Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D1255

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/1255 tat-23 ta’ Ġunju 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

ST/9911/2025/INIT

ĠU L, 2025/1255, 23.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1255/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1255/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1255

23.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1255

tat-23 ta’ Ġunju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 (1).

(2)

Fit-8 ta' Diċembru 2020, permezz tad-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta' ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-realizzazzjoni tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għal kull persuna hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha.

(3)

F'Marzu 2025, mewġa ta' vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja ħolqot għadd kbir ta' vittmi, inkluż bosta persuni ċivili. Fil-11 ta' Marzu 2025, ir-Rappreżentant Għoli ħarġet dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li fiha l-Unjoni kkundannat id-delitti orribbli mwettqa kontra persuni ċivili, inkluż qtil arbitrarju. Barra minn hekk, l-atturi relatati mar-reġim preċedenti ta' al-Assad għad għandhom rwol destabbilizzanti u huma responsabbli għal jew jipprovdu appoġġ għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja.

(4)

F'dak il-kuntest, jenħtieġ li ħames persuni jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta' Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1999/oj).


ANNESS

Fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999, l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“121.

Miqdad Lu'ay FATIHA

magħruf ukoll bħala Miqdad FATIHA, Miqdad FUTAIHA, Abu Jafar, Abu Jaafar, Abu Ja' afar

مقداد لؤيّ فتيحة

مقداد فتيحة

(Ortografija Għarbija)

Data tat-twelid: 19.6.1989

Post tat-twelid: Jableh, Latakia, Syria

Nazzjonalità: Sirjana

Sess: raġel

Indirizz: Syria/Lebanon

Miqdad Fatiha huwa eks membru tal-Gwardja Repubblikana Sirjana, li minn dak iż-żmien 'l hawn ġiet xolta. F'dan ir-rwol kien responsabbli għal ħafna ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u trattament krudili ieħor tal-priġunieri.

Wara l-waqgħa tar-reġim ta' al-Assad f'Diċembru 2024, Miqdad Fatiha fforma milizzji fir-reġjuni kostali tas-Sirja, li kebbsu tensjonijiet settarji u inċitament għall-vjolenza. L-unitajiet taħt il-kmand tiegħu kienu involuti fil-vjolenza settarja ta' Marzu 2025 fir-reġjun kostali tas-Sirja li rriżultat fit-telf ta' mijiet ta' ħajjiet ta' ċivili.

Bħala l-mexxej tal-milizzji, Miqdad Fatiha huwa għalhekk responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u trattament krudili, inuman u degradanti ieħor.

23.6.2025

122.

Ghaith DALLA

magħruf ukoll bħala Ghiath Suleiman DALLA, Ghyath DALLA, Ghayth DALLA

غياث سليمان دلا

غياث سليمان دلّا

(Ortografija Għarbija)

Data tat-twelid: 31.7.1971

Post tat-twelid: Beit Yashout, Syria

Nazzjonalità: Sirjana

Sess: raġel

Individwi assoċjati: Maher Al-Assad

Entitajiet assoċjati: Fourth Division of the Syrian Army, Military Council for the Liberation of Syria

Ghaith Dalla huwa eks Brigadier Ġeneral mal-magħrufa Fourth Army Division tas-Sirja waqt ir-reġim ta’ al-Assad. F'dan ir-rwol, kien responsabbli għal ħafna ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem dokumentati sewwa, inkluż qtil ekstraġudizzjarju u pieni krudili bl-użu tal-ġuħ.

Wara l-waqgħa tar-reġim ta' al-Assad, Ghaith Dalla stabbilixxa u mexxa l-‘Military Council for the Liberation of Syria’ f'Marzu 2025. Il-milizzja tiegħu minn dak iż-żmien 'l hawn kebbset tensjonijiet settarji u inċitat il-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja. L-unitajiet ta' Ghaith Dalla kienu involuti fil-vjolenza settarja ta' Marzu 2025 fir-reġjun kostali tas-Sirja li rriżultat fit-telf ta' mijiet ta' ħajjiet ta' ċivili.

Għalhekk, Ghaith Dalla huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem.

