli tad-defiċit u tad-dejn ikkawżata mill-klawżola liberatorja nazzjonali, flimkien mal-impenn tal-awtoritajiet li jimplimentaw l-aġġustament meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-qafas fiskali fiċ-ċiklu ta' pjanijiet li jmiss, jiżguraw li s-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreservata fuq terminu medju.

(11)

Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż tiġi kkompilata u rrilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) (6) fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA2010) (7). Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. L-Eurostat, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, ser jistabbilixxi proċess ta' ġbir ta' data. Il-punt tat-tluq għandu jkun il-kategoriji ta' difiża tal-COFOG, filwaqt li titqies ukoll id-definizzjoni tan-NATO u tinżamm il-possibbiltà li jiġu indirizzati anomaliji li jistgħu jkunu attribwibbli għal differenzi fis-sistemi ta' rapportar annwali rispettivi. Il-proċess tal-ġbir tad-data jeħtieġ li jkun allinjat mal-iskadenzi għar-rapportar tal-PDE.

(12)

Barra minn hekk, xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta' attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jistgħu jinvolvu konsenji fi stadju aktar tard, u b'hekk ikollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi biss wara l-perjodu ta' attivazzjoni tal-klawżola. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, il-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għandha tapplika wkoll għan-nefqa fid-difiża marbuta ma' tali konsenja aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta' attivazzjoni tal-klawżola u li dan l-infiq ittardjat fid-difiża jibqa' fil-limitu ġenerali msemmi.

(13)

In-nefqa ffinanzjata mis-self ipprovdut mill-istrument il-ġdid ta' Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) (8) għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża, ser tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat in-nefqiet kollha relatati mad-difiża, li jsiru fil-qafas tal-Istrument SAFE, taħt il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għal skopijiet ta' difiża” kif definiti fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Istrument SAFE.

(14)

Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta' defiċit, dejn u nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti għandha tiġi kkompilata u rrapportata miċ-Ċekja f'konformità mar-Regolamenti (UE) 2024/1263, Nru 479/2009 (9) u Nru 549/2013.

B'DAN JIRRAKKOMANDA:

1.

Matul il-perjodu 2025-2028, iċ-Ċekja titħalla tiddevja minn, u taqbeż, ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/666 sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta' tkabbir ma tkunx aktar minn:

i)

iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f'perċentwal tal-PDG mill-2021;

ii)

dment li d-devjazzjoni li taqbeż ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta ma taqbiżx il-1,5 % tal-PDG.

2.

Fis-snin wara l-2028, iċ-Ċekja xorta tista' tiddevja minn, u taqbeż, ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 17 jew 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta' tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta' tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa' fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq.

3.

F'konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b'din ir-Rakkomandazzjoni mhux ser jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta' kontroll taċ-Ċekja.

4.

Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, iċ-Ċekja għandha tinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG), inkluż l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG) u kwalunkwe nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mis-self SAFE li mhix koperta fil-COFOG-02:

a)

għas-snin T-4, T-3, T-2 u T-1 (bis-sena T tkun is-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (Eurostat) f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2009;

b)

għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta' progress annwali f'konformità mal-Artikolu 11(1), mal-Artikolu 15, u mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata liċ-Ċekja.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/2024-04-30).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C (2025) 2000 final) tad-19 ta' Marzu 2025.

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali strutturali nazzjonali fuq terminu medju taċ-Ċekja (ĠU C, C/2025/666, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/666/oj).

(6)  Manwal dwar is-sorsi u l-metodi għall-kompilazzjoni tal-istatistika tal-COFOG – Klassifikazzjoni tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) – edizzjoni tal-2019.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3962/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top