Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D2182

Deċiżjoni (UE) 2025/2182 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Ottubru 2025 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2025/36)

ECB/2025/36

ĠU L, 2025/2182, 28.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2182/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2182/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2182

28.10.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/2182 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Ottubru 2025

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2025/36)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fl-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza biex jieħu miżuri biex jipproteġi l-integrità ta’ karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ pagament u ħażna ta’ valur. Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew (1) tistabbilixxi regoli u proċeduri komuni dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, huwa meħtieġ xi titjib ulterjuri ta’ ċerti regoli u proċeduri.

(2)

Il-cash handlers huma obbligati li jgħaddu karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz għall-awtentikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti immedjatament, sa mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara li jiġu ddepożitati f’magna li timmaniġġja l-karti tal-flus. Madankollu, f’xi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, perċentwal għoli ta’ dawn il-karti tal-flus tal-euro spiss jiġu awtentikati bħala ġenwini mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għalhekk, għadd kbir ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini qed jintbagħtu bla bżonn lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal analiżi ulterjuri, li barra minn hekk iwassal għal dewmien bla bżonn fl-ikkreditar tal-ammont korrispondenti lid-detentur tal-kont. Huwa għalhekk meħtieġ li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jingħataw is-setgħa, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti, li jawtorizzaw l-ipproċessar mill-ġdid ta’ karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz minn cash handlers. Meta l-karti tal-flus tal-euro jiġu kklassifikati bħala karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz kemm mill-ewwel kif ukoll mit-tieni magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, dawn għandhom jiġu mgħoddija mill-cash handlers lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-karti tal-flus tal-euro kklassifikati bħala karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz mill-ewwel magna li timmaniġġja l-karti tal-flus għandhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus.

(3)

Il-cash handlers huma meħtieġa jgħaddu karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u jipprovdulhom l-informazzjoni disponibbli relatata mad-detentur tal-kont. Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li dan l-obbligu tal-aħħar japplika mhux biss f’każijiet fejn il-karti tal-flus tal-euro huma kklassifikati minn magni mħaddma mill-klijent, iżda wkoll minn magni mħaddma mill-persunal u fejn il-karti tal-flus tal-euro huma kklassifikati wara verifika manwali tal-awtentiċità minn membru tal-persunal imħarreġ.

(4)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u effiċjenza, huwa meħtieġ li l-kliem tal-Artikolu 5 jiġi allinjat ma’ dak tal-Annessi IIa u IIb tad-Deċiżjoni.

(5)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Identifikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro foloz

Karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz u karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar wara klassifikazzjoni mwettqa f’konformità mal-Anness IIa jew IIb jew wara verifika manwali tal-awtentiċità minn membru tal-persunal imħarreġ għandhom minnufih, f’konformità mar-regolamenti nazzjonali u fi kwalunkwe każ fi żmien massimu ta’ 20 jum tax-xogħol, jingħataw mill-cash handlers lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jew lill-BĊN, rispettivament. Karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz għandhom jingħataw flimkien mal-informazzjoni kollha disponibbli relatata mad-detentur tal-kont.”

;

(2)

L-Annessi IIa u IIb huma emendati f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Cash handlers ta’ Stati Membri li jadottaw l-euro wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikawha sa mid-data tal-adozzjoni tal-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Ottubru 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni BĊE/2010/14 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 267, 9.10.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/597/oj).


ANNESS

L-Annessi IIa u IIb għad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 huma emendati kif gej:

1.

L-Anness IIa huwa emendat kif gej:

(a)

il-paragrafu 4 li ġej jiżdied taħt it-Tabella 1, taħt it-titlu “Regoli speċifiċi dwar it-Tabella 1:”:

“4.

Il-BĊNi jistgħu jawtorizzaw, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-ipproċessar mil-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 minn cash handlers. Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi ppubblikata debitament mill-BĊN. Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 jistgħu għalhekk jiġu proċessati mill-ġdid biss minn cash handlers meta l-BĊN tal-Istat Membru tagħhom ikun awtorizza l-ipproċessar mill-ġdid. L-ipproċessar mill-ġdid irid jikkonforma mar-regoli li ġejjin.

Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 jistgħu jiġu pproċessati mill-ġdid fuq kwalunkwe tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess. Dawn il-karti tal-flus imbagħad jiġu ttrattati bħala li ġew ikklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus, skont ir-regoli stabbiliti fit-Tabella 1. B’deroga mir-regoli stabbiliti fit-Tabella 1, il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 oriġinali kklassifikati bħala karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ma għandhomx jintużaw għar-riċirkulazzjoni. Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija oriġinali 2 ikklassifikati bħala karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a jew tal-kategorija 4b mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus għandhom jingħataw lill-BĊN minnufih wara li jkunu ġew ipproċessati mill-ġdid u kklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus.”;

(b)

il-paragrafu 4 li ġej jiżdied taħt it-Tabella 2, taħt it-titlu “Regoli speċifiċi dwar it-Tabella 2:”:

“4.

Il-BĊNi jistgħu jawtorizzaw, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-ipproċessar mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 minn cash handlers. Din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi ppubblikata debitament mill-BĊN. Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 jistgħu jiġu ipproċessati mill-ġdid biss minn cash handlers meta l-BĊN tal-Istat Membru tagħhom ikun awtorizza l-ipproċessar mill-ġdid. L-ipproċessar mill-ġdid irid jikkonforma mar-regoli li ġejjin.

Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 jistgħu jiġu ipproċessati mill-ġdid fuq kwalunkwe tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess. Dawn il-karti tal-flus imbagħad jiġu ttrattati bħala li ġew ikklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus, skont ir-regoli stabbiliti fit-Tabella 2. B’deroga mir-regoli stabbiliti fit-Tabella 2, it-traċċabilità tal-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija oriġinali 2 għad-detentur tal-kont oriġinali (jekk disponibbli) jeħtieġ li tinżamm ukoll f’każ li dawn il-karti tal-flus jiġu kklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus bħala karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 3. Barra minn hekk, il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 oriġinali kklassifikati bħala karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ma għandhomx jintużaw għar-riċirkulazzjoni. Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2 oriġinali kklassifikati bħala karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a jew tal-kategorija 4b mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus għandhom jingħataw lill-BĊN minnufih wara li jkunu ġew ipproċessati mill-ġdid u kklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus.”;

2.

fl-Anness IIb, fit-Tabella 1, taħt il-kolonna “Trattament”, it-tieni ringiela, is-sentenza “dawn huma pproċessati separatament u jingħataw għall-awtentikazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minnufih mhux iktar tard minn 20 jum tax-xoghol wara d-depozitu fl-magna” hija sostitwita bi “dawn jiġu pproċessati separatament u jingħataw għall-awtentikazzjoni finali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti immedjatament, mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara l-ipproċessar mill-magna, flimkien mal-informazzjoni relatata mad-detentur tal-kont, jekk disponibbli.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2182/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top