This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025D2350
Council Decision (EU) 2025/2350 of 13 November 2025 on the position to be taken on behalf of the European Union within the Committee of Ministers of the Council of Europe on the Draft Recommendation on equality and artificial intelligence
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2350 tat-13 ta’ Novembru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-Abbozz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2350 tat-13 ta’ Novembru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-Abbozz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali
ST/14722/2025/INIT
ĠU L, 2025/2350, 17.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2350/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2350 |
17.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2350
tat-13 ta’ Novembru 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-Abbozz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill tal-Ewropa għandu l-għan li jadotta rakkomandazzjoni biex jindirizza l-impatt tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (“IA”), il-potenzjal tagħhom għall-promozzjoni tal-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u r-riskji li jistgħu jġibu magħhom b’rabta man-nondiskriminazzjoni (ir-“Rakkomandazzjoni”). Ir-Rakkomandazzjoni mistennija tiġi approvata mill-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (“GEC”) tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni u dwar id-Diversità u l-Inklużjoni (“CDADI”), matul is-sessjoni plenarja konġunta tagħhom f’Novembru 2025 u għandha tiġi adottata formalment mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. |
|
(2) |
Ir-Rakkomandazzjoni għan li tassisti lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-promozzjoni tal-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u li tipprevjeni u tiġġieled kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, fl-attivitajiet kollha tagħhom u dawk tal-atturi pubbliċi u privati tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-IA. Ir-Rakkomandazzjoni tiffoka fuq l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali u, filwaqt li mhijiex strument ta’ implimentazzjoni, tfittex li żżomm koerenza mal-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt (il-“Konvenzjoni Qafas”), li ġiet iffirmata mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2218 (1). |
|
(3) |
Il-Konvenzjoni Qafas tistipula prinċipji u obbligi ġenerali li l-partijiet għall-Konvenzjoni Qafas jenħtieġ li josservaw biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, u tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-IA. Il-Kummissjoni pproponiet li l-Unjoni tikkonkludi l-Konvenzjoni Qafas. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tinsab fil-proċess li tiġi adottata mill-Kunsill. |
|
(4) |
Fit-13 ta’ Ġunju 2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw, abbażi tal-Artikoli 16 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jistipula regoli armonizzati, ġeneralment ibbażati fuq armonizzazzjoni sħiħa, li jirregolaw l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz u l-użu tas-sistemi tal-IA fl-Unjoni. Dawk ir-regoli huma direttament applikabbli fl-Istati Membri, sakemm ma jkunx espliċitament previst mod ieħor. |
|
(5) |
Il-Konvenzjoni Qafas trid tiġi implimentata fl-Unjoni esklużivament permezz tar-Regolament (UE) 2024/1689 u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, fejn applikabbli. |
|
(6) |
Ir-Rakkomandazzjoni mhijiex legalment vinkolanti għall-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Ser ikollha l-kapaċità li tipproduċi effetti legali, jiġifieri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1689, fejn ikollha l-kapaċità li tinfluwenza b’mod deċiżiv il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikoli 40(3) u 56(1) ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni fis-sessjoni plenarja konġunta tal-GEC u s-CDADI, kif ukoll fil-Kumitat tal-Ministri. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rakkomandazzjoni jew strument oħra li jistgħu jiġu adottati fil-futur taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Ewropa jew f’fora internazzjonali oħra. |
|
(7) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tar-Rakkomandazzjoni jikkoinċidi, fil-biċċa l-kbira, mar-Regolament (UE) 2024/1689, li jistabbilixxi regoli għall-IA li b’mod ġenerali huma bbażati fuq armonizzazzjoni sħiħa fl-Unjoni. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tiżgura li r-Rakkomandazzjoni tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-Regolament (UE) 2024/1689. Għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi tal-IA li huma armonizzati għalkollox fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Unjoni jkollha l-għan li tiżgura li r-Rakkomandazzjoni tkun konsistenti mar-Regolament (UE) 2024/1689 u mal-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni Qafas. |
|
(9) |
Dment li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, ir-Rakkomandazzjoni tista’ tiġi approvata f’isem l-Unjoni fis-sessjoni plenarja konġunta tal-GEC u tas-CDADI li hija skedata li ssir f’Novembru 2025 u tiġi adottata f’laqgħa sussegwenti fil-Kumitat tal-Ministri. |
|
(10) |
Billi l-Unjoni mhijiex membru tal-Kunsill tal-Ewropa iżda l-Istati Membri kollha huma membri, il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri tagħha, li jaġixxu b’mod konġunt, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sessjoni plenarja konġunta tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (il-“GEC”) tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni u dwar id-Diversità u l-Inklużjoni (is-“CDADI”), kif ukoll fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Ministri, għandha tkun li ma jkunx hemm oġġezzjoni għall-approvazzjoni u l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza u l-intelliġenza artifiċjali minħabba li, għalkemm mhijiex vinkolanti, ir-Rakkomandazzjoni għandha l-kapaċità li tipproduċi effetti legali fl-ordni legali tal-Unjoni, dment li ma ssir l-ebda bidla li tirrakkomanda miżuri li jkunu inkonsistenti ma’, jew li jeċċedu, l-obbligi fuq il-fornituri u l-amministraturi tas-sistemi tal-IA stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2024/1689, fit-test tal-abbozz tar-Rakkomandazzjoni (3).
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni, li jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
S. LOSE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2218 tat-28 ta’ Awwissu 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt (ĠU L, 2024/2218, 4.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2218/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).
(3) GEC/ADI-AI(2024)7rev6, Ottubru 2025.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2350/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)