23.6.2025

123.

Suhayl AL-HASAN

magħruf ukoll bħala Suhail Salman AL-HASAN, Suhail AL-HASSAN

سهيل سلمان الحسن

(Ortografija Għarbija)

Data tat-twelid: 10.6.1970

Post tat-twelid: Jableh, Latakia, Syria

Nazzjonalità: Sirjana

Sess: raġel

Indirizz: Tartus, Syria

Suhayl al-Hasan huwa Eks Kmandant tad-Division 25 Special Mission Forces tal-forzi armati Sirjani taħt ir-reġim ta’ al-Assad. F'dan ir-rwol, kif ukoll fil-bosta karigi oħra li kellu fil-Forzi Armati Sirjani, wettaq u ssorvelja għadd kbir ta' ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem li jinkludu tortura, qtil extraġudizzjarju u arresti arbitrarji. Irrappurtat ukoll li ssorvelja l-użu ta' armi kimiċi.

Wara l-waqgħa tar-reġim ta' al-Assad, Suhayl al-Hasan stabbilixxa l-‘Coastal Shield Brigade’ f'Marzu 2025. Il-milizzja tiegħu minn dak iż-żmien 'l hawn kebbset tensjonijiet settarji u inċitat il-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja. L-unitajiet ta' Suhayl al-Hasan kienu involuti fil-vjolenza settarja ta' Marzu 2025 fir-reġjun kostali tas-Sirja li rriżultat fit-telf ta' mijiet ta' ħajjiet ta' ċivili.

Għalhekk, Suhayl al-Hasan huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem.

23.6.2025

124.

Mudalal KHOURY

magħruf ukoll bħala Madalal (Mtanyus) KHURI, Mudallal KHOURY, Mudallal KHOURI

مدلل خوري

(Ortografija Għarbija)

Data tat-twelid: 18.6.1957

Post tat-twelid: Homs, Syria

Nazzjonalità: Sirjana, Russa

Sess: raġel

Indirizz: Moscow

Individwu assoċjat: Imad Khoury

Mudalal Khoury huwa negozjant Sirjan-Russu li jopera mir-Russja. Huwa wieħed mill-aktar negozjanti Sirjani prominenti li appoġġaw ir-reġim ta' al-Assad. F'kuntest fejn ir-reġim ta' al-Assad uża ‘barrel bombs’ u armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili tas-Sirja, Mudalal Khoury rrappreżenta l-interessi kummerċjali u finanzjarji tar-reġim fir-Russja. Fost affarijiet oħra, ipprovda kumpaniji fittizji biex jintużaw għall-programmi ta' armi kimiċi u ballistiċi tar-reġim ta’ al-Assad.

Għalhekk, Mudalal Khoury ipprovda appoġġ finanzjarju, tekniku u materjali għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari delitti kontra l-umanità.

23.6.2025

125.

Imad KHOURY

magħruf ukoll bħala Emad KHOURY, Mtanyus KHURY, KHURI, KHOURI

عماد خوري

(Ortografija Għarbija)

Data tat-twelid: 3.10.1964

Nazzjonalità: Sirjana, Russa

Sess: raġel

Individwu assoċjat: Mudalal Khoury

Imad Khoury huwa wieħed mill-aktar negozjanti Sirjani prominenti li appoġġaw ir-reġim ta' al-Assad. F'kuntest fejn ir-reġim ta' al-Assad uża ‘barrel bombs’ u armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili tas-Sirja, Imad Khoury rrappreżenta l-interessi kummerċjali u finanzjarji tar-reġim. Fost affarijiet oħra, waqqaf kumpanija li kienet parti minn skema ta' ħasil tal-flus li kienet tappoġġa lir-reġim ta’ al-Assad. B'dan il-mod, flimkien ma' ħuh Mudalal Khoury, għen fil-finanzjament tad-delitti gravi kontra l-umanità mwettqa taħt ir-reġim ta' al-Assad.

Għalhekk, Imad Khoury ipprovda appoġġ finanzjarju, tekniku u materjali għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari delitti kontra l-umanità.

23.6.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1255/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top