This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025D0613
Commission Implementing Decision (EU) 2025/613 of 24 March 2025 concerning certain emergency measures relating to foot and mouth disease in Hungary and repealing Implementing Decision (EU) 2025/496 (notified under document C(2025) 1898)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/613 tal-24 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 (notifikata bid-dokument C(2025) 1898)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/613 tal-24 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 (notifikata bid-dokument C(2025) 1898)
C/2025/1898
ĠU L, 2025/613, 25.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/613/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 30/03/2025; Imħassar b' 32025D0672
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/613 |
25.3.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/613
tal-24 ta’ Marzu 2025
dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496
(notifikata bid-dokument C(2025) 1898)
(It-testi bl-Ungeriż u bis-Slovakk biss huma awtentiċi)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1), il-punt (c), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija marda virali infettiva li taffettwa lill-mammiferi tal-ordni Artiodactyla u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u tikkawża tfixkil għall-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. |
|
(2) |
F’każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali tal-ispeċijiet elenkati, hemm riskju serju li dik il-marda tinfirex lejn stabbilimenti oħra li jżommu l-annimali tal-ispeċijiet elenkati. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. L-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti oħra madwar jew li jmissu ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/496 (4) ġiet adottata abbażi tar-Regolament (UE) 2016/429, u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza interim relatati mat-tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fi stabbiliment li jżomm l-annimali bovini fil-Kontea ta’ Győr-Moson-Sopron fl-Ungerija, li ġie kkonfermat fis-6 ta’ Marzu 2025, qrib ħafna tal-fruntiera mas-Slovakkja. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 tipprevedi li wara dik it-tifqigħa, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti fl-Ungerija u ż-żona ta’ sorveljanza stabbilita fis-Slovakkja, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 għandhom jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 tipprevedi li l-miżuri meħtieġa li jridu jiġu applikati f’dawk iż-żoni jridu jiġu applikati mill-inqas sad-dati elenkati f’dak l-Anness. |
|
(5) |
Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 ’l hawn, il-miżuri ta’ emerġenza li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza elenkati fl-Anness tagħha, u l-iskeda ta’ żmien għall-applikazzjoni tagħhom, ġew rieżaminati, b’mod partikolari fir-rigward tat-tindif u tad-diżinfezzjoni preliminari tal-istabbiliment affettwat. Għaldaqstant, id-durata ta’ dawk il-miżuri trid tiġi estiża. Għalhekk, jenħtieġ li ż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza għall-Ungerija, u bħala żona ta’ sorveljanza għas-Slovakkja jiġu ddefiniti kemm mil-lat ta’ spazju kif ukoll temporanjament, filwaqt li titqies l-iskeda ta’ żmien rieżaminata għal dawk il-miżuri, fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda mill-istabbiliment affettwat fl-Ungerija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru, lejn Stati Membri oħra jew lejn il-pajjiżi terzi. Jeħtieġ ukoll li tiġi pprovduta ċarezza fil-livell tal-Unjoni, billi jiġi adottat att legali tal-Unjoni, li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni eżatt ta’ dawk l-oqsma, kif ukoll dwar il-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom, sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil mhux ġustifikat tal-movimenti tal-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni, kif ukoll tal-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni jiġu rieżaminati malajr il-miżuri applikabbli fiż-żona ristretta għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer, li tinkludi ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fl-Ungerija, u ż-żona ta’ sorveljanza fis-Slovakkja, f’kollaborazzjoni ma’ dawk l-Istati Membri. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Ungerija u s-Slovakkja għandhom jistabbilixxu minnufih żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza fl-Ungerija, u żona ta’ sorveljanza fis-Slovakkja, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.
2. L-Ungerija u s-Slovakkja għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness; u li |
|
(b) |
l-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, jiġu applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness. |
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 titħassar.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija u lir-Repubblika Slovakka.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/496 tal-11 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija (ĠU L, 2025/496, 12.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/496/oj).
ANNESS
Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata
|
Pajjiż |
Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa |
Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza kif imsemmi fl-Artikolu 1 |
Data sa meta applikabbli |
|
L-Ungerija |
HU-FMD-2025-00001 |
Żona ta’ protezzjoni: Those parts of Hungary, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 47.745480, Long. 17.694840 |
30.4.2025 |
|
Żona ta’ sorveljanza: Those parts of Hungary, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 47.745480, Long. 17.694840, excluding the areas contained in the protection zone |
30.4.2025 |
||
|
Is-Slovakkja |
HU-FMD-2025-00001 |
Żona ta’ sorveljanza: In district Dunajská Streda: the municipalities of Medveďov, Sap, Baloň, Čiližská Radvaň and Kľúčovec. In district Komárno: the municipalities of Číčov, Trávnik and Klížska Nemá. |
30.4.2025 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/613/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)