Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D0873

Deċiżjoni (UE) 2025/873 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ April 2025 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti (BĊE/2022/33) (BĊE/2025/13)

ECB/2025/13

ĠU L, 2025/873, 12.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/873/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/873/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/873

12.5.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/873 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-24 ta’ April 2025

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti (BĊE/2022/33) (BĊE/2025/13)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 6(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/34) (2), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw is-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) għall-fini ta’ kooperazzjoni mas-SEBĊ u ma’ xulxin sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(2)

Skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/33) (3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ċerti servizzi tas-SEBĊ, u jistgħu jużaw servizzi oħra tas-SEBĊ, skont it-termini pprovduti f’dik id-Deċiżjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 (BĊE/2022/33) tapplika għas-servizzi tas-SEBĊ li huma speċifikati fil-listi eżawrjenti stabbiliti fl-Anness I u l-Anness II ta’ dik id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, l-Anness I jispeċifika s-servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti kollha huma meħtieġa jużaw fit-twettiq tal-kompiti tagħhom fi ħdan l-MSU, filwaqt li l-Anness II jispeċifika s-servizzi tas-SEBĊ li l-awtoriitajiet kompetenti jistgħu, fuq bażi volontarja, jiddeċiedu li jużaw fit-twettiq tal-kompiti tagħhom fi ħdan l-MSU.

(4)

Is-servizzi tas-SEBĊ huma pprovduti lill-banek ċentrali tas-SEBĊ biex jappoġġaw it-twettiq tal-kompiti tagħhom. Is-servizzi tal-istatistika tas-SEBĊ huma żviluppati, immexxija u miżmuma minn bank ċentrali wieħed jew aktar tas-SEBĊ u mmexxija mill-Kumitat tal-Istatistika tas-SEBĊ.

(5)

Il-Proġett dwar Kompiti Operativi tad-Dizzjunarju tar-Rappurtar Integrat tal-Bank (BIRD OT) huwa servizz ta’ statistika tas-SEBĊ li jinkludi mudell ta’ data u dizzjunarju tar-rappurtar integrati u armonizzati u, għalhekk, huwa intiż sabiex itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità, il-konsistenza u l-preċiżjoni tad-data rrappurtata lill-banek ċentrali permezz tar-rappurtar tal-istatistika. L-użu ta’ BIRD OT iħaddan kooperazjoni fil-qasam tar-rappurtar regolatorju, peress illi l-aġenti tar-rappurtar u l-aġenti taħt superviżjoni kollha li jużaw BIRD OT se japplikaw mudell ta’ data uniformi u dizzjunarju tar-rappurtar. Għaldaqstant BIRD OT ikun ukoll ta’ benefiċċju għall-awtoritajiet kompetenti kollha li lilhom meħtieġ li jiġu sottomessi rapporti ta’ data superviżorji.

(6)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel, effettiv u konsistenti tal-MSU, l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) fi ħdan l-MSU jenħtieġ li jinkludu arranġamenti għall-użu minn dawk l-ANK tal-BIRD OT sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 (BĊE/2022/33) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Anness I għad-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 (BĊE/2022/33) huwa ssostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ April 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni (UE) 2022/1982 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2022 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw, u li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/1 (BĊE/2022/34) (ĠU L 272, 20.10.2022, p. 29).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2022/1981 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2022 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti (BĊE/2022/33) (ĠU L 272, 20.10.2022, p. 22).


ANNESS

L-Anness I għad-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 (BĊE/2022/33) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Servizzi tas-SEBĊ li l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa jużaw

AnaCredit (Anacredit)

Proġett dwar Kompiti Operativi tad-Dizzjunarju tar-Rappurtar Integrat tal-Bank (BIRD OT)

Bażi ta’ Data Ċentralizzata tat-Titoli (CSDB)

CoreNet

Enterprise Service Bus (ESB)

Identity and Access Management Service (IAM)

Bażi ta’ Data tar-Reġistru tal-Istituzzjonijiet u l-Affiljati (RIAD)

Bażi ta’ Data tal-Istatistika tal-Investimenti fit-Titoli (SHSDB)

”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/873/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top